Fl-immaġinarju Malti, l-esproprjazzjoni tal-art minħabba sejbiet arkeoloġiċi għandha post kurjuż ħafna u tqanqal emozzjonijiet ambigwi. Waqt li qed nimxu fl-Isqaq tal-Isqof, infittxu bit-tromba l-fdalijiet tat-toqob tal-Għar ta’ Bur Mgħeż fil-ħitan tal-barriera tal-armata maġenb l-ajruport, Frans qalli li missieru kien jiftaħar li taħt id-dar tagħhom kien kollu oqbra: il-kuntrattur kien radam kollox bis-siment u ma qal xejn għax jiġu tal-Gvern u jwaqqfulek ix-xogħol. Imma Frans kien ambivalenti dwar dan. Ta’ ġuvni kien jaħdem fil-barrieri imma wara li spiċċa l-iskola kompla l-Università. Studja, qara, u llum jagħmel repliki żgħar tal-figurini Neolitiċi ta’ Malta għall-gost. Meta jmur jistad matul il-lejl ma’ xatt il-baħar taħt l-irdum tal-Imtaħleb, inaqqax uċuħ fuq iċ-ċagħaq lixx biex ma jkunx waħdu. Darba nżilt miegħu u wrieni l-uċuħ ta’ dawk li miegħu jgħaddu l-lejl jistennew li r-ril tal-qasba jiġbed. Qalli li oqbra hawn biżżejjed; m’hemmx għalfejn nossessjonaw bil-passat. Kampjun żgħir biżżejjed. Kellimni fuq l-idea li tordom il-qedem, u li miegħu terġa’ tidfen il-midfun. Ħadd ma jiftaħar li kisser xi sejba; it-tifrik m’hemmx ġustifikazzjoni għalih. Imma li terġa’ tordom kollox iva. Wara kollox, mirdum kien, u billi noħorġuh ma jfissirx li qed nistudjawh sew, jew li għandna l-apparat biex neżaminawh u nerġgħu npoġġuh lura f’postu. L-iskavi wkoll huma selħiet f’laħmet l-art, ftuq tal-materja tal-passat li laħqet tfarrket, tmermret, tbielet u saret ħaġa waħda mal-konglomerat ta’ madwarha. Qalli li kif jaħsibha hu, għalkemm il-Gvern jesproprja sit biex jieħu ħsieb il-qedem ta’ ġo fih, biex jipproteġih, biex tiġi studjata s-sejba u b’hekk jikber l-għarfien tagħna tal-passat, fil-verità f’dan id-diskors jiġu fuq quddiem il-bżonnijiet elitisti tax-xjenza. Ħafna drabi dan jiġi ġġustifikat bħala wirt nazzjonali, lokali, jew anki universali u minħabba f’hekk jitwarrbu kemm il-bżonnijiet tal-komunità kif ukoll ir-rabtiet li l-komunità eżistenti għandha mal-lokalità.