Fil-ħolma tiegħi, qiegħed quddiem televixin nara film tal-fantaxjenza. Ma nistax niftakar eżattament kif kienet l-istorja imma niftakar f’xena minnhom kien hemm ħafna rġiel libsin sdieri tal-ġilda sewda (mhux daqshekk differenti mill-istil ta’ Tom of Finland, li tant jirritani). Kien hemm ukoll żurżieqa triangulari kbira li tintefaħ bħal dawk ta’ meta konna tfal. Ladarba kont fuq nett, stajt jew taqbeż f’qasma li kien hemm fin-nofs bejn iż-żewġ żurżiqiet, jew inkella tiżżerżaq ’l isfel in-naħa l-oħra. Fil-qasma, l-ispazju huwa vast. Hemm irġiel ipejpu, jiċċettjaw, jitlajjaw. Tixbah il-qasma fil-kaktus enormi li minnha tidħol in-narratriċi f’Death Valley ta’ Melissa Broder, fejn tara verżjonijiet iżgħar fl-età ta’ żewġha u missierha. Konna qed naraw il-film fid-Dipartiment tal-Klassiċi fl-Università ta’ Malta fejn għamilt il-Baċellerat tiegħi. Il-bini kien razzett barra mill-kampus ħdejn parkeġġ. Ma kienx kompletament l-istess, fil-ħolma tiegħi, imma stajt ngħid li kienet verżjoni tar-razzett. Għal xi raġuni, kont ġibt il-bagalji tiegħi miegħi. F’ħolma li sseħħ qabel il-wiri tal-film, niftakar li kien hemm ħija, u konna mexjin xi mkien u kellu żewġ mobiles iżda wieħed minnhom kellu l-batterija baxxa. Inqum u nikteb lil S: Hi birthday boy. Ça va?