Ħadd ma jista’ jiċħad li ninsabu f’punt fl-istorja tad-dinja fejn għandna iktar minn kollox. Iktar krudeltajiet, iżda wkoll iktar ġesti ta’ rieda tajba. Iktar problemi finanzjarji, fl-istess ħin li iktar nies qed jistagħnew. Iktar kriżijiet ta’ kull xorta u għamla, ibda mill-ambjent u spiċċa bil-mard. L-istess, it-tagħrif dwar it-tnejn. Iktar ksenofobija u razziżmu, kif ukoll iktar diskorsi ta’ inklużjoni soċjali u ugwaljanza. Primarjament, għandna iktar minn kollox għaliex esposti għal ħafna iktar meta kkumparat ma’ dak li kien qabel jesponina għalih il-ġurnal ta’ kuljum, kemm-il darba kien jinxtara u jinqara. L-esponiment tagħna għal dan kollu issa jinsab biss skrolljatura ’l bogħod, anki jekk mhuwa xejn ħlief dak li Jean Baudrillard isejjaħ simulakru. Meta fl-1991 kiteb li “l-gwerra tal-Golf ma seħħitx”, ried ifisser li l-Punent esperjenza biss rappreżentazzjoni medjatika tal-gwerra. Essenzjalment, dan japplika għal kollox fil-kuntest preżenti ta’ avvanzi teknoloġiċi kontinwi u l-governanza moħbija tal-algoritmi. Iżda, dan huwa biss każ ta’ kif il-mezzi soċjali kapaċi jiġbdulna l-attenzjoni u jamplifikaw is-sensi tagħna? Jew huwa minnu li kollox żdied b’mod goff u li konsegwentament tlifna kull tip ta’ kontroll? Forsi sforz l-indifferenza mifruxa? Forsi sforz l-aljenazzjoni? Il-konsum bla rażan? Il-politika? Ċertament dawn ukoll kollha għandna iktar minnhom. Il-politika, però, b’mod partikolarment ġdid. Kif jikteb Alberto Toscano, “dawk li jsibu ruħhom jgħixu fi żminijiet ta’ kriżi u diżorjentazzjoni spiss ifittxu kenn u gwida fl-analoġiji.” Għaldaqstant, il-politika preżenti bħal donnha bla nifs — kemm għax kollox huwa politiku iktar minn qatt qabel, kif ukoll għax fl-istess ħin hija politika dgħajfa.
Wieħed ma jistax jiżen ix-xejra politika preżenti b’mod adegwat jekk jaqbeż dak kollu li wassalna s’hawn. F’Malta tas-snin tmenin, kif dejjem nisimgħu, il-politika kienet kullimkien ukoll. Il-ġurnalist Matthew Vella ddeskriva b’mod xieraq id-deċennju bħala “s-snin taċ-ċomb Maltin”, b’referenza għas-snin sebgħin turbolenti u vjolenti tal-Italja. Il-gżira esperjenzat rivalità politika qarsa tant qawwija li l-konsegwenzi tagħha għadhom assoċjazzjonijiet li ġġorr magħha l-kelma “politika” nnifisha. Minkejja dan, is-snin tmenin spiċċaw tliet snin qabel ma kellhom jispiċċaw, primarjament kaġun tal-elezzjoni tal-1987 li imbuttat lill-pajjiż dritt fis-snin disgħin. Sena biss qabel l-elezzjoni nkiteb li “fil-parlament ma jikbrux fjuri”, li kien indikattiv mhux ħażin taż-żmien qarib ikkaratterizzat minn irtirar fit-tul mill-politika u l-iffukar fuq il-ħajja privata tal-individwu. Fl-ewwel indirizz tiegħu lin-nazzjon Eddie Fenech Adami, il-Prim Ministru elett, wiegħed li se jaġixxi biss skont dak li l-kuxjenza tiegħu tqis tajjeb għal kulħadd. Essenzjalment, inawgura l-era postpolitika ta’ Malta billi assigura li l-klassi politika l-ġdida hija waħda kompetenti u ta’ min joqgħod fuqha, kif ukoll li se tkun qed tfittex biss li taġixxi fl-interess tan-nazzjon. Fi kliem ieħor, il-messaġġ kien li l-politika għandha titħalla f’idejn il-politiċi. Minflok il-politika, in-nies għandhom ikunu ffukati fuq il-benesseri tagħhom, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ġodda li l-ekonomija tas-suq ħieles se tkun qed iġġib magħha.
Fl-ewwel snin tad-disgħinijiet, id-diskors xellugi maniġerjali frisk ta’ Alfred Sant kien ta’ tentazzjoni għal xi wħud li għarfu l-bżonn ta’ iktar direzzjoni sforz il-bidliet straordinarji li seħħew f’leġiżlatura waħda. Iżda xejn ma kien biżżejjed biex jegħleb il-kilba għal iktar retorika ta’ tkabbir, xogħol u ekonomija b’saħħitha. Xejn ma kien se jittrattieni dak li issa kulħadd kien imserraħ u mwebbel iktar minn qatt qabel bih; il-konsumeriżmu li issa kien ħa post il-politika bħala s-salvazzjoni ta’ kollox. Il-bużżieqa tal-klassi tal-ħaddiema bdiet titlef l-arja ġmielha. Il-klassi medja l-ġdida li bdiet tifforma, fl-infanzja tagħha dehrilha li bil-cable installat u s-supermarket mimli b’dawk l-istess prodotti Taljani li kienu draw jaraw fuq l-istazzjonijiet tat-televixin, ma kien jonqoshom xejn iktar. Il-kultura tal-“imbagħad naraw” iffjorixxiet sew f’dawn is-snin.
Konsegwentement, fis-snin disgħin u elfejn, il-politika lokali kienet relattivament relegata għall-isfera privata. Apparti l-fervur ta’ waqt il-kampanji elettorali, u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, kien komuni ħafna li wieħed jistqarr li ma kienx interessat fil-politika, speċjalment il-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa. Għalkemm il-maġġoranza riedet li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, ftit kienu dawk li jafu xi tfisser. Geert Lovink jikteb li “l-istennija għal Brussell hija bħall-istennija għal Godot.” Biss, għal Malta, Godot speċi ta’ tfaċċa. Issa żdiedet bandiera oħra, blu bl-istilel. Iktar elezzjonijiet, kandidati, liġijiet u standards. Din kienet politika aljena. Wisq serja u tinsab ’il bogħod sew mill-ibħra tagħna. Il-gvern qal li ġew mitt miljun però, jekk mhux biljun, u iktar fil-futur. Mhux ta’ min jarmiha dil-politika mela, kien ir-raġunament ta’ ħafna. Mill-banda l-oħra, ix-xettiċiżmu tal-partit fl-oppożizzjoni wera iktar nazzjonaliżmu fuq l-affari mill-partit fil-gvern innifsu. Saħaq fuq li saħaq li sħubija sħiħa ma kinitx ħobż għal snien il-pajjiż u l-kelma fuq fomm kulħadd kienet li ladarba nidħlu, jiġu skoss barranin jieħdu xogħol kulħadd.
F’każ li kont ġenwinament interessat fil-politika, hemm ċans li xorta, minn età żgħira, l-edukaturi skoraġġewk milli tiddiskuti xi ħaġa relatata. Lanqas l-Unjoni Ewropea stess, il-futur imminenti ta’ pajjiżek, ma stajt issemmi fil-klassi, għax ukoll kienet iġġorr timbru ta’ partit. Id-diskussjonijiet politiċi f’Malta kienu għadhom reminixxenti tar-rivalità partiġjana li semmejna qabel, aktar milli jittrattaw il-governanza per se, u b’hekk baqa’ l-biża’ li fil-pubbliku dawn setgħu jiddevolvu f’direzzjoni mhux mixtieqa. Dan irriżulta f’nuqqas ta’ diskussjoni politika serja u matura, li issa setgħet tkun biss esperjenzata bħala spettaklu kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija fuq l-istazzjon nazzjonali.
Qabel ma l-affarijiet kellhom jieħdu żvolta ġdida, nifs neoliberali b’saħħtu nefaħ f’kull direzzjoni b’mod tant drastiku li għamilha impossibbli għal kull pulmun li jiġbed xi tip ta’ nifs ieħor. L-2013 hija l-’64 tas-seklu wieħed u għoxrin. Biss, din id-darba kienet l-indipendenza totali tas-suq bil-barka ta’ gvern ġdid. L-idea ta’ dan il-gvern, inkluż tan-nies assoċjati miegħu, kienet li assuma li l-poplu għadu fl-era postpolitika. L-era fejn kollox jgħaddi u fejn in-nies iħallu f’idejn min imexxihom kemm-il darba huma moqdijin. Għaldaqstant, kellu jkun il-qtil brutali ta’ ġurnalista biex jiftaħ beraħ għalkollox il-bibien għal attitudni politika ġdida u li ma tintgħarafx. Xejn ma kien se jgħaddi lixx iktar, lanqas il-qtugħ ta’ siġra.
Fl-2013, it-Turkija ġiet milquta minn mewġa ta’ protesti. Dawk li wara saru magħrufa bħala l-protesti tal-Park ta’ Gezi kienu kkaġunati mill-aħbar li se jinqerdu xi siġar fl-istess park. Minflok din ir-roqgħa natura, il-president ħejja pjanijiet sabiex jibni moskea li tiċċelebra l-Imperu Ottoman. Xi attivisti saru jafu u fis-27 ta’ Mejju okkupaw il-park fil-ħin li l-magni kienu se jibdew ikaxkru kollox. Il-kelma ġriet u n-nies żdiedu. Jumejn wara, il-gvern ġie biex ikaxkar lilhom flok is-siġar.
Fl-2013, f’Malta s-siġar kienu għadhom mhux prijorità. Bilkemm ma kinux inviżibbli, speċjalment fi spazji urbani. L-ambjent fl-imħuħ kien għadu assoċjat ma’ xi mkien ’il bogħod minn darek, ngħidu aħna l-Buskett jew xi wied. Qajla kien wieħed jaħseb li kien se jkun katalist fil-mod ta’ kif l-individwu kontemporanju Malti jaħseb u jaġixxi politikament. Barra minn hekk, il-poplu kien ħafna iktar preokkupat b’kif se jieħu doża neoliberali oħra. L-effetti tal-ewwel doża kienu majnaw sew, u llum qabel għada kien hemm bżonn ta’ xi ħaġa iktar qawwija.
L-ewforja tad-daqqa ġiet u kienet b’saħħitha ħafna, iżda deher li din id-darba l-effett kien bil-bosta iqsar. Sal-2017 il-poplu deher relattivament ambivalenti. Kien qed jagħraf, fit-tibdil drastiku, problemi ġodda u oħrajn pjuttost familjari; iżda kien ukoll imħeddel wara snin twal rieqed. Dan biex ma ngħidux ukoll li minbarra t-tħeddil, ħafna kienu mgħammxa minn dak li s-suq kien issa qed jimponi bħala opportunitajiet tad-deheb. Imbagħad ġiet il-bomba tas-16 ta’ Ottubru, li magħha ħadet ħajja prezzjuża, iżda wkoll tat nifs ġdid lil ħafna mħuħ. Kien ma’ dik il-bomba li taru frammenti tal-politika f’kull direzzjoni. M’hemmx stratum wieħed li ma ġiex ippenetrat; anki ż-żonqor beda jixxaqqaq. Min kien sieket għal żmien twil, għall-ewwel darba beda jsemma’ leħnu. Il-gazzetti indipendenti dehru inqas partiġjani mis-soltu. Il-kelma “governanza” issa kienet fuq fomm kulħadd u l-gvern intebaħ li dik kienet xogħlu. Is-siġar kisbu d-dritt tal-vot.
Jekk issa kollox kien donnu dar fuq rasu, il-pandemija kompliet dawret kollox dawra oħra. Anki jekk mhux severa daqs f’pajjiżi oħra, il-poplu qatt ma rnexxielu jafda kompletament lill-politiċi u ’l-esperti. Fil-fatt, għalkemm la l-politiċi u lanqas l-esperti qatt ma imponewh ħlief għal nies anzjani, f’pajjiż li dejjem xtaq dak kollu li hu barrani, il-poplu ma rax għalfejn għandu jiċċaħħad minn lockdown, u nqafel ġewwa minn jeddu.
B’konsegwenza, l-ambjent issimenta ruħu bħala prijorità assoluta. Li tieħu nifs bżonn, mhux lussu. Feġġet ukoll mill-ġdid il-klassi tal-ħaddiema, din id-darba fuq żewġ roti — lesta biex taqdi f’kull eventwalità. Is-servizz ta’ konsenja kważi instantanja ta’ pizez, burgers u kebabs sploda u ndera malajr ukoll, iżda dan kien ifisser li l-klassi tal-ħaddiema kellha terġa’ tibda tikber sabiex tlaħħaq mad-domanda. Però, il-konsumatur Malti, issa li rnexxielu jiggradwa għall-iktar stadju riċenti tal-kapitaliżmu — il-kapitaliżmu tal-pjattaforma — ma jridx li jqis lil dak li jwassallu s-servizz, li ma jimmaġinahx jgħaddi sekonda mingħajru, bħala ħaddiem, bniedem, daqsu. Dil-klassi, li fil-passat kienet tant iċċelebrata fil-mitoloġija politika taż-żewġ naħat, issa saret barka daqskemm hija saħta. Anki għall-politiċi saret sikkina taqta’ minn żewġ naħat. Kulma jiġi minn barra dejjem kien jitqies mitqlu deheb għall-ekonomija. Issa għall-ewwel darba donnu qed jikkawża biżgħat irrazzjonali.
Kollox iperpolitiku, ifakkarna Anton Jäger, u f’Malta mhux inqas. Il-politika reġgħet fostna, u tant għandna minnha li kemm hi u kemm aħna bla nifs. Biss, din politika li ma tintgħarafx, u li xi kultant hija miċħuda mill-politiċi stess. Waqt li kien qed jiġi intervistat, is-sindku ta’ Tas-Sliema ddikjara b’wiċċu minn quddiem, “M’iniex politikant jien!” Fis-sens li ma jridx jiddiskuti politika, li xogħlu mhuwiex politiku. F’intervista oħra fl-istess serje, għalliem saħaq fuq li saħaq li hemm bżonn iktar edukazzjoni fuq is-suġġett. Iżda meta mistoqsi jiddiskutix politika ma’ wliedu, wieħed minnhom adolexxenti, ftit biss ’il bogħod milli jikseb id-dritt tal-vot, jistqarr li ma kienx il-każ. Il-partiti ewlenin huma irrikonoxxibbli u kemxejn indistingwibbli. Meta ġew mistoqsijin x’jippreferu bejn li jiġi elett president konservattiv Amerikan u president demokratiku soċjali, il-membri parlamentari kurrenti ma weġbux kif mistenni. Filwaqt li xi wħud mill-membri tal-Partit Nazzjonalista wieġbu li jippreferu lir-Repubblikan, oħrajn taw tweġiba dettaljata sew dwar ir-riperkussjonijiet li din l-eventwalità tista’ ġġib magħha. Fi kliem ieħor, taw tweġiba li tħabbatha sew ma’ twemmin xellugi. Min-naħa l-oħra, il-membri parlamentari tal-Partit Laburista kienu, fil-maġġoranza tagħhom, vagi, b’xi wħud saħansitra jitbissmu bħallikieku f’dinja bi problemi ġeopolitiċi enormi, is-suġġett ma jistħoqqlux jittieħed bis-serjetà. Dan żmien li, fi kliem Antonio Gramsci, jista’ jiġi deskritt bħala interregnum, jew iż-żmien nofsani ta’ bejn “il-qadim [li] qiegħed imut” u “l-ġdid [li] għadu ma twelidx”. Però Gramsci jżid ukoll li “fl-interregnum toħroġ varjetà sħiħa ta’ sintomi morbużi”.
Dak li ilu realtà għal għexieren ta’ snin f’ħafna pajjiżi Ewropej oħra, bħat-tnaqqis fl-affiljazzjoni ma’ xi partit u fil-parteċipazzjoni tal-votanti, bil-mod il-mod qed isir realtà f’Malta wkoll. Il-politika tilfet ħafna mill-attrazzjoni tagħha, li parzjalment jispjega l-isforz kontinwu tal-gvern biex ibaxxi l-età eleġibbli għall-vot. Il-membru parlamentari tal-Oppożizzjoni Darren Carabott stqarr li “l-politika qed tinħass tqila” tant li ħafna qed jastjenu milli jivvutaw. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru jisħaq li hemm bżonn ta’ iktar politika għax hija l-politika li “tibdel il-ħajja tan-nies.” Dan biex ma nsemmux is-sejħa bla waqfien biex in-nisa jassoċjaw ruħhom u jsiru aktar involuti fil-politika (għalkemm xorta m’għandhomx joħolmu li jkollhom dritt fundamentali bħall-abort). Il-poplu konxju sew ta’ dan it-tnaqqis fil-ħakma tal-poter, u kemxejn komdu li issa jiddetta hu flok bil-kontra. Wieħed jista’ jinnota żewġ attitudnijiet dijametrikament opposti. Minn naħa waħda, xi wħud qed jassumu atteġġament postpolitiku billi jitfgħu l-fiduċja sħiħa tagħhom fis-suq, filwaqt li oħrajn saru saħansitra aktar esiġenti lejn il-gvern għaliex jafu sew li l-vot skars tagħhom issa huwa aktar siewi minn qatt qabel. Li ma “tibżax mill-poter — il-poter jibża’ minnek” illum il-ġurnata tirreżona differenti ħafna mill-1981, meta Oliver Friggieri kien qed ikellem lil grupp ta’ ħaddiema waqt il-premjazzjoni tal-“Ħaddiem tas-Sena”. Fl-aħħar mill-aħħar, għalkemm l-erożjoni politika taf tindika li l-politika m’hemmx bżonnha, bosta jagħrfu wkoll li l-ħajja tirrikjedi soluzzjonijiet politiċi li issa, huma stess, jistgħu jinfluwenzaw b’mod aktar dirett, x’aktarx anki b’sempliċi kumment fuq il-mezzi soċjali.
Fl-esej tiegħu dwar il-filosofija tal-Istorja, “Über den Begriff der Geschichte”, Walter Benjamin jinterpreta l-pittura bl-isem ta’ Angelus Novus, impittra minn Paul Klee, bħala xbieha ta’ anġlu li qed itir lil hinn minn xi ħaġa li qed tħassbu. Benjamin jikteb:
Għajnejh imberrqin, ħalqu mċarrat, ġwenħajh miftuħin beraħ. Huwa hekk li wieħed jimmaġina l-anġlu tal-istorja. Wiċċu mdawwar lejn il-passat. Dik li għalina tidher katina ta’ ġrajjiet, hu jaraha ħerba sħiħa li qed tiġma’ tifrik fuq tifrik u titfagħhomlu quddiem saqajh. L-anġlu jixtieq jibqa’ fejn hu, iqajjem lill-mejtin u jagħmel sħiħ dak li ġie mfarrak. Iżda hemm maltempata tonfoħ mill-Ġenna; inqabdet fi ġwenħajh b’tant qawwa li l-anġlu ma jistax jerġa’ jagħlaqhom. Il-maltempata timbuttah ineżorabbilment lejn il-ġejjieni li l-anġlu jagħtih dahru, filwaqt li l-munzell ta’ tifrik quddiemu jkattar lejn is-sema. Dak li aħna nsejħulu progress huwa din il-maltempata.
X’jara l-Angelus Novus kieku kellu jkun f’pajjiżna jħares b’lura? Ċertament terrapien ta’ kull xorta u materja, iżda wkoll tifrik politiku. Il-partiġjaniżmu huwa l-unika element tal-politika lokali li baqa’ kostanti tul iż-żmien, iżda jitfaċċa bħal spażmu ta’ muskolu debboli u dlonk jisparixxi. Waħda mill-kawżi tal-ispażmu huwa n-nuqqas ta’ ossiġnu. Kif itenni Franco Berardi, “illum il-ħajja hija invaduta minn flussi ta’ kaos li jipparalizzaw il-ġisem soċjali u joħonqu n-nifs, jifgawna.”
L-attivar mill-ġdid ta’ dan in-nifs huwa vitali. Dan huwa dak li diġà movimenti varji qed jiffukaw fuqu. Il-Moviment Graffitti ma jinteressahomx li jiksbu l-poter, iżda kif se jieħdu nifs fil-kaos. Il-Women’s Rights Foundation qed jitolbu l-liberazzjoni mis-soffokazzjoni ta’ atteġġamenti u ħsibijiet patrijarkali. L-Aditus jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem ma jiġux maħnuqa. L-MGRM iħares ir-respirazzjoni tal-komunità tiegħu. Il-Young Progressive Beings iridu l-iktar nifs frisk possibbli. Mhux biex jistordu u jaqtgħu nifishom, iżda biex bħas-siġar jarmu nifs nadif lura għal kulħadd. Mhux nifs mill-pulmun iswed tal-politika tal-passat. Lanqas mill-politika bla nifs preżenti. Kif ser nieħdu nifs ġdid hija l-isfida ta’ żminijietna .