Kien wasal lejl ieħor biex immorru n-Natasha’s, ballu tas-sinjorini x-Xemxija li mill-bidu tad-disgħinijiet beda jseħħ kull xahar u li fih konna nilbsu, nitilgħu high, u nixxalaw sakemm il-bijokimika ta’ ġisimna ma kinitx tiflaħ iktar. In-Natasha’s ma kienx post fejn immorru nħufu. Orrajt, kien hemm min jiġi mingħalih se jgħabbi, imma n-Natasha’s kien maħkum minn spirtu ġdid fix-xena tagħna: skoprejna l-kostumi, iż-żebgħa tal-wiċċ, it-tkaken, ix-shows, il-moda DIY, id-DJ sets, il-grunge queer, l-afterhours, u l-empatija kimika li fiha l-ħbieb setgħu jsiru maħbubin anki jekk għal ftit sigħat fi tmiem il-ġimgħa darba fix-xahar. In-Natasha’s kien festa kkulurita ta’ potenzjalità, l-aħħar ballu qabel l-għodwa tal-omonormattività li sebħet u daħlet bħal gaffa fuq ix-xena queer fil-bidu tal-millennju l-ġdid.
In-Natasha’s mill-ewwel kien jinħass li hu importanti għaliex mill-bidu kien iddokumentat kemm bil-video kif ukoll b’numru enormi ta’ ritratti. Mill-ewwel kien hemm sens li qed tinħoloq komunità, li konna parti minn avveniment storiku għas-sinjorini, li xi darba għad inħarsu lura u nippruvaw nifhmu x’kien qed jiġri. Forsi għax, għall-ewwel darba, l-avvenimenti kienu qed jinħolqu minn persuni queer għal udjenza queer. U għalkemm in-Natasha’s ma kienx proġett iżolat — fil-fatt kien infurmat sew minn kurrenti Londiniżi, speċjalment minn serati bħal Taboo u Kinky Gerlinky — kellu grammatika u loġika li kienu indiġeni sew. U jekk serati oħra spiss kien jingħatalhom isem partikolari, in-Natasha’s kien jissejjaħ bl-isem tal-post innifsu, qisu diġà kien hemm fih dak li Joseph u Stefan bħala organizzaturi riedu jevokaw. Ridna l-attitudni u l-ispettaklu, l-ikkampjar u ż-żagħbil, l-ilbies u l-pirmli. Il-proġett Natasha’s kien jinvolvi organizzazzjoni rudimentarja: il-flyer kien magħmul malajr, ikkupjat fuq magna tal-photocopy tal-Malta Independent fejn għamilt żmien nikteb xi artikli għall-gazzetta tal-Ħadd. Armar ma tantx kien hemm bżonn minħabba li n-Natasha’s kien iħaddan fih il-kollezzjoni vasta li kellu Vince, sid il-post, ta’ modernarjat artistiku: minn maskeruni ta’ Gianni Vella għal-lampi tal-Biba’s Emporium iżejnu kmamar sħaħ miżbugħin roża u terazzin li jagħti għal fuq il-bajja tax-Xemxija. Il-lejla kienet tkun ispirata wkoll kemm mill-mużika kontemporanja kif ukoll mix-xena disco tas-sebgħinijiet u mill-kanzunetti tad-divi Taljani. Id-DJ queer kien fenomenu kważi ġdid — kważi, għaliex Malta diġà kien hemm DJ is-Seabed, club tas-sinjorini l-Belt maġenb it-teatru l-imwaqqa’, taħt l-art. U forsi s-Seabed kien l-ewwel iterazzjoni ta’ dan it-tip ta’ ambjent li fih stajt tmur biex tkun faqgħa. Spiss, il-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija, is-Seabed kien jitbattal min-normali għall-ħabta tal-ħdax u minn ġo kaxxa b’tieqa żgħira li minnha kienet iddoqq, il-Kekina tibda ssensel diska f’diska, sett wara sett ta’ diski kkampjati u emblematiċi għas-sinjorini, li kienu jinkludu “Where is My Man” ta’ Eartha Kitt u “On the Radio” ta’ Donna Summer. In-Natasha’s, però, DJ Pierre kellu repożitorju enormi ta’ mużika ġo rasu u kien beda joħloq sonorità queer partikolari, infurmata minn ħsejjes elettroniċi ġodda mħalltin mad-disco klassiku tax-Chic, l-Inner City, Sylvester, Cerrone u r-ritmi tal-Italodisco.