Ftit minuti ilu reġa’ spunta fija ħsieb li ġieni xi jiem ilu, u għalkemm dakinhar poġġejt miegħu u segwejtu, forsi ma elaborajtux biżżejjed f’moħħi. Le, anzi, elaborajtu, imma ma eżawrejtux għax għandu dejjem iktar qtar inixxi minnu. Kien ħsieb dwar l-idea li hemm fażijiet fil-ħajja — mhux biss fażijiet, imma mumenti, istanti — jiġuni iktar faċli li niftakarhom filwaqt li oħrajn jaħarbuli. Mhux jisparixxuli, imma bħallikieku dawk il-ġranet kont qed ngħixhom bla ma nirreġistrahom. Bħal qisu dawk il-ġranet ma kontx qed ngħixhom b’mod fond, ma kontx qed nistampahom sew fit-tessut tal-memorja. Tgħid dawn memorji li telquli għalkollox? Jew għad forsi jerġgħu jitilgħu fil-wiċċ, b’mod involontarju meta xi darba s-sensi jilħqu dak il-bir li hemm ġo fija? Kif spjegaha Proust. Erġajt qrajt l-aħħar paġni ta’ “Combray I” ftit jiem ilu; ħanina kif regħduni dawk il-paġni, kemm sfumaturi ta’ kulur jikxfu, kemm sens(i) iġorru fihom.