AR: أبيض DE: weiß EN: white FR: blanc IT: bianco
Omar (abjad/bajda/bjuda/bajdaġni 09.02.2024)
Sibt diffikultà nuża l-kliem “raġel abjad” biex ngħid “white male” bil-Malti. Bl-Ingliż, meta jintuża dal-kliem, dejjem hemm is-sens ta’ deskrizzjoni legali/ġuridika jew deskrizzjonijiet ta’ suspettati u kriminali fil-gazzetti u l-films; u allura l-kritika mibnija ġewwa t-terminu minnu nnifsu diġà. Bil-Malti m’hemmx dik l-użanza li “raġel abjad” hija kollokazzjoni li ġġorr dan is-sinifikat. Meta użajtha, ħassejt li tlift ftit minn dak li kont qed nipprova ngħid. L-istess għall-kliem assoċjat, eżempju “suġġett abjad”, “suġġett abjad tal-Punent”, “privileġġ abjad” jew l-iktar xieraq “vantaġġ abjad”.
Raylene (“abjad iktar mill-abjad”, 09.02.2024)
Dan kunċett interessanti, Omar. Għaliex għalkemm il-Maltin dejjem raw lilhom infushom bħala “bojod” qisu xorta hemm “abjad” li hu “abjad” iktar mill-Malti fl-immaġinarju Malti stess. Niftakar darba meta kont għadni l-iskola primarja, sħabi kienu jaqbdu miegħi għaliex, skonthom, kont wisq bajdanija. Bħallikieku hemm xi skala ta’ abjad li tagħmlek Malti u jekk taqbiżha ssir oġġett jew suġġett differenti. Issir abjad iktar mill-“abjad”.
Aphroconfuso (09.02.2024)
F’dal-ġurnal, Davinia Hamilton kitbet: “Ħabibti tgħidli li meta kienet żgħira, f’għeluq sninha, meta kienet tieħu kejk magħha l-iskola biex taqsmu mal-klassi, kienet iżżomm biċċtejn għal kull waħda mill-bniet bjondi b’għajnejhom blu — donnhom kien jistħoqqilhom iktar.”
Joe (09.02.2023)
Xi mkien ieħor ktibt fuq kif fil-primarja, meta t-tfal kienu jpartu l-Panini, plejer bjond kien jiswa daqs tnejn somor. Pereżempju, defender Ġermaniż kien jiswa midfielder Arġentin u striker Tuneżin. Il-ġenerazzjoni ta’ żmien u wara l-Gwerra kienu jsejħu lil kull min hu barrani u jidher iktar sinjur “Ingliż”. Ħafna Taljani tal-istess ġenerazzjoni kienu jsejħu lil dat-tip ta’ barrani “Americano”; għax l-Amerikani kienu l-uniċi barranin li qatt kienu raw. Rigward li qed tgħid Raylene, jien kont inħossni daqsxejn stramb fi żmien il-protesti tal-BLM meta kont nara posts fejn Maltin jieħdu r-responsabbiltà storika bħala bojod. Min-naħa l-oħra, kif ngħid fil-link, naħseb li l-Maltin saru bojod fl-2004 (cf. How the Irish Became White, Igniatev). Naħseb imma li l-kliem “black” u “white” wkoll inbidlu minn kategoriji politiċi kif kienu sa xi għoxrin jew tletin sena ilu. (Meta kien qed jagħmel PhD Exeter, Yannis Varoufakis kien il-president tal-Black Students Union; impossibbli timmaġina xi ħaġa hekk illum.) Korollarju ta’ dan huma t-termini “iswed” u wisq iktar “swidija” li żgur inħossni stramb nużaha għalkemm m’għandix problema nuża “blackness”. Forsi fil-każ fejn f’lingwi oħrajn kliem derogatorju ġie rrikjamat permezz ta’ proċess politiku, mhux lakemm taqbad u timporta l-kelma rrikjamata lesta, mingħajr ma tgħaddi fil-lingwa tiegħek stess mill-proċess ta’ rikjamar bil-parteċipazzjoni tas-suġġetti nfushom.
Raylene (12.02.2024)
Li nsib interessanti, kif qed tgħidu hawn fuq, huwa li xi tfisser li tkun persuna bajda jinbidel skont il-kuntest. Filwaqt li fl-esej tagħha Davinia kitbet li t-tfal bjondi b’għajnejhom blu kien jistħoqqilhom iktar kejk minn tfal inqas bjondi, donnu hemm nies bojod li b’xi mod ma jqanqlux l-istess sens ta’ stima. Pereżempju, fir-referenza li għamilt jiena l-bajdaġni ta’ din it-tifla Maltija qisha ma setgħetx titqiegħed fl-istess keffa ta’ persuna li “suppost” imwielda daqshekk bajda. Allura wkoll ġieli nisimgħu kif ċerti nies għandhom abjad “ikrah”. L-abjad jista’ jiġi assoċjat ma’ fraġilità, mard jew dgħufija. Dak li jkun jista’ jgħidlek li tidher wisq pallidu, jew qisek “wiċċ il-mewt”. Fl-istess ħin, kif jgħid Joe, il-kliem “black” u “white” jinbidlu maż-żmien bħala kategoriji soċjopolitiċi u kulturali. Pereżempju kurjuża biex inkun naf kif l-adolexxenti tal-lum jipperċepixxu l-bjuda jew il-bajdaġni fid-dawl tal-kultura Emo, jew films u serje bħal The Nightmare Before Christmas, Wednesday u oħrajn. Forsi l-bajdaġni “pallida” ta’ ċerti nies fl-aħħar ġiet moda (kif jgħidu ċerti bojod, “asking for a friend!”)?
Interessanti wkoll il-kumment ta’ Joe meta jargumenta li għalih “il-Maltin saru bojod fl-2004”. Dan il-kumment fakkarni f’dan l-artiklu, li jittratta dwar l-identità Ċeka u x-xewqa/xenqa li jidentifikaw mal-Punent. Jikkonkludi li din ix-xewqa/xenqa, fis-sens li jikteb dwarha Lacan, hija dejjem xewqa li tiġi posposta. Dan għaliex sabiex persuna Ċeka jew mill-Ewropa Ċentrali tkun tista’ tidentifika bħala “tal-Punent” (fis-sens ta’ “Westerner”), tiddependi mir-rikonoxximent ta’ udjenza mill-Punent. Għaldaqstant, iċ-Ċek maqbud f’ċiklu ta’ inklużjoni/esklużjoni mill-istess grupp li qed jipprova jidentifika miegħu. Bl-istess mod, naħseb li s-suġġett Malti jixxennaq biex jidentifika mal-Punent u jipprova “jibjad”, billi xi kultant saħansitra jiċħad dak kollu li jista’ jikxfu bħala Malti, filwaqt li hu wkoll jiddependi minn udjenza mill-Punent li tirrikonoxxih bħala tali.
Karl (21.02.2024)
Waqt li kont qed naqra dawn il-kontribuzzjonijiet, ftakart f’xi ħaġa ironika li toħroġ b’mod ċar fil-ktieb ta’ Matthew Vella, Passport to Vice. Filwaqt li l-ġurnali Ingliżi kienu jirreferu għal irġiel kriminali Maltin bħala “dark skinned men”, l-istess irġiel kienu jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet tal-lemin estrem kontra l-immigranti. Ta’ min jirrimarka li r-rwol tagħhom ma kienx ikun wieħed passiv, iżda kienu jkunu armati u minn tal-ewwel biex jattakkaw lin-nies f’isem il-faxxisti Ingliżi. Għal min jinteressah jaqra iktar, aqraw b’mod partikolari paġni 89–92.
Joe (05.04.2024)
Kull kitba hija b’xi mod jew ieħor fl-ewwel persuna; u meta — “bħala Maltin” — naqraw ħafna mix-xogħol li naqraw, ma nafx jekk aħniex suppost naqrawh fl-ewwel persuna jew le. Din relatata mal-ansjetà inizjali li fetaħ biha Omar (09.02.24); u naħseb li hija waħda mill-kwistjonijiet fundamentali ta’ dal-proġett, u ta’ dal-ġurnal. Ilna għexieren ta’ snin nafu li jekk aħna konxjament femministi, jew postkolonjali, jew suwed, jew Marxisti, jew queer, nistgħu għall-inqas naqraw “kontra” t-test. Biex inġib l-iktar eżempju goff li nista’: kemm Maltin jaqraw Il-Barrani ta’ Camus u jindunaw li l-arma ta’ Meursault hija ppuntata lejhom? Jew moħħhom biss biex jintilfu miegħu fil-ksuħat Ewropej tal-longa eżistenzjali tiegħu?
Inħossni stramb meta niġi mġiegħel definittivament nidentifika mal-abjad, mal-Ewropew. Meta kont ngħix l-Ingilterra u kultant kienet terġa’ tqum il-kwistjoni tar-riparazzjonijiet, kont nappoġġjaha bis-sħiħ mossa bħal din, imma wkoll kien jittikani l-fatt li jekk qatt tidħol xi skema ta’ riparazzjonijiet, din probabbilment kienet titfagħni fil-kamp tal-kolonizzatur. Ma kellix fiduċja li kien se jkun hemm xi fondi dovuti għall-Maltin — għax altru jfaqqruk u jżommuk lura u jumiljawk bil-gaxin, u altru jġorruk fl-iskjavitù. Il-parti tiegħi ta’ kwalunkwe ħlasijiet bħal dawn, ovvjament, kienet tkun moħbija, u negliġibbli meta mqabbla mal-affarijiet l-oħra kollha ffinanzjati mit-taxxa li kont inħallas iżda xi ammont żgħir minnha, tkun kemm tkun minuskula, u astratta kemm tkun astratta, kienet tmur biex tagħmilni kontributur nett, u tidentifikani mal-kolonizzatur.
(Wara li tlaqt mill-Ingilterra sirt naf li fl-1835, il-Gvern Ingliż kien waqqaf skema biex jikkumpensa lis-sidien tal-iskjavi li kienu żvantaġġati bl-abolizzjoni tal-iskjavitù. L-eks skjavi kellhom isiru “apprendisti” għall-ewwel sitt snin tal-libertà tagħhom; li kien ifisser li kienu se jkomplu jaħdmu għas-sidien preċedenti tagħhom mingħajr ħlas. Biex jassorbu aktar ix-xokk u jkun żgurat li jistgħu jkomplu fl-istil ta’ ħajja li kienu mdorrijin bih, l-eks sidien ġew ikkumpensati għal kull skjav li kellhom. Il-gvern, effettivament, xtara l-iskjavi mis-sidien tagħhom, “fdiehom”. Il-kumpens imħallas kien jammonta għal £20 miljun, trasferiment massiv ta’ ġid ekwivalenti għal madwar £2 biljun fil-prezzijiet tal-lum. Bħala frazzjoni ekwivalenti tal-PDG fis-sena issa s-somma tkun ekwivalenti għal £17-il biljun. Biex jagħmel dawn il-ħlasijiet, it-Teżor issellef il-flus mingħand il-banek privati, u dam sal-2015 biex is-self jitħallas kollu lura. Li jfisser li, fit-tmintax-il sena li għext l-Ingilterra, minn kull lira li qatt ħallast f’taxxa, xi ammont minnha, żgħir kemm kien żgħir, u astratt kemm kien astratt, mar biex jarrikkixxi l-familji tas-sidien tal-iskjavi u d-dixxendenti tagħhom.)
fatima (05.04.2024)
Ħadt gost enormi naqra din il-konverżazzjoni rigward il-kunċett ta’ “bjuda”. Xtaqt inżid billi nirreferi għall-idea tal-ispettru tal-kuluri tal-ġilda fil-konoxxenza Maltija meta, qabel ma bdiet tgħaqqad lilha nnifisha mal-Ewropa, il-kulur tal-ġilda kienu jirreferu għalih bħala “ċar” jew “skur”. Waqt li ċertu livell ta’ bjuda kienu jirreferu għalih bħala xi ħaġa li tinżillek għasel, x’aktarx għax kien meqjus bħala wieħed li joħroġ mill-Ingliżati u s-sofistikazzjoni, parti mill-mard li jħalli l-kolonjaliżmu, il-kunċett ta’ ġilda skura — jew dik il-frażi tant mistkerrha llum il-ġurnata, “karnaġġon skur” — kienu jirreferu għalih bħala parti mid-deskrizzjoni fiżika ta’ persuna. Id-differenza llum il-ġurnata, bħalma kiteb sew Joe (09.02.2024), hi s-separazzjoni bejn abjad/iswed li twieldet mill-qafas Ewropew.
Ukoll, ma nistax nitkellem fuq il-ġilda u l-kuntest soċjokulturali tagħha mingħajr ma nagħmel referenza għax-xogħol ta’ Frantz Fanon, fejn f’Black Skin, White Masks jitkellem fuq l-inferjorità li jħalli warajh l-imperjaliżmu, li dawk li jkunu taħt il-poteri kolonjali jkissru u jfarrku l-identità tagħhom biex ikunu jistgħu jilħqu l-qofol tal-istess tip ta’ poter, għax li tkun Ingliż jew Franċiż (fil-każ li jikteb fuqu Fanon) ifisser li tista’ tegħleb dak li ġejt imċaħħad minnu. Waqt li l-kunċett tal-ispettru tal-kuluri jagħmel iktar sens meta nitkellmu fuq il-Malti mill-angolu superfiċjali, jiġifieri bħala deskrizzjoni fiżika, fl-opinjoni tiegħi d-deċiżjoni Maltija li tqabbel lilha nnifisha ma’ bjuda u l-Ewropa hija direttament relatata mal-kolonjaliżmu, u l-biża’ li, jekk il-Maltin jammettu li hemm xi tip ta’ Għarbi jew Afrikan fil-wirt Malti, ikun ifisser li għad hemm ċans li jistgħu jiġu mistkerrha, jew li għadhom primittivi, taħt poteri Ewropej. Allura, li tirreferi għalik innifsek bħala abjad meta int mill-Mediterran, u tinsab fil-Mediterran, ifisser li kkunsidrajt lilek innifsek awtomatikament bħala abjad u m’hemmx għalfejn tiġġustifika l-pożizzjoni tiegħek, la minn angolu ta’ razza, jew karnaġġon, lanqas sens ta’ appartenenza. Bażikament li qed jintqal meta l-Malti jgħid li hu “abjad” huwa dan: hawnhekk arti u m’hemmx għalfejn niġġustifika l-eżistenza tiegħi.
Il-kunċett tal-ispettru tal-kulur tal-ġilda jagħmel iktar sens bħala oġġett deskrittiv f’kuntest Malti għax għalkemm ħafna Maltin jiddeċiedu li jiddeskrivu ruħhom bħala bojod, ftit li xejn jaqgħu taħt dik id-deskrizzjoni jekk imissu mal-Punent tal-Ewropa, jew jaqsmu l-baħar, u jmorru lejn l-Amerka. L-istorja tal-emigrazzjoni Maltija tgħidilna wkoll li meta kienet kolonja, skont l-Ingliżi, żgur ma kinux bojod u biex jesportaw l-iġsma Maltin għax-xogħol f’kolonji oħra, kellhom jagħtuhom lezzjonijiet fuq kif għandhom iġibu ruħhom barra minn Malta għax kienu kkunsidrati bħala inferjuri u slavaġ. (Erġajna lura għal li kiteb Joe hawn, bażikament.) Iġsma ta’ ħaddiema li jitkellmu lingwa stramba, li qattgħu wisq ħin fix-xemx, nies bla skola u skuri. L-istorja iktar riċenti, li teżisti biss fil-ħalq tan-nies somor li ma twildux Malta imma waslu hawn bejn it-tmeninijiet u d-disgħinijiet, tgħidilna wkoll li l-Maltin kienu jikkunsidraw nies ta’ ġilda skura bħala tal-missjoni, għax l-unika kuntatt li kellhom mal-Afrika kien mill-perspettiva tal-Kattoliċiżmu. Għalhekk, ma nistgħux noħolqu tifsira mingħajr ma nikkunsidraw il-multipliċitajiet li dawn it-terminoloġiji jħaddnu f’kuntest Malti.
U biex nagħlaq dan il-kumment enormi li qed isir esej minnu nnifsu, nixtieq nelabora fuq l-ewwel kumment li ħalla Omar (09.02.2024). Meta niġi biex nikteb fuq il-karnaġġon u l-wirt, u l-bjuda, u x-“xi mkien fin-nofs” li xi ħadd bħali jgħix fih, nipprova nikteb mill-perspettiva ta’ min qed nitkellem fuqu. Voldieri jekk xi ħadd mill-Punent, naf li lili se jikkunsidrani bħala persuna sewda. Jekk Afrikan, naf li lili se jikkunsidrani bħala Afrikana. Jekk Għarbi, naf li lili se jikkunsidrani bħala masrija. Jekk xi ħadd Malti, naf li lili se jikkunsidrani bħala oġġett ta’ interess u xi drabi eżotiku, allura nenfasizza fuq il-“bejn” (jiġifieri, bejn sewda-bajda, bejn Maltija-u-le). Meta nikteb fuq il-kunċett ta’ poter, u qed nirreferi għal kunċetti Ewropej, nirreferi għal bjuda/l-abjad, għax dawn huma t-terminoloġiji li tatni l-akkademja Ewropea, u f’għajnejja, jekk qed nitkellem fuq dan il-kunċett, fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellem fuq xi ħaġa li impona fuqi l-Punent, kemm bħala kategoriji psikoloġiċi, u anki kategoriji lingwistiċi, u kategoriji li ngħix fihom, jew barra minnhom. Il-punt hu li kategorija bħal din hija fluwida, u tiddependi fuq il-kuntest, u personalment ma tantx għandi interess jew aptit nikkrea kategorija ġdida biex inlaħħaq mal-Ewropa. Iktar minn hekk, spiss naħseb f’ommi, mara Maltija ta’ ġilda ċara, iktar ċara minn ħafna Maltin, li kull darba li kienet issib ruħha fix-xemx kienet tgħid, jaqq. U jekk xi ħadd jazzarda jsaqsiha jekk hix bajda, tgħidilhom sempliċiment li mhijiex Ingliża (ħsieb li huwa naqr’iktar elaborat hawnhekk fejn nitkellem fuq l-intersezzjoni bejn lingwa, wirt, karnaġġon u l-“bejnet”).
Joe (05.06.2024)
Mill-ħafna punti importanti li semmiet fatima, naqbad ma’ wieħed biss: ir-rwol tal-missjoni fl-immaġinarju Malti. L-idea tal-missjoni kienet tagħtina l-opportunità li aħna stess speċi jkollna imperu tagħna, u nserrħu rasna li ma konniex assolutament fil-qiegħ tal-piramida. Dak iż-żmien konna nesportaw iktar qassisin minn kull ħaġa oħra u mhux ħaġa kbira li kien ikollok kuġin li jekk ma marx il-Vatikan jaħdem mal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, kien mar il-Ghana jew l-Uganda, fuq il-fruntiera nett tal-bxara t-tajba. Sal-bidu tat-tmeninijiet żgur, tal-Mużew kienu juru slideshows — “lectures” — li jirrakkuntaw l-avventuri ta’ dawn il-qassisin intraprenditorjali li marru fil-ġungla biex “jikkonvertu” (jiċċivilizzaw) lil xi tribù li qatt ma kienet rat qmis u qalziet. Dejjem kienu jsibu l-għajnuna ta’ xi tifel li għalkemm kellu isem plawżibbilment “Afrikan” — ngħidu aħna, Bambo — xorta waħda setgħu jidentifikaw miegħu t-tfal Maltin għax bħalhom kien riesaq lejn il-Griżma tal-Isqof. Għall-kuntrarju tagħhom, però, familtu ma kinitx ferħana bih għax huma kienu għadhom jaduraw ix-xemx jew il-qamar u jilbsu d-dbielet tal-weraq. Dawn l-avventuri ma kinux differenti wisq mill-istejjer li kienu jirrakkuntaw lit-tfal, speċjalment subien, Ingliżi, Franċiżi, Olandiżi, Belġjani, Ġermaniżi u anki Taljani iktar kmieni fis-seklu għoxrin u fis-seklu ta’ qabel. Kultant kien ikollna evidenza ċara tal-eżistenza ta’ dan l-imperu billi kien jitfaċċa qassis mill-Afrika, li minn Nairobi jew Kampala kien isib ruħu l-Fgura jew Ħal Qormi San Bastjan, u kulħadd kien jifraħ bih. Wara kollox, kien xhieda tal-ġid li jagħmlu dawk it-12c5 li konna nagħtu lis-“santanfanzja” darba fis-sena .