Hemm min jgħid li min iżomm djarju jaf ikollu teorija tad-djarju. Jien ma nafx jekk għandix teorija tad-djarju. Jew forsi għandi, għax l-element konfessjonali tad-djarju dejjem ġibidni, minn meta kont tifel. Imma issa qisni ma rridx nibqa’ mwaħħal ma’ dak l-impuls biss — li jħares lura u jeqred. Avolja dawn huma karatteristiċi ċari fija u f’kitbieti. Inżomm djarju biex niddokumenta l-ispirtu ta’ ruħi, it-togħmiet li kapaċi (u li m’iniex kapaċi) intiegħem ta’ kuljum, it-taqbida li nħoss mas-sensi tiegħi hekk kif inħossni inkapaċi ngħix il-letteratura bil-mod li nixtieq għalkollox. Dik il-ħajta ta’ dissodisfazzjon hija għajn għall-kitba tiegħi. Mhux biss nostalġija, imma wkoll kilba, għafsa, għatx, xenqa, xewqa għal konnessjoni — inħoss li dawn huma l-affetti tal-kitba tiegħi. Tenerezza u fraġilità.