Ħsieb il-Ħamiema

Noah Fabri

Faqqgħet bħall-qniepen tal-knisja t-twerżiqa ta’ sajjetta tas-sirena tal-pulizija.

Maimouna kienet ilha tliet snin taħdem fil-ħanut ħdejn il-pont li jaqsam il-Ħamrun u l-Marsa. Kienet taf kull rokna u xkaffa, kull loġika organizzatorja, u kull bidla li kienet saret fuq il-post. L-irwejjaħ tal-ħitan ma baqgħetx ixxommhom, ix-xufiera li kienu jġibu l-konsenji saret tafhom sew, il-klijenti, sintendi, saru qishom tal-familja, qalb it-tibdil u ċ-ċaqliq tan-nies, u l-kollegi waslu u telqu bħall-għasafar tal-passa. Xorta rnexxielha żżomm ċertu distanza mentali mill-imgħallem u l-ħajja tal-ħanut; minkejja li kienet tħobb taħdem, dan l-aħħar l-idea tax-xogħol innifisha kienet qed taraha velenu tal-moħħ.

Maimouna kienet l-unika impjegata full-time tal-ħanut, imma l-imgħallem dejjem kien jimpjega lil xi ħadd għal ftit sigħat fil-ġimgħa biex jagħti nofstanhar off lil Maimouna, peress li kienet tidħollu s-Sibt ukoll. Bħalissa l-kollega tagħha kienet tfajla ta’ dsatax-il sena, tiġi minn ġara tal-imgħallem, u li, kif fehmet Maimouna, kienet toqgħod il-Marsa wara l-iskola, m’ommha. Maimouna kienet tammira l-kunfidenza u l-preżenza tagħha tiddomina l-ispazju tal-ħanut; leħinha jgħajjat kien jippenetra kull rokna. Kienet tqatta’ ġurnata ċċempel lil sħabha u xorta tlaħħaq tagħmel xogħolha sew. Il-ħanut qatt ma seta’ jsib mument kwiet meta kien ikun hemm hi, iddur bla paċenzja, bil-leggings griżi u l-flokk iswed jaqbel ma’ xagħarha. Ħarsitha kont tistħajjilha dejjem qed tmerik, imma fl-istess ħin, xħin tkellimha, il-fattizzi kienu jingħafsu, donnok qed tħawdilha s-sistema li kellha f’moħħha ta’ kif kellhom jaħdmu l-affarijiet. Meta Amy kienet tidħol tibdlilha x-shift, Maimouna kienet issib ruħha tiċċassa lejn ix-xedaq twil bl-għadam dritt fuq il-geddum ċatt. Wiċċha, irqiq u daqsxejn imżelleġ bil-fdalijiet tal-ponot taż-żgħożija, kienet taħbih wara nuċċali oħxon.

Bħalissa Maimouna kienet qed tippakkja l-basket biex titlaq. Bħal-lum kienet titlaq daqsxejn kmieni mill-ħanut, tiġbor mill-iskola lil Gabrielle, it-tifla ta’ ħabibitha, u teħodha għal logħba futbol qabel ma jerħulha lejn id-dar. Amy kienet diġà bdiet ix-shift; kienet fuq wara tal-ħanut tibgħat messaġġ lil xi ħadd. Daħal wieħed b’pakkett ilma, ra x-xbieha ta’ Amy qalb l-ixkafef fuq wara, u qalilha, “Ej. Ejja.

Daret sparata lejh. “U ħaqq Alla għadni dieħla, qed nibgħat! Ejja? X’jiġifieri, ejja? Ħaqq għoxx il-Madonna, mela hekk tkellimhom in-nies? Ejja, ħa ngħidlek jien ejja — ħa, ħudu, tqażżiżlix għoxxi. L-ieħor, ġej bl-ejja ’l hawn! Ħa, ħudhom; ħaqq Alla żommhom; itlaqli ’l hemm! Ċaw. Qażżiżtli għoxxi, ’qas ilu sentejn għandi u qażżiżthuli. Ħudhom, itlaq ’l hemm!” Sabbtet il-cash u xenglet rasha. It-tentufiet joqomsu mil-lixxatura bexbxu fid-dawl bajdani, u Maimouna dendlet il-basket vjola ma’ spallitha, daqsxejn mifxula, avolja kienet drat id-dagħdigħat ta’ Amy. Fuq kollox, f’dan il-każ, kellha raġun. Ir-raġel kien prova jdeffes xi kelma imma l-monologu ta’ Amy ma tahx nifs.

Xi siegħa wara, biż-żerniq kmieni ta’ Marzu jlebleb il-blu fuq kull wiċċ, Maimouna u ċ-ċkejkna Gabrielle kienu mixjin lejn id-dar, jiċċelebraw ir-rebħa glorjuża ta’ dakinhar waqt il-logħob tal-futbol ta’ nhar ta’ Ħamis.

Tifla ta’ xi għaxar snin għaddiet bil-ġirja b’xirja m’għand il-ħanut tal-pjazza, it-toppu jperper kontra r-raġġi tax-xemx. Ġappuniż b’xagħru sufi, qisu għadu kif ħaslu, qasam it-triq maġenb il-pont. Mal-kantuniera l-oħra, quddiem il-ħsejjes tal-mużika jfuru mill-ħanut daqs nitfa, il-ġara ta’ Maimouna mxiet bit-tfal fil-pram. Kellha libsa twila u pulita, griża, tal-polyester, kemxejn lasktuża, imqabbla ma’ ħiġab roża, b’handbag tal-istess kulur imdendel mal-manku tal-pram. Maimouna ppruvat tinkoraġġixxi lil Gabi ssellem lit-tewmin, imma Gabi kienet qed tiffoka fuq il-frilli ħerġin mill-velu oranġjo ta’ mara miexja bl-iskossi quddiem l-għassa. Sellmilha raġel twil b’wiċċu mkemmex, it-turban jaqbad id-dawl ta’ kmieni filgħaxija hu u jżomm id it-tifla tiegħu; Gabi u t-tifla eżaminaw lil xulxin minn naħa għall-oħra tat-triq, b’ħars suspettuż.

Minkejja l-attività tbaqbaq fit-triq, dal-ħin xorta kien jaqa’ l-kwiet, u stajt tisma’ sew id-daħq taħt l-ilsien; il-waqfien inħass donnu borma qed ittektek. Il-bankijiet kull kulur, jiffurmaw passaġġ lejn il-ġnien, assorbew l-irwejjaħ tal-ikel jinqela fit-trakk m’ogħla sular ipparkjat ħdejn il-vann tal-ħaxix, hekk kif il-wiżżiet bdew iqumu min-nagħsa u jfittxu ż-żgħar tagħhom.

Quddiem l-Arsenal Social Football Club, raġel bil-qmis iċċangjata kien qed ilegleg l-ilma minn flixkun taż-żewġ litri, ipejjep bejn il-boqqiet. B’vuċi maħnuqa kellem lil sieħbu, irqiq imma b’wiċċu u spallejh mimlijin, liebes beritta bil-marka tal-Gucci, li wieġbu b’leħen ta’ flawt. Fl-aħħar ftit xhur, Maimouna kienet għaqqdet tim tal-futbol ma’ tliet nisa Eritreani u tfajjel Libjan. Dan tal-aħħar kien inzertahom darba minnhom, u pprefera jilgħab magħhom milli ma’ sieħbu. Gabi tgħidx kemm kienet saret tieħu gost tilgħab bil-ballun fuq it-turf artifiċjali. Maimouna ftakret f’wiċċ ħabibitha l-Eritreana; kellha suspett li t-talija kienet qed tinġibed lejha. Tant l-aħjar, għax minn dejjem ratha ħelwa, u jekk kellha ħila waħda Maimouna kienet li ma tiddejjaqx togħdos u tesperimenta b’avventuri ġodda, tmur fejn l-emozzjonijiet riduha tmur.

Tfaċċa l-ħanut ta’ Simon, u fuqu, l-appartament fejn kienu joqogħdu Maimouna, ħabibitha Nathalie, u ż-żgħira, bil-ħitan kulur il-karamell u l-bieb ileqq. Maimouna ħarset lejn Gabi tiċċassa lejn l-art; wissietha biex iżżomm ħarsitha ’l fuq, imma Gabi kienet mitlufa teżamina t-tazzi tal-karti mgħaffġin, il-qxur tal-mandolin, it-tissues u s-sigaretti mormija, u d-dbabar tal-ħara tal-ħamiem ikaħħlu l-weraq nexfin mal-bankina mxaqqa. Maimouna reġgħet insistitilha biex tħares ’il fuq, ara dik id-dar bil-pjanta sabiħa mal-faċċata, u Gabi ħarset bla interess lejn id-dar fil-kantuniera, in-naħa l-oħra tat-triq tal-appartament tagħhom, tidher qisha dar rurali Franċiża b’żewġ siġriet jikbru ġo xulxin ixebilku mal-faċċata, ifewħu l-ħitan bojod bil-fjuri roża u sofor jistaħbew qalb il-weraq.

Quddiem il-ħanut ta’ Simon kien hemm żewġ kaxxi taċ-Cisk, u fihom irbombja l-eku tal-konverżazzjoni għand il-mekkanik. Raġel bil-vuċi ta’ mara kien qed iparla ma’ żewġ ħaddiema, bil-flokkijiet suwed u xi naqra daqna li bdiet tibjad, jaħslu BMW. Bejniethom intefgħet Eritreana, twila u mibnija, tixrob il-kafè minn tazza tal-karti u tkompli mal-oħrajn bit-Taljan. Fl-aħħar, Maimouna u Gabi waslu d-dar.

Nathalie qabadha ġuħ ta’ bagħal fl-aħħar siegħa tax-shift, u qabdet tal-linja sparata mill-Fgura lura għall-Marsa biex tilħaq issaħħan ir-ross tal-ġurnata ta’ qabel. Id-dlam kristall kien diġà waqa’ meta niżlet mill-istage quddiem il-ġnien bil-funtana titmermer, qasmet it-triq mal-lights li jdumu seklu biex jaqilbu, u mxiet mill-ġnejna tal-wiżż sakemm waslet id-dar. Ħdejn tal-ħaxix laqtitha r-riħa ta’ ħobż maħruq; Simon, il-proprjetarju, kien qed ipejjep sigarett ma’ tnejn minn sħabu, waqt li t-tifla tiegħu ta’ seba’ snin qagħdet tesperimenta bil-cash. Id-dawl tat-tubu leqq fuq il-laned tal-couscous u r-ross, tal-faqqiegħ, tal-egusi lest, u tal-patè tal-karawett, kollox jinnamra mar-riħa tal-laħam tal-mogħoż tfur mill-freezer. Nathalie ma sellmitlux; qabdet iċ-ċavetta bil-keychain ta’ Barney u telgħet it-taraġ umduż sakemm fetħet il-bieb tat-tieni sular.

It-tapit bid-drapp oħxon kien ifewwaħ id-dar kollha bir-riħa ta’ stefanotis. Xħin daħlet u neħħiet iż-żarbun mingħajr ma tbaxxiet mill-irkoppa, Nathalie xegħlet id-dawl tal-linfa l-antika, dawl kafellatte li jħeddlek, u nnutat il-gverta mifruxa mas-sufan l-antik tal-ġilda quddiem it-televixin. L-appartament kien mimli tiżjin u memorji: il-kotba wieħed fuq l-ieħor kienu mxebilka mal-ħajt, ftit xkafef b’xi ġojjelli tal-familja kienu sparpaljati f’postijiet differenti, u l-ġugarelli tat-tifla kienu mifruxin ’l hemm u ’l hawn. Nathalie qabdet pupu tal-Playmobil, ta’ pulizija b’daħqa suspettuża fuq wiċċu, u ħallietu fuq il-komodina fejn kienu jżommu l-kontijiet.

Daħlet fil-kċina tleqq, bir-riħa tal-iSgrassatore li kienet tħobb tuża Maimouna kull darba wara li ssajjar għadha fl-arja, u għaddiet minn taħt l-arkata miksija bl-injam kulur iċ-ċikkulata. Fi skutella fuq il-mejda, mgħottija b’biċċa plastik taparsi gingam abjad u aħmar, poġġiet lumija u żewġ bananiet li kienet xtrat m’għand vann ħdejn l-HSBC fejn kienet taħdem. Il-fatt li kien għadu qed jidlam kmieni niggiżha daqsxejn; fetħet il-friġġ u sabet il-pyrex mimli ross u z-zalza taċ-ċanga li kienet ħawret il-ġurnata ta’ qabel, il-Ħadd, u tefgħethom fil-microwave.

Id-dawl tal-kċina deher daqsxejn iktar safrani minn tas-salott, imma Nathalie kienet tippreferi tixgħel il-lampa ta’ fuq il-mejda, li kienet tkattar dawl iktar atmosferiku minn wara l-ħġieġ iddisinjat. L-għamara fil-kċina kienet tal-injam tal-balluta. Ħaslet l-imgħarfa tal-plastik li kienet ħadet ix-xogħol u tektkitha tnejn mas-sink tal-metall. Il-kwiet imtedd barra t-tieqa waqt li r-riħa taz-zalza mimlija tewm u dadi tal-brodu bdiet tfur mill-microwave. Il-bott l-aħmar tal-melħ kien l-ikbar kontenitur fuq il-bank tal-kċina; apparti minnu, Nathalie kienet iżżomm il-kunserva, iz-zokkor u ż-żejt fuq tray fuq il-wiċċ kulur il-qoxra ta’ fekruna.

Ħarġet għal nifs fil-gallarija; ressqet il-purtiera ta’ kontra l-insetti, u għalqet il-horse li kien qed jokkupa kważi l-ispazju kollu. Fuq siġġu tal-baħar kien hemm basket tal-Lidl mimli ħwejjeġ għall-ħasil: il-magna tal-ħasil kienet imrekkna f’kantuniera taħt xkaffa b’xi għodda tistaġna fid-dawl kafellatte u umduż, u sakemm ma kinitx xita kienu jħallu l-ħwejjeġ għall-ħasla fil-gallarija. Żewġ tankijiet ħodor tal-gass żgumbraw il-katusa tad-drenaġġ fir-rokna. Il-madum tal-gallarija kien impossibbli tnaddfu sew, u minħabba f’hekk Nathalie ma tantx kienet tqatta’ ħin hemm barra.

Daqq il-microwave; daħlet ġewwa għar-riħa tiftħilha mnifsejha u tfakkarha f’ommha, u eżatt qabel ma fetħet il-bieba ġieha mument ta’ ħlewwa ta’ qalb meta ddubitat bis-serjetà jekk it-tifla qattx kienet se tiltaqa’ ma’ nannitha.

Nathalie u Maimouna kienu ltaqgħu Ouagadougou meta kienu għadhom tfajliet. Missier Nathalie kien jaħdem mal-gvern, u hi trabbiet f’maisonette mdaqqas, l-armarju mimli porċellana, missierha jġib il-ħelu wara x-xogħol u ħutha jagħmlu x-xogħol tal-iskola waqt li hi taparsi tgħin lil ommha fil-kċina kulur l-għeneb. L-imħabba ta’ bejnha u bejn ommha kienet toħroġ iktar fit-tisjir milli fil-kliem.

Meta kienet żgħira, Nathalie xtaqet issir attriċi; kien jaffaxxinaha ċ-ċinema. Meta kienet bdiet titfarfar iffissat fil-films ta’ Djibril Diop Mambéty u Idrissa Ouédraogo, imbagħad fil-films Franċiżi. Imbagħad bdiet taqra l-kotba tal-istudji u l-analiżi kritika ċinematografika, li kienet issibhom jew użati jew fuq PDF. Bdiet tistudja l-letteratura Franċiża l-università, bl-għan li tibda taħdem u tinvolvi ruħha fl-industrija tal-films u l-avvenimenti kollha li kienu jsiru f’Ouagadougou. Kellha tibda u twaqqaf il-kors diversi drabi minħabba l-inċertezza politika tal-ewwel ftit snin tad-deċennju li għadda, sakemm fl-aħħar ma felħitx iktar u ddeċidiet li temigra. Sadanittant kienet saret ħbieb ma’ Maimouna, li kienet marret tgħix Ouagadougou biex tmantni l-familja tagħha, u ddeċidew li jitilqu flimkien.

Maimouna twieldet fil-Kosta tal-Ivorju minn ġenituri Burkinabè. F’Abidjan familtha kellha ristorant, u wara l-kolp ta’ stat tal-2002, lejl minnhom xi ħadd tah in-nar; kellhom jerġgħu jirritornaw il-Burkina Faso u jibdew ħajjithom mill-ġdid fil-villaġġ fit-Tramuntana minn fejn kienu joriġinaw. Il-komunità tal-villaġġ ma tantx laqgħethom, bħalma ġara lil ħafna gruppi ta’ nies li ġew lura mill-Kosta tal-Ivorju; iżda xorta kienu sabu mod kif jieħdu sehem f’komunità magħquda u fl-istess ħin mimlija tensjonijiet. Ta’ sittax-il sena Maimouna telqet għal Ouagadougou, u bl-għajnuna ta’ xi ħbieb, bdiet tibni dar fil-parti tal-belt non-loti, fejn kulħadd kien jibni u jmantni d-dar tiegħu b’li jsib. Wara sentejn tipprova taqla’ xi ħaġa u tibda l-proċess biex l-istat jirrikonoxxilha l-post, tilfet darha f’serje ta’ skemi u soppa ta’ taħwid burokratiku li fiha daħlu dipartiment wara l-ieħor tal-gvern, il-ġirien, u xi kumpaniji privati.

Hi u Nathalie kienu saru ħbieb jitkellmu dwar l-ikel u t-tisjir tal-ġenituri, waħda m’ommha fil-kċina l-vjola u l-oħra ma’ missierha fir-ristorant mitluf. Wara li Maimouna tilfet id-dar, Nathalie laqgħetha għand ommha għal ftit xhur, sakemm it-tnejn li huma ddeċidew li jitilqu lejn Franza. Irnexxielhom jaqbdu ajruplan għal Pariġi ftit ġranet qabel l-elezzjoni li tilef Blaise Compaoré u li minħabba fiha missier Nathalie tilef xogħlu — sakemm reġa’ kiseb il-kariga xi sitt xhur wara, wara kelmtejn ma’ ministru ’l hemm u uffiċjal ’l hawn.

Qattgħu sena Pariġi, bilkemm ilaħħqu mal-kera. Nathalie bdiet relazzjoni ma’ artist mill-Marokk; dan kien beda negozju biex ibigħ it-tejiet li kien iħawwar hu fil-qsari tal-gallarija tiegħu fiha daqs żbiba. Għall-ewwel marru tajjeb, imbagħad, wara li kienet ilha tliet xhur tqila bit-tifla, qalilha li ma setax ikompli, u minkejja l-ħlewwa ta’ kliemu u l-isforz li għamel biex jispjega l-emozzjonijiet tiegħu, Nathalie ma setgħetx taħfirlu l-biżamir-responsabbiltà li kien urieha. Maimouna għenitha kemm setgħet lil Nathalie fl-aħħar xhur tat-tqala; Nathalie xtaqet trabbi t-tifla waħedha kważi bħala sfida lejn soċjetà li ratha toffri l-impunità lill-irġiel li jirnexxilhom jaħarbu minn dmirijiethom mingħajr ebda konsegwenza. F’dawk ix-xhur iż-żewġt iħbieb faqqsu l-pjan biex jinżlu Malta, fejn finanzjarjament żgur setgħu jaffordjaw ħajja aħjar. Issa kienu ilhom hawn sitt snin, daqs it-tifla, Gabrielle. Xi sentejn ilu fl-aħħar issetiljaw fl-appartament tal-Marsa. Nathalie kisbet ċertu stabbiltà bix-xogħol il-bank, u Maimouna b’li ssib.

Nathalie xegħlet it-televixin u qabbdet il-laptop; poġġiet fuq is-sufan li laqa’ l-figura pulita u mimlija tagħha, bil-malji miżbugħin vjola mdawrin ma’ rasha. Fittxet film biex tarah dik il-lejla, forsi mat-tifla. Ħasbet fix-xita li kienet għamlet il-ġurnata ta’ qabel, u ftakret f’Les Parapluies de Cherbourg. It-tektik tal-qtar tal-ilma mat-tieqa tal-uffiċċju fakkarha f’Pariġi għal mument maħlul. Ma kellhiex trawmi mill-esperjenza tagħha; kienet tirraġuna li l-ħajja hi li hi, u bħalissa kienet kuntenta, bir-ross u z-zalza fuq il-platt tal-plastik imtebba’ bil-kafè, bil-film lest ħa jibda, u bid-dawl safrani tal-kċina jteftef iż-żiffa ta’ Marzu dieħla minn barra.

Ma tantx laħqet kielet meta, minn wara l-bieb, semgħet ġejjin il-passi tal-ħamiema tagħha, kif dal-aħħar bdiet issejħilha lit-tifla. Tbissmet xħin daħlu Maimouna u Gabi; mill-ewwel bdew jgħajtu, it-tnejn li huma, jirrakkuntawlha kif Gabi kienet tat xutt tajjeb u skurjatlu lit-tifel. Nathalie poġġiet il-platt fuq is-sufan u qabdet lil bintha, neħħitilha ż-żarbun u staqsietha riditx tbiddel waħedha llum, la kienet kbira biżżejjed biex tiskorja. Gabi għorkot imneħirha u xenglet rasha biex tfisser le, waqt li ħarset, makakka, f’għajnejn ommha. Maimouna offriet li tbiddlilha hi, imma Nathalie qaltilha tistrieħ u ssaħħan l-ikel għaliha nnifisha, waqt li hi u Gabi daħlu fil-kamra tas-sodda.

B’xagħarha qasir imqanfed fuq rasha, u għajnejha rqaq jaqblu ma’ xufftejha donnhom ta’ raġel, Maimouna daħlet fil-kċina u ħasset l-għaraq kiesaħ taħt il-hoodie. Xegħlet il-geyser mill-plakka fuq il-magna tal-ħasil u fetħet il-friġġ ħa tara x’mirakli ħa ssib. Ikkunsidrat tħawwad bajda mħabbta b’daqsxejn basal ħalli mhux dejjem tiddependi fuq it-tisjir ta’ ħabibitha, imma r-riħa togħrok mal-kċina ttantatha, u waqgħet għar-ross ta’ Nathalie. Ħadet nifs biex tiġi f’tagħha wara t-tromba ta’ entużjażmu tat-tifla; Maimouna kienet tiggustaha wisq, kaxxa ġenn. Waqfet ħamiema fil-gallarija, bil-ġwienaħ ifaqqgħu bis-saħħa mal-wajers tad-dawl. Maimouna peċpċet għajnejha biex tħares lejn is-salott u l-kastell tal-Playmobil żarmat fil-kantuniera; il-ġugarell kienet tathulhom sidt il-kera meta kienet qed tiżbarazza d-dar fejn rabbiet lit-tifel tagħha.

L-appartament kien jiswielhom seba’ mija u ħamsin fix-xahar, u s’issa darba biss kien għola l-prezz. Maimouna ħarset madwarha, tinnota t-tifkiriet u l-irqajja’ trab partikolari għalihom; kienet tispera li ma jiġri xejn li jġegħelhom jitilqu minn hawn. Hawnhekk kienet trabbiet Gabrielle u għaliha din kienet fortizza li ma setgħet tikkrolla qatt.

Xħin Maimouna daħlet fis-salott bil-platt, rat il-film imwaqqaf fl-ewwel minuta; ħarġu Gabi — il-ħamiema ċ-ċkejkna, bil-piġama ta’ Scooby Doo — u Nathalie, b’t-shirt twil, diġà lesta għall-irqad. Maimouna evitat li tħares lejn ħabibitha waqt li Nathalie bdiet il-film, reġgħet qabdet il-platt u staqsiet lil Maimouna dwar il-ġurnata tagħha. Il-ħamiema bil-piġama fetħet għajnejha kbar biex tassorbi l-film, u fl-istess mument il-ħamiema bil-ġwienaħ kbar taret mill-gallarija. Maimouna bdiet tirrakkonta.

Ir-rebbiegħa welldet inkwiet ġdid f’moħħ iċ-ċkejkna Gabrielle; għall-ewwel darba bdiet tagħraf il-lingwi differenti li trabbiet bihom. Qabel, mingħajr ma taħseb, kienet tuża l-Malti ma’ sħabha tal-iskola, u taħlita ta’ Mooré u Franċiż m’ommha u z-zija (kif kienet issejjaħ lil Maimouna). Issa kienet bdiet titħawwad, ma tafx b’liema lingwa ħa tindirizza lin-nies tal-ħwienet, għax Nathalie kienet bdiet tibgħatha tixtri. Meta xi ħadd ikellimha bl-Ingliż kienet tlaqlaq u tgedwed u tinħaraq. Bdiet tipprova tuża lingwa waħda għal sentenza waħda imma ndunat li kienet qed taħseb b’taħlita ta’ lingwi u ma’ kull kelma kienet tassoċja maġija sħiħa ta’ kreaturi. Pereżempju, il-kelma “siġra” kienet tistħajjilha anġlu ħelu b’xagħru lixx jixxeblek f’foresta; il-kelma “arbre” kienet ġgant poġġut fuq potty jipprova jaħra u ma jirnexxilux. Gabi ma riedet titlef ebda ħsieb fit-traduzzjoni meta tikkomunika. Imma aktar ma bdew jgħaddu x-xhur, aktar beda jiġri hekk, u l-maġija u l-kreaturi kollha mistoħbija wara kull kelma bdew jgħibulha.

Is-saqaf bil-pannelli donnhom tal-asbestos kattar dawl kulur il-begonja tul il-wisatal-ħanut. Mejju ġab miegħu żiffa friska, ittaffi s-sħana fuq il-ġilda. Maimouna ħaslet idejha fis-sink iż-żgħir fir-rokna wara gozz ħelu u cereal bars, u qattret l-ilma, bil-ħoss ta’ tanbur, fuq l-istainless steel imtebba’ iswed wara snin ta’ użu. Rasha ħassitha tqila xħin daret tkompli ssegwi l-aħbarijiet; kien għad fadlilha ħames sigħat xogħol, u għal xi raġuni llum il-ħin kien donnu qed idum wisq, jitkebbeb u jiġġebbed qalb il-laned tal-polpa u tal-qlub tal-qaqoċċ, jogħrok il-pakketti tal-lewż mitħun u d-detergents. Fis-skiet Maimouna ħasset l-oġġetti stivati fuq l-ixkafef jiġġudikawha u riedet theddidhom. Ħadet nifs — il-ħedla ta’ waranofsinhar kienet qed tagħmel biha. Ir-riħa tal-essenza tal-lumi baqgħet fuq subgħajha. Serrħet daharha mal-ħajt, taħt xkaffa Pocket Coffee, u ċċassat lejn il-geġwiġija ta’ kaxxi u fliexken tal-ilma. L-għodwa kienet tgħaddi malajr; l-ixkafef kienu jispiċċaw imħarbtin, kienet tgħid kelmtejn ma’ min jiġi ta’ kuljum, tittanta ’l xi raġel mingħajr ma tħallih jissuspetta, u terġa’ tistokkja; xi drabi kien jgħaddi l-imgħallem b’xi konsenja detergent, ikellem lill-aġenti bil-katalgi laminati u l-biros fid-djarji. Imbagħad, għal nofsinhar, kulħadd kien imur jiekol. Forsi jinżel xi ħadd għal xi bott kunserva li jkun nesa. Imma bejn is-sagħtejn u l-erbgħa, speċjalment f’dis-sħana, fil-ħanut kien jaqa’ l-kwiet.

F’dawn is-sigħat tal-ħolm Maimouna lanqas kien ikollha aptit taħseb. Madankollu, ċertu ideat kienu qed jiffurmaw ruħhom mat-tgedwid tal-friġġ, u l-karozzi jqaxxru t-tajers mat-triq, u l-għajjat joqmos bejn il-palmi u l-ironmonger il-ġar. Maimouna ntefgħet toħlom. Kienet saret taf li waħda mill-ħbieb tal-futbol kienet daħlet xufier tal-linja. It-taħriġ sabitu faċli, u s-sigħat ivarjaw kienu jaqblu mal-istil ta’ ħajja tagħha. Maimouna iktar u iktar bdiet titħajjar tidħol hi wkoll, imma xtaqet iżżomm ir-rutina ta’ filgħodu ħalli tkun tista’ tibqa’ tiekol ma’ Nathalie u tgħinha b’Gabrielle. It-tnejn li huma kienu jagħmluha tal-omm għaż-żgħira; meta waħda kellha bżonn tistrieħ, l-oħra kienet tieħu postha. Minn mindu kienet għadha tarbija kienu draw dan il-metodu, u kien serviehom biex it-tnejn ikunu jistgħu jibqgħu jiffukaw fuq il-bżonnijiet tagħhom infushom.

Ġieli Maimouna kien ibeżbiżha l-ħsieb li, aktar ma tikber it-tifla, aktar kienet se toqrob lejn ommha u inqas tagħti kas tagħha, imma rrispondiet lil moħħha li hekk kellu jkun. Hi u Nathalie kienu ilhom inseparabbli kważi għaxar snin; tant kienu jafu lil xulxin sew li setgħu jqattgħu s-sigħat bla ma jlissnu kelma, u xorta jkunu jafu l-oħra x’qed taħseb. Madankollu, Maimouna ħasset li fl-aħħar ftit xhur dan is-silenzju komdu kien ħa xeħta ġdida. Donnhom ma tantx kienu għadhom jiftħu qalbhom ma’ xulxin bħalma kienu jagħmlu qabel, jaqsmu sal-inqas dettall banali tal-ġurnata tagħhom. Maimouna kienet waqfet tirrakkuntalha dwar in-nisa li jogħġbuha; dwar ħabibitha tal-futbol, li magħha ma kien żviluppa xejn, ftit li xejn kienet semmitilha. Aktar minn hekk, ħasset li Nathalie kienet qed tagħmel l-istess, jew tant kienet issetiljat f’ħajjitha li ma kienx għad kellha problemi x’taqsam; possibbli? Jew hekk, jew ma kellhiex l-enerġija tiffurmahom fi kliem. Is-sajf kollox kien joqtol, il-ħaxix, il-ġilda, il-ħsieb u l-aptit.

Dak iż-żmien li kienet saret taf lil Nathalie, Maimouna kienet qed tipprova tibni dar fil-periferija ta’ Ouagadougou, bl-għajnuna tal-ġirien li, waqt li għenuha tisraq id-dawl mill-wajers viċin taż-żona allokata għall-bini, dejjem maqdruha bħala barranija fil-komunità tagħhom. Kellha tlett iħbieb iżommuha f’wiċċ l-ilma, imma dak iż-żmien kulħadd kien jisparixxi fl-attiviżmu, f’xi armata, jew jipprova jdabbar rasu ’l hemm mill-pajjiż. Qalb it-toroq ramlin u r-ringieli eterni ta’ kaxxi sienna — ħafna minn dawn id-djar jistennew li jingħataw il-permess uffiċjali li jirrikonoxxi l-eżistenza tagħhom, jew jintużaw bħala spekulazzjoni f’isem xi negozjant — Maimouna dejjem stħajlitha ħuta barra mill-ilma, barranija f’pajjiżha stess. Hi u Nathalie qablu fuq dan is-sentiment; biex jitkellmu kienu jħawdu bejn il-Mooré, il-Franċiż, u xi djaletti oħra tar-reġjuni li l-familji tagħhom kienu missew magħhom. Barra minn hekk, Maimouna kienet assorbiet ukoll il-kliem tat-triq ta’ Abidjan. Fil-Kosta tal-Ivorju kienet barranija żgur, minkejja li twieldet hemm, imma, kif jiġri, kienet ħadet xi kliem magħha lura l-Burkina, fejn dawk il-kelmiet kienu jimmarkawha ta’ barranija wkoll.

Għalhekk, għal Maimouna, il-lingwa kienet isserrep u tiġġerra fit-toroq ta’ kwalunkwe belt li tinsab fiha, tipparteċipa fid-differenzi li, suppost, tal-ġenerazzjoni tagħha kienu nsew. Nathalie kienet waħda mill-ftit nies, forsi minħabba li kienet, fil-verità, daqsxejn naïve u mrobbija bil-privileġġi tal-klassi tan-nofs, li ġenwinament ma kinitx tat kas, hi u ssir taf lil Maimouna, dwar reliġjon, jew affiljazzjoni politika, jew kliem Nouchi. Maimouna, min-naħa tagħha, ħasset li kellha bżonn tgħallem lil Nathalie iktar dwar il-ħajja tat-triq. Għal Nathalie, il-moviment Balai Citoyen kien il-futur tal-pajjiż; Maimouna — minkejja li kienet tirrispetta r-rwol tad-diżubbidjenza ċivili, u tbellhet b’kemm il-mużika u l-arti setgħu jgħaqqdu n-nies warajhom u jqajmuhom fuq saqajhom kontra sistema mmuffata — minn dejjem ħassitha inċerta dwar il-moviment. Filwaqt li kien ifaħħar l-ispirtu rivoluzzjonarju ta’ Sankara, il-Balai Citoyen deher komdu jaħdem mas-sistema u mal-pupazzi ta’ ambaxxaturi li baqgħu jeżerċitaw il-poter Ewropew fuq il-pajjiż. Nathalie kienet tmur il-protesti studenteski; Maimouna, li kellha mitt elf raġuni iktar biex tmur, kienet tipprova tieħu ħsieb id-dar tagħha, tispera li ma tersaqx lejha l-Ebola, u tgħodd il-minuti sakemm il-prezz ta’ vażett butir tal-karawett jew kaxxa dadi tal-Maggi jogħla biżżejjed biex jibgħatha tkisser u mhux kemm tpoġġi bħal tiġieġa quddiem xi ministeru.

Dak il-ħin, fuq l-aħbarijiet li kienet qed issegwi, kienu qed jiddiskutu l-għoli tal-ħajja, li bħal kullimkien baqa’ sejjer għall-agħar. Hawnhekk, il-ħanut, l-imgħallem stess kien qalilha li sal-aħħar tas-sena d-dieħla, xħin jibdew jinħassu r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija, l-ixkafef kienu se jispiċċaw nofshom vojta, u l-ħtiġijiet bażiċi kienu se jogħlew għal prezzijiet straordinarji. L-Ingliżi diġà kienu spiċċaw bla fjuwil. Maimouna xammet ir-riħa ta’ torta tissajjar f’xi forn xi mkien fit-triq, bil-bajd jingħaqad mal-irkotta, tiżfen ma’ riħa oħra tas-sagħtar u l-inbid jinqlew mal-majjal.

Għamlet ftit kuraġġ għax għall-inqas għalissa kellha xogħol stabbli; ftakret f’kemm-il darba kienet kważi spiċċat b’xejn kieku ma kienx għal Nathalie, u minkejja li kienet għajiet il-ħanut, ħasbet li aħjar ma tivvintax avventuri għalissa u, għal ġieħha, kif ukoll għal ġieħ Nathalie u Gabi, iżżomm mal-ankra li kellha. Dan kien mod ta’ ħsieb pjuttost ġdid għal Maimouna, li s-soltu kienet tiggranfa ma’ kull opportunità ġdida bħal qattusa tikkaċċja d-dubbien, imma kienet taf li l-kuntentizza tat-tifla kienet ibbażata fuq l-illużjoni li hi u ommha setgħu jipprovdulha u jiksbulha d-dinja kollha. B’hekk, bl-inċertezza tal-aħħar sentejn, li dehret donnha ħa tibqa’ piż fuq spallet il-ġenerazzjoni tagħha sa mewthom, ħasbet li aħjar ma tissugrax perjodu ta’ żmien b’xogħol inċert, probation, u sfruttament għax ġdida u naïve, u b’ta’ fuqha jagħmlu biha li jridu.

Fl-istess ħin, ix-xewqa biex tbiddel xogħolha wara daż-żmien kollu taħdem fil-ħanut bdiet tniggiżha iktar u iktar dan l-aħħar. Il-maġija tal-avventura qatt ma kienet telqitha; dejjem għamlet l-aħjar li setgħet biex il-lumi u ż-żbub tal-ħajja, għall-inqas, tipprova tagħsarhom hi, mhux tagħsarhomlha xi istituzzjoni jew oħra. Issa kienet tgħallmet li l-libertà kienet fil-verità l-immaġinazzjoni tal-libertà, meta tagħmel paċi mal-fatt li qed tagħmel dak li qed tagħmel għax trid hi; ġieli din is-sensazzjoni kienet tirrifletti r-realtà, ġieli le.

Is-sajf rewwaħ sħana bla nifs madwar it-toroq. Fid-dellijiet qosra tal-bini mifruxin mat-triq, instema’ radju wara bieb itextex il-mużika tas-sittinijiet. Nathalie qabdet id Gabi u bdiet iżżeffinhielha. Kienet għadha kif ġabritha mill-iSkolasajf, u kienu qed jimxu bil-mod lejn id-dar. Nathalie rranġat il-cornrows vjola u ġabrithom sew bil-furfiċetti wara rasha. Kellha nofstanhar leave dakinhar, u b’hekk setgħet tiġbor liż-żgħira hi u tieħu pjaċir taraha tintilef fid-dinja tal-logħob, u tidħol f’din id-dinja hi wkoll. Qalet għall-erwieħ li ma kinitx daqshekk għajjiena bħalma kienet tkun wara ġurnata twila, għajjiena wisq biex tagħti l-enerġija u l-imħabba li kellha tagħti lil bintha.

Nathalie xammet it-tewm isir stuffat maċ-ċanga u l-basal, mal-ħwawar u d-dadi tal-Maggi, u tħassbet kellhiex kollox għall-ikel tal-lejla. Kienet stiednet lil waħda li kienet għadha kif iltaqgħet magħha għand Simon tal-ħaxix dakinhar qabel ma ġabret lil Gabi, bħala korteżija u biex issir tafha iktar.

Xħin Nathalie fetħet, xammet ir-riħa qawwija ta’ njam għadu ġdid li kienet qed tilqagħha dan l-aħħar kull darba li tasal lura d-dar. Kienu għadhom kif xtraw żewġ gwardarobbi ġodda fil-kmamar tas-sodda; li kellhom qabel, magħmulin mill-injam tal-balsa llustrat biex jixbah ’il-kewba, kienu bdew iżommu l-umdità, u ħwejjiġhom bdew jintnu eżatt wara li jkunu għadhom kif ħasluhom. Ħadet ir-ruħ li fl-aħħar kienu solvewha l-problema, imma l-ispiża tal-gwardarobbi l-ġodda, u tal-ħasil żejjed fl-aħħar ftit xhur, kienet għafsithom mhux ħażin fil-flus. F’mumenti bħal dawn kienet tinduna li anki żewġ pagi full-time ma kinux biżżejjed biex veru tfaddal u jkollok ċertu sigurtà finanzjarja. Fl-istess ħin, ma xtaqitx iċċaħħad lit-tifla mix-xewqiet u l-bżonnijiet tagħha, sakemm kienet għadha ma waslitx sal-punt fejn kellha tħaffer fil-flus l-imwarrba. Maimouna, li kienet iktar imdorrija ġġaħġaħ b’li setgħet issib, ikkunsidrat il-gwardarobbi ġodda bħala lussu neċessarju u ma tħassbitx fuq kemm swew, avolja qasmu l-prezz bejniethom.

F’qiegħ kull gwardarobba poġġew plattina bikarbonat u, minkejja li ppruvaw jaħbuhom wara l-ħwejjeġ, Nathalie xorta kienet qabdet lil Gabi tipprova tiekol mit-trab fin xi jumejn ilu, u ċanfritha biex ma terġax. Is-soltu kienet tippreferi tispjega eżatt għaliex iż-żgħira ma kellhiex tagħmel xi ħaġa, u tirrakkuntalha x’setgħu jkunu l-konsegwenzi. Ġieli kienet tidderieġi esperiment ikkontrollat biex it-tifla tipprova xi ħaġa li fl-aħħar tinduna li m’għandhiex tagħmel. Is-soltu dan kien jinvolvi l-kreazzjoni ta’ dramm bl-għajnuna tal-ġugarelli, u Gabi kienet tieħdu biċ-ċajt, imma xorta tifhem għalfejn m’għandhiex tagħmel li għamlet. Sfortunatament, f’dan il-każ, Nathalie ma kinitx ċerta x’seta’ jiġrilu Monsieur Le Pain jekk jiekol il-bikarbonat. Jintefaħ naqra, jekk xejn.

Kellha bżonn tiżbarazza l-appartament. Rari kienet tieħu nofstanhar leave, u fi tmiem il-ġimgħa tkun trid tistrieħ, tara xi film u ssajjar, mhux titħabat u tieħu l-keded bit-tindif. Ressqet xi ġugarelli f’rokna minnhom, qegħdithom jistrieħu taħt id-dawl safrani jirrifletti mal-madum u s-sufan tal-ġilda. Gabi mill-ewwel intefgħet fuq is-sufan, tiżfen u tagħmel il-kutrumbajsi.

Waqt ix-xogħol, Nathalie kienet tedha tiddiskuti t-trobbija tat-tfal mal-kollegi; kien hemm skrivan kellu tifla daqs Gabi, u kienu jaqsmu l-istejjer tal-mumenti ħelwin u l-mumenti mxajtna taż-żgħar. Oħra kellha tifla ta’ xi ħdax-il sena li kienu qed jaqbdu magħha sħabha tal-klassi. Nathalie baqgħet ħosbiena fuq kif in-naïveté tittrasmetti ruħha mill-omm għall-bint, u l-innoċenza tiġi kkastigata minn kreaturi li suppost huma innoċenti huma stess.

Gabi, bil-wiċċ ta’ lewża u xagħarha miġbur fil-qagħqa li kienet issikkatilha Maimouna, ħarset lejn ommha ħierġa mill-kamra tas-sodda liebsa t-shirt blu wiesa’, bi pjaneta mpinġija fuqu, u par leggings jaslu sal-irkoppa. Il-flipflop ċekċek fuq il-madum waqt li rranġat xi tentufiet ’l hemm u ’l hawn; iddrittat l-iljunfant tal-injam fuq komodina fejn kienu jżommu t-tissues u r-remote tat-televixin, ressqet iktar ġugarelli biex tagħmel naqra spazju u daħlet mill-arkata lejn il-kċina. Qalet lil Gabi tiġi tgħinha ssajjar, u din daħlet bil-lajma fil-kċina, tgerger li kif eżatt tkun ħasbet f’xi ħaġa x’tagħmel, ommha kienet tgħajtilha. Nathalie bisitha, u qaltilha, “Ħamiema tiegħi, għalhekk jien ommok. Qabbditha xxarrab ir-ross waqt li ppreparat it-taħlita għall-fufu mill-pakkett, bir-riħa tal-ħanut ta’ Simon għadha mgeżwra mal-kartonċin. Il-cupboard tal-kċina kien qed jiżvojta, u kien se jkollha bżonn tagħmel xirja diċenti daqt. Għalissa setgħu jkampaw, ikkunslat ruħha hi u taqla’ l-borom u tqegħedhom fuq il-bank tal-kċina, maġenb il-kuker l-iswed bil-madum tal-ħajt kulur il-ġinġer. Tat ħarsa lil Gabi, bix-xorz u t-t-shirt roża u l-brazzuletta tal-plastik, bilwieqfa fuq siġġu mas-sink, tikkonċentra hi u xxarrab ir-ross u twarrab il-biċċiet suwed. Dak il-ħin baqbqitilha mewġa ta’ mħabba għal bintha.

Waħda mill-ewwel memorji li Nathalie kellha tal-ikel, u ta’ ommha, kienet ta’ ikla tas-soltu ta’ filgħaxija, fid-dar fejn trabbiet, imma dakinhar missierha kien għolla leħnu magħha għall-ebda raġuni ta’ xejn, u l-esperjenza kienet baqgħet imkaħħla f’moħħha. Snin wara ndunat li din il-famuża ikla kienet seħħet dakinhar li nqatel Norbert Zongo, ġurnalist kritiku tar-reġim ta’ Compaoré, u li missierha kien jafu xi ftit. Ma kienx qed jirraġuna dakinhar, qalilha snin wara; ħabib tiegħu, u fl-istess ħin theddida għal xogħlu mal-ministeru, kien inqatel maħruq f’karozza, u ż-żuffjetti tat-tfal ma kellux aptithom. Kien iddispjaċieh mill-ewwel tan-nervi, imma qatt ma talab skuża sura.

Nathalie kienet tħobbu ’l missierha, bniedem innoċenti miġbud mill-mewġa tal-klassi ta’ ħaddiema taċ-ċivil li twieled fiha. Kien iħobb idawwarha bil-karozza madwar il-belt, qalb il-muturi u r-roti jfaqqgħu, fit-toroq wisgħin bit-tarmac jixgħel fl-aħmar. Kienet tfeġġ moskea ’l hemm, billboard ’l hawn, b’ħafna spazju bejn kull bini bid-disinji ħomor imnaqqxin fil-ġebla, strixxi u ċrieki u forom oħra ġeometriċi. L-uffiċjali tal-gendarmerie setgħu jintlemħu silwett kontra x-xemx ħadranija meta missierha kien idur mar-roundabout tal-monument li jiċċelebra l-industrija tal-films tal-Burkina, bil-karozzi jnemmlu madwar l-istruttura ġganteska. Imbagħad kienu jieħdu xi ħaġa x’jieklu m’għand il-bejjiegħa tat-triq, xi galette jew biċċa pizza, bil-gabbani quddiem il-ħwienet mgħaffġin flimkien, it-tiġieġ u l-mogħoż jiġru fix-xita, u x-xogħol tal-bini l-ħin kollu għaddej, il-belt tinbidel kull minuta minn żaqqha ’l barra.

Id-dar fejn trabbiet kellha l-kmamar għoljin, mifruxin fuq sular wieħed. L-armarju tal-injam kien simili għall-gwardarobbi li kienu għadhom kif ħelsu minnhom; anki s-sufan tal-ġilda kien tal-istess għamla bħal li kellhom issa. Il-ħitan kienu miksijin inkwatri tal-familji ta’ ommha u ta’ missierha, ileqqu fuq il-madum ċar li kien jirrifletti d-dawl fuq vetrina mimlija trofej tal-iskola ta’ Nathalie u oħtha: kien hemm żmien fejn Nathalie kienet tiddiletta bit-tennis. Il-purtieri ħfief kienu jitfgħu dija lavanda fuq is-saqaf, li deher donnu magħmul miċ-ċeramika. Id-dawl mit-triq kien jidħol twil u rqiq. Fil-kamra tagħha Nathalie kienet tqatta’ s-sigħat tikteb ix-xenarji għall-films li kienet se tidderieġi u tirreċta fihom. Kienet għaqqdet serje sħiħa ma’ oħtha bil-kamera ta’ tmien megapixels u l-Windows Movie Maker. Iktar ma kibret u ma bdiet tinteressaha t-teorija wara l-ġbid tal-films, iktar tħajret tidħol fi skola taċ-ċinema. Dejjem kien ikun hemm xi festival jew avveniment ieħor marbut mal-films f’Ouaga. Fil-fatt, kienet fetħet skola taċ-ċinema meta kellha xi ħmistax-il sena, imma reġgħet għalqet ftit tas-snin wara qalb il-kriżijiet politiċi tal-ewwel snin tal-millennju.

Missierha ma tantx xtaqha tissagrifika ruħha għall-industrija tal-films; qatt ma qalilha xejn kontriha, imma minn dejjem kienet taf li ma kienx kuntent bl-għażliet tagħha. Għall-inqas ma kienx it-tip li joqgħod jippritkalha. Ommha l-iktar waħda li inkoraġġietha taqra u tikteb, u wrietha kif it-tisjir u t-tindif huma xogħol intellettwali (biex tgħallimha tieħu ħsieb tagħha nnifisha, sintendi, imma Nathalie għarfet is-sugu ta’ kliemha). Baqgħet tgħożż il-ħolma taċ-ċinema, sakemm inġarret mill-mewġa tal-Balai Citoyen u bdiet tipprotesta u teduka ruħha sew fuq l-istorja ta’ pajjiżha. Imbagħad fehmet li d-dinja taċ-ċinema bil-fondi internazzjonali dejjem kienet tispiċċa taqa’ għan-neokolonjaliżmu li kien għadu jaħkem il-pajjiż. Fuq hekk hi u missierha żgur ma kinux jaqblu — Nathalie kienet inħarqet meta ntebħet li fi żmien missierha, fi żmien Ouédraogo u Kaboré, kien hemm ħafna iktar possibbiltà għal-libertà tal-espressjoni. Imma issa kull biċċa xogħol tal-arti u mużika, biex issostni lil min joħloqha, kellha tintegra b’xi mod f’industrija neoliberali, bil-finanzi tal-iżvilupp jimbuttawha ħalli dejjem tibqa’ suġġett tal-iżvilupp, dejjem bl-għajnuna tal-Punent. Għal Nathalie, il-bidla fil-pajjiż kienet seħħet minħabba li nies bħal Smockey ipproduċew mużika u xogħol indipendenti li żammew lin-nies bil-verità li ppritkalhom, u l-ispirtu Sankarista li fl-opinjoni ta’ Nathalie kien ġenwinament dikolonjali.

Nathalie poġġiet lil Gabi fuq siġġu ħdejha waqt li għalliet il-fufu. Iż-żgħira bdiet tilgħab logħba, u l-ħsejjes ingħaqdu mal-ilma jgelgel, il-frieket itektku, is-sink jilqa’ l-borom, u l-għotjien jinfetħu u jingħalqu. L-iskutella banana u l-pinen kull kulur tat-tifla dehru riflessi f’wiċċ il-mejda. Il-kalamiti tat-torri Eiffel mal-friġġ leqqu bis-sħana. Ir-riħa kremuża tar-ross isir bdiet tfewwaħ l-appartament waqt li Nathalie, tibla’ l-foga mill-fwar, qattgħet it-tadam għaz-zalza.

Xtaqet kieku xi darba Gabi tkun tista’ żżur Ouagadougou, u tiltaqa’ ma’ familtha. Bħalissa l-ħajja kienet għolja wisq, kemm Malta u kemm il-Burkina, biex taffordja tieħu ċertu ammont ta’ leave u tmur, u t-tensjonijiet politiċi reġgħu bdew jiżżattu. L-ikbar problema għall-ivvjaġġar, però, dejjem baqgħet l-istat Malti li, minkejja li kienu ilhom hawn seba’ snin — tlieta minnhom bil-permess uffiċjali tar-residenza li kienu tbażwru biex akkwistaw — xorta baqgħu bejn ħaltejn setgħux jivvjaġġaw, minħabba li Gabi kellha passaport Franċiż u ma kwalifikatx għall-permess tar-residenza li ħadu Nathalie u Maimouna. Kien hemm żmien meta Nathalie ġenwinament kienet beżgħet li t-tifla kienu se jiddeportawhielha Franza. Imma dik hi l-ħajja, ħasbet hi u xxomm it-tadam isir u joħroġ il-ħlewwa hu u jitħawwad mal-ħwawar. Ma setgħetx temmen kif l-istat ma ħallilhomx id-dritt għas-safar jew għaċ-ċittadinanza, minkejja li kienu ġew legalment u kienu ilhom jaħdmu hawn seba’ snin.

Din ir-riħa offritilha memorja ċara ta’ Pariġi, tal-gallarija twila komuni tal-blokka tal-HLM li kienu joqogħdu fiha, bil-ħadid immermer jinħass qisek qed tgħaddi subgħajk fuq ħakkieka. Il-veduta tal-blokok l-oħra tas-cités fil-qrib kienet tleqq safranija fl-arja friska li tqajjimlek is-suf ta’ dirgħajk. Mill-gallarija nstemgħu t-tfajliet jilagħbu r-rugby fil-grawnd tal-iskola n-naħa l-oħra tal-blokka. F’dawk il-mumenti setgħet tikseb il-paċi Nathalie, tħares dritt lejn inżul ix-xemx u tisma’ l-eku tat-tfajliet jittekiljaw lil xulxin fil-bogħod. Ħames sulari ’l fuq, għal ftit mumenti ma kinitx suġġett kolonjali imma bniedma tħares lejn is-siġar u tiddikjara l-ispazju tikka tagħha. Għal naqra ma kinitx rabbiet lit-tifla hemmhekk, imma l-ħajja kienet impossibbli f’post daqshekk miżgħud kuntradizzjonijiet, hekk kien ir-raġunament tagħha. Xħin waslet Malta, malajr skopriet il-kuntradizzjonijiet ta’ hawnhekk.

Għal Gabi l-kċina kienet skuża biex tagħmel straġi bla konsegwenzi. Kienet tħobb taqli l-plantain u tieħu gost bil-periklu taż-żejt ifaqqa’ meta ommha kienet tħalliha tieħu ħsieb it-taġen, bilwieqfa fuq siġġu ħdejn il-kuker ħa tlaħħaq. Darba ħadet għaliha meta ommha wriet ritratt tagħha f’din il-pożizzjoni lil Maimouna u qaltilha, araha, taparsi qed taqli l-plantain. Imma vera kont qed naqli l-plantain! werżqet Gabi, u Maimouna kienet qabżet għaliha.

Kien għadu d-dawl meta waslu Maimouna f’xi s-sitta u kwart u, ftit wara, Josiane, il-mistiedna. L-ilħna tagħhom instemgħu jzekzku mal-ħitan niedja. Maimouna żammet ’il Gabi f’ħoġorha waqt l-ikla. Josiane kellha figura mbaċċa, pulita; xagħarha kważi mqaxxar kien miżbugħ bjond u kienet liebsa misluta fi mneħirha. It-tbissima tagħha kienet mit-tip li tħollok, tbissima tal-ġelu li fakkret lil Maimouna f’għalliema li kellha f’xi skola. Ir-raġel tagħha kien għadu l-Guinea, ifaddal biex jixtri dar; kellu ħuh ġej u sejjer Pariġi jiltaqa’ ma’ nies oħra tad-dijaspora u jakkwista l-kapital soċjali u finanzjarju li kellu bżonn biex jikseb biċċa dar f’art twelidu. Ma kellhomx tfal, imma marret tajjeb ma’ Gabrielle, avolja għall-bidu t-tifla għamlitha tal-mistħija. Id-daħqa ta’ Josiane għenet lit-tifla tqum fuq tagħha. Maimouna bdiet tgħir għad-daħqa ferriħija tal-mistiedna tagħhom; Josiane, hi u tidħaq, bdiet tinstema’ qisha dejjem tieħu l-ħajja b’li ttiha, ikun xi jkun. Donnha kienet qed tgħidilha lil Maimouna biex tidħaq waqt li tirrabja.

Il-ġirien kienu ġabu pizza bil-Wolt; ir-riħa telgħet bejn il-gallariji. L-arja sajfija dawlet id-diskursati li qabdu bejniethom it-tliet nisa u l-ikel fuq il-platti ta’ kull kulur bid-disinji jaqblu mnaqqxa fiċ-ċeramika. Il-fufu fiz-zalza ħamra fawwar ir-riħa li taqsam l-imnifsejn u fewwaħ is-serata.

Nathalie u Maimouna qabduha fuq il-Balai Citoyen, u Maimouna esprimiet it-tħassib fuq l-isforzi ambjentali tal-moviment; issa kienu qabdu jħawlu s-siġar fil-periferija ta’ Ouagadougou, waqt li kienet għaddejja kriżi rurali fil-provvista tal-ikel u l-ilma. Nathalie sostniet li l-moviment kien qed jipprova jgħaqqad il-unions sparpaljati wara l-aħħar kolp ta’ stat; Maimouna ppruvat tfiehem li jekk kienu se jikkollaboraw mal-ambaxxati Ewropej u jagħmlu azzjonijiet superfiċjali għar-ritratti, setgħu ma jagħmlu xejn, imma l-kliem ħarġilha mgħaffeġ u bla sugu. Josiane esprimiet il-frustrazzjoni tagħha għall-fatt li l-movimenti tal-massa dejjem kienu jispiċċaw jidhru bla kontroll f’għajnejn l-Ewropej, minħabba li l-pulizija u l-armata kienu jirrippressawhom u jġegħluhom jirribattu b’iktar ġenn u vjolenza. Maimouna qablet magħha u bdiet tirrispettaha iktar, bix-xalla semitrasparenti tagħha stampata bid-disinn ta’ leopard, imqiegħda fuq il-flokk taċ-ċingi iswed fuq spallitha. Hekk jew b’hekk, insistiet Maimouna, f’xi punt in-nies ħa taqbżilhom iċ-ċinga bil-preżenza kontinwa tal-militar Franċiż fl-eks kolonji, li kien għadu jiddeffes jissabutaġġja kull attentat ġenwin għall-indipendenza. Josiane ma fehmithiex sew, u hi u Nathalie daħlu f’diskussjoni fuq il-kontroll li kienet għadha teżiġi Franza, speċjalment permezz tal-munita CFA. Fl-aħħar mill-aħħar, ikkonkludiet Maimouna, il-kwistjoni tal-poter dejjem kienet tmur lura għall-flus, u l-kontroll fuq ir-riżorsi li l-flus kienu jiggarantixxu. Franza kienet għadha tikkontrolla b’mod indirett l-attività ekonomika tal-kolonji, u tibla’ l-profitti mill-faqar li ħolqot; anki kieku hi, Maimouna, xtaqet tibgħat il-flus il-Burkina, kien ikollha bilfors tgħin lill-ekonomija Franċiża minħabba l-politika tar-rati tal-kambju. U għal Maimouna din kienet prova li l-istituzzjonijiet Afrikani kienu misħutin minn twelidhom li jintrabtu mar-rieda tal-eks kolonizzaturi, jagħmlu kemm jagħmlu films satiriċi biex jikkritikaw lilhom infushom. Nathalie nħarqet u ppruvat tfehemha li, minkejja li kienet konxja tal-ipokrezija li trabbiet madwarha, din ma kinitx tfisser li l-ħaddiema mnassba fis-sistema minn ġenerazzjoni għall-oħra qatt ma xtaqu l-bidla; minkejja li, kif Maimouna kienet ħarġet biċ-ċar, kien diffiċli ħafna tbiddel sistema mibnija fuq l-infrastruttura kolonjali, ir-rieda għall-bidla xorta kienet hemm. Appuntu, ħatfitha Maimouna, kienet għadha qatt ma saret rivoluzzjoni ta’ veru fil-Burkina, u lanqas Sankara ma kien xi anġlu, avolja, ikkumparat mal-kriżi tal-lum, kien wiegħed xi ħaġa li kien jistħoqqilha li jissieltu għaliha. Josiane ppruvat issegwi d-dibattitu s’hawnhekk, imma ma kinitx midħla tal-fatti tal-istorja tal-Burkina, u ċertu ċajt ta’ bejn Maimouna u Nathalie beda jintilef. Kliemhom beda joqmos bejn il-platti; iddiskutew il-futur ta’ Gabrielle u s-serje li kienu qed isegwu. Maimouna saret taf li Josiane kienet xufiera tal-linja, u ppruvat tistaqsiha kemm tista’ fuq ix-xogħol, x’kien jinvolvi; Nathalie ssorprendiet ruħha b’dan l-interess kollu fis-sigħat u l-ħlas u r-rotot.

Kielu, imtlew, komplew jitħaddtu, u lagħqu ż-żiffa friska tal-għabex sajfi, vjola, bl-irwejjaħ tat-tadam mixwi u tal-istefanotis fi mnifsejhom, jagħrxu l-ħsejjes ta’ xi palju jperper bil-mod fuq banketta barra xi bieb, tan-nies jixorbu deħlin u ħerġin mill-klabb, u d-daħq ifur mill-ħbieb jaqsmu birra quddiem il-ħanut ta’ Simon fid-dawl jiżżerżaq bil-mod lejn il-blu.

Josiane ma damitx wisq; irringrazzjat lil Nathalie u għad-darba li jmiss stednithom għandha, fid-dar li kienet taqsam ma’ tnejn oħra, ftit toroq ’il bogħod minnhom. Maimouna lestiet lil Gabi għas-sodda, remiet is-srievet ħomor tal-karti u ħaslet l-aħħar ftit platti; Nathalie dejjem kienet tnaddaf waqt li l-borom itektku, u ftit kien għad fadal x’togħrok.

Nathalie, sadattant, għamlet għoqda f’borża sewda taż-żibel ħa toħroġha bil-lest qabel ma tara xi film u tmur għajnha biha, l-aħjar mod kif tispiċċa l-ġimgħa. Niżlet it-taraġ mudlam u ħarġet fl-arja friska tmellsilha l-ġilda. Il-ħamiem itir qalb is-siġar deher ħieles, bil-ġwienaħ jirriflettu l-aħħar raġġi tax-xemx wara l-ftit sħabiet imżewqa b’daqsxejn aħdar u blu. Kull ponta ta’ kull sħaba dehret ċara f’għajnejha. Ħalliet il-borża maġenb il-bieb u kienet se tidħol lura, meta semgħet leħen ifaqqa’, “Ej.

Daret u lemħet pulizija jiżżattat lejn l-għassa, bil-buz oħxon itih id-dehra ta’ buffu, iħares bil-wiċċ ta’ tifel żgħir.

“The garbage, one hour before he pass you take it out. Next time. Issa leave it. OK?”

Nathalie gemgmet xi ħaġa u għalqet il-bieb minflok tmur tħanxru. Hu għadda maġenb il-folla tiddieħek quddiem il-klabb u baqa’ miexi. Kienet imdorrija b’dawn l-inċidenti u ma kinux jaffettwawha daqskemm kienu meta waslu l-Ewropa. Hi u Maimouna daħqu tnejn dwar il-biċċa tax-xogħol, immaġinaw l-installazzjoni ta’ boroż taż-żibel li setgħu jarmaw quddiem l-għassa l-għada, u l-mument għadda. Gabi kienet rieqda fis-sodda tagħha, mistoħbija wara purtiera fil-kamra t’ommha, fir-riħa ta’ njam taħraqlek imnifsejk. Nathalie kienet se titfa’ film, imma Maimouna kienet leħqet lestiet tazza te. Ħarġu fil-gallarija u poġġew maġenb il-basket tal-Lidl u l-horse tal-ħwejjeġ mitwi wara t-tank tal-gass. Sakemm dalam sew baqgħu jitkellmu, bir-riħa tal-imsiemer tal-qronfol iżżewwaqhom bin-nifs tas-sajf, sajf mistoħbi wara d-dwal baxxi u l-fann iperper warajhom, ikattar id-daħq imkebbeb mat-triq .

Dekorazzjoni art-nouveau