Ottubru 2023

Kemm hi tagħna l-art ta’ taħt saqajna? Trid tkun tagħna biex tiflaħna? Dak li hemm taħtha u dak li jikber minnha, f’liema sens għandu jkun tagħna? Fil-Ġenesi, Adam jieħu s-sjieda fuq il-ħolqien billi jagħti isem għal kollox. Fl-esej tagħha “Żerriegħa”, Davinia Hamilton tibda l-vjaġġ ta’ investigazzjoni fir-relazzjoni tagħha ma’ art twelidha bil-memorja tal-ismijiet tal-għasafar u tas-siġar. “Nipprova nitgħallimhom bil-Malti dawn l-ismijiet. Ħafna minnhom ma nafhomx, għax dan is-suġġett qatt ma kien jinteressani qabel. Infittixhom fuq l-internet u f’Kelmet il-Malti. Għandhom ismijiet sbieħ immens. Vjolin tax-Xitwa, Bufula tal-Qamar, Sponsun, Primavera, Sultan iċ-Ċawl, Sturnell, Gardell, Ekru. Siġra tal-Luq, Balluta, Siġra tad-Dorf, Fraxxnu, Żagħrun. L-ismijiet mhumiex biss sjieda imma wkoll appartenenza. L-ismijiet huma r-rabta tagħna mad-dinja. Fihom l-istorja ta’ kif għexna magħhom u kif għexna bihom. Meta l-proċessi storiċi u ekonomiċi jnessuna l-ismijiet tal-fjuri u tas-siġar, inessuhomlna bħala parti minn proċess ta’ approprjazzjoni. Meta nindunaw li nsejna l-isem tagħhom nindunaw ukoll li m’għadhomx tagħna. L-art ittieħdet minn taħt saqajna. Kif tgħid Davinia, “hemm kliem f’bosta oqsma li jinteressawni li bil-Malti ma jeżistix — il-psikoanaliżi, it-teorija queer, it-teorija femminista, it-teatru, id-disinn, l-internet u l-industrija soċjali, fost l-oħrajn. Issir kważi impossibbli li naħseb fuqhom fil-lingwa nattiva tiegħi. Il-lingwa Ingliża ssir krozza. Dan huwa effett tal-kolonjaliżmu, li jagħmilha ta’ arbitru bejni u bejn id-dinja. F’“Kontra Tagħna Għaliex Magħna”, Joe Gatt jikteb fuq l-istorja ta’ Malta wara l-gwerra u kemm kellu jgħaddi żmien qabel konna kapaċi nimmaġinaw pajjiż mingħajr ħakma barranija. U l-fdalijiet ta’ din it-taqbida tal-immaġinazzjoni għadhom hemm, fi lsienna, fl-imġiba tagħna u f’kif inħarsu lejna nfusna. L-aljenazzjoni kulturali hija riżultat ta’ aljenazzjoni materjali. Il-ħsieb li l-art ta’ taħt saqajna m’għandhiex tkun ta’ xi ħadd ieħor kważi kulħadd jaqbel miegħu. Imma tibqa’ l-mistoqsija ta’ x’se nagħmlu biha l-art meta ssir tagħna. Nistgħu naħsbu li l-ħelsien huwa d-dritt li nkunu aħna biss li nisfruttawha. Jew inkella, li l-ħelsien veru huwa li nsibu mod kif naħdmu flimkien mad-dinja, ingawdu l-frott tagħha, mingħajr ma nifnuha, mingħajr ma mmarrduha u nġibuha fix-xejn. U forsi nħallu lil ta’ madwarna, lin-natura, lill-annimali u ’s-siġar jgħidulna huma x’jisimhom .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex dejjem issir taf meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau