Iktar kemm wieħed jipprova jiffoka fuqha minn dan il-mument ’il quddiem, iktar Filfla ssir elużiva u tibda tesibixxi karatteristiċi ta’ miraġġ jew illużjoni. Il-limitu fuq id-definizzjoni tal-istampa impost minn dawk il-ħames kilometri joħloq kundizzjoni perfetta sabiex tinħoloq din l-immaġni ta’ gżiraġni fejn il-gżira hija entità kemm familjari kif ukoll misterjuża, kemm immaġni pjuttost astratta li tippresta ruħha għal interpretazzjonijiet personali u kollettivi varji, kif ukoll oġġett materjali li jikkonfrontana bil-karatteristiċi u bl-istorja speċifika tiegħu (li fl-aħħar mill-aħħar, kif se naraw iktar ’il quddiem, hija wkoll l-istorja tagħna). Il-fatt li Filfla hi inaċċessibbli u ħadd ma jista’ jirfes fuqha, apparti f’każijiet speċjali, jikkontribwixxi għal dan ukoll. Ħadd ma jista’ jagħmel lil Filfla tiegħu, jew jimponi fuqha xi aġenda politika u ekonomika (minkejja li l-mawriet bid-dgħajsa organizzati mill-Heritage Malta u oħrajn jaslu viċin), b’differenza għall-bqija tal-gżejjer Maltin fejn prattikament kull rokna hija proprjetà privata jew ġiet allokata għal xi proġett ta’ żvilupp. Essenzjalment, din hija “immaġni ta’ gżiraġni” li tikkontjeni biss l-elementi strettament neċessarji — is-sema, il-baħar, u l-blata inkwistjoni — sabiex inkunu nistgħu nikkontemplaw din il-“gżiraġni” x’tista’ tfisser. Lanqas meta npoġġu lilna nfusna fir-ritratt ma nkunu qed nimponu ruħna fuqha, għaliex il-preżenza tagħha tibqa’ waħda intriganti u awtosuffiċjenti tant li tiġbed lil għajnejna, tistieden lil ħsibijietna jistrieħu fuqha, u tqanqal l-immaġinazzjoni tagħna.