Kien it-Tnejn. Fl-16:07, jibgħatli sieħbi.
“Splodiet karozza l-Bidnija. Alla magħna”
“Erġajna”
“Għandi feeling li Daphne”
“Qaħbeċ… immaġina…”
“Muscat ħa jagħti konferenza stampa 16:30”
“Mhux normali jagħmel PC wara splużjonijiet hekk”
“Ma naħsibx”
“HI KIENET”
“Wieġeb. Qed inċempillek”
Fis-sekondi wara l-ħoss iddimunjat itarrax tal-isplużjoni, waqgħet sikta għal ftit sekondi. Il-silenzju ta’ wara l-bomba. Il-vojt, il-baħħ. Kliem ma jifdalx. Il-bniedem ma tantx jaf joqgħod f’dan l-ispazju skomdu, allura jfittex li jimlieh. Imma l-ebda diskors ma kien biżżejjed biex jaqbad il-forza tal-bomba. Il-bomba riegħdet ir-realtà.
17 ta’ Settembru 2026
Fil-jiem u l-ġimgħat ta’ wara l-bomba, niftakarni nibqa’ kwiet fil-ħafna konverżazzjonijiet li sibt ruħi fihom. Kulħadd kien qed jitkellem fuq l-istess ħaġa u hekk kellu jkun. Ir-reazzjonijiet online u kullimkien bdew jissolidifikaw mill-ewwel. Id-diskors beda jikkristalizza. Ġurnalista investigattiva. Qatluha. Assassinju, mhux mewta. Qatluha minħabba dak li kienet qed tikxef jew li kienet se tikxef. Panama, Electrogas, 17 Black, il-Kasco, Cardona fil-burdell, xiri taż-żejt, Joseph, offshore companies, Dubai, mijiet t’eluf ta’ euro. Kien hemm wisq trufijiet u wisq nies jobogħduha.
Minn dakinhar, id-diskors intens madwar kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-każ ma qatax. Il-mod li bih sar l-assassinju nnifsu baqa’ simbolu ta’ vixxeralità. Tajruha, għollewha, ġabuha biċċiet. Biċċiet.
In-narrattiva għandha tendenza li tipprova tinseġ trufijiet varji. Ngħidu l-istejjer biex niffurmaw stampa u noffru spjegazzjoni. Imma t-trawma tkisser in-narrattiva u tagħmilha impossibbli li l-lingwa tistruttura l-esperjenza. It-trawma tal-bomba qasmet il-pajjiż f’lingwaġġi li ma jiltaqgħux, splodiet id-diskors li baqa’ qatt ma għaqad. L-etimoloġija tal-kelma “trawma” hija, wara kollox, ferita, weġgħa imma wkoll telfa. Trawma taqsmek.
Minn dejjem kienu jaffaxxinawni nies li kapaċi joħorġu b’interpretazzjonijiet rapidi meta jesperjenzaw xi ħaġa. Sikwit, anki wara li nara film jew dramm, malli jispiċċa ma nkunx naf x’ħa ngħid. Allura nsegwi x’jintqal biex nara l-firxa tad-diskors madwar fenomenu x’inhu u bil-mod nibda norjenta lili nnifsi. Madwar il-fenomenu tal-bomba bqajt qatt m’orjentajt ruħi.
Lil Daphne Caruana Galizia kont naqraha l-iżjed fl-aħħar fażi ta’ ħajjitha u kitbietha. Ġieli kont naqra l-kitba tagħha fuq il-gazzetti u anki fuq Running Commentary fil-bidu tal-2010iet. Il-verità hi li kont nibża’ mill-figura ta’ Daphne. Kliemha sikwit kien sikkina, kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin. Naħseb qatt ma fhimtha d-dinja tagħha, qatt ma fhimt eżatt x’riedet mis-soċjetà, qatt ma fhimt kif ġew iffurmati l-fehmiet u l-gosti tagħha. Għalija, id-diskors ta’ Daphne u l-kummentaturi tagħha kienu bħallikieku huma minn dinja oħra.
Bqajt inħossni maqtugħ mid-dinja kull darba li mort avveniment relatat ma’ Daphne wara l-qtil tagħha. Ma niftakarx eżatt meta kienet imma l-ewwel dimostrazzjoni li mort dwarha kien sar f’Għar id-Dud ftit jiem wara l-bomba. Jien u miexi mal-folla bdejt nipprova nara narax lil xi ħadd li naf biex almenu jkolli punt ta’ referenza f’din il-miġegħma. Inħares madwari u maġenbi jkun hemm Gonzi u RCC. Inħossni aljen, nieqaf zoptu u nħallihom jaqbżuni. L-aċċent u t-tip ta’ Ingliż mitkellem min-nies fil-folla wkoll nisimgħu ġej minn dinja oħra. Dan it-tip ta’ nies qatt ma kienu n-nies tiegħi, mhumiex niesi.
Domt bosta xhur u snin nipprova nġonġi l-qasma li hemm bejni u bejn il-folla ta’ Daphne. Nipprova nsib prinċipju etiku jew politiku li jgħaqqadna, nipprova nartikolah f’moħħi. Sal-bieraħ, f’nofs il-folla kbira li nġabret għall-ewwel 16 tax-xahar minn wara l-verdett tal-ġuri, ma nafx irnexxilix insibu għalkollox.
Ma rridx ninstema’ frivolu imma, anki f’nofs id-dimostrazzjoni, inċidenti żgħar jibqgħu jġegħluni nħossni bħal ħuta barra mill-ilma. Qabbadt sigarett fil-periferija tal-folla, attent biex id-duħħan ma jmurx lejn in-nies. Ftit passi ’l bogħod ikun hemm persuna oħra tpejjep bl-istess kawtela. Minn metri ’l bogħod, mara ħarsitilna bl-ikrah bil-pepè u lil din ta’ ħdejja qaltilha li forsi aħjar titlaq mid-dimostrazzjoni! Ftit wara, meta f’diskors minnhom issemma Joseph Muscat, fuq l-istess mara tfaċċat rabja intensa, vixxerali, bdiet tgħajjat u twerżaq. Minn warajja smajt “jaqq”. Minn daqshekk, pronti nkunu biex nobżqu.
Nieqaf għal pawża għax toħroġ l-aħbar li xi membri tal-ġurija ġew fucking arrestati. Nara l-aħbar u qas ’nindenja ruħi nibgħatha lil sħabi ħlief lil xi tnejn għax naf li diġà lkoll issensitizzati li jekk naraw “breaking news” fuq it-Times bħalissa, kollha ħa nieqfu biex naraw x’ġara. Interrogati mill-Financial Crimes Investigation Department. Reati finanzjarji. Bħal tixħim? (Le, kwistjoni ta’ posts fuq midja soċjali, mid-dehra). Issa m’hemmx x’tagħmel. Żvijajt u jkolli nikteb bil-mobile maġenbi attent għal xi breaking news oħra. Kważi sintomatika ta’ dan il-każ dil-ħaġa. Il-bomba biddlet l-esperjenza tal-ħin tagħna. Aċċelerazzjoni ta’ aħbarijiet u ġudizzji pronti għal disa’ snin sħaħ. Opinjonijiet mill-ewwel u kull analiżi qatt ma tinħass f’waqtha. Kollox issa, kollox ħafna, kollox ċumm paqq. Bumm.
Forsi li ridt ngħid qabel, biex naqbad u ngħidha, hu li mhux kulħadd sabha ugwalment faċli biex jingħaqad mal-attiviżmu madwar l-assassinju ta’ Daphne, avolja kienu l-maġġoranza li (naturalment) dan l-assassinju sabuh assolutament makabru u inġustifikabbli. Forsi wħud sabuha eħfef minn oħrajn, imma bosta huma dawk li f’dawn id-dimostrazzjonijiet jagħmlu mezz biex isibu lil xi ħadd tat-tip tagħhom biex joqogħdu miegħu.
Dan l-attiviżmu kien, u għadu, jirrikjedi ċerta immaġinazzjoni etika. Mhux li tpoġġi lilek innifsek fiż-żarbun ta’ dawk li kienu qrib Daphne sabiex tempatizza — ħadd u xejn ma jista’ jersaq lejn dik il-ġerħa profonda — imma li tagħraf prinċipji ogħla mill-ġudizzji, validi kemm huma validi, li dak li jkun jaf kellu dwar il-ġurnalista. Prinċipji li, malli d-diskors madwar il-bomba beda jagħqad, beda jieħu l-forma ta’: Governanza Tajba, Is-Saltna tad-Dritt, Korruzzjoni, Mafja, Repubblika u Ġustizzja. Dal-kliem sar ikbar minn kunċetti. Sar sinifikatur; bħalma saru hekk ukoll attitudnijiet li b’kelma waħda jaqbdu mhux biss kunċetti, imma emozzjonijiet u ġudizzji midfunin tant fil-fond li lanqas tħoss il-bżonn li tiġġustifikahom. Ġudizzji bħal, “ma kellix grazzja magħha.”
Ilbieraħ fid-dimostrazzjoni, kien hemm tliet diskorsi li qabdu tliet reġistri differenti tad-diskors madwar il-każ ta’ Daphne. U forsi jkun eħfef li nordna din il-kitba madwar ir-reazzjonijiet tiegħi lejn it-tlieta li huma.
L-ewwel diskors kien tan-neputijiet ta’ Daphne. Diskors li naturalment huwa sentimentali li, trid u ma tridx, jikkommovik. It-tbatija tagħhom taraha u tħossha b’mod tanġibbli żżejjed. Din trawma, wara kollox. Jaqraw messaġġ miktub minn missier Daphne dwar episodju minn ftit qabel il-qtil tagħha. Kienu fil-ġnien tagħha, bin-neputijiet jiġbru ż-żebbug mis-siġar u l-klieb jilagħbu fil-madwar. Episodju li ġara darba għax min-naħa l-oħra tal-wied, irġiel li ġew imħallsa biex jagħmlu dan, osservaw u stennew. Ftit jiem wara… Minkejja li jikxfu tant emozzjoni, jirritawni l-ġurnalisti meta joqogħdu jsaqsu lill-qraba ta’ Daphne mistoqsijiet bħal, “imma kif ħassejtek dakinhar?” Bħallikieku tali intervisti huma l-lok ta’ sessjoni terapija quddiem in-nazzjon. Minkejja dan, baqgħet f’moħħi meta smajt lil Matthew Caruana Galizia jgħid li meta sema’ l-isplużjoni, ħareġ jiġri fit-triq ħafi. L-intervisti miegħu iġorru pathos differenti. Xorta waħda mimlija emozzjoni, imma fl-istess ħin b’doża straordinarja ta’ razzjonalità u argumentazzjoni luċida.
It-tieni diskors kien ta’ Pia Zammit minn Occupy Justice. Diskors familjari, forsi ftit prevedibbli imma neċessarju wkoll. Rispett lejn il-verdett mingħajr ma nkunu konvinti minnu. Rispett lejn l-irwol kostituzzjonali tal-ġuri. Relazzjonijiet tossiċi bejn politikanti, nies tal-business u l-kriminali. Relazzjonijiet bħal tal-mafja mimlija omertà. Ma nafx hijiex il-performattività tar-retorika jew il-habitus tal-kelliema imma jkolli ngħid li ġesti bħal qlib tat-ton tal-vuċi meta jissemmew ismijiet ta’ “Laburisti” insibhom ftit żejda. Ġesti li jinterpellaw lill-udjenza, kliem li jindirizzak bħala wieħed minn din il-folla. Iġibna folla waħda li nitkellmu hekk dwar ċerti nies. U din il-mossa nkun irrid nirreżistiha u nerġa’ nipprova nfakkar lili nnifsi dwar il-prinċipju li janima dan l-attiviżmu.
Qalet li meta semgħet dwar il-verdett, ħassha fiżikament ħażin, telgħalha l-istonku. Ħasda li tqabbdek id-dardir. Nasal nifhimha. Li nifhem inqas hu l-argument, li ma nafx għamlitux hi jew jekk smajtux minn xi ħadd jitkellem madwari, li la ġara dan kollu f’dawn l-aħħar disa’ snin, dak li jkun ma jistax jissaporti li jgħix iżjed f’dan il-pajjiż u ħa jkollu jitlaq. Argumenti ta’ dan it-tip, inkluż minn ħbieb, ma noħodhomx bis-serjetà. Titlaq minn hawn biex tmur fejn? Bħallikieku dak kollu li mhuwiex Malta jfisser biss bellus u governanza tajba.
Matul dan id-diskors, iktar kemm bdejt nisma’ sentenzi, iktar bdejt inħoss li għalkemm dawn kienu sentenzi li jagħmlu sens, ma nafx kemm huma effikaċi. Ngħiduha kif inhi, “governanza” hija fost l-iktar kelmiet tedjanti u ma nafx eżatt lil min iċċaqlaq ħlief lil xi ċentrist liberali. Ma nafx kif il-“governanza” se taħdem bħala argument kontra l-qawwa tal-qabda ta’ immaġni fuq moħħ bosta nies li, għalihom, kull ħaġa relatata ma’ Daphne tnawwar fil-fond tal-psike tagħhom, bħal fantażma li jqanqal fihom l-agħar biżgħat dwar l-apparenzi tagħhom, dwar kif jarawhom in-nies, dwar l-istat soċjo-ekonomiku tal-familja tagħhom. U proprju għalhekk li meta l-bomba qasmet id-dinja fi tnejn, fid-diskors sanitizzat dwar il-governanza u d-diskors vixxerali libidinali, l-ikbar success tagħha kien li għamlitha dejjem iktar diffiċli biex in-nies jikkomunikaw dwar dan il-każ u l-implikazzjonijiet usa’ tiegħu.
Faċli li naraw kliem aħrax u dispreġġattiv dwar Daphne llum bħala xi ħaġa kerha ħafna. U, fil-fatt, hija ħaġa kerha ħafna li meta nismagħha minn xi familjari tiegħi, ikolli aptit u bżonn li nitlaq mill-kamra. Imma niżbaljaw jekk naħsbu li huma n-nies ta’ kontra Daphne biss li għandhom diskors libidinali.
Il-bomba qasmet id-dinja fi tnejn, bejn diskors dwar l-istituzzjonijiet magħmul fil-kumitati tal-Kunsill tal-Ewropa u kliem-sinjali bħal “laptoppp” u “why dog no bark” filwaqt li nippretendu li ż-żewġ dinjiet huma parti mill-istess univers diskursiv. Il-bomba faqgħet il-lingwaġġ politiku fi shrapnel li jċarrat.
It-tielet diskors kien ta’ Manuel Delia minn Repubblika, diskors b’saħħtu u importanti. Laqtuni bosta punti mid-diskors tiegħu, fosthom l-aċċenn fuq ir-relazzjoni bejn il-flus u l-poter bħala kawża ewlenija tal-kriżi politika li qegħdin fiha. Il-kelma nnifisha, il-kapitaliżmu, ma tintużax, u hija bħall-iljunfant fil-kamra. Imma l-kapitaliżmu huwa għadu tad-demokrazija, jobgħod lin-nies (id-demos) u l-massa. Forsi nibża’ li d-diskors f’din il-massa ma jistax ikun prinċipalment antikapitalista, forsi wkoll minħabba d-demografija ta’ ħafna mill-massa pro-Daphne, forsi sidien ta’ intrapriżi żgħar jew kbar li jsibuha faċli li jaraw il-kunċett tal-proprjetà privata u l-profitti bħala wieħed naturali u mistħoqq, frott il-bżulija u l-għaqal. Ġieli nibża’ wkoll li ħafna minn din il-massa m’għandhomx iżżejjed għal qalbhom il-mobilizazzjoni ta’ massa eteroġenja u l-isforz meħtieġ biex jinħolqu pontijiet prekarji biex tissaħħaħ il-massa f’moviment b’forza politika.
Fid-diskors ta’ Delia, kien hemm ideat friski wkoll: laqatni l-użu tiegħu tal-kunċett tal-poter ċivili, voldieri t-tip ta’ poter distint minn dak tal-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti politiċi; l-invokazzjoni ta’ ċittadinanza li mhijiex dwar drittijiet u privileġġi biss imma dwar poter u saħħa; “m’għandniex bżonn martri, imma għandna bżonn ċittadini,” qal. Enfasizza l-bżonn li l-iżolament jiġi sfidat permezz tas-solidarjetà ma’ min qed jirreżisti, li l-poter irid jifred mentri aħna, kif qal Matthew Caruana Galizia wara d-dimostrazzjoni, għandna bżonn noqogħdu maġenb xulxin; mhux wara, mhux quddiem xulxin, imma maġenb.
Delia, bir-raġun, faħħar il-kuraġġ tal-whistleblowers. Tant informazzjoni importanti ħarġet mil-leaks bħal dawk li ġraw minn ġol-Electrogas. Dawn in-nies, li minn biża’ tremend isibu l-kuraġġ li jxerrdu din l-informazzjoni assolutament fl-interess pubbliku, m’għandhom jitqiesu bħala xejn inqas minn eroj. Delia faħħar ukoll is-servizz li l-familja Caruana Galizia tat u qed tagħti lil Malta b’impenn ma jaqtax u kritika ġusta u serja. Dawru traġedja privata f’kawża pubblika. U huwa proprju għalhekk li jirritawni mistoqsijiet lill-familja li jfittxu li jippsikoloġizzaw it-trawma tagħhom. L-enfasi m’għandhiex tieqaf fuq l-uġigħ personali indeskrivibbli li għaddejjin minnu, imma wkoll fuq kif dan il-luttu jista’ jenerġizza l-mobilizzazzjoni tar-reżistenza b’mod effettiv.
X’jista’ jiġri wara ġuri hekk? Ma nafx. Tama li l-appell tal-ġuri jkun ta’ suċċess u li jista’ jwassal għal ġuri mill-ġdid li jsib ħtija f’Yorgen Fenech nistqarr li m’għandix ħafna, minkejja li nixtieq nemmen iżjed. Dan il-verdett qatt ma stennejtu u domt imbellah minħabba fih. M’iniex wieħed minn dawk li, ad nauseam, jiġri x’jiġri, jgħidu li mhumiex sorpriżi b’dak li ġara, li rawha ġejja. Din l-attitudni ultrakritika u ultraċinika ma togħġobni xejn, anzi nsibha politikament problematika. Dak it-ton li qatt mhu sorpriż b’xejn hu l-istess ton li ma jemmen f’xejn, fl-ebda bidla u fl-ebda possibbiltà. M’għandix ħin għalih dan it-ton li hu dejjem rassenjat (u allura diġà tellief) u hu wisq kburi biex jemmen f’xi ħaġa, ma jmurx jidher li tilef xi ħaġa. Imma min ma jazzardax sabiex ma jitlifx jispiċċa ma jirbaħ qatt xejn, lanqas. Wara kollox, meta ħafna minna naraw il-massa tqum fit-toroq u l-pjazez ta’ Tirana u Belgrad, fi Tbilisi u Istanbul, fi Buenos Aires u Bratislava, nimtlew b’tama u ammirazzjoni lejn id-demokratizzazzjoni u r-reżistenza. Mentri hawn ħa ninħlew inħarsu lejn l-uċuh ta’ min qiegħed fil-folla u l-bijografija ta’ dak li jkun biex nikkonfermaw iċ-ċiniżmu?
Minkejja l-uġigħ u r-rabja, jien irrid nemmen fil-possibbiltà li xi ħaġa tista’ tkun differenti. Jien irrid nemmen fl-azzjoni. Għalhekk it-ton affermattiv ta’ Delia f’għeluq id-diskors tiegħu laqatni. Sejjaħ għal numru ta’ azzjonijiet li lkoll nistgħu nagħmlu minkejja li l-verdett tal-ġuri ma nistgħux inbiddluh (u, biex ngħidu kollox, m’għandux ikun tali li jista’ jinbidel mill-massa). Li dak li jkun jista’ jikteb lir-rappreżentanti, iħeġġiġhom biex jaħdmu biex iwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne, li jiddaħħlu liġijiet kontra kriminalità mafjuża, u li jissaħħaħ il-ħarsien tal-ġurnalisti u tal-whistleblowers. Laqatni l-mod kif it-test li pprepara għal din l-email maħsuba għall-membri parlamentari tagħlaq b’din il-frażi sempliċi: Jekk jogħġbok għidli x’se tagħmel. Sejjaħ għal bojkott fuq negozji, lukandi u ristoranti li jgawdu u gawdew mill-prossimità mal-politikanti u l-korruzzjoni. Sejjaħ għal daqsxejn maturità lil hinn mill-partiġġjaniżmu li jieħu bosta forom sabiex dak li jkun jifhem is-severità tal-kwistjoni li għaddejjin minnha. Irrikonoxxa l-kuraġġ (rari) ta’ membru parlamentari, Naomi Cachia min-naħa tal-Gvern, li qalet li d-dmir ta’ trasparenza u l-verità ma jiqfux ma’ verdett. Qalet li minkejja li saru riformi istituzzjonali, l-inkjesta pubblika kienet identifikat numru ta’ fallimenti li għad iridu jiġu indirizzati, speċjalment fis-settur tal-libertà tal-istampa. Kliem sempliċi, li ma biddilx id-dinja, imma huwa pass żgħir lejn xi forma ta’ maturità politika.
Forsi huma ftit faċli l-assoċjazzjonijiet tal-bidla politika mal-maturità. Timplika ċerta infantilizzazzjoni tal-għadu. U jien stess insibni skomdu li nwaħħal fil-“partiġġjaniżmu” bħala fattur li jxekkel dan il-pajjiż milli jimxi ’l quddiem politikament. Ma nixtieqx niddemonizza simpatiji, anki dawk qawwija, li persuna titfa’ fl-affiljazzjoni tagħha ma’ partit. U fuq kollox, ngħiduha kif inhi, bosta minn dawn li kienu maġenbi fid-dimostrazzjoni, minkejja li qed jisimgħu kliem kontra partiġġjaniżmu għami, ta’ Nazzjonalisti ħa jidentifikaw.
Però jkolli nammetti wkoll li nsibha surreali, u jkolli nasal nifhem kemm jaf ikun redikolu u perikoluż il-partiġġjaniżmu għami, meta nara headline fuq il-ONE li l-protesta kienet organizzata “mill-estremisti tal-PN” u kienet “iddominata mill-attakki kontra l-gvern”. Voldieri l-midja indipendenti estremisti tal-PN? Il-Graffitti estremisti tal-PN? Ir-Ramblers? L-MGRM? L-ambjentalisti? Il-mużiċisti, l-artisti, l-anarkisti u l-kittieba li rajt kollha estremisti tal-PN? Kulħadd estremist tal-PN? Nipprova nimmaġina possibbiltajiet ġodda li jistgħu joħorġu minn dan kollu imma ma nistax ninsa l-fossa diskursiva li qegħdin fiha. Imma nirrifjuta li naqta’ qalbi, ma nistax.
Fi spirtu repubblikan, id-diskors ta’ Delia sejjaħ għal ċittadinanza attiva, voċifera, li temmen li għandha poter, li taġixxi minn ċerta mħabba lejn il-pajjiż, li tħoss li l-pajjiż hu tiegħek, li għandek is-saħħa u li allura trid tużaha. Li ninqatgħu minn attitudnijiet servili, tat-tfal iż-żgħar, li xi ħadd imur fil-kju ta’ MP biex jitlob il-pjaċiri u li jkun komdu bl-għarfien li bil-pjaċir li qed jirċievi qed jitfottew nies oħrajn.
Punt ieħor, relatat mal-maturità, huwa dwar l-invokazzjoni tal-figura tat-tfal fid-diskors ta’ reżistenza politika. Fl-iktar punt animat fid-diskors tiegħu, fejn ħsibtu li ħa jsabbat idejh fuq il-leġiju li kien qed jaqra minn fuqu, Delia semma li l-motivazzjoni politika tiegħu ġejja mill-fatt li ma jridx li l-pajjiż li jħalli lil uliedu jkun wieħed fejn biex tavvanza għandek bżonn il-pjaċiri u fejn l-istituzzjonijiet huma mnawrin. Il-punt nifhmu sew, u huma bosta li jiskopru saff ġdid ta’ maturità meta jibdew irabbu. Imma parti minni tixtieq tirreżisti l-mod kif id-diċenza politika ħafna drabi tintrabat mat-tfal. Nagħtuhom eżempju tajjeb. Inħallulhom pajjiż aħjar. U aħna? Mela r-reżistenza mhijiex għalina wkoll?
Forsi minflok ninħlew f’dawn it-teknikalitajiet, ikun iktar għaqli li naraw xi spirtu politiku jista’ janima dan il-moviment. Minkejja l-ħafna diskors ta’ “soċjetà ċivili”, li nissimpatizza miegħu u nipprova nikkontribwixxi lejh, hija ftit problematika r-realtà li l-moviment (jekk nistgħu nsejħulu hekk) li nħoloq wara l-assassinju baqa’ wisq imwaħħal mal-idea ta’ Daphne. Voldieri baqa’ moviment wisq personalizzat milli ppolitiċizzat. Baqa’ nieqes minn sens ta’ tmexxija, forsi tikka żgħira teknokratiku żżejjed ukoll.
Minkejja li ngħid hekk, dan il-moviment għandu s-simpatija u s-solidarjetà tiegħi. Ma togħġobni xejn l-idea minn ħbieb u attivisti li, politikament, jibqgħu juru riluttanza milli jemmnu f’dan il-moviment. Nispeċifika li “politikament” għax nasal nifhimha eżitazzjoni fuq livell iktar personali lejn il-moviment madwar Daphne. Forsi hekk irrid nagħżel li nifhmu d-diskors ewlieni tad-dimostrazzjoni ta’ din il-ġimgħa: l-istimolu kien il-bomba li splodiet karozza b’ġurnalista fiha, imma l-effett ta’ din il-miċċa għandu jmur lil hinn minn hekk, f’ġieh dal-pajjiż. Din mhijiex battalja dwar Daphne biss, avolja hi hekk ukoll. Imma din hi wkoll ġlieda biex iċ-ċittadini u r-residenti ta’ dan il-pajjiż jieħdu pajjiżhom lura.
Minkejja l-ħakk li jaqbadni meta nisma’ n-noti tal-innu Malti fi tmiem dimostrazzjonijiet bħal dawn, u ma nsibhiex fija li nkantah, minn fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir ta’ Sciortino (jew il-monument ta’ Daphne tal-attivisti), nittawwal lejn il-folla, il-massa, id-demos, u nilmaħ id-dwal tal-qrati jixegħlu, id-dawl mill-mobiles tal-attivisti preżenti, ħarsti tgħaddi mill-qrati għal Triq ir-Repubblika kollha fejn nara l-massa tipprova temmen li din m’għadhiex Strada Rjali jew Misraħ tal-Baruni Kapitalisti, imma hija triq lejn nazzjon iktar kuraġġuz li jimmaġina l-possibbiltajiet .