Għal żmien twil, il-magni se jkomplu jipproduċu testi banali. Għal żmien twil se jkunu tajbin biss biex jiktbu r-rapporti finanzjarji u d-deskrizzjonijiet tat-tqassim tal-kmamar tad-djar għall-bejgħ. Imbagħad bil-mod il-mod jibdew jipproduċu testi li kapaċi jsibu posthom fit-truf medjokri tal-finzjoni tal-ġeneru, u għad ikun hemm bosta qarrejja li jsibu żvog u forsi anki faraġ fil-proża mhux wisq impenjattiva tagħhom. Biż-żmien, jibdew jitfaċċaw l-opinjonijiet fuq il-websites tal-gazzetti, jgħidulna li fil-fatt dawn it-testi l-ġodda mhumiex ħżiena daqskemm taħseb eh, li fil-fatt dejjem qed isiru aħjar. Xorta waħda mhux se naqbdu u naċċettawhom hekk, f’daqqa waħda. Kultant ikun hemm pass ’il quddiem u tnejn lura. Forsi t-testi awtomatizzati jkunu moda għal xi żmien, imbagħad wara l-voga għall-awtomazzjoni letterarja, inkunu rridu nerġgħu lura għall-kitba maħduma bl-id; bħalma kien ġralna bin-Nescafé. L-esperimentazzjoni u l-innovazzjoni jkunu ppreġjati aktar minn qatt qabel għax jitqiesu kapaċitajiet unikament umani. Imma eventwalment anki dan se jitgħallmu l-magni. Xi darba se jitgħallmu jinterzjaw l-innovazzjoni mal-patrimonju, se jkunu jafu jużaw il-lingwa ta’ kuljum u l-idjoma letterarja u jikkuntrarjawhom biżżejjed biex jibnu xogħlijiet fil-lingwa li joħolqulna dinjiet ġodda fiex ngħammru, toroq ġodda fejn jimraħ moħħna, modi ġodda kif naqsmu qalbna u kif nippruvaw nikkunslawha. Jgħallmuna nixxennqu għal affarijiet li qatt u qatt ma jista’ jkollna għax ikunu xewqat ifformati fuq il-pjan metafiżiku tagħhom. Forsi dan kollu se jieħu ħafna żmien. Forsi se jieħu ħamsin sena, jew mitt sena, jew elf; imma xi darba żgur se jkollna magna, intelliġenza artifiċjali, li tkun kapaċi tikteb rumanzi u esejs u bijografiji u poeżiji u tagħmel traduzzjonijiet li jkollhom dik il-kwalità misterjuża li aħna nagħrfu bħala letteratura, u dan tagħmlu fuq livell li qatt ma nkunu rajna qabel.