Żerriegħa

Davinia Hamilton

Fil-ħarifa tal-2020, fil-bidu tat-tieni lockdown, żrajt żerriegħa għall-ewwel darba f’ħajti, u r-raħs ta’ idea rabba l-għeruq. Dak iż-żmien konna f’nofs il-pandemija: in-numri — l-infezzjonijiet, il-pazjenti l-ICU, u l-imwiet — kienu telgħin, u konna qegħdin niffaċċjaw xitwa twila u kiefra. Malta kienet tinħass ’il bogħod ’il bogħod — ’il bogħod wisq minn dan l-appartament żgħir f’Londra. Iż-żmien kien għaddej b’pass illajmat imma goff, ma jċedi xejn. Ħassejt in-nuqqas ta’ familti, kont ili xhur twal ma narahom, u l-ivvjaġġar kien għadu perikoluż. Kien għad ma kellniex vaċċin biex itaffi l-periklu ta’ dan il-virus li kien qiegħed jeqred tant nies. Bl-ansjetà ttextex f’żaqqi, kont qisni għasfur b’qalbi tgħaġġel, kollni ttikazzjoni u enerġija bla skop.

Kien hemm artista ħabiba tiegħi, Carla, li dak iż-żmien kienet qiegħda tiżviluppa performance immersiva fuq Zoom li tkun bejnha u bejn l-ispettaturi wieħed wieħed. Talbitni ngħinha tittestjaha qabel tmur live. Wara ftit jiem, irċivejt pakkett fil-posta. Fih kien hemm qasrija tawwalija għall-ħwawar, b’erba’ qsari iżgħar ġewwa fiha, borża ħamrija, u erba’ pakketti żrieragħ: ħabaq, kożbor, xibt u kurrat salvaġġ.

Dakinhar tal-performance, għamilt kikkra te u dħalt fuq Zoom, bil-laptop ibbilanċjat fuq il-bank tal-kċina. Segwejt lil Carla, li kienet qiegħda turini x’għandi nagħmel, pass pass. Daħħalt idi fil-borża, qbadt ftit ħamrija kiesħa u niedja u ppakkjajtha f’waħda mill-qsari ż-żgħar. Għall-ewwel tgħidx kemm dejqitni s-sensazzjoni tal-ħamrija taħt difrejja, u ma ħadtx pjaċir li kont qed nerġa’ nħammeġ l-art li kont għadni kif ħsilt.

Xerridt iż-żrieragħ ċkejknin tal-ħabaq fuq il-ħamrija, imbagħad poġġejt saff ieħor ħamrija u saqqejtha. Irrepetejna l-proċess għaż-żrieragħ kollha; sadanittant konna qegħdin nitkellmu, jien u Carla, dwar is-sitwazzjoni li konna qegħdin fiha, u dwar dawk l-aspetti tal-ħajja li tant konna nimmissjaw: il-familja, sħabna, it-teatru, il-ħruġ, l-ivvjaġġar, l-arti. Carla staqsietni nwegħedha li ħa nieħu ħsiebhom dawn il-pjanti; għidtilha li kont ħa nagħmel mill-aħjar li nista’. Il-qsari poġġejthom fuq il-ħoġor tat-tieqa tal-kċina, li tieħu ħafna xemx matul il-ġurnata. Biex ngħid is-sew, ma tantx emmint li kienu se jikbru. Il-pjanti jien qatt ma kont naf nieħu ħsiebhom. Forsi ma segwejtx tajjeb x’kienet qaltli nagħmel Carla, u żrajthom ħażin? U jekk iż-żrieragħ kienu skaduti? Jew il-ħamrija ma kinitx fertili? Jew forsi kelli xi ħaġa jiena fija nnifsi li setgħet tfixkel din il-ħajja milli tikber? Minkejja kollox, il-kurżità rebħet, u l-qsari saru parti integrali mir-rutina ta’ kull filgħodu. Kont inqum mis-sodda, naħsel wiċċi, nitma’ ’l-qattusa, nixgħel il-kitla għal kikkra kafè, u ndeffes suba’ f’kull qasrija biex nara jekk għandhiex bżonn l-ilma.

L-ewwel li nibet kien il-ħabaq, wara xi ġimgħa. Stagħġibt b’li kont qed nara: dawk il-werqiet ħodor ċkejknin u teneri ħerġin mill-ħamrija. Bqajt inħares lejhom, lanqas ridt nemmen. Ħadtilhom għexieren ta’ ritratti bil-mobile, sakemm ġiet il-qattusa titħakkek ma’ saqajja, qisha biex tfakkarni li kont għadni ma tmajthiex. Din l-esperjenza ġdida qanqlitli xi ħaġa ġewwa fija — ir-realizzazzjoni li jien kelli l-poter li niġġenera l-ħajja. Forsi jkun hawn min jgħid, imma mhux ovvja? Din kif qatt ma kont tafha? Mhux għax ma kontx nafha, imma qisni qabel kont naħseb li n-natura ma tantx kienet importanti. Jew li ma kinitx tgħodd għalija; qatt ma kont interessajt ruħi. Imma din kienet prova li stajt ngħin ’il-ħajja tiffjorixxi u tirnexxi. U fid-dinja kif kienet, mimlija pesta, dan kien qisu xi att ta’ sfida u reżistenza. Kien sodisfazzjon liema bħalu. Mhux bħas-sodisfazzjon familjari tal-applaws wara xi reċta; jew is-sodisfazzjon li tħoss meta tara lil sħabek jieħdu pjaċir jieklu xi ikla li tkun sajjartilhom int; jew is-sodisfazzjon meta fl-aħħar tkun lestejt xi biċċa kitba li tkun ilek tissara magħha żmien u għomor. Le. Din kienet xi ħaġa oħra, li kienet ġejja minn xi mkien iktar fil-fond, xi mkien iktar kwiet.

Fil-ġimgħat ta’ wara, fellsu ż-żrieragħ l-oħra. Saqqejthom u ħadt ħsiebhom, u f’kemm ili ngħidlek minn nebbieta fraġli saru pjanti sbieħ u robusti, ħodor u jfuħu. Meta kien ikun hemm xi werqa niexfa kont naqtagħha sabiex il-werqiet b’saħħithom ikollhom l-enerġija kollha li għandhom bżonn. Kont nagħmel sigħat sħaħ nipprova nitgħallem aktar, infittex fuq Google, nara l-videos. Xtrajt qsari ikbar, xtrajt ħamrija ta’ kwalità ogħla. Meta kienu kbar biżżejjed, bl-għeruq imissu mal-ġenb tal-qsari, ix-xtieli tal-ħwawar qlajthom mill-ħammiela u ħawwilthom fil-qsari l-ġodda biex ikollhom iktar spazju fejn jikbru. Xtrajt iktar żrieragħ, u l-qsari ż-żgħar irriċiklajthom biex niżra’ n-nagħniegħ, il-klin, it-tursin u s-sagħtar. Kibru wkoll, u malajr kelli ġnien ġmielu fuq il-ħoġor tat-tieqa.

Il-Milied suppost kelli nqattgħu mal-familja, imma lejliet it-titjira l-Prim Ministru Ingliż ħabbar li kellna nerġgħu nissakkru ġewwa. Komplejt ninfexx fil-pjanti. Sal-aħħar ta’ Diċembru, kienu tant kibru li bdejt naħsadhom għat-tisjir. Bin-nagħniegħ kont nagħmel it-te. Kont inqatta’ l-ħabaq u nħalltu f’insalata mat-tadam u l-avokado. Kont inqasqas il-kurrat salvaġġ u nużah fil-patata maxx, u t-tursin inroxxu fiz-zalza għal mal-għaġin. Tgħallimt kif inkattar iz-zkuk, inpoġġihom ġo vażetti mimlijin ilma fuq il-ħoġor tat-tieqa sakemm jibdew joħorġu l-għeruq, imbagħad inħawwilhom ukoll. Illum, l-appartament tiegħi kollu pjanti jissaraw għall-ispazju fuq kull xkaffa, kull mejda, u kull fejn hemm roqgħa xemx, u l-gallarija żgħira żgħira saret ġnien, fejn l-għaxqa tiegħi nkabbar it-tadam, il-ħass, il-bżar aħmar u l-basal. Hemm għandi wkoll abbundanza ta’ fjuri u pjanti: tliet speċijiet ta’ ward, sardinella, ilsien in-nisa, margerita, peprin, spika, narċis, ġirasol u ġjaċintu, fost l-oħrajn. Ġieli nqatta’ sigħat sħaħ noħlom li xi darba jkolli ġnien li fih nista’ nħawwel is-siġar tat-tuffieħ u taċ-ċirasa, u fejn ikolli spazju biżżejjed biex inkabbar affarijiet oħrajn: zunnarija, kaboċċa, patata, tewm u qarabagħli.

Fl-esej Of Other Spaces, Michel Foucault jgħid li l-ġnien hu “forsi l-eqdem eżempju” ta’ kunċett li jsejjaħlu “l-eterotopja. Eterotopji huma dawk l-ispazji li jfixklu r-ritmu tal-ħajja ta’ kuljum. Ifixklu wkoll il-konfini bejn dak li hu privat u dak li hu pubbliku; bejn il-personali u s-soċjali, u jisfidaw il-prevedibbiltà tar-rutina kwotidjana. Meta nsibu ruħna fi spazju eterotopiku, inħossu distakk min-norma. Il-perċezzjoni tal-ħin tinbidel. Jingħaqdu l-passat u l-preżent, il-preżent u l-futur. X’inhu l-att taż-żrigħ, jekk mhux att ta’ fidi llum li għada jisbaħ ukoll? Wieħed mill-aqwa eżempji ta’ eterotopja nsibuh fil-ħajja u x-xogħol tal-artist u viżjunarju Derek Jarman. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu, wara dijanjosi ta’ HIV fl-1986, Jarman xtara dar jisimha Prospect Cottage, f’Dungeness ġewwa Kent qrib impjant tal-enerġija nukleari, fejn ħoloq ġnien li għadu hemm sal-lum. Ix-xogħol tal-indukrar, u l-ġnien innifsu, saru dikjarazzjoni solenni ta’ ħajtu, u pprovdew spazju eterotopiku, transitorju, fejn seta’ jikkonfronta l-mewta imminenti, u fl-istess ħin isostni l-arti tiegħu u japprofondixxi l-impenn tiegħu għall-attiviżmu queer. F’Modern Nature, Jarman jikteb hekk fuq il-ġnien:Il-ġardinar iħaffer fi żmien ieħor, mingħajr imgħoddi jew ġejjieni, bidu jew tmiem. Int u miexi fil-ġnien tgħaddi ġo daż-żmien — il-mument tad-dħul ma tista’ tiftakru qatt. Madwarek il-pajsaġġ jinsab trasfigurat. Hawn hi l-Ammen lil hinn mit-talba.

Ix-xewqa li nindokra n-natura fellset fija, għamlet l-għeruq, nibtet, werrqet u ħarġet iż-żahar.

Magħha kien hemm xenqa għal ħajja inqas mgħaġġla, għal iktar żmien għas-silenzju u l-kreattività. Xenqa għal ġnien, għal indukrar. Talba li nkun imdawra bin-natura; biex il-pulmun nimlieh bl-arja friska, bil-fwieħa tal-ħamrija, tal-ħaxix. Qabel, kont naħseb li jien xi ħaġa apparti min-natura, imma anki f’dik is-solitudni stramba, stajt inħossni nagħmel parti minn xi ħaġa ikbar minni — xi ħaġa awtopoetika, tipproduċi u tirreproduċi ruħha. Ix-xbieha taż-żrieragħ fil-ħamrija ħassejtha qaddisa, wara tant snin ta’ indifferenza lejn in-natura.

Fil-fatt, ma kontx indifferenti daqskemm ħsibt. Fiż-żmien li kont qed naħseb fuq kif se nikteb dan l-esej, kont immur nimxi. Nimxi u nimxi u nimxi, u nirraġuna waħdi. Għaddieli ħsieb minn moħħi. Anzi, memorja kienet — memorja minn tfuliti ta’ żjara sal-Buskett, ġnien miżgħud b’għaxqiet id-dinja, kollha dwieli, fjuri, żebbuġ, ħarrub, għargħar, u siġar tal-larinġ. Dik il-memorja kienet qisha bieb li jiftaħ fuq tużżana memorji bħalha — ommi u ziti jitkellmu u jixorbu t-te mit-Thermos u jerħulna, il-kuġini, nilagħbu qalb iż-żnuber, ninqalbu fil-ħamrija, nistkennu għad-dell taħt is-siġar, u nimmeraviljaw ruħna bl-insetti li kien hemm. Konna nosservaw in-nemel, jimmarċjaw wara xulxin qishom f’xi purċissjoni, iġorru xi biċċa ikel tliet darbiet ikbar minnhom. Konna npoġġu mat-tarf tan-nixxiegħa biex naraw il-frieħ taż-żrinġ għaddej, nitgħaxxqu b’surithom stramba, qishom ġelatina. Konna niġru wara l-friefet u l-mazzarelli, nippruvaw naqbduhom biex insiru sbieħ bħalhom. Kellna manija li niġbru kulma nsibu, inkunu fejn inkunu. Tiegħi kont inpoġġihom fil-kamra ġo vażetti tal-ħġieġ, taparsi oġġetti msaħħrin, anki qxur tal-bebbux u weraq mejjet kont issibli. Konna niġbru ċ-ċagħaq, l-arzelli u l-prinjoli, qisna qegħdin naħżnu l-art u l-arkivji tagħha. Kien hemm parti minni, minsija maż-żmien, li kienet l-iktar għal qalbha tiġri f’xi għalqa sakemm jinqatgħalha nifisha; li kienet tagħmel il-kutrumbajsi fuq il-ħaxix; li kienet toħlom li ssir sirena f’baħar fond; li kienet tixtieq titħaddet mas-siġar.

Nintebaħ li kont niftakarni ħażin.

Rivelazzjoni bħal din hi eżempju ta’ fenomenu li Jacques Lacan isejjaħlu après-coup. Huwa effett stramb fejn xi memorja, jew xi ħsieb, li tkun ħsibt li huma bla sens, f’daqqa waħda jagħmlu sens retroattivament. L-idea — jew is-sinjifikatur, kif jgħid Lacan — tieħu l-ħajja u retroattivament tbiddel il-passat. Nirrealizza, jien u nikteb dan l-esej, li dan ir-ritorn tar-repress kien diġà beda jseħħ xhur qabel ma żrajt dik l-ewwel żerriegħa. Kien beda fir-rebbiegħa, wara li tħabbar l-ewwel lockdown. Issakkru l-bibien u r-rutina kif konna nafuha ntemmet, imma x-xemx glorjuża ta’ April għelbet id-dalma, ġabet magħha s-sħana u l-ħajja. Ħdejn l-appartament tiegħi, is-siġar kienu ffullati bil-ħajja — ekosistema rikka ta’ fungi, ħażiż, insetti u għasafar jikkongregaw fuq il-friegħi. Il-park kotor bil-ħajja salvaġġa, ferneżija ta’ fjorentini, tiġieġ tal-baħar, gallozzi u pitirrossi jitimgħu ’ż-żgħar tagħhom, filwaqt li ċ-ċinji u l-wiżż jiżżerżqu fuq l-ilma ħadrani u trankwill tal-għadajjar. Bil-kuluri tal-fjuri, l-għelieqi saru qishom kalejdoskopju. Kien hemm ruxxmata żnażan ħoxnin donnhom fis-sakra, jitgerbu minn fjura għall-oħra, u kull fejn tmur tisma’ l-istridulazzjoni tal-grillu qalb il-ħaxix.

Il-lockdown kien jikkmanda li ngħixu bil-mod — li nabbandunaw ir-ritmu eċitat u nevrotiku li konna tant drajna, u li ndawru l-attenzjoni tagħna b’mod meqjus, kemm ’il ġewwa, kif ukoll ’il barra. L-ispettaklu tal-belt, kollha dwal u ​​veloċità u ħsejjes — li nammetti li kienu huma l-affarijiet li attirawni lejha fil-bidu — kien inbidel fi spettaklu ieħor: ta’ affarijiet ħajjin. Affarijiet li, nafu jew ma nafux, ħajjitna tiddependi fuqhom, li bil-kwiet isostnu t-tessut tal-eżistenza tagħna lkoll. Dan l-ispettaklu kien iktar kalm, ġentili, b’ritmu ieħor — u kien bla ħlas.

Meħlusa mit-tirannija tal-produttività, u mill-biża’ li naħli l-ħin, mort nimxi. Imxejt, sigħat twal kuljum. Clapham Common u Wandsworth Common, qrib fejn ngħix, saru santwarji ta’ esplorazzjoni. Kont nieħu miegħi boroż mimlijin żrieragħ u karawett biex nitma’ ’l-għasafar residenti — u ġieli anki xi skojjattlu. Fil-basket kont nipprepara piknik bil-ħobż u l-ġobon u l-mandolin, u xi ktieb biex noqgħod naqra. X’kien hemm iktar x’tagħmel?

Mort nimxi. Ħafna kittieba u filosfi kitbu dwar il-merti tal-mixi — minn Walter Benjamin, li osserva lil dawk li jimxu fl-ibliet u postijiet urbani, għal Kant, Nietzsche, Wordsworth, Thoreau u oħrajn li sabu s-sabar tagħhom qalb in-natura. F’Wanderlust, Rebecca Solnit tikteb hekk: 

Ir-ritmu tal-mixi jiġġenera tip ta’ ritmu tal-ħsieb, u l-passaġġ fil-pajsaġġ jirrifletti jew iqanqal il-passaġġ qalb sensiela ta’ ħsibijiet. Dan joħloq konsonanza stramba bejn il-passaġġ intern u dak estern, konsonanza li tagħtina ħjiel li l-moħħ huwa wkoll forma ta’ pajsaġġ li mod kif nistgħu ngħaddu minnu huwa billi nimxu. Ħsieb ġdid ġieli jinħass qisu xi ħaġa f’dan il-pajsaġġ li minn dejjem kienet hemm, daqslikieku l-ħsieb huwa vjaġġ u mhux għemil.

Jien u nimxi fil-parks viċin ta’ fejn ngħix, inħoss sens ta’ responsabbiltà. Inqatta’ ħafna ħin nosserva s-siġar. Qabel ma tgħallimt x’jisimhom, tajthom ismijiet jien stess. Hemm siġra quddiem l-istazzjon, tant hi kbira nistħajjilha żewġ siġriet jinnamraw; dik insejħilha Tiresias. It-tliet siġriet ħdejn il-bieb ta’ barra qishom trio ta’ sħaħar; lil dawk insejħilhom The Wyrd Sisters. Imbagħad hemm siġra ġganteska, qisha mmanifestat ruħha minn xi ħrafa; dik tissejjaħ Grimm. Dawn is-siġar donnhom għandhom personalità — kemm ix-xtieli tant ċkejknin li għadhom marbutin ma’ xi bastun biex jibqgħu dritti, u kemm dawk kolossali li jkunu għaddew mijiet ta’ snin minn fuqhom, li iktar nistħajjilhom katidrali milli siġar, mibrumin u mbixklin, bi friegħi miġbudin ’il fuq lejn is-sema. Iktar ma nitgħallem dwar is-siġar, iktar insir inħobbhom, dawn ix-xhieda kwieti tal-istorja. Nitgħallem li jmantnu lil xulxin — għandhom l-għeruq kollha magħqudin f’sistema taħt l-art, u jekk waħda minnhom timrad, l-oħrajn jaqsmu magħha n-nutrijenti tagħhom sabiex ifejquha. Togħġobni wisq din is-solidarjetà sigrieta tas-siġar.

Nimxi, u nitgħallem nagħrafhom mid-dehra. X’forma għandhom il-weraq? Għat-tul, qishom xwabel żgħar? Tondi? Qlub? Dritti jew isserrati? X’kulur huma? Għandhom fjuri? U l-qoxra taz-zokk bl-istrixxi? Lixxa? Titqaxxar? L-ismijiet tas-siġar li nara ta’ kuljum nitgħallimhom bl-Ingliż, peress li fuq l-app li nuża biex nitgħallem nagħrafhom jagħtihomlok bl-Ingliż. London Plane, Poplar, Hornbeam, Oak, Large-leaved Lime, Hazel, Ash, Silver Birch, Blackthorn, Weeping Birch, Crab Apple, Willow, Sweet Chestnut, Horse Chestnut. Qabel dan l-eżerċizzju fit-tassonomija, ma kelli l-ebda lingwa biex nagħrafhom lil dawn il-kreaturi, u għalhekk għalija kienu kollha “siġar” — jew, agħar minn hekk, kienu kollha fl-isfond. Nimxi, u nitgħallem nagħraf l-għasafar ukoll, anki minn kif isaffru. Great Tit, Blue Tit, Long-tailed Tit, Chaffinch, Blackbird, Crow, Greater Spotted Woodpecker, Eurasian Jay, Starling, Robin, Goldcrest, Sparrow, Siskin, Nuthatch, Redwing, Rose-ringed Parakeet. Cormorant, Greylag, Mallard, Common Chiffchaff, Canada goose, Egyptian goose, Heron, Black-headed gull. Kull kelma turini iktar, tħallini nara iktar, nosserva iktar.

Nipprova nitgħallimhom bil-Malti dawn l-ismijiet. Ħafna minnhom ma nafhomx, għax dan is-suġġett qatt ma kien jinteressani qabel. Infittixhom fuq l-internet u f’Kelmet il-Malti. Għandhom ismijiet sbieħ immens. Vjolin tax-Xitwa, Bufula tal-Qamar, Sponsun, Primavera, Sultan iċ-Ċawl, Sturnell, Gardell, Ekru. Siġra tal-Luq, Balluta, Siġra tad-Dorf, Fraxxnu, Żagħrun. Imma hemm kelmiet minnhom li ma jeżistux bil-Malti, għax dawk l-għasafar u dawk is-siġar ma jeżistux f’Malta. Din il-problema niltaqa’ magħha wisq spiss. Hemm kliem f’bosta oqsma li jinteressawni li bil-Malti ma jeżistix — il-psikoanaliżi, it-teorija queer, it-teorija femminista, it-teatru, id-disinn, l-internet u l-industrija soċjali, fost l-oħrajn. Issir kważi impossibbli li naħseb fuqhom fil-lingwa nattiva tiegħi. Il-lingwa Ingliża ssir krozza. Dan huwa effett tal-kolonjaliżmu, li jagħmilha ta’ arbitru bejni u bejn id-dinja.

Il-kitba, bħall-mixi, hija forma ta’ pellegrinaġġ, kelma li ġejja mil-Latin peregrinus, “barrani”. U hawn jien, barranija f’din l-art li ngħix fiha, kultant inħossni barranija fi lsieni stess. Ejja nerħu ’l dal-esej jiffjorixxi minn dik iż-żerriegħa. Huwa pellegrinaġġ qalb in-natura, passaġġ għal ġo fija nnifsi, għal ġol-passat, u għal ġo passat mudlam kolonjali li ħallieni — u ħalliena — neqsin.

Ili tnax-il sena ngħix Londra, u l-opportunitajiet biex nitkellem bil-Malti dejjem qed jonqsu. Lil tal-familja nkellimhom bil-Malti meta nċemplilhom, jew meta nżuru ’l xulxin. Għandi xi ħbieb Maltin jgħixu Londra, u meta niltaqgħu nitkellmu bil-Malti wkoll — f’dan il-kuntest huwa donnu bi prinċipju li nitkellmu bil-Malti, biex inżommu ħaj dak l-aspett ta’ min aħna. Nammetti li huwa vantaġġjuż ukoll li jkollok lingwa kważi sigrieta meta tkun trid titkellem fuq affarijiet personali f’postijiet pubbliċi.

Il-bqija bl-Ingliż nitkellem. Il-partner mill-Irlanda ta’ Fuq, u d-dar nitkellmu bl-Ingliż. Anki l-qattusa bl-Ingliż inkellimha — ħlief meta nkun irrabjata għax tkun kilitli xi pjanta, jew tkun girfet is-sufan. Ħafna minn sħabi hawn huma jew Ingliżi — u allura trabbew f’sistema edukattiva li ma tathomx l-opportunità li jitgħallmu lingwi oħra — jew inkella trabbew fil-bqija tad-dinja, u l-Ingliż lingwa franka. Nikteb bl-Ingliż, nirreċta bl-Ingliż fuq palkijiet Ingliżi għal udjenzi Ingliżi. Naħseb bl-Ingliż. Noħlom bl-Ingliż. Inħossni iktar naf nesprimi ruħi bl-Ingliż. Anki biex nikteb dan l-esej qisni qed nimxi fuq ir-ramel fl-ilma baxx, jew insuq il-karozza bis-second. Il-kliem ma nħossux disponibbli bil-Malti daqskemm huwa bl-Ingliż. Xi kultant kelma li rrid lanqas teżisti. Nipprova nilħaqha u nsib spazju vojt. Tort tiegħi. Tort tiegħi?

Meta kont żgħira, ommi u missieri kienu jkellmuni kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. L-Ingliż kont nitkellmu b’aċċent rotund u Mediterran, li ġieli kienu jinkuni bih sħabi li l-lingwa materna tagħhom kienet is-Slimiż. Kemm ili Londra, l-aċċent inbidel sew, u lanqas għadni ninstema’ bħall-bqija ta’ familti — imma lanqas ninstema’ Ingliża. Kultant in-nies isaqsuni, “Minn fejn int?” imma s-soltu din hi skuża biex jippruvaw jaqtgħu, u jibdew jelenkaw il-pajjiżi: Mill-Greċja? Mil-Lebanon? Minn Spanja? Mill-Italja? Mit-Turkija? Insomma, minn xi mkien ieħor; mhux minn hawn. Mhix l-ewwel darba li qaluli kemm nidher u ninstema’ “eżotika”, mingħalihom qed jgħadduli xi kumpliment.

Psikoanalitikament, il-kunċett tal-lingwa materna huwa interessanti ħafna. L-omm tagħtik l-imħabba u l-attenzjoni bil-lingwa tagħha. L-omm hija, kif tikteb il-psikoanalista Kristina Valendinova, mhux biss “l-Oħra li tgħin”, li titma’ t-tarbija u twennisha, imma wkoll “l-Oħra primordjali li, għat-tarbija, hija oġġett ta’ jouissance, u li ġisimha hu l-ewwel sors ta’ sodisfazzjon għat-tarbija. Imma interessanti wkoll li l-funzjoni paterna, dik il-“le” li tintroduċilek il-liġi u l-ordni, u ddeffsek fir-reġistru simboliku, dik il-“le” tingħad ukoll bil-lingwa materna. Huwa fi lsien l-omm li t-tarbija — is-suġġett — hi maqsuma: mifruda u aljenata minnha nnifisha.

Fil-psikoanaliżi ngħidu li s-suġġett jiġi “sovraskritt mil-lingwa. Avolja hi l-lingwa tagħna, il-lingwa materna ma tista’ qatt tkun veru tagħna. Insibu ruħna mgħaddsa f’din il-lingwa anke qabel ma nkunu nafu nitkellmu; anke qabel ma nkunu twelidna. Ma nitwildux f’tabula rasa — nitwieldu f’network kumpless ta’ simboli u tifsiriet iffurmati mil-lingwa. Nirtuha l-lingwa, u din il-lingwa materna jkollha sinifikat uniku, ikkumparata mal-lingwi l-oħra li nitgħallmu tul ħajjitna. Tibqa’ żżomm fiha sens ta’ profondità u rikkezza. Hi permezz tal-lingwa materna li nesperjenzaw dik li Lacan isejħilha lalangue — ir-Reali tal-lingwa, jiġifieri l-materjal li jikkonsisti fi ħsejjes u fonemi puri, lil hinn mill-grammatika u mill-organizzazzjoni lessikografika. Lil hinn mis-sens. Din il-forma primarja tal-lingwa tinteraġixxi mal-ġisem ħaj u tqanqal reazzjonijiet emozzjonali. Valendinova tgħid li lalangue “iġġorr fiha traċċi ta’ inkontru — u ta’ djalogu — ma’ alterità li hi unika daqskemm hi barranija.

Xi kultant naħseb li forsi l-Malti mhux il-lingwa materna tiegħi. Imma darba minnhom inkun qed nitkellem m’ommi, u nsemmilha li qed insibha diffiċli naqleb l-ismijiet tal-għasafar bil-Malti. Tfakkarni x’inhi l-kelma għal “crow” — ċawla — u niftakarha ċara daqs il-kristall. F’ġismi nħoss sensazzjoni elettrika, fil-qosor, imma indelibbli. Il-kelma kważi tintiegħem, immerrqa, misjura, ħelwa daqs il-bajtar ta’ tfuliti.

Minn dejjem kont inħobb il-kliem u l-qari, u meta kont żgħira kien hemm aċċess ferm akbar għal testi Ingliżi milli Maltin. Fil-librerija tal-iskola kien hemm kollezzjoni enormi ta’ kotba bl-Ingliż, u l-ixkaffa bil-ftit kotba Maltin bilkemm kienet tintmiss. Bħal bosta tfal imrobbijin f’eks kolonja Ingliża kont nikkonsma bil-ħerqa kotba bħal dawk ta’ Enid Blyton, The Chronicles of Narnia, The Jungle Book, Winnie the Pooh, The Secret Garden, The Wind in the Willows, The Railway Children. L-Ingliż kien il-lingwa li biha stajt naċċessa d-dinja. Fi tfuliti internalizzajt il-kunċett li l-Malti kien l-ilsien assoċjat mal-familja u t-tradizzjoni, filwaqt li l-Ingliż kien il-muftieħ biex insir parti mid-dinja usa’, u li seta’ joffrili sens ta’ identità globali.

Meta kont żgħira, in-nies li kienu “tajbin fl-Ingliż” konna nikkunsidrawhom iktar bravi. Kellhom iktar kapital kulturali. Kont tirbaħ il-premji jekk kellek vokabularju Ingliż imdaqqas. Kienu jċanfruni għall-pronunzja, bl-erre qawwija u t-“th” plużiva. Kien hemm żmien kienu jirrabjaw magħna jekk jisimgħuna nitkellmu bil-Malti fil-bitħa tal-iskola. Forsi din qed tinbidel issa. Jien trabbejt fid-disgħinijiet u l-ewwel snin tal-elfejn, iktar minn tletin sena wara l-indipendenza, iżda l-mentalità kolonjali li fuqha jikteb Frantz Fanon setgħet tinħass sew f’Malta ta’ tfuliti. Kien hemm ċertu qima lejn dawk in-nies ikkunsidrati Ingliżi. Il-Maltin li kienu studjaw barra, speċjalment l-Ingilterra jew l-Amerka, kienu jiksbu status ogħla fost sħabhom. Ħabibti tgħidli li meta kienet żgħira, f’għeluq sninha, meta kienet tieħu kejk magħha l-iskola biex taqsmu mal-klassi, kienet iżżomm biċċtejn għal kull waħda mill-bniet bjondi b’għajnejhom blu — donnhom kien jistħoqqilhom iktar. Qbadna l-lenti kolonjali u dawwarnieha fuqna nfusna: u, inevitabbilment, sibna li aħna, b’xagħarna skur u għajnejna suwed u l-aċċent għafsi, konna b’xi mod inferjuri. 

F’Mejju tal-2020, jien u l-partner bdejna nirkbu r-rota. It-toroq ta’ Londra kienu kwieti immens, u dan kien ta’ vantaġġ għalina. Konna nsuqu r-rota għal ġoċ-ċentru ta’ Londra, li kienet siekta u qisha diżabitata — bħal xena minn film tal-apokalissi. Piccadilly u Covent Garden kienu vojta, bil-ħwienet magħluqin xhieda ta’ din il-fażi straordinarja li konna għaddejjin minnha. Iżda dan ma kienx film; din kienet realtà. U ma kinitx bħal apokalissi; kienet apokalissi. Kien hemm importanza storika f’kollox. Ħassejtni mġiegħla nżomm djarju bid-dettalji: l-istatistiċi virali ktibthom kuljum, flimkien ma’ inventarji tal-ikel li kelli fil-friġġ u fil-cupboard — nippjana, biex jekk l-ixkafef tal-ħwienet jibqgħu vojta, nirrazzjonaw l-ikel biex ma nispiċċawx bil-ġuħ — rapporti qosra fuq dak li kont għamilt matul il-jum, ma’ min tkellimt u xi jkunu qalu. Żammejt rikordju tal-aħbarijiet li jkunu laqtuni, ta’ x’kien qed jiġri fid-dinja. Qrajt lil Camus, lil García Marquez, lil Defoe, Saramago u McCarthy, nipprova nsib ix-xebh bejn id-dinja infestata tagħhom u dik tiegħi.

Is-sajf ġab miegħu ħjiel ta’ tama hekk kif id-dinja bdiet, b’mod tentattiv, tinfetaħ mill-ġdid. Dawk il-mumenti ta’ konvivjalità nħassu indulġenti. Ħadna wisq pjaċir niltaqgħu ma’ sħabna, nintefgħu barra xi kafetterija nitkellmu għal sigħat sħaħ, u nesploraw is-swali sagri tal-mużewijiet, dejjem attenti li nkunu libsin maskra u li nżommu d-distanza minn kulħadd. Kienet tama li l-agħar żmien kien għadda.

Malajr tħassret din it-tama. Iż-żerriegħa tal-pandemija kienet diġà ilha żmien twil li tħawlet — mhux biss bit-trasmissjoni tal-virus minn annimal għal bniedem, u mhux biss bil-mutazzjoni. Iż-żerriegħa kienet ilha li tħawlet fis-sistemi li ngħixu fihom, li għandhom l-għan jisfruttaw dik li tissejjaħ, skont l-ekosoċjalista Jason W. Moore, “natura rħisa” biex jinħoloq il-kapital. “Essenzjalment, jikteb Moore, “l-innovazzjoni l-kbira tal-kapitaliżmu, mill-oriġini tiegħu wara l-1492, kienet li jivvinta l-prattika tal-approprjazzjoni tan-Natura. Li n-Natura ma kinitx biss idea, imma realtà territorjali u kulturali li taqfel u tgħasses lin-nisa, tikkolonizza popli u tessuti ekstra umani tal-ħajja. Jew, kif tikteb Jamaica Kincaid, “Fit-3 ta’ Awwissu 1492 — meta Kristofru Kolombu salpa minn Spanja… ir-realtà tal-ġnien inbidlet…” Bdiet verament l-epoka Antropoċena, globalizzazzjoni vjolenti tal-kapitaliżmu bl-istess proċess ta’ kolonizzazzjoni, skjavitù u ġenoċidju indiġenu, li kien diġà dak iż-żmien beda jeqred speċi indiġeni ta’ annimali bħall-biżont.

Il-fewdaliżmu kien jiddependi fuq tip ta’ ġardinaġġ fejn il-kultivazzjoni tal-art kienet isseħħ għall-produzzjoni taż-żejjed li, lir-raħħala li jaħdmu l-art, kien jittiħdilhom bil-forza. L-innovazzjoni tal-kapitaliżmu kienet tip ta’ ġardinaġġ għalkollox mod ieħor li rreduċa lin-natura għal sett ta’ kwantitajiet astratti — tant ilma, tant faħam, tant deheb, tant qamħ — biex tiġi sfruttata u mibjugħa għall-profitt. Il-fewdaliżmu nnaturalizza l-ġerarkija: katina kbira ta’ kewn li fiha n-nobbli u l-monarkija kienu l-eqreb t’Alla fost il-bnedmin. Il-kapitaliżmu nnaturalizza wkoll il-komodifikazzjoni universali — il-bżonnijiet tal-ħajja saru opportunità biex xi ħadd jagħmel il-flus minn fuqhom. L-ewwel għeluq vjolenti tal-art warrab lill-bdiewa mir-raba’ komunali tagħhom, u biddilhom f’gabillotti bla proprjetà li setgħu jgħixu biss billi jbigħu l-ħidma tagħhom fl-għelieqi bħala komodità, għall-ħlas. Iżda biddel ukoll lin-nagħaġ, ’il-baqar, u ’l-qamħ, u dawn saru prodotti wkoll. Il-ħtiġijiet kollha tal-ħajja ġew ikkomodifikati. Filosfi moderni ta’ dak iż-żmien, bħal Grotius u Locke, riedu li dan il-proċess jinfirex mad-dinja kollha. Qalu li l-pussess tan-natura — u, fil-każ ta’ Locke, il-pussess tal-iskjavi — kien dritt naturali ordnat minn Alla.

Bil-pjantaġġuni taz-zokkor u t-tabakk fil-Karibew u l-Amerka ta’ Fuq, bl-iskoperta taż-żejt u l-fertilizzanti, bl-invenzjoni tal-fish farms u l-biedja industrijalizzata, il-kapitaliżmu nnifsu sar tip ta’ ġardinaġġ industrijali. U hekk kif il-fruntieri tal-kapital javvanzaw b’mod dejjem aktar aggressiv fil-moxa, javvanzaw ukoll għal ġo dak li jissejjaħ “il-ġibjun tal-ħajja selvaġġa” ta’ mikrobi infettivi. Tul is-sekli, drajniehom il-mikrobi tal-qtates, il-klieb u l-bhejjem. Imma l-maġġoranza tal-mikrobi għadhom ma infettawna qatt — u għalhekk huma iktar u iktar perikolużi. Il-kapitaliżmu jikkonverti l-ekosistemi f’natura rħisa, jillibera l-mikrobi, jiffaċilita l-“qabża żoonotika” tagħhom mill-annimal għall-bniedem, u mbagħad ixerridhom mad-dinja permezz tal-kummerċ globali. Aħna u ngħixu l-pandemija tal-Covid, konna xhieda tal-Antropoċen qed iseħħ.

Din il-kelma, “Antropoċen”, hi kelma mhux ftit qarrieqa. Ġejja mill-kelma Griega ἄνθρωπος (ánthrōpos), jiġifieri “bniedem”, u tirreferi għall-epoka ġeoloġika mnissla mill-effetti tal-bnedmin fuq id-dinja. Imma meta ninsinwaw li l-“bnedmin” huma xi entità omoġena, inkunu qegħdin niċħdu d-differenzi importanti bejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni — li l-impatt ekoloġiku tagħhom huwa negliġibbli — u s-sidien u d-diretturi tal-mitt kumpanija responsabbli għal 71% tal-emissjonijiet li qed jeqirdu l-pjaneta. Huwa kunċett Malthusjan li jsostni li huwa b’xi mod inevitabbli li neqirdu l-pjaneta — jew li l-problema hi waħda ta’ sovrapopolazzjoni. Jekk inżommu f’moħħna li l-ħtija hi tal-kapitaliżmu industrijali u tal-emissjoniet li jipproduċi, mela forsi kelma iktar xierqa għal dan il-fenomenu, kif jissuġġerixxi Moore, hi l-Kapitaloċen. U l-Kapitaloċen u l-imperjaliżmu jmorru id f’id. Hekk jikteb Moore: “Kull fejn u kull meta l-vapuri Ewropej żbarkaw lis-suldati, ’il-qassisin u ’l-merkanti, dawn mill-ewwel iltaqgħu mas-‘slavaġ. Fil-Medjuevu, il-kelma kienet tfisser ‘b’saħħithom’ u ‘feroċi’; issa saret tfisser il-kontra taċ-ċivilizzazzjoni. Is-slavaġ kienu jgħammru f’xi ħaġa msejħa s-salvaġġ, u kien il-kompitu tal-konkwistaturi ċivilizzati li Jikkristjanizzaw u Jtejbu. Dak iż-żmien, is-salvaġġ kien spiss jissejjaħ ‘art skartata’ — u fil-kolonji dan kien jiġġustifika li dawn l-artijiet iġibuhom żibel biex min jgħix fihom jitħaddem bl-irħis. Il-kapitaliżmu kolonjali rnexxielu joħloq fantasija tiegħu nnifsu bħala ġardinar paċenzjuż, jikkultiva l-frott taċ-ċivilizzazzjoni. Din l-awtorappreżentazzjoni hija allużjoni għall-ġnien tal-Eden, u għal Adam f’nofs il-ġnien, bil-kariga li jiggverna fuq kull ħlejqa. Fl-immaġinarju kolonjali, huwa r-raġel sinjur u abjad li jinsab fuq nett tal-ġerarkija, jisfrutta u jħaddem lin-nies l-oħra, u magħhom ’il-ħlejjaq kollha.

F’Malta naraw ġrajja simili, fejn l-art kienet organizzata mill-ħakkiema skont din il-ġerarkija. Aħna l-Maltin ftit kellna poter niddeterminaw meta, kif, u għal xiex tkun ikkultivata artna. Ċerti ġonna, bħal ħafna postijiet oħrajn, kienu riservati esklussivament għall-ħakkiema. Meta waslu l-Ingliżi bdew jeskludu minnhom lill-“Maltese gem-gem”, bil-lingwatal-kċina” tagħna. Sadanittant, partijiet minn artna kienu qegħdin jintużaw biex isaħħu ’l-kumpless militari Ingliż, bil-ħaddiema Maltin jaħdmu bl-irħis fuq bastimenti għall-Imperu

Mhix b’kumbinazzjoni li l-istorja tal-bidu ta’ Malta bħala parti mill-Imperu Ingliż kważi taħbat eżatt ma’ diżastru ekoloġiku. Kienet pandemija oħra li rat tibdila fix-xorti ta’ pajjiżna fil-bidu tas-seklu dsatax. Minn perjodu tajjeb ħafna bis-saħħa tal-merkanzija — inkluż il-kuntrabandu ta’ prodotti Ingliżi għall-bejgħ fl-Ewropa — sibna ruħna batuti u f’faqar kbir li żviluppa wara li nxterdet il-pesta fil-Mediterran. Waslet Malta minn Lixandra fuq vapur, is-San Nicola, f’Marzu tal-1813 wara li nsterqet xi merkanzija infettata biex tinbiegħ il-Belt Valletta. Sa Mejju, il-marda kienet inxterdet b’mod sever madwar il-gżejjer

Fl-istess żmien, l-istatus ta’ Malta nbidel minn protettorat Ingliż għal kolonja tal-kuruna jiġifieri issa l-Ingliżi kellhom poter politiku fuq kull aspett tal-ħajja f’Malta. F’Ottubru tal-istess sena, tlaħħaq bħala gvernatur ta’ Malta Thomas Maitland. Dan tant kellu reputazzjoni ta’ bniedem arroganti u imperjuż li kienu jsejħulu “ir-Re Tom”. Maitland ħa miżuri stretti ħafna biex jipprova jwaqqaf il-pesta milli tkompli tinxtered, imma kien tard wisq. Sa sena wara, il-marda kienet battiet, imma r-rabtiet merkantili ma’ pajjiżi oħrajn kienu nqatgħu — ħafna min-negozjanti barranin kienu ħarbu minn Malta biex jevitaw li jimirdu; bosta mill-portijiet barranin kienu għadhom bil-mandat ta’ kwarantina fuq bastimenti Maltin anki sal-1826. Malta waqgħet f’faqar tal-biża. Fil-ktieb Sketches of Foreign Travel fl-1842, il-kittieb Amerikan Charles Rockwell osserva hekk: “Qatt ma rajt imkien ieħor tant miżerja, ħmieġ, faqar u għaks daqskemm rajt f’Malta”.

Skont Giovanni Bonello, ħafna rakkonti ta’ dak iż-żmien wara l-pesta kienu jsostnu li din is-sitwazzjoni miżerabbli kienet tort tar-regħba u l-immaniġġar ħażin tas-sidien kolonjali. L-Ingliżi f’Malta kienu jgħixu fil-lussu, waqt li l-Maltin jittallbu fit-toroq. Karigi li qabel kienu f’idejn il-Maltin ingħataw bħala sinekura lill-Ingliżi li gawdew il-frott tal-ħidma tal-poplu Malti, filwaqt li l-Maltin kienu jitħallsu farka miżera ta’ dak li kienu jaqilgħu l-Ingliżi. Il-Belt, it-tallaba mġewħin kienu jiffullaw kuljum fit-toroq qrib il-port. Kien hemm passaġġ imtarraġ ħdejn il-Port il-Kbir li beda jissejjaħ “Taraġ Nix Mangiare”, u għadu hekk magħruf sal-lum. Jirreferi għal-lingwa franka tat-tallaba — taħlita ta’ Latin, Taljan u Ingliż: “Nix mangiare — nix padre — nix madre — nix pane per i piccoli in casa”.

Dawn ix-xeni ta’ faqar ġieli kienu jitnejku bihom l-Ingliżi, li wħud minnhom ħadu kull opportunità sabiex jiddeumanizzaw lill-Maltin u jiġġustifikaw il-ħakma kolonjali. Kittieb anonimu mill-1824 kiteb dwar il-Maltin li kien jiftakar qabel il-pesta: “… bħan-nies kollha b’nuqqas ta’ informazzjoni, li sabu ruħhom f’daqqa waħda emanċipati u sinjuri, tkabbru u saru arroganti. Dan l-istess kittieb veru jitgħaxxaq bl-isfortuna tal-Maltin u jgħid li “dawk li baqgħu ħajjin tilfu l-ftit li kienu faddlu… Imbagħad saru umli u mortifikati; xtaqu li kienu iktar prudenti fiż-żmien ta’ prosperità; imma kien tard wisq. Tant kien hemm ġuħ u faqar fuq il-gżejjer, li l-gvern kolonjali ma kellux għażla — f’Londra nħolqot munita speċjalment għall-Maltin. Kienet l-iżgħar denominazzjoni fl-Imperu Ingliż kollu. Il-ħabba, kif kienet magħrufa din il-munita, kienet tiswa ftit li xejn: tnax-il ħabba kienu jagħmlu sold, li juri l-faqar fil-poter tal-akkwist tal-Maltin. Il-munita baqgħet tinħadem sal-1913, u kienet xhieda tal-għaks li batejna taħt il-kolonjaliżmu. L-istampa tar-Re Ġorġ IV li baqgħet fuq wiċċ il-munita għalkemm kien miet fl-1830 kienet isservi bħala tfakkira tad-diżrispett tal-Ingliżi għal popolazzjoni sfruttata u mġewħa.

Niftakruna ħażin.

F’waħda mill-isbaħ pjazez tal-Belt Valletta, quddiem il-Bibljoteka, hemm statwa tar-Reġina Vittorja. Din il-pjazza, Pjazza Repubblika, hi aħjar magħrufa bħala Pjazza Reġina. L-istatwa kienet maħduma mill-artist Sqalli Giuseppe Valenti mill-irħam, u turi lir-Reġina bilqiegħda, tħares fuq il-pjazza, liebsa xalla tal-bizzilla. Tpoġġiet hemm fl-1891 sabiex timmarka l-Ġublew tad-Deheb tar-Reġina — waħda minn bosta monumenti li twaqqfu madwar il-kolonji għal din l-okkażjoni. Ħadet post statwa oħra, tal-Gran Mastru De Vilhena, u qabel dik, il-gvernatur Ingliż John Gaspard Le Marchant kien għalaq il-pjazza biex joħloq ġnien esklussivament għall-Ingliżi — il-Maltin ma setgħux jidħlu. Meta llum inpoġġu f’din il-pjazza nieklu l-pastizzi, aħna mfakkra fl-istorja tagħna bħala suġġetti tal-Imperu — taħt il-ħarsa tal-istatwa tar-Reġina miksija bil-ħara tal-ħamiem. Il-pożizzjoni servili tagħna hi litteralment miżmuma f’postha bil-mod kif inhi armata l-pjazza.

Fl-2020, waqt il-lockdown, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti raw bosta każi ta’ ikonoklażmu, parti mill-moviment Black Lives Matter. Ħadt pjaċir nara li, fi Bristol, in-nies waqqgħu statwa tal-kummerċjant tal-iskjavi Edward Colston u tefgħuha fix-xmara. Issa tinsab fejn kellha dejjem tkun: f’mużew. Niftakar li dak iż-żmien kien hemm diskors fuq il-midja soċjali dwar jekk l-istatwa tar-Reġina fi Pjazza Repubblika għandhiex titneħħa minn dak il-lok tant prominenti u titpoġġa f’mużew. Dawk kontra qalu li, peress li m’għadniex kolonja, tkun bla sens jekk inneħħuha l-istatwa; anzi, tiġi qisna qed nippruvaw inħassru dik il-parti tal-istorja tagħna — daqslikieku l-istatwa stess mhix forma ta’ ingass u suppressjoni tal-memorja storika. 

Hi fil-klassijiet tal-iskola u fil-memorja kollettiva li l-istorja qed tiġi ngassata. Għal dan l-esej, bdejt nipprova niftakar x’kienu għallmuna l-iskola dwar l-istorja kolonjali ta’ Malta. Sibt baħħ. Niftakarhom il-lezzjonijiet fuq il-preistorja, fuq il-Feniċi, il-Kartaġiniżi u r-Rumani. Niftakarna nitgħallmu dwar il-Biżantini, u ħafna dwar l-Għarab f’Malta. Il-Kavallieri u l-Assedju l-Kbir għamlu parti kbira mis-sillabu, u kien hemm ukoll ftit noti dwar il-Franċiżi. (Illum naf ukoll, grazzi għax-xogħol ta’ Charles Xuereb, li ma tantx għallmuhielna b’xi preċiżjoni kbira din tal-Franċiżi.) Imma mbagħad… ma niftakarx. Xejn, ħlief li ssemmiet is-Sette Giugno — avolja mingħajr kuntest għajr xi allużjonijiet għal “patrijotti” u “rewwixta”. Niftakarhom jgħallmuna dwar it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Konvoj ta’ Santa Marija, il-George Cross — u xejn iktar. Għidt forsi jista’ jkun ma niftakar xejn għax għandi memorja kemm kemm batuta, jew forsi ma tantx kont qiegħda attenta fil-klassi. Iddeċidejt li nsaqsi lil xi ftit minn sħabi — nies li, bħali, kienu edukati f’Malta fid-disgħinijiet

“Niftakarni nħoss li kienu jgħallmuna biss dwar żmien żemżem. Xejn ma nħass relevanti għalija, tgħidli waħda minn sħabi. Sieħbi jammetti miegħi li għadu sal-lum ma jafx għala ġrat is-Sette Giugno — imma l-istorja tal-Konti Ruġġieru jgħidhieli b’dettall kbir. Ħabib ieħor jiftakar il-lezzjonijiet dwar l-Ingliżi hekk: “Tgħallimna li konna aħna li stedinniehom jiġu biex jeħilsuna mill-Franċiżi, u li dejjem irrispettawna u tawna ħafna strutturi importanti, bħall-edukazzjoni u d-demokrazija — u l-kaxex ħomor tat-telefowns. Xi ħadd ieħor jgħid li l-iskola tagħha kellhom żewġ lezzjonijiet separati għall-istorja Maltija u dik Ingliża, imma l-kolonjaliżmu qatt ma ssemma. Oħra tgħid li kienu għallmuhom li l-Ingliżi għażlu lill-Maltin biex jemigraw l-Awstralja taħt il-“White Australia Policy” — bħallikieku l-Imperu tbissmilna u tana d-don li naħdmu bl-irħis f’kolonja oħra. Bħallikieku dawk li emigraw, fosthom qrabati, ma kinux imġiegħla jitilqu minn pajjiżhom minħabba l-faqar. Din in-narrattiva tonqos tgħid li, fil-bidu, il-Maltin li emigraw lejn l-Awstralja ma ġewx milqugħin — kienu meqjusa “coloured job-hoppers” u sors ta’ ħaddiema rħas kważi bojod. Fil-gazzetta unjonista The Worker, kien ġie ppubblikat artiklu fl-1916 li rrefera għall-immigranti Maltin bħala “a black menace” u wissew li l-irġiel Maltin kienu se “jikkontaminaw” lin-nisa Awstraljani bojod. Nagħmlu sew niftakruha din meta naħsbu dwar kif xi wħud minna jittrattawhom lill-barranin f’pajjiżna.

Meta nsib ruħi f’konverżazzjonijiet dwar il-kolonjaliżmu ma’ sħabi f’Londra, inħoss li aħjar ma ngħid xejn dwar Malta — uħud minnhom ġejjin minn pajjiżi li sofrew vjolenza ħafna iktar inekwivoka f’isem l-Imperu. Wara kollox, filwaqt li Malta batiet taħt l-Ingliżi, m’għaddejniex mill-vjolenza mdemmija u ġenoċidju li raw postijiet oħrajn: il-kampijiet ta’ konċentrament fl-Afrika t’Isfel, fejn ikkalzraw il-Boer; il-Massakru tal-Amristar fil-Punjab; it-tortura sistemika u l-istupru tan-nies Kikuyu fil-Kenya. Li esperjenzajna aħna l-Maltin, Rob Nixon isejħilha “vjolenza bil-mod. Meta naħsbu fil-vjolenza, nimmaġinaw affarijiet spettakolari u splussivi. “Vjolenza bil-mod, għal Nixon, hi “vjolenza li tiġri bil-lajma u mhux fid-dieher, vjolenza ta’ qerda mġebbda li hi mxerrda tul iż-żmien u l-ispazju, vjolenza ta’ attrizzjoni li tipikament lanqas titqies bħala vjolenza. Din hi tip ta’ vjolenza li titnikker għal snin twal, kultant anki ġenerazzjonijiet. Iċċaħħad ’in-nies mid-drittijiet ċivili, toħdilhom is-sjieda ta’ arthom, ma titmagħhomx sew, tittraskura saħħithom, u twassal għall-mewt bikrija tagħhom.

Ma jservina xejn li nagħmlu tabirruħna li l-konsegwenzi tal-kolonjaliżmu f’pajjiżna ma kinux kiefra. Wara li ksibna l-indipendenza, bqajna ma tajniex bidu għal sforz ta’ dekolonizzazzjoni f’pajjiżna. Jinħass sew dan-nuqqas. Minflok, għandna amnesija kulturali, fejn jew għandna ħsieb vag li l-Ingliżi kienu karitattivi — “iħobbuna l-Ingliżi” — jew eċċezzjonaliżmu żbaljat li jassumi li aħna konna l-favuriti fost in-nies kolonizzati. Il-fehim tiegħi dwar kif kienet Malta taħt l-Ingliżi ġonġejtu minn riċerka personali, ta’ spiss ostakolata mid-diffikultà li naċċedi testi Maltin dwar is-suġġett minn barra l-pajjiż, jew mill-aneddoti li qasmu miegħi nies tal-ġenerazzjoni tal-ġenituri tiegħi.

Għalfejn niftakruna ħażin? Għalfejn inkomplu nħaddnu mentalità kolonjali li tiċħad it-trattament ħażin tagħna u tipperpetwa l-kunċett li l-kultura Ingliża u Ewropea kontinentali hija superjuri?

Biex l-identità tagħna niddekolonizzawha hemm bżonn li nikkonfrontaw l-aspetti tal-wirt tagħna li forsi ma tantx irridu nafu bihom. L-imperjaliżmu Ingliż ta l-opportunità lil Malta biex tallinja ruħha mal-pajjiżi bojod u sinjuri tal-Ewropa ta’ fuq, u b’hekk inbiegħdu ruħna mill-wirt Mediterran u Nord-Afrikan tagħna. Fiż-żmien irvelluż ta’ Mintoff, wara l-indipendenza, kien hemm sforz inizjali u goff ħafna biex tkun iffurmata identità postkolonjali Mediterranja. Ma nafx kinitx eżatt attentat ta’ dekolonizzazzjoni; forsi iktar kienet strateġija ekonomika. Fl-1978 Mintoff kien qal li Malta tagħmel parti “mid-dinja Għarbija”, u beda jsaħħaħ il-kummerċ mal-Libja. Fit-tmeninijiet, il-lezzjonijiet tal-Għarbi saru obbligatorji fl-iskejjel. Kien hemm oppożizzjoni kbira, speċjalment mill-borgeżija, li riedu jħaddnu b’kemm kellhom saħħa r-rabtiet li kellhom mal-Ingliżi u t-Taljani. Meta jien u sħabi wasalna għall-iskola fid-disgħinijiet, il-gvern Nazzjonalista kellu t-tir li Malta tikseb aċċess għall-Unjoni Ewropea, u kien importanti li l-identità tagħna tkun waħda Ewropea. Ir-razziżmu sovradeterminat tagħna kontra l-Għarab, minkejja s-similaritajiet kulturali u fiżiċi ovvji bejnietna, huwa mezz sabiex inħaddnu immaġini tagħna nfusna bħala nies “bojod” u Ewropej. Ir-rabta mal-Knisja Kattolika ta’ Ruma bil-“missjoni ċivilizzatorja” tagħha għandha l-istess funzjoni.

L-istorja vera tar-relazzjonijiet kolonjali bejn Malta u l-Ingilterra għadha mhix diskussa. Minflok, jeżisti mudell ta’ ripressjoni li jorganizza ruħu madwar il-ħrafa li Malta kienet eċċezzjonali u mhux bħall-kolonji l-oħra. Wara kollox, kienu jħobbuna l-Ingliżi, le? Ir-Reġina tgħidx kemm kienet tħobbha lil Malta. Kienet għamlet żmien tgħix Gwardamanġa, kontx taf? U mela m’aħniex speċjali!

Il-bilingwiżmu asimetriku tagħna, fejn fi lsien pajjiżna hemm nuqqas ta’ kliem li jista’ jispjega l-mod kif konna maħkumin, hu sintomu ta’ din ir-ripressjoni. Hawn irridu bilfors nużaw il-kliem medjatur tal-lingwi Ewropej biex nesprimu ruħna — bħallikieku hemm partijiet mir-realtà li huma lil hinn mill-għarfien Malti. Din hi internalizzazzjoni tal-immaġini kolonjali tan-nies Maltin bħala parrokkjali u injoranti — jew, kif osservat l-Ingliża Lady Hester Stanhope fl-1846: “feroċi, injoranti, għażżenin, sħan, vendikattivi…” Eh, mela ma kinux iħobbuna l-Ingliżi?

Jien u nikteb dan l-esej, il-ħin kollu niċċekkja l-aħbarijiet minn Malta, qisni qed nara diżastru jseħħ minn minuta għall-oħra. Il-kriżi tal-klima qiegħda tagħmel ħerba u, f’Malta, l-impatt ta’ din il-kriżi impossibbli nibqgħu ninjorawh. Din il-gżira, li mil-lat ta’ klima għall-inqas, xi darba kienet trankwilla, issa qed titħabat ma’ temperaturi li jiksru r-rekord kemm fuq l-art u kemm fil-baħar. It-temperatura barra tinħass iktar minn 50°C. Is-sħana litteralment dewbet il-cables tal-elettriku u kkawżat qtugħ tad-dawl. In-nies allura m’għandhomx aċċess għall-arja kkondizzjonata jew għar-refriġerazzoni. Mietu n-nies. It-temperatura tal-baħar laħqet ’il fuq minn 30°C. Is-sistema tas-saħħa li diġà hi għarkupptejha issa qed tissara ma’ żieda ta’ mard relatat mas-sħana. Imur id-dawl l-isptar ukoll. Jinqata’ l-ilma f’xi postijiet, minħabba n-nuqqas tal-elettriku. Il-Kapitaloċen, li darba għamilna kolonja tal-kuruna, issa qed iħallina esposti għall-konsegwenza industrijali, li hi l-kriżi fil-klima. U hekk kif il-livell tal-baħar ikompli tiela’, biċċiet mill-gżejjer Maltin huma f’periklu li jinbelgħu mill-Mediterran. Bilkemm għandna l-kliem biex niddiskrivu s-severità ta’ x’inhu ġej.

Agħar minn hekk. Sa ċertu punt, aħna għażilnieh dan il-futur. L-allinjament tagħna mal-Ewropa, mal-iżvilupp frenetiku, ġabilna ħafna vantaġġi, inkluż l-aċċess għas-swieq u l-prodotti Ewropej. Il-qabża mill-industrija għall-finanzjalizzazzjoni tal-kostruzzjoni u l-proprjetà daħħlitilna oqsma ta’ kapital, kif ukoll influss ta’ ħaddiema barranin — dawn jitqiesu bħala natura rħisa u allura nħossuna nistgħu nisfruttawhom, nagħtuhom bis-sieq, u nwaħħlu fihom għall-isfortuni kemm tagħhom kif ukoll tagħna. Din il-qabża ġabitna wkoll kompliċi fil-proċessi bijofiżiċi li qed jagħmlu ’l-gżejjer tagħna inabitabbli. Din wasslet għall-iżvilupp eċċessiv tal-gżira u għall-massakru tas-siġar, ir-rovina tal-ambjent u l-pajsaġġ, u l-ħajja saret ħafna inqas komda għal kulħadd ħlief għall-iżviluppaturi. Lanqas ma nistgħu ngħidu li d-deindustrijalizzazzjoni ttaffilna r-responsabbiltà. Kulma għamilna, meta bdejna nimportaw prodotti magħmulin barra, hu li esportajna l-emissjonijiet.

Mingħajr ma ntbaħna, żrajna ż-żerriegħa tal-qerda tagħna. Għandna nistennew futur iebes u bla ħniena jekk ma nibdlux id-direzzjoni u nieħdu pass lura. Wasal il-ħin għal après-coup nazzjonali — għal anamnesi — sabiex nifhmu tassew il-wirt storiku tagħna, u biex nistabbilixxu bidu ġdid. Meta niżirgħu ż-żerriegħa tal-bidla, dejjem ikun hemm xi ftit inċertezza — ma nistgħux inbassru x’ser jiffjorixxi u kif. Imma nafu li jekk nazzardaw li ngħaddu minn dan il-proċess, ħa nsibu futur iktar sostenibbli, u sens ferm aktar dinjituż tal-passat tagħna .

Of Other Spaces: Heterotopias and Utopias” ta’ Michel Foucault huwa traduzzjoni mill-Franċiż ta’ Jay Miskowiec li dehret fil-ġurnal Architecture/Mouvement/Continuité ta’ Ottubru, 1984. Modern Nature  ta’ Derek Jarman huwa pubblikazzjoni Penguin Random House 1991, disponibbli minn archive.org. Wanderlust ta’ Rebecca Solnit huwa pubblikazzjoni Granta Books 2014, disponibbli wkoll minn archive.org. “The Mother Tongue and the Foreign” ta’ Kristina Valendinova deher fl-edizzjoni numru 29 tal-JCFAR, Awwissu 2019. “The Capitalocene and Planetary Justice” ta’ Jason W. Moore deher f’Maize 6, 2019. “The Disturbances of the Garden” ta’ Jamaica Kincaid deher fin-New Yorker fil-21 ta’ Awwissu 2020.  Sketches of Foreign Travel ta’ Charles Rockwell kien pubblikazzjoni ta’ Tappan and Dennet, Boston, D. Appleton & Co., 1842, u huwa disponibbli minn archive.org. “Appalling poverty in Malta in the early 19th century” deher fit-Times of Malta tat-23 ta’ Ġunju 2013. Il-kitba anonima “Malta during the late War” dehret f’Knight’s Quarterly Magazine Vol 3, Awwissu-Novembru fl-1824. Slow Violence and the Environmentalism of the Poor ta’ Rob Nixon huwa pubblikazzjoni Harvard University Press 2011. Għal dan l-esej użajt ukoll kotba u artikli li ma nsemmix espliċitament. “Transition of power: the problems of Britain’s postimperial relationship with Malta, 1964-1971” ta’  Simon C. Smith deher f’Contemporary British History, 37:1, 2023. Decolonising the Maltese Mind: In Search of Identity ta’ Charles Xuereb huwa pubblikazzjoni Midsea Books, 2022. Ambivalent Europeans: Ritual Memory and the Public Sphere in Malta ta’ Jon P. Mitchell, pubblikazzjoni Routledge, 2002. “Queering Space: Heterotopic Life in Derek Jarman’s Garden” ta’ Chris Steyaert deher f’Gender Work and Organization ta’ Jannar 2010. “Thomas Merton & the Edenic Vision” ta’ John Noffsinger, disponibbli fuq il-website tat-Thomas Merton Society. Why Women Grow ta’ Alice Vincent, pubblikazzjoni Canongate 2023. “The Long Shadow of Colonial Science” ta’ Sria Chatterjee, disponibbli fuq il-website ta’ Noema Magazine.

Dekorazzjoni art-nouveau