Splużjonijiet #1

Il-kwiet u l-lejl

Jimmy Grima


U nisimgħuha ttektek mal-bieb, sejra tik, tik, tik

16 ta’ Ottubru. X’saħħa fiha splużjoni? X’inhuma l-istejjer madwarha? Kaxxa infernali. Is-sajjieda kienu jistadu għall-bombi li għadhom ma splodewx. Filfla, l-aktar gżira mwarrba ta’ Malta fl-inħawi tal-Qrendi, kienet tintuża għall-prattika tal-isparar tar-rokits, missili u torpidows fi żmien l-Ingliżi. B’dawn il-ħsibijiet bdejt infassal Kaxxa Infernali: Explosions, biċċa xogħol tat-teatru totalment non-fiction. Din damet biex tintwera quddiem in-nies sentejn, sa Ġunju tal-2021, għax kien iż-żmien fejn seħħ dak li ma jitwemminx. Qatt ma ħsibt li kont se nkun maqful ġewwa għal żmien daqshekk twil. Ix-xogħol kien wieħed minn tal-ewwel li ttella’ meta bdew jiftħu l-postijiet pubbliċi Malta u għalija kien mument stramb ħafna fejn dak id-diskors kollu rigward it-teatru, rigward il-ħaj u l-mument, beda jdub fix-xejn. Kien hemm min azzarda jiġi fit-teatru jarah ix-xogħol u, minħabba ċ-ċirkostanzi, kien hemm min biddel l-esperjenza tal-live ma’ dik tal-iskrin. Għax dan kien żmien fejn f’daqqa waħda kull esperjenza xxandret minn wara skrin. Żmien il-pandemija.

Peress li l-performance twila ħamsin minuta bl-eżatt, ma stajtx niftaħ kemm ridt dwar l-istejjer li sibt li kienu (u għadhom) mirdumin, imwarrbin jew minsija. Fit-teatru nħoss in-nies madwari u nkun naf jekk hux qegħdin miegħi jew le fl-enerġija. Imma hawn, jien u nikteb, ma nafx. Dak li qed intektek fuq il-keyboard ma nafx jekk iżommkomx jew le. Allura naqrah. Fit-teatru hemm l-element tal-ħaj u tal-azzjonijiet u l-involviment tad-disinn, tal-ħoss, tad-dawl. Hemm l-oġġetti, il-props, li kellhom parti ċentrali speċjalment il-prop ta’ murtal li waqt il-performance nżarmah sabiex flimkien mal-udjenza — permezz tal-video live — stajna nħarsu lejn l-anatomija tiegħu.

F’Ħaġar Qim jew mill-Imnajdra
Tikkontemplawni nistaqsikom
minn ġol-Wied jew minn Għar Lapsi
Għidul’iniex ċajta għalikom
Jienx ġnien jew ċimiterju.
X’inhu dak li jbeżżagħkom?
Għala m’għadkomx tiġu ħdejja
Meta l-ġranet qattajt magħkom?

Hekk beda x-xogħol: fid-dlam b’dawn il-vrus bojod fuq l-iswed. Dawn il-vrus huma framment mil-Lament ta’ Filfla li ġie miktub apposta għax-xogħol ta’ Kaxxa Infernali: Explosions. Il-kitba hija tiegħi u ta’ Joachim Robbrecht. Waqt il-proċess tad-drammaturġija, Maria Rößler, id-drammaturga tax-xogħol, ħarġet bl-idea li nippersonifikaw lil Filfla. Peress li Joachim ma jafx bil-Malti, bejnietna kien hemm Julia Camilleri li għamlet it-traduzzjoni kollha, barra li ppreparat it-traskrizzjoni tal-intervisti. Fl-aħħar, Mariele Zammit irranġat il-vrus għall-kant, u Steve Delia (id-Delli), irrekordja lilha u d-daqq tal-kitarri, li daqq hu stess, fuq cassette. Waqt il-performance kont indoqq il-cassette. Ħa taraw diversi strofi matul il-qari. Ftakru li dan frott ta’ grupp ta’ nies u mhux il-vuċi waħdanija tiegħi.

Ir-riċerka għall-performance hija fażi ġdida li spuntat f’dawn l-aħħar għaxar snin meta tajtha għal xogħol li joħroġ mill-fatti. Forsi għax dejjem laqtitni l-forma tal-għana tal-fatt. Infittex stejjer li għadhom ma ħarġux hemm barra jew dawk li jmorru kontra l-mewġa tal-mainstream jew l-għarfien dominanti. Nipprova naħdem fuq stejjer moħbija li forsi aħjar li ma nkunux nafu; u nibqgħu ngħixu fil-fantasija ta’ Ġrajjiet Malta, il-ktieb tal-istorja ta’ Malta li kellna fis-sekondarja. Iżda hemm stejjer ta’ komunitajiet żgħar ħafna li dak li jagħmlu mhuwiex parti mill-mainstream, allura ma jrendix u biż-żmien — speċjalment fiż-żmien tal-lum — qed jintesew, flimkien mal-għarfien tagħhom. Jaf niġu bżonnu llum jew għada.

Dawn l-istejjer għal xi raġuni jew oħra baqgħu fuq l-ixkaffa ta’ xi arkivju nazzjonali jew ta’ gazzetta, fi gwardarobba ta’ xi dilettanti, jew fl-arkivju organiku, dak tal-memorja. Dan tal-aħħar sikwit ikun utli biex tgħaqqad xi biċċa mill-jigsaw puzzle. Dawn il-memorji kollha jiddeterjoraw maż-żmien. Il-moħħ jibda jinsa, il-karti fil-gwardarobba jitmermru jew jintremew, ir-ritratt jibjad, il-VHS u t-tape jitherrew u l-istampa tinbidel fir-ross abjad u iswed. Hekk il-memorja u ż-żmien. Jien nipprova naqbad iż-żmien u fil-każ ta’ Malta din avventura sħiħa, għax hemm ħafna ħofor u spazji mudlama fl-istorjografija Maltija. Qisna kkuntentajna b’li nafu. Qisna ma tantx sibna ċ-ċans inħarsu lura lejn kif inkitbet l-istorja tagħna u weħilna man-narrattiva orjentalista li kitbu fuqna l-barranin li kienu jaħkmuna. Jew tlifna n-namra għal dak li verament inħobbu nagħmlu. Jista’ jkun li maż-żminijiet, dak li nkiteb, bħal fi Ġrajjiet Malta, sar vanġelu u sar it-twemmin, it-tradizzjoni u l-identità Maltija. Finzjoni li ssir ir-realtà, fejn dak li nkiteb fil-kotba ta’ gwida għat-turisti fis-sittinijiet inbidel fit-twemmin nazzjonali tal-identità Maltija.

Niftakar kont ma’ Ira u Kristen Għawdex, bis-sħana u l-kwiet kollu tiegħu, u bdew deħlin ħafna messaġġi. Li qatlu ’l DCG b’karozza-bomba. Kien it-Tnejn 16 ta’ Ottubru 2017, u fit-15:00, Daphne Caruana Galizia rikbet ġo karozza-bomba. Bħal donnha d-dinja fittizja tal-films issa kienet ta’ veru. Din l-istorja naħseb kienet waħda mir-raġunijiet li qanqluni nibda nfittex biex nagħmel xi ħaġa. Sabiex nifhem kif aħna — il-Maltin — spiċċajna naslu nagħmlu dan. Ridt nara jekk din faqqgħetx mis-sema, għax kulħadd kellu qatgħa kbira fuqu. Għax aħna l-gżira fejn “la qatt ma rridu gwerer, la qatt ma riedu ġlied, madwarna biss il-paċi u mhux għira u inkwiet”.

Aħna t-tfal tat-tmeninijiet żgħar wisq biex niftakru l-“Belfast ta’ Malta”, kif qaltli z-zija Carmen, waqt intervista li għamiltilha fuq ir-relazzjonijiet mal-bombi u l-isplussiv. Ziti Carmen hija l-protagonista ta’ Kaxxa Infernali: Explosions. Fil-performance hija l-unika mara f’din id-dinja ta’ rġiel biss. Dinja li sikwit nimraħ fiha. Forsi qed nipprova nifhem, jien ukoll, xi jfisser li tagħmilha ta’ raġel. Fit-tmeninijiet kont żgħir wisq u ma tantx niftakar vjolenza u bombi, avolja naf li kienu għadhom iseħħu dak iż-żmien. Imma ziti le. Malli staqsejtha jekk tiftakarx xi bombi meta kienet żgħira hi, fil-pront irrispondiet: Iva mela, dawk niftakarhom ċari. Dak iż-żmien jien kont indoqq mal-banda tal-Labour. Il-banda tal-Labour x’għandha x’taqsam mal-bombi? Kienet iddoqq ma’ Tal-Ajkla. U konna mmorru ma’ tal-Labour ukoll. Imma l-bomba kif tidħol? Ġol-garigori ta’ moħħ Carmen hemm ħoss itektek. Tirrakkuntali kif meta kienet xebba kienet sejra lura d-dar wara kunċertin (hekk kienu jgħidulhom qabel il-provi, u fil-kultura tal-baned baqgħet sal-lum) tal-banda u malli waslu fil-bandli raw basket tal-karti li minnu kien ħiereġ ħoss ta’ tik, tik, tik, tik, tik. Kienet bomba.

Ibbumbardjata,
Immartellata,
Imġarrfa,
Imxaqqa.
Illum fost il-frak jien farka.
Kont artal u llum imfarrka.
Il-baħar qallieb iħallat kollox.
Qarrieq ir-riħ jieħu u jġib.
Ikaxkarli żrari isfar.
Ikaxkarli żrari griż.
Ifakkarni f’dak iż-żmien
Meta għaddejt minn ħafna taqlib.

Fil-15 ta’ Ottubru 1979, jgħid Victor Aquilina f’intervista, huwa u jiftakar il-ħruq tal-bini tat-Times, “is-sema fuq il-Belt kien mifqugħ b’dija mill-fjammi ta’ dak li żgur kien l-akbar nar li rat il-Belt minn żmien il-gwerra. Qed infittex dawn il-bombi ġo repożitorju ieħor, apparti dak ta’ ziti, bħall-gazzetti jew l-arkivji. Tista’ tgħid li l-Mediterran kollu kien imqalleb u mħawwad dak iż-żmien. L-ewwel nett kien żmien il-Gwerra l-Bierda. Imma jekk tħares lejn il-kantunieri tal-Mediterran, fl-1974 kellek il-kunflitt ta’ Ċipru, kolp ta’ stat mill-Gwardja Nazzjonali Ċiprijotta Griega u l-EOKA-B, bl-għan li jintlaħaq Enosis, unifikazzjoni mal-Greċja. It-Turkija daħlet fil-gżira bil-pretest tat-Trattat tal-Garanziji tal-1960, u Ċipru għadha maqsuma sal-lum. Avolja jkolli nistqarr li jien dejjem ħsibt li t-Turkija invadiet. Ma kontx naf bil-biċċa tal-Greċja. Dan, fl-istess ħin, wassal għat-tmiem tal-Ġunta Militari Griega. Il-Gwerra Ċivili Lebaniża bdiet is-sena ta’ wara, bl-involviment ta’ diversi fazzjonijiet Lebaniżi, gruppi Palestinjani, u potenzi esterni, inklużi s-Sirja u l-Iżrael u interventi barranin, u damet sal-1990. Is-Snin taċ-Ċomb fl-Italja [“Anni di Piombo”] bdew fis-snin sittin u damu sat-tmeninijiet. Il-vjolenza politika fit-Turkija damet mis-snin sebgħin sal-1980, bejn gruppi tax-xellug estrem, nazzjonalisti tal-lemin estrem, u l-istat. Din wasslet għal kolp militari fl-1980 “sabiex iġib l-ordni” imma l-qagħda spiċċat agħar. Il-Gwerra tal-Yom Kippur fl-1973 involviet l-Eġittu, is-Sirja u l-Iżrael. Malta mhux ġo bużżieqa għaliha, avolja l-baħar miftuħ li jdawwarha jqarraq bik għax iġiegħlek taħseb li tinsab waħdek, iżolat.

Ir-raħal kienu saru tnejn żgur li ħadu. Kienet saret waħda fejn il-bandli u waħda ma’ dar hawnhekk il-pjazza. Naħseb tlieta li ħadu, għax kien hawn ta’ Dun Raymond ħadet ukoll. Imma mbagħad niftakar waħda finta… ma’ dar… konna ġejjin mill-banda xi l-11 ta’ billejl. Il-private kienet twaqqafna fejn il-knisja u jien kelli mixja għal għand in-nannu. U ġejjin, konna tlieta niftakar, u nisimgħuha ttektek mal-bieb, sejra tik, tik, tik… U taf kemm ġrejna, Ġann! Ħe ħe!

Rat il-bomba ġo borża tal-karti ma’ bieb u semgħetha ttektek. Din il-bomba ma ħaditx. Kienu jsiru, min jgħid li politika… l-Imqabba saru iżjed, eh… Mela mhux il-Qrendi biss saru? staqsejtha. Le, infatti kienu jgħidulna Belfast lilna. “Lilna” nimmaġina li riedet tgħid għal dawk ta’ wara l-mina: iż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba. Abbli Ħal Luqa wkoll, avolja dak qabel il-mina. Jew forsi għall-Maltin kollha, ma nafx, qatt ma rġajt staqsejtha. Infatti z-zija tiftakar li min-naħa ta’ Ħal Luqa… l-Ingliżi kienu jinżlu jixtru. Kellhom il-ħwienet u l-bars tagħhom. Kien hemm supermarket minnhom, dak iż-żmien, l-ewwel idea ta’ supermarket li qatt rajt f’ħajti. Fhimt? Kien hemm supermarket żgħir, kienu jidħlu huma biss. U l-Maltin joqogħdu għall-kwiet għax jaqalgħuha.

Dak li kien qed jiġri l-Irlanda, b’mod mikroskopiku kien qed jiġri hawn. Fis-’71. Meta tela’ l-Labour fis-’71. Kien hawn naqra taqlib mhux ħażin dak iż-żmien. Meta rġajt staqsejt liz-zija m’ilux, wara li analizzajt l-intervista, irranġat il-memorja f’moħħha u qaltli li taħseb iktar lejn l-1976 kien milli l-1971. Imbagħad staqsejtha fuq il-gwerra u għall-ewwel qaltli li ma tiftakar xejn. Imma jien kont qed insaqsiha fuq l-opinjoni tagħha dwar il-gwerra inġenerali, bħala kunċett. Ifhem, jiena ma naqbel magħha xejn, totalment. Mhix xi ħaġa sabiħa jew pjaċevoli. Avolja għaddejjin minn gwerra b’mod ieħor bħalissa, hu’. Le le, ma naqbilx magħha hu’. “Gwerra mod ieħor” għax din l-intervista saret fl-eqqel tal-lockdown tal-Covid fejn konna kollha msakkrin.

Din l-istorja tal-isplussivi ma faqqsitx ilbieraħ bil-bomba li qatlet lil Daphne. Fuq dan, Herman Grech, l-editur tat-Times kiteb play verbatim li ttellgħet ftit qabel Kaxxa Infernali: Explosions. Ma tantx kien hemm bżonn ħafna logħob bil-fantasija. Il-fatti kienu drammatiċi u kważi fantastiċi waħedhom. Jien, minflok, għażilt li npoġġi sekwenzi u frammenti ta’ vuċijiet differenti.

Fis-17 ta’ Novembru 1869 l-Ingilterra fetħet il-Kanal ta’ Swejż. Hemm min jgħid li kien dakinhar li Malta saret il-Fortizza fil-Mediterran, fortizza biex tipproteġi l-interessi kummerċjali tal-Imperu. Forsi kellna nħarsu ftit iktar lura fl-istorjografija proprja minħabba li, sa minn meta waslu l-Ingliżi, bħalma juri l-indiċi fl-Arkivji ta’ Kew, l-Ingilterra, l-idea kienet li dil-gżira ssir fortizza. Hemm dossier tal-1830 fejn hemm sensiela ta’ pjanti ta’ kif il-port u l-madwar isir maħżen ta’ dan it-TNT u tal-kordajt:

29 Plan of the Store Rooms in Cavalier St James, Valletta
30 Sheet of plans of powder magazines in Saint Michaels’s and Saint Peter’s counterguards
31 Sheet of plans of powder magazines in Saint James’s and Saint John’s counterguards
32 Sheet of plans of the powder magazine under Salvator Bastion and of the Capuchu magazine, Floriana
33 Plan of the Powder Magazine at Fort Manoel
34 Sheet of plans of the stores, casemates and powder magazines at Saint Angelo, and of the powder magazine at Senglea Point
35 Plans of the Powder Magazines in the Cottonera (Cotonera) Lines
36 Sheet of plans of the powder magazines at Corradino and Ricasoli
37 Plan of the Powder Magazine at Fort Chambray, Gozo

Il-familjarità tal-Maltin mal-isplussivi tmur lura żmien twil. U l-bomba ta’ Ottubru 2017 splodiet f’kultura u f’mentalità li ma kienu aljeni xejn għall-isplużjonijiet. Biss biss, artiklu mit-Times minn Frar ta’ dik l-istess sena juri serje ta’ karozzi-bomba li jmorru lura għaxar snin. Il-Maltin ilhom jaħżnu ġo fihom fis-skiet, u l-bombi ma faqqsux mil-lum għall-għada. Il-ħoloq tal-militar, il-kapitaliżmu, ir-reliġjon u l-kriminalità kollha ħoloq waħda fl-oħra bħal katina. U kellha tkun l-iskuża tat-teatru u ż-żmien li kompla jtawwal minħabba l-pandemija sabiex nibda dir-riċerka. Hekk spiċċajt intlift f’dawn il-ħoloq kollha.

Għall-performance ħadna d-deċiżjoni li jkun hemm bank tax-xogħol fejn se nkun qed inbagħbas fil-murtal, warajja xkaffa b’xi oġġetti bħal kitla u cassette player. Għal ħin twil in-nies ikunu fid-dlam, jisimgħu leħen iz-ziju Saver, dilettant kbir tan-nar, u Godfrey Farrugia, espert tan-nar u membru parlamentari, it-tnejn jispjegaw in-nar. Xi daqqiet kien hemm kor sħiħ ta’ rġiel jagħtu tweġibiet fuq xi jfisser għalihom li tkun raġel. Kien hemm partijiet fejn nirreċta mill-memorja ta’ tfuliti. Li kieku nerġa’ nagħmilha llum, nerġa’ naħsibha kif nippreżentahom dawn il-memorji.

Dan ix-xogħol ittella’ u għadda imma dak li ħareġ fuq il-palk kien il-qtar li ġie ddistillat mir-riċerka u l-proċess ta’ drammaturġija. Hawnhekk nista’ nipprova nikkontribwixxi ftit iktar dettalji. Fuq il-palk din il-biċċa tal-bombi u l-istorja kollha warajha tfajnieha fl-isfond tax-xogħol. U naħseb li f’din is-sensiela nista’ nipprova ntellagħha ftit iktar fil-wiċċ. Din l-ewwel parti se niddedikaha ’l Filfla u l-istorja tagħha marbuta mal-isplużjonijiet.


Kif taqbeż il-mina tkun free, mill-mina ’l ġewwa kollu kwiet

It-TNT, l-isplussiv, parti mill-istorja ta’ Malta bil-kbir. Imma biex ngħaqqad kollox kelli bżonn post u għażilt ’il Filfla. Għażiltha għax sit ta’ memorja. Għażiltha minħabba l-istorja tagħha, mhux il-klieb il-baħar imma l-istorja militari. Ridt, u għadni rrid, nipprova nittraċċa l-linja ta’ din l-istorja, li b’xi mod aljenajna ruħna minnha, u l-linja li bdejna npinġu fl-istorjografija ma tgħaqqadx l-2017 mal-bqija taż-żmien. Pierre Nora stabbilixxa l-idea ta’ “lieu de mémoire”, post li jservi bħala memorja kollettiva għal grupp jew komunità ta’ nies. Filfla, fl-opinjoni tiegħi, hija wieħed mill-postijiet fejn isir dan il-proċess ta’ formazzjoni ta’ memorja. Dan ifisser li Filfla mhijiex biss spazju storiku, iżda wkoll post fejn il-komunità Maltija tista’ tieħu ħsieb l-identità tagħha u tippreserva l-istorja tagħha. Nora juri kif lokalità, bħal Filfla, tista’ hi stess tikkompeti mal-ħafna narrattivi dwarha u mal-istorja nazzjonali, u b’dal-mod tkun il-post fejn l-identità u l-memorja jiġu ssalvagwardjati u integrati b’mod konsolidat.

Waħda mill-postcards li għandi f’kollezzjoni miż-żmien fejn Malta kienet tinbiegħ għat-turiżmu bħala “one-stop amusement, archaeology and sea-side resort” hija speċjali għalija għax, minbarra li hemm Filfla fl-isfond, wieħed jista’ jinnota kemm l-aċċessibbiltà għall-pubbliku hija kuntrastanti sew ħdejn dik tal-lum. Kultant, bħala tifel, li nitla’ bilwieqfa fuq l-ogħla post possibbli f’dan it-tempju kien l-iktar mod effettiv kif nifhem li dawn in-nies ta’ qabli kienu tassew kbar u, bil-biża, kelli rispett kbir lejhom.

Ma nafx kemm kelli żmien, naħseb xi seba’ snin, meta konna mmorru nhar ta’ Ħadd fejn in-nannu, li kien jonsob ġo għalqa bejn l-Imnajdra u Ħaġar Qim. Kien ikun hemm il-familja kollha, biz-zijiet u n-nanniet u kulħadd. 33 sena ilni ma mmur ’l hemm. Però issa m’għadekx tista’ tidħol. In-nannu kien jintlaħaq sew mill-passaġġ. Darba, ma nafx tiftakarx, kien hemm waħda Ingliża riedet tħarrablu kollox! Jien ma niftakarx, imma nista’ nimmaġina. Kull nassab li naf għandu stejjer bħal dawn, inkluż missieri. Ta’ missieri Ġermaniża kienet.

Mhux l-ewwel darba li, waqt xi piknik, kien jaqa’ l-kliem fuq min bena t-tempji u x’inhuma, u kif dik il-gżira li jisimha Filfla hemm barra hija mdawra bil-klieb il-baħar u jekk tmur tgħum madwarha jikluk.

Il-Qrendi huwa post għall-kwiet immens. Kieku ma jagħmlux dawn il-ġiex festi, toqtol u tidfen — kif jgħid il-Malti. Hekk dejjem jgħid iz-ziju Saver, ir-raġel ta’ ziti Carmen u l-ispalla tagħha. L-iktar li hemm kwiet Filfla. Xi ħames kilometri ’l bogħod mill-kosta, “ġawhra fil-Mediterran” isejħilha. Filfla ġawhra fix-Xlokk ta’ Malta. Li ma nafx hux veru hu, nismagħhom jgħidu li kienet tingħaqad mal-Afrika dik, u tibqa’ sejra sa Ħaġar Qim. Ma nafx hux vera, imma dak li kont smajt. Staqsejtu min qallu dan għax jien studjajt hekk l-iskola imma z-ziju ma marx skola. Ix-xjuħ tagħna, l-antenati. In-nannu l-ewwel wieħed. Dan miet ta’ 91 sena u z-ziju kien iż-żgħir. Mid-dehra kien jgħidlu ħafna stejjer. Avolja l-iskola tarrfuli dan xi darba, imma dak iż-żmien ma kontx fhimt li infatti Filfla hija l-biċċa art l-iktar fin-Nofsinhar ta’ Malta u jekk tikkunsidra kollox u fil-kuntest tal-lum nistgħu kważi ngħidu li hija waħda — għax hemm il-gżejjer ta’ Linosa u Lampedusa — mill-artijiet l-iktar fin-Nofsinhar tal-Ewropa, u għalhekk l-eqreb tal-Afrika. Din il-blata toħroġ dritt ’il fuq mill-ilma baħar u għandha l-wiċċ ċatt. U z-zija, martu, tgħid li kif tinżel minn Għaxqet l-Għajn, fuq Ħaġar Qim, tara ’l Filfla, tgħid “ara l-baħar kalm”.

Kif issejħet f’diversi kitbiet, Filfla qisha artal. Speċjalment meta tqis li faċċata tagħha hemm dawk iż-żewġ strutturi li nsejħulhom tempji. Hekk sejħilhom Temi Zammit u hekk sejħulhom l-arkeologi fiż-żmien kolonjali. Ma tantx iddoqqli din tat-tempju u tal-artal, għax spiċċajna nħarsu lejhom minn narrattiva waħda biss: dik li tiffoka fuq ir-riti u ċ-ċerimonji. B’hekk, possibbilment eskludejna funzjonijiet jew raġunijiet oħra għalfejn kien jeżisti dan il-ħaġar impoġġi b’mod arkitettoniku ta’ barra minn hawn. Il-kelma tempji tirrifletti perspettiva Ewroċentrika li dehret f’perjodu meta l-akkademiċi Ewropej kienu qed jikklassifikaw u jiddeterminaw id-dinja skont in-normi u l-preġudizzji kulturali tagħhom. L-użu tal-kelma “tempji” inevitabbilment tesponi l-aspett reliġjuż jew dak tar-ritwal tas-siti. Din hija spjegazzjoni monofunzjonali li tista’ tkun qed tnaqqas mill-vera funzjoni tagħhom. Meta dawn is-siti jiġu mmarkati bħala “tempji” mill-komunità interpretattiva — li storikament kienet magħmula minn akkademiċi tal-Punent — tieħu l-awtorità li tiddetermina x’inhi u, fl-istess ħin, x’mhijiex. Il-kelma “tempji” f’kuntest kolonjali tikxef l-effetti tal-orjentaliżmu li jirrifletti mhux biss ir-relazzjonijiet tal-poter bejn il-kolonizzatur u l-kolonizzat, iżda wkoll il-mod kif dawn ir-relazzjonijiet jinfluwenzaw il-produzzjoni tal-għarfien.

Meta mort sal-arkivji ta’ Għawdex, il-Vajrinġa, għax kelli bżonn insib xi informazzjoni dwar il-Ġgantija, tkellimt mal-arkivisti u fhimt ftit iktar għaliex jintuża t-terminu “tempju”. Peress li fl-arkeoloġija hemm il-kunċetti ta’ “dwellings” u “burial sites” dawn ġew klassifikati jew interpretati bħala tempji minħabba li kien hemm is-siti l-oħra li nstabu u allura kellhom funzjoni differenti. Dawn il-binjiet nafu li jimmarkaw l-istilel u l-istaġuni. Forsi dawn kienu postijiet fejn in-nies ikkongregaw mhux biex joffru xi xebba bħala sagrifiċċju lill-allat, bħalma tenna l-poeta Għawdxi Ġorġ Pisani, bħal f’xi film ta’ Indiana Jones. Sħabi l-Għawdxin ma tantx jieħdu gost meta mmaqdru. Niftakarna naqraw il-poeżija l-iskola, fid-Denfil. Pisani, wara kollox, kien tal-klikka tal-Malti li kellhom ħafna saħħa f’dak li tgħallimna. Jien nara dil-perspettiva ta’ dawn is-siti bħala waħda dejqa u batuta għall-aħħar. Imma mhux ħa nisplodi fuq il-kelma “tempju”. Richard England, f’intervista li saritlu għad-dokumentarju dwar Filfla għal TVM News, jgħid li jħoss li Filfla kienet meqjusa bħala artal, saħansitra bħala alla fiha nnifisha, u ddeterminat id-direzzjoni li fiha nbnew Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Jirrakkonta dwar lejl li qatta’ fuq dil-gżira kwieta, fejn m’hemmx storbju, għax ried jisma’ l-vuċijiet u l-eku ta’ dak kollu li għadda minn fuqha. Billejl kien hemm silenzju kbir ħlief għall-ħoss poetiku tal-baħar, u jgħid li l-gżira kellmitu, jgħid li ħass li kien hemm relazzjoni bejniethom. Telaq bid-dmugħ f’għajnejh, bħal meta tħalli warajk lil xi ħadd li tħobb.

Maqtugħ’hawn ninsab mid-dinja.
Rasu iebsa l-baħar ħabbatni,
mewġu nassorbi jheżżiżni,
ikissirni, isabbatni.
Ġebli tal-qawwi jistrieħ fit-tafal.
Imdellka, imrattba u ramlija.
Ir-riħ ġmielu jnaqqarni,
jikolli l-ġilda ħamranija.

Jien narahom monumenti tal-kwiet. Dan il-ħaġar impoġġi mill-bniedem tal-qedem u din Filfla, gżira jew blata ħierġa minn wiċċ l-ilma, siekta — dawn ma jmeru ’l ħadd; jisimgħu u jaraw biss, għall-kwiet.

Din il-gżira ċkejkna santwarju tal-għasafar tal-baħar, u la jien u la int u la ħadd ma jista’ jirfes fuqha, għall-ebda raġuni. Trid jew tkun suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta jew ornitologu biex tkun tista’ tikseb permess speċjali u titla’ fuq din il-blata mġarrfa. L-ornitologu Benjamin Metzger għoġbu jirrekordjali l-ħsejjes tal-ambjent u jibgħatli xi ritratti minn meta kien fuq il-gżira. Lil Benjamin qatt ma ltqajt miegħu ħlief fuq l-internet. Kien iż-żmien tal-pandemija. Il-pont bejnietna kien Mark Anthony Falzon, wara li tkellimna fuq Zoom fuq l-idea tal-bombi, Filfla u l-festa. What’s in a Bang? ta’ Falzon kienet kitba li lili tatni perspettivi u saffi ġodda ta’ kif inħares lejn l-affarijiet.

Joe Sultana, li kien ornitologu, kittieb u attivista tal-ambjent, kellu arkivju sħiħ fuq l-intersezzjoni bejn l-għasafar u l-bumbardamenti ta’ Filfla. Fid-dokumentarju ta’ TVM News, Sultana jgħid li l-ornitologi Maltin bdew imorru fuq Filfla fiż-żmien li kienet għadha tiġi bbumbardjata. Marru jaraw x’qed jiġri mill-għasafar u ndunaw li l-kanġu ta’ Filfla ma kienx jibża’ mill-bombi, infatti l-gzuz kbar ta’ terrapien mill-ibbumbardjar kienu ħolqulu ambjent tajjeb fejn ibejjet. Waħda mill-avventuri ta’ dawn in-nies li jħobbu jistudjaw l-għasafar mill-viċin kienet li jqattgħu ljieli sħaħ fuq Filfla. U kienu jkunu hemm, fi kliem il-militar, “at [their] own risk”. Sultana jgħid li kważi minn meta twaqqfet il-Malta Ornithological Society fl-1962, kienu jibagħtu l-ittri lill-Ammirall Ingliż sabiex ma jsirx sparar fuq il-gżira fiż-żmien li l-kanġu ta’ Filfla jkun qed ibejjet.

Dan il-ħoss tal-elementi u l-kwiet mhux minn dejjem kien hekk. Filfla żgur hija sit fis-sens ta’ Pierre Nora: tista’ tgħid li kull farka tal-blat li għad fadal minnha għandha memorja. Memorja ta’ splużjoni wara l-oħra, England jaraha “stuprata” mill-użu militari. Wieħed mix-xogħlijiet ta’ riċerka li ħarist lejh kien Filfla: a case study of the effect of target practice on coastal landforms. It-terminu “military geography” laqatni għax jien nara din il-mikrostorja ta’ Filfla bħala diżastru teknoloġiku militari. Tant ġiet imġarrfa li t-topografija tagħha nbidlet. Infatti, oħtha ż-żgħira, Filfoletta, kważi ġġarrfet kompletament tant li llum bilkemm għadek tista’ taraha. Kważi kollha mgħarrqa taħt l-ilma.

Hemm ġrajja li tirrakkonta kif il-Kavallieri kienu bbumbardjaw l-unika nixxiegħa ta’ ilma ġieri biex jaqtgħu qalb il-pirati milli jistkennu fuq Filfla. Imma l-iktar li għamlu użu mill-gżira bħala taħriġ militari kien fi żmien l-Ingliżi. Sa mill-1930 diġà kienu bdew xi prattika fuq is-sikek tal-madwar. Madankollu, Sultana jikkwota rapport li deher fil-Malta Times and United Service Gazette tal-14 ta’ Awwissu 1876, li jixhed li l-ibbumbardjar fuq Filfla kien diġà beda dak iż-żmien. U Carmel Gauci jgħid li balal li nstabu fuq il-post fil-ħamsinijiet juru li dal-isparar kien qed iseħħ sa mill-bidu tal-preżenza tal-Ingliżi f’Malta. Wara l-gwerra, dawn l-eżerċizzji — il-maġġoranza tagħhom minn vapuri navali — kienu saru xi ħaġa ta’ kuljum, speċjalment fis-sittinijiet, u baqgħu għaddejjin sal-1971. Iz-ziju jiftakar jismagħhom mill-Qrendi, missieri minn Ħ’Attard u Godfrey minn Ħaż-Żebbuġ. Fil-performance, dawn l-irġiel huma l-vuċijiet sekondarji. Il-vuċi primarja tibqa’ Carmen, iz-zija.

Għalija l-Imnajdra, Ħaġar Qim u Filfla qishom flimkien jagħmlu triangolu ta’ santwarju tal-kwiet. Illum Filfla hija l-iktar post għall-kwiet f’Malta kollha. Forsi hemm iktar kwiet fil-fond ta’ Għar Dalam jew Għar Ħasan imma dawk ma tistax tarahom mill-bogħod f’nofs ta’ baħar. Speċjalment billejl.

Ittawlu sew fil-blat imġarraf.
Ħarsu fis-sema, araw il-qtajja,
il-merill, il-kanġu u l-gawwi,
iċ-ċief li jbejjet fi xquq dirgħajja.
Jew għodsu f’qiegħ il-baħar
u mal-għekiesi taraw ċar
ma’ subgħajja ta’ saqajja
vopi u ċawl jiżfnu madwar.

Trid tqalli ċ-ċief b’basla u ftit xaħam, u tagħmel zalza tat-tadam 

ax wara l-gwerra baqgħu jisparaw, avolja kienet għaddiet… Mela. Għax sakemm telqu minn Malta fin-1979, kienu baqgħu għaddejjin. Għax l-Ingliżi kellhom ħafna saħħa, kullimkien tagħhom. Hekk qalli z-ziju, “kullimkien tagħhom. Fl-arkivji hemm dokumentazzjoni sħiħa ta’ pika bejn il-Gvernatur Ingliż u l-Maltin fil-gvern jew fil-parlament, skont iż-żmien. Id-difiża kienet “reserved matter” anki f’dawk is-snin li Malta kellha l-gvern tagħha. Malta ma setgħet tieħu ebda deċiżjoni rigward il-politika barranija jew id-difiża tagħha stess, u ma setgħet ittellef bl-ebda mod lill-Ingliżi milli jużaw lill-gżejjer bħala bażi militari. Pereżempju fl-14 ta’ Lulju 1961, tliet snin biss qabel l-Indipendenza, il-Gvernatur għamel l-Ordinanza dwar il-postijiet għal tiri ta’ kanuni, azzarini u torpedini [CAP. 50]. Regolamenti tal-1961 dwar il-Kanal ta’ Filfla (Postijiet Temporanji għal Tiri ta’ Armi). Dawn kienu jgħidu li “l-persuni u l-inġenji kollha għandhom jitbiegħdu mill-postijiet temporanji għal tiri ta’ armi kull meta tkun tidher dik il-bandiera jew dawl. Il-bandiera ħamra hija bħal dik li għadek tara Pembroke kultant meta jkun hemm is-suldati jipprattikaw.

Kull darba li l-Ingliżi kienu se jitfgħu l-bombi fuq Filfla kien joħroġ avviż fil-gazzetta dwar il-manuvri tal-vapuri u t-tluq tal-bombi mill-ajru. Fil-file fejn sibt l-Ordinanza hemm biċċa mill-gazzetta Iż-Żmien tat-Tlieta, 14 ta Mejju 1968 fejn l-Onor. K. Agius jistaqsi lill-Ministru tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Agrikoltura, “għan-nom tas-sajjieda taż-Żurrieq u x-Xlukkajri, kif se jkopru l-flus li qed jitilfu”. Dan minħabba li s-sajjieda ma kinux jistgħu joħorġu jistadu lejn Filfla, u “qegħdin finanzjarjament ibatu minħabba l-avviżi tal-manuvri fl-inħawi fejn imorru jistadu”.

Il-Gvern Malti, tul amministrazzjonijiet differenti, tkarrab u talab ħafna drabi biex jitnaddfu l-ilmijiet miż-żibel militari, iżda l-Ingliżi donnhom qatgħu qalbhom milli jnaddfu. Interessanti kif Filfla, dil-miżbla ta’ scrap metalliku tal-militar, baqgħet sakemm saret riżerva tal-iktar grad għoli. Sa mill-1975 kien diġà pprojbit li tintefa’ ankra f’inqas minn 1.9 kilometri madwarha. Illum, Filfla ma tistax tmur fuqha, lanqas biss tista’ tersaq inqas minn 5 kilometri lejha għax fl-1988 ġiet iddikjarata Riżerva Naturali Protetta. Fl-Arkivji sibt file tal-1964, bit-titlu Reservation of Filfla as a bird sanctuary. Mid-dehra l-għasafar kienu wieħed mill-modi kif il-Malti beda jipprova jrażżan il-prattika militari fuq dil-gżira. Il-kanġu ta’ Filfla li trabba fil-ġebel imġarraf fil-madwar, flimkien maċ-ċief u l-gawwi, kellhom rwol tassew importanti tant li fl-1993 Filfla saret santwarju tal-għasafar u fl-2002 il-MEPA għamlet Filfla u Filfoletta — dak li għad fadal minnha — Sit ta’ Importanza Xjentifika fil-livell numru wieħed u Sit ta’ Importanza Ekoloġika fil-livell numru tnejn. Fi kliem ieħor, ħadd ma jersaq ’l hemm.

Mela s-sajjieda l-ewwel laqqtuha mill-Ingliżi u mbagħad laqqtuha mill-Maltin ukoll, avolja din tar-riżerva kienet ilha ġejja minn żmien l-Ingliżi. Imma la m’għadhomx jibbumbardjawha għaliex is-sajjieda ma jistgħux jerġgħu jibdew jistadu viċin tagħha?

Filfla damet titbandal bejn il-mira tal-kanun u l-bejta tal-kanġu madwar erbgħin sena sa ma l-Gvern iddeċieda li jipproteġiha b’dal-mod. Għal ħmistax-il sena minnhom, l-Ingliżi u n-NATO kienu baqgħu jibbumbardjawha. Iz-ziju Saver qalli li meta kien żgħir xi drabi kienu jmorru bid-dgħajsa sa fejn Filfla, għax dak iż-żmien kont tista’ taqbad u tmur, u tant kien hemm bombi li kienet qisha xibka tal-ħadid. Kont tista’ tilħaqhom u ttellagħhom b’idejk. Kollha mitfugħin fuq xulxin gorboġ. Qalli kif ħuh darba ġab kanġu ta’ Filfla biex irabbih id-dar. Għax kont tista’.

Dan il-kanġu, peress li żgħir daqs għasfur tal-bejt, ma kienx jinqabad u jintuża bħaċ-ċief bħala lixka jew bħala ikel fuq il-mejda tal-foqra. Steve Borg, f’taħditiet ma’ Pawla Mercieca Taz-Zopp ippubblikati f’L-Imnara fl-2006, jgħid li n-nies foqra ta’ qabel il-gwerer kienu jużaw kollox miċ-ċiefa. Ir-rix kien jintuża biex issir ir-rixa li trejjex biha biex taqbad il-ħut, kif ukoll għall-imħaded, speċjalment ir-rix taż-żaqq. “Ara l-gawwi, dak ħadd ma jmissu — dak maħmuġ, jiekol kollox. Qisu far tal-baħar. Imma ċ-ċief u t-tiġieġ il-baħar, dawk kienu joħorġu għalihom speċjalment is-sajjieda tan-naħat tan-Nofsinhar. Dan l-artiklu f’L-Imnara jiddokumenta wkoll riċetta:

Trid tqalli ċ-ċief [800g] b’basla u ftit xaħam, u tagħmel zalza tat-tadam. Hekk kif tqallih, titfgħu jgħum fil-borma bl-ilma, u żżid il-patata, kif tiggustaha, il-piżelli, ġewż imkisser, weraq imnixxef tas-salvja, żbib, zunnarija u qoxra ta’ lumija. L-ilma jixxotta bis-sajran, il-piżelli tajba għax iddub u wara tagħqad. Il-qoxra tal-lumija tajba għax tneħħi l-aċtu mil-laħam u z-zokkor inaqqas dak taz-zalza.

Fil-gwerra, bejn l-isparar u bejn li [l-Gvern] ma jħallikx toħroġ mill-port, ma baqgħux imorru għalih. Qatt ma sajjarnieh aktar… Din ikla tas-sajjieda u l-foqra, mhux tas-sinjuri tal-ibliet. Baqa’ jberren f’moħħi kemm kienu foqra dawn is-sajjieda. Dawn ma kellhomx għajr dal-għasfur x’jieklu. Ma nistax nimmaġinahom lil dawk il-familji li kienu jaqalgħu x’jieklu minn madwar Filfla u li tilfu kollox fis-sittinijiet meta dil-gżira spiċċat f’nofs tilwima ġeopolitika. Dan kien iż-żmien ta’ trasformazzjoni, meta l-Ingliżi bdew iċedu bil-mod biex il-Maltin jiksbu l-Indipendenza.

Fir-rigward ta’ dawn is-sajjieda u speċjalment dawk tas-Siġġiewi, il-Qrendi u ż-Żurrieq li kienu jaqalgħu l-għajxien umli tagħhom mill-ibħra ta’ Filfla, nistgħu naraw biċ-ċar li minħabba l-militar dawn batew immens tul is-snin, anki wara l-gwerra, għax jew ma setgħux imorru jistadu jew inkella kienet issirilhom ħsara kbira fl-armar tagħhom. Dan jidher biċ-ċar fil-file oħxon Hardship to Wied-iż-Żurrieq fishermen caused by bombing practices on Filfla, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fl-Arkivji Nazzjonali fejn hemm sensiela ta’ karti li jiddokumentaw il-ħsarat li ġarrbu s-sajjieda u t-talba lill-armata Ingliża biex tkopri l-ispejjeż ta’ dan. Mill-volum li jibda fl-1962 u jieqaf fl-1974 hemm dokumentazzjoni ta’ diversi każijiet fejn il-Gvern Malti juża s-sitwazzjoni tas-sajjieda Maltin biex jibda jagħmel pressjoni u jfittex lis-Servizzi għad-danni. Dal-file jistħoqqlu analiżi fil-fond u bir-reqqa għax permezz tiegħu tgħallimt dwar dan it-tip ta’ vjolenza kolonjali bl-iskuża tad-difiża.

Il-files tal-Gvern jimxu b’sistema Ingliża, jiġifieri kull file maqsum fi tnejn: Minutes u Reds (għax normalment ikunu nnumerati b’lapes oħxon aħmar). Il-Minutes huma rimarki jew messaġġi għal dak li jkun se jirċievi l-file, u r-Reds huma d-dokumenti mehmużin li jirreferu għalihom il-minuti. Il-minuti jiftħu b’korrispondenza interna fejn l-Aġent Direttur tal-Fisheries qed jibgħat lill-Ministru, u l-Ministru qed jibgħat lill-Prim Ministru. Dak responsabbli għall-komunikazzjoni ta’ dan kollu huwa Edgar Cuschieri bħala Segretarju Amministrattiv. Hemm ċertu “Padovani” li qed jiffirma wkoll imma dan ma sibt xejn fuqu.

Fil-minuti tad-29 ta’ Mejju 1962 jidher biċ-ċar li l-Maltin — li issa kienu kisbu ftit iktar awtonomija — mill-ewwel riedu jrażżnu dil-prattika militari minħabba s-sajjieda. Infatti, uffiċjali Maltin taċ-Ċivil sejħu l-proposta tal-Fisheries “bombshell” għas-Servizzi, għax kienet se tillimita sew il-prattika tal-isparar. Dil-proposta kienet ġejja minn ittra li kiteb id-Direttur tal-Fisheries li għaddiet lill-Ministru u mbagħad lill-Prim Ministru li dak iż-żmien kien Borg Olivier. F’din l-ittra, id-Direttur jgħid li l-prattika tas-Servizzi madwar il-gżira hija ta’ inkwiet bla waqfien għas-sajjieda li joperaw kemm minn Malta kif ukoll minn Għawdex. Iżda l-aktar milqutin huma s-sajjieda ta’ Wied iż-Żurrieq li huma żvantaġġati s-sena kollha minħabba li ż-żona ta’ xogħolhom hija tant qrib Filfla. Imbagħad jitlob l-intervent ta’ dawk ta’ fuqu biex jitolbu lis-Servizzi jillimitaw il-bumbardamant għal ċerti sigħat binhar biex ma jtellfux il-lampara, li dik is-sena kienet appik se tibda u tibqa’ sejra sa Lulju. Il-korrispondenza bejn il-Gvern u s-Servizzi baqgħet għaddejja għal ftit xhur sa ma l-Ingliżi qablu li ma jużawx Filfla f’dak il-perjodu. Wieġbu li kif seta’ jifhem il-Gvern din il-proposta kienet se tillimita sew it-taħriġ kemm tal-Ingliżi kif ukoll tan-NATO, però kienu lesti jaqblu magħha ħlief għal ċerti restrizzjonijiet peress li xi preparamenti kienu diġà laħqu saru. Minħabba li r-Renju Unit kien fin-NATO, mis-sittinijiet ’il quddiem ma baqgħux l-Ingliżi biss inaqqru minn Filfla imma l-istaġun fetaħ għan-NATO kollu u kollu bil-premessa tad-difiża. Bdew ġejjin l-Amerikani, il-Kanadiżi u l-Awstraljani fuq din l-attrazzjoni militari fejn wieħed jista’ jipprattika, u fl-istess ħin jitgħaxxaq bix-xemx u l-baħar. Mid-dati li jagħti l-Flag Officer f’din l-ittra sabiex jikkjarifika li diġà hemm appuntamenti ta’ damdim, tidher biċ-ċar l-intensità tal-bumbardamenti. Sal-21 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, kienu diġà saru l-arranġamenti għall-użu ta’ Filfla waqt dawn il-ġranet u l-ħinijiet: il-Ħamis 14 ta’ Ġunju mis-0600 sat-0800, il-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju mis-0700 sas-1400 u mill-1630 sat-2000, it-Tnejn 18 ta’ Ġunju, it-Tlieta 19 ta’ Ġunju mit-2000 sa 2359, l-Erbgħa 20 ta’ Ġunju, il-Ħamis 21 ta’ Ġunju. Ma nafx kif iz-zija ma tiftakrux dad-damdim kollu. Forsi neħħiethom mill-memorja għax tant tħobb ’il Filfla? Il-file jkompli għax wara l-lampara jiġu l-lampuki peress li kienu jsiru ħafna ħsarat fil-kannizzati u xorti oħra. Spejjeż kbar. Il-gvern, b’xi mod, irnexxielu jibda jġib kumpens għal dawn il-ħsarat imma kull penny Ingliża li kienet tingħata kienet tkun skrutinata, u mid-dokumenti preżenti fil-file stajt ninnota li kemm-il darba ppruvaw joħorġu minnha biex ma jħallsux.

L-aħħar każ fil-file huwa tal-1974. Madankollu, minn dal-file biss nistgħu naraw biċ-ċar li sa dik is-sena kien għad hemm sajjieda jfittxu lill-Ingliżi għad-danni u li l-Ingliżi ma kinux jaqbdu u jħallsu kif ġieb u laħaq. Infatti, jekk nieħdu l-aħħar każ, insibu ittra miktuba mill-British High Commissioner fejn jagħti lista ta’ sajjieda — Gilian Bugeja, John Cumbo, Carmel Bugeja, Salvo Degabriele, Rosario Caruana, Vincent Abela — u jikkomunika dak li ħareġ mill-inkjesta tar-Royal Navy. L-Ingliżi kienu jħallsu għad-danni li saru lis-sajjieda fuq is-saħħa ta’ dokumentazzjoni li tinkludi lista ta’ xhieda — is-sajjieda stess — li jgħidu x’għodod u armar iġġarrfulhom u liema vapur għamel dan. Imma l-għajxien ta’ dawn is-sajjieda kien qed joqrob lejn tmiemu għax lanqas ma setgħu jersqu lejn Filfla, li kienet parti essenzjali mill-ġeografija tagħhom, u minn fejn kienu jsibu l-ħut. Mhux ta’ b’xejn li llum dawk is-sajjieda spiċċaw jieħdu t-turisti ġiti qosra bid-dgħajjes tagħhom. U mhux ta’ b’xejn li minflok ħut kienu spiċċaw jistadu għall-bombi.


Tik, tik, tik, tik, tik, tik, tik

Waqt żmien il-Covid rajt id-dokumentarju fuq TVM News dwar Filfla, u dan kien mument li fetaħli l-bibien beraħ. Minn naqra ta’ għajdut, storja, leġġenda tan-nies ta’ wara l-mina bdew jispuntaw friegħi ġodda. Id-dokumenti u l-mapep li juri Joe Sultana flimkien mal-memorji tiegħu qanqluni biex nipprova ngħaqqad u nilgħab b’dawn l-elementi fil-performance.

Bdejt bil-prattika militari għax jien qatt ma kien għaddieli minn rasi li dak il-blat imġarraf madwar Filfla mhuwiex xogħol iż-żmien u t-tħabbit tal-mewġ imma xogħol il-bniedem. It-tifrik ta’ Filfla matul iż-żminijiet huwa diżastru teknoloġiku, frott tal-militar kolonjali. Fl-arkivji l-Ingilterra hemm files miż-żmien ta’ wara l-gwerra sas-sittinijiet li isimhom huwa referenza ċara għal dan it-tip ta’ provi. Qabel il-gwerra hemm files ukoll bħal Malta: bomb experiments, miftuħ fl-1939. Iktar tard insibu Malta: firing of guided missiles with atomic warheads from shore bases in Malta, 1957 u Malta: guided missiles and H bombs; newspaper reports concerning a missile base in Malta, fl-1960. Ma tantx hemm aċċess faċli għalihom online, minkejja li l-arkivji nazzjonali Ingliżi għandhom ħafna mill-materjal diġitizzat. Mill-Migrated Archives — li huma files tal-Foreign Colonial Office miġburin mill-kolonji kollha — baqa’ xi 14-il elf mhux diġitizzati. Qabel kienu kollha moħbija, iżda fl-2015 infetħu għall-pubbliku. Biex wieħed jistaqsi għal kopja ta’ kwalunkwe file li għadu ma ġiex diġitizzat, l-ewwel irid iħallas £8.40 (“non-refundable”) biex issir dik li tissejjaħ “page check”. Din bażikament hija stima ta’ kemm se tiswa d-diġitizzazzjoni tal-file. Jien qatt ma wasalt s’hemm għax m’għandix ir-riżorsi u, fuq kollox, inħoss li repożitorju pubbliku għandu dejjem jagħmel dawn il-files aċċessibbli għal kulħadd. Fil-każ tal-Maltin, dawn il-files għandhom ikunu diġitali u aċċessibbli għalina online. Ħalluna nidħlu fl-arkivji niġbdu r-ritratti u nagħmlu kopji ta’ dawn ir-rekords tal-passat għax ikun ta’ ġid kbir għall-istorjografija Maltija — mhux dejjem inkomplu nagħżqu f’dik residwali, kważi neokolonjalista. Minn dan l-indiċi li ġbart mill-Arkivji Nazzjonali Ingliżi ta’ Kew, wieħed diġà jista’ jara kif dawn il-bombi u dan it-taħriġ sparpaljat matul is-snin beda jħalli effett. Bħal, pereżempju, l-entrata Malta – handling of bombs made locally for sabotage purposes mis-sena 1959 tixhed li kien hemm xi biża’ li l-Maltin kienu bdew jagħmlu l-bombi biex jużawhom kontra l-Ingliżi. Il-vjolenza bdiet tfawwar ’il barra minn dak li kien taħt il-kontroll tal-militar. Eżempji oħrajn huma Malta: attempted throwing of a small bomb into Bailey (Malta) Ltd Dockyard, ukoll fl-1959, u ittra mingħand Mintoff fejn qed jgħid li kien sab “time bomb” (Malta: letter from Dom Mintoff, Prime Minister of Malta, to R. A. Butler, UK Home Secretary, concerning the alleged placing of a time bomb at Malta House, London). L-istess tip ta’ bomba li sabet iz-zija fil-bandli ħmistax-il sena wara.

L-isplussiv u l-bombi militari kienu ilhom jieħdu fuq il-gżira mill-1880. U allura, minħabba dar-rwol speċifiku ta’ Malta bħala bażi militari, kull tip ta’ teknoloġija ivvintata fl-Imperu nġiebet hawn għall-provi. Għalhekk il-Maltin “gawdew” ftit minn dan ukoll. Xi ftit kien jaħrab mill-port jew mill-fabbriki u xi wħud tgħallmu s-snajja’ u l-inġinerija peress li l-militar dejjem ikollu l-aħjar teknoloġija u l-iktar waħda avvanzata. Fil-fatt, iz-ziju qalli li zijuh kien jaf iżarma bomba għax kien jifhem peress li kien tgħallem mill-Ingliżi.

L-Ingliżi investew kemm felħu f’dil-Fortizza. L-ewwel seaplane ttajjar fit-12 ta’ Frar tal-1915 minn fuq l-HMS Ark Royal, fil-bidu nett tal-istorja tal-avjazzjoni tal-militar, iktar minn tliet snin qabel twaqqfet l-RAF. Sal-aħħar tal-1915 kienet tlestiet bażi f’Kalafrana għal dawn is-seaplanes billi ttieħdu artijiet tal-madwar u ddawru għall-użu tagħhom, kif jixhdu t-titli tad-dokumenti: Sheds, Slipways, Quarters, Workshops and other Buildings u Aircraft requirements, seaplane base at Malta. Fi żmien sentejn, bdew jinbnew il-flying boats it-Tarzna. Fejn jidħol il-militar, Malta bla dubju għandha l-mikrostejjer tagħha, il-Melitensia tal-avjazzjoni. Imma jien il-gwerra u l-armi qatt ma kienu ta’ interess għalija (“la qatt ma riedu gwerer, la qatt ma rridu ġlied”). Forsi fit-trobbija tiegħi ma kienx hemm spazju biex nitkellmu dwarha l-gwerra, avolja kien hemm ħafna fil-familja tiegħi li kienu fl-armata, bħan-nannu Ġakas [li] kien suldat mal-RMA, kif semmietli z-zija. Il-gwerra z-ziju ma jiftakarhiex. Imma l-affarijiet ta’ wara niftakar, qalli. Hawn ir-raħal kien hawn mitjar tal-RAF. Kienu stazzjonati hawn, San Niklaw. Anke gaxin kien jingħata hemm. Għamlu karriera wara l-gwerra. Niftakar darba mort ma’ ħija, mhux tawna imma serqilhom il-gaxin kien.

JGaxin xi jkun?

SGaxin. Kienu jagħtu ikel u hekk, għal min ma kellux.

JAnke wara l-gwerra jiġifieri?

SIwa, mela, għaxar snin żgur għamlu wara l-gwerra. Kont tara l-ajruplani. Kien hawn il-ħażna tal-bombi hawn. U mbagħad malli telqu fis-79 ħaduhom il-Mosta.

JIl-bombi kienu l-Qrendi wkoll?

SIwa, mela. Il-ħażna li kienu jisparaw fuq Filfla mill-Qrendi kienu joħduha.

JMill-RAF Qrendi?

SInfatti, għad hemm il — x’jismu, fejn kienu jistorjawhom, taħt l-art.

JFejn?

SHemm, il-qasam. L-għalqa ta’ missierek, ’il fuq iżjed. Ir-runway, illum saret triq tagħti għas-Siġġiewi. ’Il fuq mir-runway, kien hemm il — x’jismu, fejn kienu jagħmlu l-bombi taħt l-art.

JIċ-chicken farm dan? Ir-razzett tat-tiġieġ?

SFejn hemm il-farms tal-baqar. Dak iż-żmien kien hemm il-proġett Iżra’ u Rabbi, kien ivvintah Mintoff. Kienu rranġaw ix-xagħri, għamluhom raba’.

JJiġifieri dawk il-binjiet li kien hemm f’dik it-triq — 

SIllum naħseb mirdumin. Qed tifhem? Però kienu jidhru eh, qishom ġibjun. Bil-wiċċ… magħmulin taħt l-art.

Imma peress li dħalt fid-dinja tal-isplużjonijiet u Filfla, ma stajtx inwarrabhom dawn l-affarijiet. Fid-dinja tajjeb tkun taf kollox. Hekk jgħid Temi Zammit f’“In-Nassabmill-1931, imbagħad jagħti deskrizzjoni dettaljata dwar in-nassab ta’ dak iż-żmien. Jien noħodha li ried jgħid li tajjeb tkun taf anki dwar dak li forsi ma taqbilx miegħu jew ma jogħġbokx. Biex twaddab bomba trid arma u l-arma tkun jew fuq bniedem, jew mal-art jew fuq ajruplan jew vapur. L-arma trid taħżinha, tmantniha, tiċċekkjaha, tniżżilha fl-elenki, tiffirma għaliha, iġġorrha minn post għall-ieħor, tikkargaha, titlaqha, tisparaha, u jekk ma tiħux tirrappurtaha, tfittixha, issalvaha, tiftaħha, issewwiha. Dawn il-bombi missew ma’ ħafna nies u peress li kważi tmenin fil-mija tal-Maltin kienu jaħdmu direttament jew indirettament mas-Servizzi, nassumi li ħafna mill-antenati tagħna b’xi mod jew ieħor kellhom x’jaqsmu ma’ dawn il-bombi u t-torpedini.U allura dawn kollha missew b’xi mod jew ieħor mat-tifrik ta’ dil-gżira. Min jaf kemm-il tip ta’ bomba ġiet ippruvata fuq Filfla. Min-naħa l-oħra, huwa ovvju wkoll li s-sehem tal-Maltin f’dan kollu kien ftit li xejn. Minkejja li kien hemm snin fejn kien hemm governanza Maltija, dak kollu li kien jaqa’ taħt il-klassi tad-difiża u s-sigurtà tal-Imperu Ingliż kien f’idejn il-Gvernatur.

Din ta’ Filfla kienet saret kważi ċerimonja militari. Kull skwadra li daħlet Malta, bl-ajru jew bil-baħar, ħalliet tifkira fuq Filfla. Sibt evidenza sostanzjali ta’ dan fuq diversi blogs li jippubblikaw il-veterani stess. Pereżempju fl-1956, l-HMS Bermuda daħal fil-Port il-Kbir biex jieħu sehem fi prattika militari ta’ difiża mill-ajru b’ajruplani li kienu jitilqu minn Ħal Far. Wara li għamlu lejl il-baħar, tela’ abbord ukoll it-tim li jikkalibra l-kanuni u telqu kollha biex jagħmlu ġurnata u lejl jisparaw fuq Filfla u jtajru iktar biċċiet minnha — “laying and training guns and knocking more lumps off Filfla” — qabel ma jidħlu lura l-Port il-Kbir il-Ġimgħa. Peter Charles Hearmon, veteran tal-gwerra, isemmi kif kienu jitfgħu bombi li jiżnu elf libbra l-waħda:

Meta konna qed nużaw bombi ikbar, it-thousand pounders, ta’ spiss konna nitfgħuhom Malta, fuq Filfla. Kien hemm range għall-ibbumbardjar. Kien hemm gżira li kienet tintuża bħala range għall-ibbumbardjar. L-ekwipaġġ tagħna, konna qed inġorru tliet bombi ta’ elf libbra l-waħda mir-Renju Unit għal Ċipru via Luqa. Kienet daqsxejn tal-biża. Kellna tliet bombi ta’ elf libbra l-waħda abbord… Il-Canberra kien kapaċi jġorr it-thousand pounders u l-armi nukleari iktar ’il quddiem, imma għall-ewwel, il-bombi tal-ħadid kienu ta’ elf libbra. Konna nitfgħuhom għall-provi fuq Filfla, li qiegħda ħdejn Malta. Big island off Malta.

Illum mhux big, imma, sieħbi. Kull min kien jidħol Malta, l-ewwel kien jgħaddi sa Filfla u jifqgħalha ċ-ċaċċis. Imbagħad jidħol il-port u jsammar kulm’hemm bis-salut biex il-Gvernatur ikun jaf li waslu t-tfal id-dar. Jidħlu l-Belt, isiru daħna, jagħtu xebgħa lil xi żewġ Maltin u jaħxu żewġ nisa u jwegħdulhom id-dinja, sakemm il-Maltin jarmawlhom il-vapur bir-rokits u t-torpedini u munizzjonijietoħra. Imbagħad erħilhom jerġgħu joħorġu ’l barra, dritt għal Filfla ħalli jippruvaw it-toys li għandhom fuq il-vapur. Din ta’ “knocking more lumps off Filfla”, li sibtha f’iktar minn sors wieħed, nimmaġina li kienet ċerimonja li żviluppat f’xi tip ta’ tradizzjoni militari. Wieħed ieħor li jsemmiha kważi kelma b’kelma (“we went to knock some lumps off the island of Filfla with our 6” guns in the early part of the afternoon”) jgħid li l-Ħadd ta’ wara raqdu fuq il-baħar sabiex it-Tnejn iqumu jagħmlu “A & B turret bombardment of Filfla”, imbagħad qabżu qabża l-baħar. Ieħor isemmi li bil-“Corradine Canteen”, “The Gut” u t-tombla, il-weekend tar u reġgħu ħarġu fuq il-baħar it-Tlieta. Did-darba biex jisparaw torpedini u jimlew il-kanun ta’ sitt pulzieri bil-kordajt u bil-bombi biex iwaddbuhom lejn Filfla. Dan isejjaħ il-mument bħala “a liberating experience” u wara jerġgħu jidħlu l-Port il-Kbir għal xalar differenti. Skwadra oħra għamlu ħamest ijiem — “a five day interlude” — u jerġgħu jużaw l-istess diskors: “knock a few more inches off the island of Filfla”.

Imbagħad ġew tan-NATO. Imma dan huwa t-tip ta’ riċerka li għandha l-potenzjal tibqa’ tiftaħ u tiftaħ, l-aħjar li nitfa’ l-ankra fuq Filfla. L-isfond tar-riċerka se jibqa’ madwar Filfla bħala post ta’ memorja. Anzi, nibqa’ mas-sajjieda li kienu jtellgħu l-bombi minn fejn Filfla, biex jiftħuhom u jieħdu l-isplussiv minnhom. Jien niftakar dawk il-bombi tal-festa. Is-salut. U niftakar il-kbar — iz-zijiet u n-nannu — jiddiskutu jekk min għamilhom użax ġelatina. Il-ġelatina kont tista’ tixtriha jew tiddubbaha mingħand l-Ingliżi, jew inkella tmur tipprova tistad xi bomba. Iz-zija tiftakar: Jiena kont żgħira, però niftakar li kienet lejliet Santa Marija, u marru ovvjament jiftħu xi bombi biex imbagħad jużawhom… jieħdu l-ġelatina u hekk, u niftakar li splodiet u miet wieħed minnhom.

Dit-trasformazzjoni minn splussiv immirat biex joqtol u jġarraf ’l-għadu, għal splussiv maħdum biex iħabbar il-festa, lili taffaxxinani. Ovvjament, mhux kulħadd jitqanqal bl-istess mod u hemm min jobgħodhom il-murtali u l-istorbju tal-festa. Komplejt inqalleb u nfittex biex nara xi nsib. Iz-ziju jiftakar iżjed miz-zija: Kont għadni tfal jien, kien hemm xi każini, jgħidu li bdew minn Ħal Qormi, ġiethom l-idea li kienu jmorru għall-bombi hemm, qrib Filfla. Għax tant kien hemm bombi… Xibka kienet hemm Filfla. Peress li l-Ingliżi kienu jisparaw kuljum. U mbagħad tħajru każini oħra. Fil-fatt niftakar kien ġara inċident u kien tilef xi wieħed ħajtu waqt li kienu qed jiftħu xi bomba… Ir-raħal kienu wieħed milli kienu tħajru jmorru. U fil-fatt marru. U l-bniedem li miet kien minn hawn. Però l-ewwel li kienu marru… niftakarhom jgħidu dejjem, għax jien kont għadni tfal… il-Qriema ġiethom ġo moħħhom l-ewwel li marru ’l hemm. U mbagħad tħajru nies oħra.

JU taf x’tip ta’ bombi kienu jitfgħu l-Ingliżi hemm?

SLi kienu jisparaw l-Ingliżi minn fuq id-destroyers, hu’.

JImma taf x’tip ta’ bombi kienu jtellgħu minn hemm?

SIva, naturalment, dawk kienu jtellgħu. Kienu jqabbdu bugħaddas… Għall-bidu kienu fil-wiċċ, għax xibka kien ikun hemm.

JMela kont issibhom faċli fil-bidu.

SMela, kont issibhom faċli żgur. Għax tispara llum, tispara għada… u dawk li jkunu difettużi ma jiħdux. U jaqgħu l-baħar. U tant kienu ilhom jisparaw li l-bombi ma kinux joqogħdu jaraw fejn ġew u ma ġewx, peress li mdawra bil-baħar Filfla.

L-isplussiv magħmul mill-bniedem
imrembel f’kapsi msaddin.
Kapsi ta’ bombi, u ġelatina
fuq sidri ġew mixħutin.
Bombi, torpidows ta’ żmien l-Ingliżi
fil-baxx, jilagħbu mal-granċijiet,
jixxenglu mal-kurrenti
issibu minnhom bil-mijiet.
29.01.1951 Filfla bombi tal-provi (GB)
09.08.1951 Filfla bombi tal-provi (GB)
19.02.1952 Filfla bombi tal-provi (GB)
20.03.1952 Filfla bombi tal-provi (GB)
12.08.1954 Filfla bombi tal-provi (GB)
17.03.1955 Filfla bombi tal-provi (GB)
22.02.1956 Filfla bombi tal-provi (GB)
12.02.1957 Filfla bombi tal-provi (GB)
13.03.1958 Filfla bombi tal-provi (GB)
09.08.1959 Filfla bombi tal-provi (GB)
19.07.1960 Filfla bombi tal-provi (GB)
29.09.1961 Filfla bombi tal-provi (GB)
25.12.1962 Filfla bombi tal-provi (GB)
21.01.1963 Filfla bombi tal-provi (GB)
02.06.1964 Filfla bombi tal-provi (GB)
13.07.1964 Filfla bombi ta’ 1000 libbra u rokits tal-5” (USA)
15.05.1965 Filfla bombi tal-provi (GB)
30.12.1967 Filfla bombi tal-provi (GB)
24.04.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
13.05.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
19.06.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
26.06.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
21.07.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
18.08.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
28.08.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
25.09.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
25.09.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
27.09.1968 Filfla bombi tal-provi (GB)
01.11.1968 Filfla bombi mhux speċifikati (USA)
10.11.1968 Filfla bombi tal-provi (USA)
22.01.1969 Filfla bombi tal-provi (USA)
24.01.1969 Filfla bombi tal-provi (USA)
25.01.1969 Filfla bombi tal-provi (USA)
27.01.1969 Filfla bombi tal-provi (USA)
01.04.1969 Filfla bombi tal-provi (USA)
20.01.1970 Filfla bombi tal-provi (USA)
21.01.1970 Filfla bombi tal-provi (GB)
17.06.1970 Birkirkara karozza-bomba (ġelatina)
31.04.1971 L-Imsida mhux speċifikat
13.04.1972 Ħal Tarxien booby trap
15.11.1973 Għar Ħasan karozza-bomba
22.07.1974 Bormla apparat splussiv moħbi f’lighter tas-sigaretti
29.08.1974 Tas-Sliema splussiv inċendjarju
16.07.1975 Filfla splussiv live
11.12.1975 L-Imqabba mhux speċifikat
22.02.1976 L-Imqabba bomba tal-ġelatina
24.02.1976 Il-Qrendi karozza-bomba
07.03.1976 Iż-Żurrieq bomba tal-ġelatina
18.03.1976 Iż-Żejtun karozza-bomba
21.03.1976 L-Imqabba karozza-bomba
18.04.1976 Ħal Kirkop splussiv industrijali f’garaxx tal-karozzi
10.08.1976 Il-Qrendi mhux speċifikat
24.07.1977 San Ġiljan apparat splussiv
18.09.1977 Ħal Kirkop bomba tal-ġelatina
15.10.1977 Ħ’Attard apparat splussiv
03.11.1977 Tas-Sliema apparat magħmul id-dar
28.12.1977 San Ġiljan ittra-bomba
21.01.1978 Il-Belt Valletta reċipjent mimli bl-isplussiv
20.02.1978 Wied iż-Żurrieq apparat splussiv
14.06.1979 Ħal Kirkop bomba tal-ġelatina
29.03.1980 Ħal Luqa booby trap
05.06.1980 Santa Venera bomba tal-ġelatina
25.06.1980 San Ġwann apparat splussiv
07.07.1980 Il-Belt Valletta mhux speċifikat
27.07.1980 Ħal Luqa mhux speċifikat
02.03.1981 L-Imqabba bomba kbira
13.03.1981 Birkirkara żewġ bombi
11.04.1981 Il-Belt Valletta mhux speċifikat
15.07.1981 Il-Belt Valletta bomba tal-ġelatina
13.10.1981 Ir-Ramla l-Ħamra bomba tal-ġelatina
24.10.1981 Is-Swieqi mhux speċifikat
23.04.1982 San Ġiljan mhux speċifikat
17.07.1982 Il-Pietà bomba tal-ġelatina
18.07.1982 Ħaż-Żebbuġ bomba tal-ġelatina
04.08.1982 In-Naxxar bomba tal-ġelatina
20.08.1982 Il-Mosta mhux speċifikat
21.08.1982 Tas-Sliema bomba mitfugħa
08.11.1982 Birkirkara bomba tal-ġelatina mitfugħa
29.06.1983 San Ġiljan mhux speċifikat
30.09.1983 Santa Luċija TNT
30.09.1983 Santa Luċija TNT
01.10.1983 Is-Swieqi bomba qawwija
29.08.1984 Iż-Żurrieq mhux speċifikat
29.09.1984 Il-Furjana bomba qawwija
03.10.1984 Il-Marsa bomba qawwija
13.10.1984 Ħad-Dingli mhux speċifikat
14.10.1984 Il-Ħamrun bomba tal-ġelatina
16.10.1984 Iż-Żurrieq karozza-bomba
22.10.1984 Birkirkara bomba tal-ġelatina mitfugħa
23.10.1984 Il-Furjana apparat magħmul id-dar
25.10.1984 Il-Furjana karozza-bomba (ċilindru tal-gass mimli bil-potassju)
05.11.1984 Il-Belt Valletta mhux speċifikat
06.11.1984 Ir-Rabat Għawdex bomba tal-ġelatina
12.11.1984 Ħ’Attard bomba fuq l-għatba tal-bieb
13.11.1984 Ħal Għaxaq mhux speċifikat
19.11.1984 Ħ’Attard mhux speċifikat
21.12.1984 Il-Pietà karozza-bomba
31.12.1984 Il-Furjana mhux speċifikat
20.02.1985 Ħal Qormi bomba fuq l-għatba tal-bieb
12.12.1985 Il-Belt Valletta bomba tal-ħin
13.12.1985 Il-Qrendi mhux speċifikat
19.12.1985 Tas-Sliema bomba tal-ħin
19.10.1986 Ħal Safi mhux speċifikat
21.01.1987 Iż-Żurrieq materjal pirotekniku
17.02.1987 Il-Qrendi bomba fuq l-għatba tal-bieb (3 kg TNT)
26.02.1987 Ħal Luqa mhux speċifikat
09.04.1987 San Ġwann bomba fuq l-għatba tal-bieb
04.05.1987 Birżebbuġa bomba mitfugħa
07.05.1987 Ħal Għaxaq bomba fuq l-għatba tal-bieb
14.05.1987 Bormla mhux speċifikat
21.05.1987 Santa Venera sustanza splussiva militari
21.06.1987 Iż-Żurrieq mhux speċifikat
22.06.1987 Il-Gżira bomba fuq l-għatba tal-bieb
03.07.1987 Iż-Żejtun bomba fuq l-għatba tal-bieb
06.07.1987 Iż-Żejtun apparat splussiv żgħir
26.10.1987 In-Naxxar bomba tal-ġelatina
30.11.1987 Buġibba bomba mitfugħa
11.12.1987 Marsaxlokk mhux speċifikat (imwaħħla ma’ ċilindru tal-gass żgħir)
31.12.1987 Raħal Ġdid mhux speċifikat
27.04.1988 San Ġiljan bomba fuq l-għatba tal-bieb
03.07.1989 Iż-Żurrieq reċipjent mimli bl-isplussiv
19.06.1990 Iż-Żejtun sustanza splussiva militari
28.07.1990 Il-Belt Valletta bomba fuq l-għatba tal-bieb
16.10.1990 Il-Kalkara karozza-bomba
13.11.1990 Ħal Qormi mhux speċifikat
13.12.1990 Iż-Żejtun bomba fuq l-għatba tal-bieb
06.01.1991 Iż-Żejtun bomba tal-ġelatina
28.02.1991 Is-Siġġiewi bomba fuq l-għatba tal-bieb
04.06.1991 Il-Kalkara karozza-bomba piroteknika
17.07.1991 Iż-Żejtun bomba tal-ġelatina
17.09.1991 Il-Fgura bomba tal-ħin
14.10.1991 Bormla mhux speċifikat
09.03.1992 Iż-Żejtun karozza-bomba
28.09.1992 Ħal Qormi mhux speċifikat
09.10.1992 Ħ’Attard bomba fuq l-għatba tal-bieb
19.11.1992 Il-Kappara bomba fuq l-għatba tal-bieb
04.12.1992 Il-Mellieħa mhux speċifikat
17.07.1993 Il-Qrendi mhux speċifikat
13.09.1993 Tas-Sliema mhux speċifikat
23.05.1994 Ħaż-Żabbar mhux speċifikat (imwaħħla ma’ ċilindru tal-gass żgħir)
13.07.1994 Il-Belt Valletta mhux speċifikat
16.08.1994 Ħal Għargħur karozza-bomba b’murtal tal-festa
04.01.1995 Ħal Qormi bomba piroteknika
07.03.1995 Tas-Sliema bomba piroteknika
31.03.1995 Il-Mosta mhux speċifikat
11.05.1995 L-Iklin mhux speċifikat
20.08.1995 Il-Mosta mhux speċifikat
30.01.1996 Tas-Sliema booby trap
19.12.1998 Ħ’Attard karozza-bomba
30.04.1999 Birkirkara bomba fuq l-għatba tal-bieb
07.06.1999 Ħal Qormi splussivi f’landa
14.08.1999 Ir-Rabat Għawdex mhux speċifikat
15.03.2001 Wied il-Għajn TNT karozza-bomba
12.02.2003 Birżebbuġa apparat operat mill-vittma stess
14.05.2004 Ħaż-Żabbar karozza-bomba (ignition)
18.06.2005 Iż-Żejtun bomba mħaddma mill-bogħod
21.02.2007 Il-Mosta mhux speċifikat
01.09.2008 Iż-Żurrieq tajer-bomba
22.12.2009 Ħal Qormi pakkett-bomba
02.12.2010 Il-Furjana apparat magħmul id-dar
16.11.2011 Il-Ħamrun karozza-bomba
16.09.2013 L-Armier mobile phone-bomba
01.06.2014 Marsaxlokk karozza-bomba (apparat magħmul id-dar, imħaddma mill-bogħod)
04.11.2014 Iż-Żurrieq bomba fuq l-għatba tal-bieb (magħmula d-dar)
06.07.2015 Ħaż-Żebbuġ apparat magħmul id-dar
08.01.2016 Ix-Xagħra Għawdex bomba fuq l-għatba tal-bieb
17.01.2016 Wied il-Għajn karozza-bomba
23.03.2016 L-Armier bomba mħaddma mill-bogħod
26.09.2016 Il-Marsa karozza-bomba (apparat magħmul id-dar)
31.10.2016 Buġibba karozza-bomba mħaddma mill-bogħod
29.01.2017 Il-Marsa karozza-bomba mħaddma mill-bogħod
20.02.2017 L-Imsida karozza-bomba
16.10.2017 Il-Bidnija karozza-bomba mħaddma mill-bogħod.

Ħajr speċjali lil Carmen Ellul, u r-raġel tagħha Saver, iz-zijiet tiegħi.

Il-Lament ta’ Filfa”, li jidher imqassam f’diversi partijiet matul l-esej, huwa kitba tiegħi. Iż-żewġ partijiet li tgħanni Mariele Zammit fis-silta awdjo hawn fuq, huma kitba tiegħi flimkien ma’ Joachim Robbrecht, fuq idea ta’ Maria Rößler. Julia Camilleri għamlet it-traduzzjoni tat-test, kif ukoll it-traskrizzjoni tal-intervisiti. Mariele rranġat il-vrus ta’ partijiet minnu għall-għana, u Steve Delia, id-Delli, irrekordja lilha u d-daqq tal-kitarri fuq cassette. Il-ħsejjes ta’ Filfla ġew irrekordjati minn Benjamin Metzger li bħala ornitologu ġab il-permess li jżur il-gżira. L-awdjo ġie pproċessat mis-sound designer Mario Sammut.

Għall-pubbliċità ta’ dan l-esej qed nużaw collage li Ira Brand kienet għamlet għall-produzzjoni teatrali.

Fir-riċerka oriġinali tiegħi kelli l-assistenza siewja ta’ Sean Decelis. Għamilt użu mill-arkivji tat-Times of Malta u l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. Victor Aquilina, li dak iż-żmien kien l-Assistent Editur tat-Times, jitkellem dwar l-inċidenti tal-15 ta’ Ottubru 1979 f’intervista fuq l-istess gazzetta. L-artiklu dwar is-serje ta’ karozzi-bomba, kitba ta’ Kurt Sansone, deher ukoll fuq it-Times. Id-dossier tal-1830 li juri x’kellhom f’rashom l-Ingliżi għal Malta, u li hawn fuq inġib lista ta’ parti mill-kontenuti tiegħu, jinsab fin-National Archives ta’ Kew, l-IngilterraWhat’s in a Bang?” ta’ Mark Anthony Falzon deher fil-Ħarġa 2 tal-Volum 18 ta’ Space and Culture (Mejju 2015). Lil Joe Sultana, Richard England u Carmel Gauci rajthom jitkellmu dwar Filfla fid-dokumentarju ta’ Adrian Spiteri mill-2016 li rajt fuq TVM News. Joe Sultana miet sentejn wara li ħareġ id-dokumentarju. Il-Malta Ornithological Society, li Sultana kien tant attiv fiha, illum hija magħrufa bħala Birdlife Malta. Ir-riċetta taċ-Ċief Moqli bit-Tadam jew għall-Istuffat dehret f’L-Imnara Volum 8 Numru 3. Pawla Mercieca, Taz-Zopp, tat ir-riċetta lil Steve Borg f’żewġ intervisti f’April 2006 f’Wied il-Għajn. L-Innu tat-Tfal Maltin huwa kliem u mużika ta’ David Azzopardi. Fuq is-sit tal-Malta Aviation Museum hemm ħafna informazzjoni fuq l-ewwel titjiriet f’Malta. L-intervista ma’ Peter Charles Hearmon tinsab fl-arkivji tal-International Bomber Command Centre fl-Università ta’ Lincoln. Il-lista ta’ splużjonijiet li ttemm l-esej tinkorpora r-riċerka ta’ Shanice Schembri fit-teżi tal-MA tagħha fil-Kriminoloġija, “A study of newspapers coverage reporting improvised explosive devices incidents in the Maltese islands”. Id-dati mniżżlin fil-bidu tal-lista, li jwasslu sal-1970, huma biss kampjun żgħir minn dawk id-drabi kollha li kien hemm ibbumbardjar ta’ Filfla.

Dekorazzjoni art-nouveau