waqt li niffilosofizza fuq il-ġisem u l-modi ta’ kif jista’ jiġi mmanipulat biex jiskopri iktar lilu nnifsu u lill-ieħor, nitbiegħed iktar minn tiegħi. għal kull azzjoni hemm reazzjoni, tgħid il-liġi-klixè ta’ Newton. jekk nersqu iktar viċin lejn teorija tal-materjal, hemm ċans kbir li nersqu iktar ’il bogħod mill-materjal li jsawwarna. meta nkellem lit-terapista fuq is-sens ta’ kontroll li nħossni qed nitlef fuq ġismi, u b’hekk, l-apparat li nuża biex inkun parti mid-dinja, tgħidli li r-referenza għall-ġisem nużaha bħala strument biex ingarani f’xifer irdum li jisseparani minn ġildti. my body, my body, my body, spiss nirrepeti f’dik il-kamra. nuri sens ta’ lealtà lejn il-lingwa Ingliża għax ma nafx kif nikkonfrontaha bil-lingwa t’ommijietna u forsi jekk inkellimha bil-lingwa t’ommi, nersqu wisq viċin xulxin. id-distanza hija, wara kollox, oħt u omm li daqskemm tipproteġik, taf tavvelik. f’għoxx Descartes u f’għoxx l-Ingliż.