Il-55 jum tal-ġuri. L-għaxar ġimgħa. L-itwal ġuri li qatt kellha Malta. U sajf prattikament ġewwa għalija. Il-baħar mort xi ħames darbiet biss s’issa. Sajf jew nagħmel it-traskrizzjoni tal-każ minn ġol-Qorti, ta’ kull kelma li ntqalet f’Awla 22, jew nirrekordja podcast tax-xogħol dwar il-ġuri tas-seklu.
L-Erbgħa, 2 ta’ Settembru. Ħadtha off. Kont għajjiena, u kelli bżonn break. Qrobna lejn l-aħħar, imma mhux suppost kellu jkun hemm il-verdett illum, skont xi kalkoli. L-indirizz tal-imħallef kien jidher li għad baqagħlu, u allura ħadtha off.
Kull nofs siegħa niftaħ il-liveblog, jew tat-Times bl-Ingliż, jew ta’ Newsbook bil-Malti. Ta’ Newsbook ħassejtu iżjed preċiż. Diffiċli tittraduċi b’mod sodisfaċenti d-dagħa elaborat li żejjen il-ħitan tal-awla tul dawn l-aħħar għaxar ġimgħat. Fil-ħdax niftaħ tat-Times. “Jurors sent to deliberate. ‘I pray to God to help you in your decision,’ the judge tells jurors.”
Addijo day off mela. U probabbli addijo d-date ta’ llejla. Ma nafx x’kont qed naħseb meta ftehemna. Ninħasel malajr u nilbes libsa sewda li xtrajt mill-Portugall. Nagħfas il-gass, u nofs siegħa wara nkun l-uffiċċju. Did-darba, fil-karozza, ma nixgħelx il-playlist Best of Cumbia, il-fissazzjoni mużikali ta’ dik il-ġimgħa. Minflok, nixgħel l-AC — ħaġa li qatt qabel das-sajf ma kont nagħmilha. Jekk nipprova nitfih, inħoss fewġa ta’ sħana timbotta minn kull naħa tal-karozza, qisha qed tipprova tgħaffiġni ballun. L-eqqel sajf fl-istorja Maltija, u għalija l-iżjed sajf kiesaħ minn issa ’l quddiem.
L-uffiċċju nipprova naħdem fuq riċensjoni ta’ ktieb, imma moħħi l-ħin kollu jdur u jagħqad. Ktibt forsi ġiex sentenzi.
Fl-erbgħa niġbed il-bieb tal-uffiċċju warajja b’id waħda, u bil-mobile fl-oħra nagħfas il-buttuni:
“hey, i don’t think i’ll be able to make it tonight
i’m really sorry
my life is pure chaos right now”
Ilna nikkanċellaw xi ġimagħtejn diġà. Nibda miexja lejn kafetterija l-Belt, fl-istess triq tal-qorti, biex niltaqa’ mal-kollegi tiegħi. Iżjed ħbieb milli kollegi, speċjalment issa b’dal-ġuri.
Fil-kafetterija kien hemm xi korrispondenti barranin, li ġew isegwu l-ġuri wkoll. Kulħadd qisu ras maqtugħa. Ħadd ma jaf sa x’ħin ħa ndumu. Sas-sebgħa? Sad-disgħa? Alla biss jaf. Fil-ħamsa niddeċiedu li mmorru l-qorti, ħa nkunu minn tal-bidu. Mhux kulħadd kellu press card, u l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kien avża li waqt il-verdett kien se jingħata dħul garantit biss lill-ġurnalisti li għandhom waħda. Tifhimha, speċjalment ’ħabba dawk l-erba’ studenti tal-liġi li l-ħin kollu jimbuttaw biex ikunu minn tal-ewwel. Avolja, Daphne ma kellhiex press card. Infatti din kienet tattika li kien juża spiss il-Gvern: Daphne “biċċa blogger” kienet hux, anki jekk kixfet iżjed ħama fuq il-Gvern u l-kobba kbira u mħabbla tal-korruzzjoni, mill-gazzetti kollha ta’ Malta; one-woman Wikileaks. Hekk tkun skuża biex ma jiġux protetti s-sorsi tagħha. Ftit jiem ilu, waħda mir-reporters, bejn skrolljatura u oħra fuq Instagram, qabbdet lil wieħed tas-sigurtà biex ikeċċi lil student tal-liġi li qal li hu ġurnalist minħabba li għandu podcast, biex jipprova jaqbeż il-kju. Meta għedtilha li ’qas Daphne ma kellha press card, ma fehmitx x’ridt ngħid biha, u ħasbet li qed naqbeż għalih.
Wasalna l-qorti. Għaddejna mis-security check, qisu tal-ajruport, u tlajna ġiex sulari, fejn faċċata tat-taraġ kbir tilqgħek mill-ewwel Awla 22. Din l-unika awla fil-qorti li għandha gallarija għall-pubbliku biex, fl-ispirtu ta’ kawża pubblika, wieħed ikun jista’ jsegwi minn hemm fuq. Poġġejna barra, fuq mejda kbira tal-kewba li probabbli kien jiftakarha nannuwi, xufier tax-xarabanks, li xi ħamsin sena ilu fil-ħin liberu tiegħu kien iħobb jiġi jsegwi xi ġuri. Il-fann idur fil-vojt, iżjed idawwar sħana milli frisk, imma xorta kollha dorna miegħu, qisna dbieben fuq xi taqtira meraq tal-ħawħ fuq il-mejda.
F’ħin minnhom għaddew l-avukati tal-Avukat Ġenerali minn warajna, fi triqthom lejn il-kamra tal-avukati. Kamra sempliċi, b’mejda kbira, xi ġiex toilets, dispenser tal-ilma, lockers fejn iqiegħdu t-toga l-avukati, u bieb li jwassal għal kamra tat-tipjip. Kull ġimgħa, taħt għajnejhom kien jiskura ftit — jekk kienu qed jorqdu ħames sigħat kuljum! Għal għaxar ġimgħat sħaħ.
Ma konniex nafu kemm konna ħa ndumu nistennew hemm barra. Kellimt lil waħda mill-familjari ta’ Daphne, u għamiltilha l-kuraġġ. “Għandi t-tama,” għedtilha. L-evidenza kienet b’saħħitha wisq. Fenech litteralment ammetta li kien involut fil-każ. Imbagħad hemm ir-recordings. Recordings tiegħu jgħid li kieku jista’, jitfagħha mill-21 sular ta’ Portomaso. Recordings tiegħu jammetti li qed iħallas lill-aħwa Degiorgio, dawk li poġġew il-bomba, elf euro kull ġimgħa għall-avukati tagħhom, għall-iskola tat-tfal, u ħamest elef euro għal xi kelb bil-pedigree. Litteralment ammetta li kien ħallashom nofs miljun. Apparti li kien talab għall-maħfra presidenzjali erba’ darbiet.
Kulħadd anzjuż, kulħadd jipprova jiċċajta ftit biex jgħolli l-moral. Waħda tipprova tiekol il-crisps bis-serqa minn ġo basket tal-Agenda, attenta li ma jaqbadhiex dak tas-sigurtà ż-żorr. Dan kien it-tip li jħobb jgħajjat man-nies biex igawdi mill-ftit poter li ngħatalu. L-oħrajn kienu orrajt, avolja dejjem jinżlu qishom avultuni fuq kull min jinqabad sieq fuq sieq, jew bil-mobile f’idhom. Il-mobiles projbiti, ma jmurx nieħdu ritratt tal-ġurati. Kien hemm wieħed minn tas-sigurtà barrani li spiss kont naqbdu jongħos waqt is-seduti. Min jaf x’kien jgħaddi minn ġo moħħu hu u jipprova jagħmel sens ta’ x’inhu għaddej. Forsi xejn. Probabbli jaħseb f’tad-dar, in-naħa l-oħra tad-dinja.
Fl-aħħar, f’xi s-sebgħa, inħossu ċaqliqa. Deħlin. Il-ġurnalisti jiġu jiġru mill-press room. In-nisa b’kapaċità atletika kbira jlaħħqu mal-irġiel, minkejja t-tkaken għoljin tax-Shein jew l-ASOS. Tul dawn l-għaxar ġimgħat skoprejt anke t-tendenzi tax-xiri tagħhom.
Folla kbira tinġema’. Il-pulizija jitolbuna għal darba darbtejn biex niffurmaw kju bħan-nies. L-istudenti tal-liġi l-ħin kollu jimbuttaw biex ikunu minn tal-ewwel, wara l-familjari u l-ġurnalisti li għandhom prijorità. Il-familjari ta’ Daphne u ta’ Yorgen fl-istess kju, b’xi pulizija bejniethom. Bħala traskrittriċi ntfajt mal-ġurnalisti, imma l-istudenti tal-liġi kienu eżatt warajja. Minnufih ninbela’ minn mewġa ta’ tgergir u tbarqim fil-linja, ta’ “Ma naħsibx li ħa nidħlu. Ilna hawn tliet sigħat.” Kont mejta biex ngħidilhom: u familtha disa’ snin. Ħassejtni ħa nifga fir-rassa.
Fl-aħħar bdejna niċċaqalqu. Il-pulizija jibdew iduruna wieħed wieħed u waħda waħda, bl-iskener manwali, iqallbulna fil-basktijiet u fl-aħħar joħdulna isimna. Illum iżjed stretti mis-soltu. Matul is-seduti ta’ qabel, il-ġurnalisti (flimkien maż-żewġ artisti li kuljum kienu jpinġu x’jaraw ġol-awla) dejjem kienu jiċċajtaw fuq il-metodi tal-ispezzjonijiet, li jvarjaw minn ġurnata għall-oħra. “Ehhh illum tridu tarawlna l-ID card? Tal-bieraħ le.”
Qalbi kienet qed tħabbat bl-addoċċ ma’ kull persuna li tidħol mill-bieb tal-injam, nistenna sa mas-security jgħid, “daqshekk, full up.” Baqa’ persuna waħda biss qabli. Ejja, forsi nidħol. “ID u isem jekk jogħġbok.” Mela dħalna. Malli nidħol fl-awla u npoġġi fuq il-bank skomdu tal-injam, insib quddiemi lil zitu ta’ xagħarha bbliċjat isfar lellux. Is-separazzjoni bejn il-familja tal-vittma u tal-allegat qattiel tikkonsisti biss f’poġġaman tal-injam, u passaġġ fin-nofs. Bilqiegħda ma’ familtu hemm waħda li kienet fil-kors tal-liġi miegħi. Qed taħdem mal-avukati tagħhom. Konna nitkellmu xi darba, bejn lecture tad-dwejjaq u ieħor. Imma issa ma nsellimx. L-avukati jħobbu jtennu l-prinċipju legali li kulħadd ħaqqu difiża xierqa. Però hemm avukati li jinsew li l-obbligu prinċipali tagħhom huwa lejn il-Qorti tal-Ġustizzja.
Wara ftit jidħlu l-ġurati. Disgħa prinċipali u ħamsa riservi, għax waħda telqet qabel iż-żmien. L-imħallef tindika lill-prim ġurata li tista’ titkellem. Tqum bilwieqfa, kunfidenti. Kważi wisq. “Il-ġurati, bi tmien voti favur u wieħed kontra, isibuh mhux ħati.” Nissammar. ’Qas nista’ nemmen. Imma hemm it-tieni kap. Forsi sabuh ħati tal-assoċjazzjoni, almenu. Litteralment ammetta li kien involut. Tkompli. “It-tieni kap. Tmien voti favur u wieħed kontra, isibuh mhux ħati.”
F’daqqa waħda jinstema’ għajjat u tisbit kbir minn isfel, fejn kien qed jinżamm l-akkużat. Għajjat annimalesk u salvaġġ li qajjimli ġismi xewk xewk. Fuq il-lemin tara ’l familtu jibku bil-ferħ. Fuq ix-xellug, lil familtha bid-disprament. F’ġiex minuti, id-dinja nqalbet ta’ taħt fuq. Ħarist lejn il-kollegi tiegħi, b’wiċċhom imbikkem. Ma stajtx nifhem kif id-dmugħ tiegħi kien għadu ma wasalx.
Ħriġna ’l barra mill-awla, bil-pass tqil. Ftit wara ħarġet waħda mill-familjari ta’ Daphne, li kienet qed iżżomm id-dmugħ. “Ma nistax nemmen. Ma nistax nibki. I’m so shocked,” qaltli, bil-kantunieri ta’ ħalqha miġbudin ’l isfel, ħa tibki u ma tibkix. “Jiddispjaċini,” għedtilha, fl-aħħar bid-dmugħ f’għajnejja. Ħassejtni ħatja li ftit sigħat qabel kont għedtilha li kelli fiduċja fil-każ. Ġbidtha lejja u għannaqtha miegħi. U fl-aħħar qabdet tibki hi wkoll.
Bdejt nibki għax rajt lil sħabi, li ħadmu qatigħ, jibku. Bdejt nibki għax rajt lil familtha, li damu disa’ snin purgatorju, xorta jesperjenzaw l-infern. Bdejt nibki għax ħassejt li l-liġi, li domt tant snin nistudjaha, kienet ixxaqqet quddiem għajnejja, u tfarrket f’biċċiet. Bdejt nibki għax ħassejt li kont qed nitlef lil pajjiżi, qisu ponn ramel jitfarfar bejn subgħajja, bla tama għall-fejqan. Ma bsartx li filgħodu, meta lbist libsa sewda, kont qed nipprepara għal-luttu tiegħu. Oħt Daphne ratni nibki, u minflok ma sabbartha jien, ġiet u għannqitni hi.
Ħin minnhom, kont qed inkellem ħabib tiegħi, li għamel il-kors tal-liġi miegħi. Ġie jsegwi l-verdett. Waqt li qed isabbarni, nara ’l wieħed riesaq lejna. Kien għamel il-kors tal-liġi magħna u kien qed jaħdem fl-uffiċċju tad-difiża. “Orrajt?” qalli. Imbellha u rrabjata, dawwart denbi u tlaqt ’l hemm, bla kliem. Vera, kull akkużat ħaqqu difiża xierqa. Però hemm il-kompliċità fil-kompjaċenza. Waqt il-ġuri, xhud minnhom, Johann Cremona, irrabjat li d-difiża kienu qed jipprovokawh wisq bil-mistoqsijiet tagħhom, kien infaqa’ u allega li l-avukati tad-difiża kienu ppruvaw ikellmu lil Keith Schembri qabel ta x-xhieda tiegħu fil-qorti. Ftit jiem wara, Schembri tela’ jixhed u allega li Cremona ġie offrut €400 000 biex jixhed favur Fenech. U Cremona, ippanikkjat, qal li mhux vera.
Ħaġa li kienet veru bellhitni dwar dan kollu, apparti l-ovvju, kien il-fatt li x-xhud kien infaqa’ meta saret botta xi ftit suġġestiva u omoerotika lejh. Minn tant affarijiet, lil dan, din kienet dejqitu. Intwerew xi chats li juru t-tip ta’ relazzjonijiet intimi li l-irġiel f’dawn iċ-ċrieki jkollhom ma’ xulxin, li minkejja li fuq barra jridu jagħtu impressjoni ta’ ipermaskulinità, fl-istess ħin bejniethom iġibu ruħhom b’mod differenti, bi kliem ta’ żegħil bħal “haw’ bello” u x’naf jien. U ġieli wħud ma jiqfux sal-kliem biss. Dak il-mument, għajnejja nfetħu u stajt nara ċar li dal-każ kien prova ta’ fejn twassal il-maskulinità tossika: irġiel li ma jafux x’jaqbdu jagħmlu bir-rabja tagħhom, irġiel li jużaw il-vjolenza fiżika flok il-kliem, u rġiel li qatlu mara għax għażlet il-kliem, forsi vera vjolenti, flok il-vjolenza fiżika — mara li probabbilment ma kinitx tiġi mgħajra saħħara u deumanizzata daqshekk, li kieku ma kinitx mara. Id-difiża komplew isaħħu din id-deumanizzazzjoni billi qatt ma semmew isimha tul ġuri sħiħ, ħlief għal darba. Il-bqija rreferew għaliha biss bħala “hi” jew “Caruana Galizia”. Interessanti li nisa involuti f’dal-każ bilkemm kien hemm, u dawk li kien hemm, kienu biss fil-periferija. Ħlief il-vittma, ovvjament.
Fid-disgħa u nofs ta’ billejl ħriġna mill-Qorti. Kameras u ġurnalisti kullimkien, iduru madwar il-familjari, biex jiġbdu xi soundbite tajba. “Il-ġurnalisti issa huma inqas siguri milli kienu sagħtejn ilu,” qalet Corinne, oħt Daphne, lill-ġurnalisti. Ftit mill-ġurnalisti kellhom għajnejhom ħomor, inċerti x’futur għandhom f’dax-xogħol hawn Malta. Uħud qalu li bdew jibżgħu jimxuha waħidhom sal-karozza, u mxejnieha flimkien, b’togħma ta’ inċertezza dwar x’futur għad baqgħalna f’dal-pajjiż.
Iżda li titlaq, u li taqta’ qalbek, ifisser li tħallihom jirbħulek .