Waqt li jien għadni fis-sodda, S qiegħed fil-kamra tal-banju jisma’ diska li kont inħobb nisma’ xi sentejn ilu, però ma nistax niftakar eżatt x’inhi. Inqum u nistaqsih. Jgħidli li hi “Andromeda” ta’ Weyes Blood. Inqum u nnaddaf il-kċina, niħħuverja, u naħsel l-art. Nieħu shower. Nirċievi telefonata m’għand tad-delivery biex jgħidli li għandi pakkett jistennieni isfel. Ninżel għalih. Huwa ktieb — il-memoir ta’ Lucia Berlin. Għall-ħabta tas-19h, hekk kif se nitlaq mill-appartament biex immur niltaqa’ ma’ C, R, I u M għall-ikel, u waqt li S qiegħed fil-banju jipprepara biex joħroġ, B jiġu lura d-dar ma’ E u l-kelb tiegħu, Bruno. Kienu l-gym aktar kmieni llum u nassumi li wara baqgħu barra. Nimxiha sar-restorant fejn qalu li se nieklu. It-temperatura -1°C, imma lbist ħafna layers u leggings tat-thermal u għandi wkoll balaklava madwar għonqi. Ma nistax nilbisha kif suppost għax fuq rasi għandi l-headphones. Meta nasal, nordnaw immedjatament, l-ikel jiġi mill-ewwel u nitilqu madwar għaxar minuti wara li kulħadd ikun lest. Waqt l-ikel, b’xi mod, nitkellmu dwar il-Green Goblin minn Spider Man, u villains oħra bħall-Penguin, minn Batman.