Mejju 2024

Il-kitba tifred l-Istorja minn kulma ġie qabilha. Mingħajr il-kitba, kulma jħalli warajh il-bniedem irid jiġi skavat, maqlugħ mill-art u interpretat. Minn ftit għadam, minn ftit biċċiet fuħħar, mill-qxur tal-bebbux, l-arkeologi jridu jibnu stampa ta’ dinjiet sħaħ. Fis-sensiela “Bur Mgħeż”, Omar N’Shea mar ifittex sit Neolitiku minsi fil-barrieri tal-Imqabba, fil-fdalijiet fil-mużewijiet tal-arkeoloġija, u fil-memorja u s-sengħa tan-nies tal-barrieri. Mar ukoll fl-Arkivji Nazzjonali fejn hemm depożitat il-file bil-karti, il-kuntratti, il-permessi u l-korrispondenza kollha, mill-aħħar tas-seklu dsatax sa nofs is-seklu ta’ wara, li għandhom x’jaqsmu ma’ Bur Mgħeż. Iżda anki l-kitba ta’ mitt sena ilu taf tkun opaka daqs il-fdalijiet ta’ qxur u bebbux-buttuni minn eluf ta’ snin ilu. F’temp ta’ ftit għexieren ta’ snin, minn dakinhar li reġa’ ntradam is-sit, l-istorja ta’ Bur Mgħeż kważi ntesiet u l-evidenza tad-dokumenti tħajjarna nibnu dinjiet sħaħ minn ftit ittri u rapporti. L-intriċċi fid-dipartimenti tal-gvern ta’ ftit qabel l-Ewwel Gwerra jistgħu jidhru strambi għalina u misterjużi daqs ir-ritwali tad-dfin fiż-żmien Neolitiku. Il-motiv wara dak li ntqal diffiċli biex tinterpretah daqs ir-raġuni għaliex katavru ġie midfun b’mod u mhux b’ieħor. L-istorja dejjem iżżid, dejjem tordom fuqha nnifisha. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar ikun hemm saffi minn xiex tiskavaha. L-għadam ta’ Bur Mgħeż issa rridu niskavawh mhux biss mill-art iżda mill-interpretazzjonijiet tal-passat, mill-arkivji u l-mużewijiet b’aċċess diffiċli daqs l-għerien u d-dgħaben mirduma taħt ir-runway tal-ajruport, ikkontrollati mill-armata. “X’se nieħu miegħi fid-dar tal-eternità, jistaqsi Omar fl-esej li jagħlaq din is-sensiela, “barra l-għadam li hemm ġo fija jżommni wieqaf, barra xedaq snien, dawk li għadhom minn tiegħi kif ukoll dawk taċ-ċeramika li invitawli ġo ħanek mimli bl-għadam ta’ ħaddieħor, pendent tal-bebbux tal-baħar li nġorr madwar għonqi, u misluta tad-deheb imgeżwra mal-widna tax-xellug?” Il-kitba hija dejjem għall-ġejjieni, jew ta’ ftit jiem, jew ta’ ftit xhur jew ta’ għexieren u mijiet ta’ snin. Bil-kitba tagħna qed nixhdu għall-preżent, biex nifhmu lilna nfusna u biex inħallu kliemna jinftiehem u jerġa’ jinftiehem minn dawk li għad jiġu warajna. Iżda x’verament qed inħallu warajna? Kemm se jkunu koerenti d-deskrizzjonijiet tagħna tal-mument għal min se jsibhom warajna? Matul din l-ewwel sena ta’ dal-ġurnal, ridna noħolqu, flimkien mal-kittieba tagħna, komunità fejn il-kliem mhux biss jingħad darba u jintelaq għall-irwiefen taż-żmien, iżda jsib eku u risposta fi kliem ieħor fil-ġurnal stess, fl-istorja letterarja tagħna u tad-dinja. Ridna nkunu konxji mhux biss minn dak il-kliem li se nħallu warajna, iżda wkoll minn kulma se nħallu midfun ġol-art innifisha. Iktar tard dax-xahar se nippubblikaw “ġenealoġija ta’ bankina”. fatima a.m. tħares bir-reqqa lejn bankina f’Buġibba bħala sit storiku; “il-bankina qatt ma tispiċċa fejn tistennieha li tispiċċa. ma’ kull kantuniera titbewwaq, tixpakka ċ-ċirkonferenza u b’xi mod issib estensjoni mibnija ta’ malajr. bejn storja ta’ tetris raffa, bejn logħba jenga li qatt ma ntrebħet. is-soluzzjoni moderna ferm dejjem immarkata b’linja ħafifa tal-metall, li tissepara l-istorja tal-art mill-futur tagħha, imma l-għaksa taf tintrewa sa ma toħroġ minn dan l-univers t’asfalt u tlaqqit. fejn tintefaħ u ddur jitpoġġew l-imwejjed u s-siġġijiet, imlaqqtin daqs il-bankina. B’kull dettall li ssemmi fatima tista’ ssawwar f’moħħok b’mod iktar ċar id-dinja li dejjem qed tinbena u timtela bil-ħafna, id-dinja li tatna dik li Karl Baldacchino, fl-esej tiegħu li wkoll se nippubblikaw dax-xahar, isejjaħ “politika bla nifs” .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex dejjem issir taf meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau