AR: يعتني DE: mach’s gut EN: take care FR: prends soin (de toi) IT: stammi bene
Raylene (09.02.2024)
Dan mhux xogħol ta’ traduzzjoni, imma ħsieb dwar frażi li tintuża spiss u bl-istess mod fl-Ingliż u fil-Malti, imma l-kliem użat jistà jkollu implikazzjonijiet differenti. Din l-aħħar sena meta nikteb email kont qed nispiċċaha bil-frażi “take care”, jew “ħu ħsieb”. Dan ġegħelni naħseb fid-distakk li hemm fit-tifsira taż-żewġ frażijiet. Fid-dinja Ingliża u dik tal-Punent, “to care” dejjem kienet distinta minn “thought” u “reason”. “Care” assoċjata ma’ emozzjonijiet, irtubija tal-qalb, femminilità — u mhux il-ħsieb, li dejjem kien meqjus rett, veritier u imparzjali, kif ħafna drabi huwa mfisser fil-Punent. Qisu l-Malti ma jagħmilx din id-distinzjoni radikali bejn il-ħsieb bħala ħsieb astratt u li tieħu ħsieb xi ħadd. Dan ukoll ġegħelni naħseb fil-kliem li l-Malti juża biex jitkellem fuq “reason”, bħal “razzjonalità” u “raġuni”, li ġejjin mit-Taljan. F’dan is-sens, il-kunċett ta’ razzjonalità ġie impurtat f’Malta mill-Punent. Mentri l-kelma “ħsieb” taqbad kemm is-sens ta’ “raġuni” kif ukoll is-sens li ġeneralment meqjus l-oppost tagħha: “care”. Kieku Derrida jieħu pjaċir, għaliex l-istess kelma (“ħsieb”) qed taqbad il-binarju raġuni/emozzjoni.
Kurt (09.02.2024)
Anki bl-Ingliż, “thoughtful” hija kelma li qed taqbad kemm “thought” kif ukoll “care”. Interessanti wkoll kif l-etimoloġija ta’ “care” ġejja mill-Ingliż Antik u l-Ġermaniż Antik, minn kliem li jirreferi għal “grief”, “lament”, “sorrow”, “anxiety”, “trouble”. Din l-assoċjazzjoni tgħinni nifhem iktar għala xi ħadd bħal Butler jibdew mis-sens ta’ telf (“loss”) u luttu biex jirriflettu dwar “care” b’mod iktar wiesa’.
Aphroconfuso (09.02.2024)
Fl-istorja ta’ Noah, “Ħsieb il-Ħamiema” f’dan il-ġurnal, il-ħamiema hija t-titfla, u t-titlu jfisser kemm li ommha u ħabibitha qed jieħdu ħsiebha, kif ukoll il-fatt li l-istorja tista’ tinqara qisha qiegħda sseħħ f’moħħ it-tifla u n-narrattiva hija fil-fatt il-ħsieb tagħha. Fis-sommarju bl-Ingliż biex inħajru t-tradutturi, it-titlu ġie tradott/spjegat bħala “Care(s) of the Dove”.
Omar (24.02.2025)
Ma nafx jekk hux il-każ li naħsbu ftit dwar l-istorja ta’ “ħu ħsieb” jew, kif nafha jien, “ħsiebek hemm” jew anki “moħħok hemm”. Tfaċċat qabel daħlet it-“take care” fil-Malti? Fit-tmeninijiet, ħafna nies kienu jistkerrhuha t-“take care” għax kienet tindika li qed timporta idjoma li hi barranija biex titkessaħ jew għax tridha tal-pulit. Kont nistħi ngħidha lil tad-dar, pereżempju. Lil min ngħiduha “ħu ħsieb”? Lill-ġenituri, jew għandha sorellanza oħra, partikolari? Ma nafx hux il-każ li naħsbu ftit ukoll dwar it-tifsira ta’ “ħsiebek hemm”. Jekk hix twissija li d-dinja hemm barra mhix post sabiħ, bħal logħba diġitali, mimlija ostakli u xkiel, u allura trid timxi bil-galbu, dejjem attent li ma tintlaqatx minn xi ostaklu ġej lejk. Jew jekk hix imperattiv, tfissirx “ħu ħsieb għax int tfisser ħafna għalija u nixtieq li tkun tajba u toqgħod attenta biex inkompli ngħożżok fit-tul”. Qatt iltqajtu ma’ kuntest ta’ użu fejn il-“ħu ħsieb” mhix użata lejk innifsek imma użata bħala tfakkira li trid tieħu ħsieb l-ieħor? Ħu ħsieb (lil ta’ madwarek)? Sabiħ ħafna li nfakkaru lil dawk li ngħożżu biex jieħdu ħsieb imma fejn tħallini lili li ngħidlek “ħu ħsieb”? Teħlisni mir-responsabbiltà li nieħu ħsiebek? Jew “ħu ħsieb għax se titlaq u allura mhux se tkun hawn biex nieħu ħsiebek jien”? Meta xi ħadd ikun għaddej minn perjodu diffiċli (mard jew mewt) ngħidu: “fi ħsiebi”. X’inhu dan il-ħsieb? Meta naħsbu f’xi ħadd huwa forma ta’ wens lejhom? Nitwennes jien meta nkun naf li qiegħed fi ħsiebek? Isabbarni l-ħsieb li int qed taħseb fija? Huwa aħjar, etikament u moralment isbaħ li taħseb fija milli tiġi ħdejja? Imma ngħidu “ħsibt fik” eżempju meta jkolli xi ħaġa u nħallilek biċċa, jew insajjar u nerfagħlek platt, jew inġiblek biċċa. Il-ħsieb hawn jaqbeż il-fruntiera tal-konjizzjoni u jsir att, azzjoni li biha int tqis lill-ieħor .