Qisek tkun mitluq fuq wiċċ l-oċean, tisma’ t-tkarwit ta’ qiegħ il-baħar f’widnejk, waqt li fuqek, bħal fl-1 ta’ Mejju 1999, disat ijiem qabel għeluq id-disa’ sena tiegħi, jets tan-NATO jtiru mid-direzzjoni tal-baħar bħal għasafar tal-passa sejrin lejn l-art. Il-fatt li ftakart dil-immaġni li kont ilni li nsejt waqt li qed nikteb dwar il-lingwa bħala mezz ta’ paċi u taqbid probabbli jgħid xi ħaġa dwari. Psikoloġikament ma jimpurtanix x’jgħid dwari. Lingwistikament juri li, meta nikteb, għandi bżonn nimxi fil-lingwa b’mod assoċjattiv, mingħajr ma nħossni li qed naħrab minn xi ħaġa jew li għandi nagħti prova ta’ xi ħaġa lil xi ħadd.