Fi Frar tal-1911, il-Professur tal-Mediċina, l-arkeologu u kuratur tal-Valletta Museum Temi Zammit tħaddet waqt laqgħa tas-Soċjetà Maltija tal-Istorja u x-Xjenza li fiha ħabbar is-sejba ta’ qabar preistoriku ġewwa “Bukâna” — Buqana, ħdejn Ħ’Attard — fil-ġebla tal-franka. Din is-sejba ta’ Zammit ma setgħetx ġiet f’waqt aħjar għall-istudjużi tal-qedem, b’mod partikolari tal-preistorja. Kważi għoxrin sena qabel, waqt li kien qed jesplora Għar Dalam u l-inħawi tiegħu f’Birżebbuġa, J.H. Cooke kien sab biċċiet ta’ fuħħar fid-depożitu ta’ fuq flimkien ma’ fdalijiet ta’ ossa metacarpi, jiġifieri l-għadam tan-nofs tal-pala tal-id. Minħabba li Cooke ma sab ebda dettall ieħor relatat ma’ dawn is-sejbiet, ma kellux ħjiel jekk il-ġisem kienx indifen ġewwa l-għar stess, jew inkella tteħidx hemm aktar tard. L-inġinier tal-Kuruna Ingliża f’Malta J.G. Vance, magħruf għax-xogħol u s-sejbiet tiegħu tal-1839 ġewwa Ħaġar Qim, ukoll ma kienx seta’ jagħraf jekk il-kranju li sab — ta’ tip li sejjaħlu “negrojdu” — f’waħda mill-“kmamar” ta’ Ħaġar Qim, kienx indifen hemm stess jew kienx inġieb fuq is-sit iktar tard. Għal Zammit innifsu, fl-ewwel rapport tiegħu tal-1910 dwar l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, tant kienet ċara l-evidenza li l-għadam li nstab kien ta’ eluf ta’ iġsma li, bħal bosta oħrajn fi żmienu u warajh, qies Ħal Saflieni bħala “osswarju” aktar milli ipoġew jew ċimiterju. Kien tal-fehma li x’aktarx, fin-Neolitiku Malti, il-mejtin għall-ewwel kienu jindifnu lokalment imma mbagħad il-fdalijiet tagħhom jittieħdu ġo din l-ispeċi ta’ kannierja monumentali fl-akkwati ta’ Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. F’dawk l-inħawi hemm iċ-ċimiterju, x’aktarx ukoll Neolitiku, ta’ Santa Luċija, li għadu mhux skavat u studjat sew. U, fuq l-Għolja tal-Ħorr, illum hemm iċ-ċimiterju tal-Addolorata. Bħallikieku l-proprjetajiet materjali tal-ġebla, it-telqa tal-art, u l-memorja tal-post isejħu għad-dfin uman.
L-ipoġew-kannierja kien l-ewwel kuntatt tiegħi mal-arkeoloġija. Waqt żjarat ma’ tal-iskola, fl-ewwel sena tas-sekondarja, niżżluna taħt l-art ġol-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, u wkoll fil-katakombi ta’ Sant’Agata. L-Ipoġew nissel fija interess li qatt ma ħallieni fin-Neolitiku ta’ Malta u l-Mediterran, speċjalment fil-kultura tad-dfin, l-arkitettura fin-negattiv, l-estetika u l-kultura viżiva. Waqt li l-katakombi nibbtu fija l-kurżità lejn l-arti viżiva mal-ħitan taħt l-art li b’mod sovversiv tirrakkonta l-mitoloġija u l-ġenealogija ta’ post u l-kult li laqa’ fih. Meta bdejt ninteressa ruħi fil-kotba u tad-dar bdew iħalluni nimraħ ’il barra u ’l bogħod waħdi, kont ninżel il-librerija pubblika ta’ Belt is-Sebħ u wara naqbeż iċ-ċint għal ġoċ-ċimiterju tal-foss u ngħaddi s-sigħat inħares lejn l-oqbra, uħud imkissrin, ftit oħra miftuħin u misruqin, u allura stajt nara biċċiet tal-għadam ’l hemm u ’l hawn. Sal-iskoperta ta’ Zammit, ħadd ma kellu ħjiel fuq il-prattika u r-ritwali tad-dfin fin-Neolitiku Malti, jiġifieri f’dak iż-żmien meta Malta kienet għaddejja mill-ewwel boom ta’ kostruzzjoni meta l-ewwel migranti ekonomiċi tefgħu l-ankri fl-ibħra tan-Nofsinhar ta’ Malta, telgħu fuq il-gżira u bdew japprezzaw li l-arċipelagu ġebel u baħar biss għandu. Fin-Neolitiku Malti, l-industrija tal-bini f’daqqa waħda marret minn binjiet ta’ tempji żgħar u umli li kienu jesgħu forsi persuna jew tnejn, għal megastrutturi li bdew telgħin maġenbhom. Illum, eluf ta’ snin wara, parti żgħira minn uħud minnhom għadha viżibbli, avolja forsi b’mod minimalizzat u għeri minn kull tiżjin, kulur u attrezz li forsi kien ikun jista’ jsaħħaħ argument jew ieħor fuq l-użu tagħhom fil-qedem. Għadhom forsi jagħtuk naqra fastidju b’kemm kienu kbar u kemm ħadu spazju fil-pajsaġġ: diġà l-ismijiet ta’ ftit minnhom, bħal Ħaġar Qim u l-Ġgantija, jagħtuk x’tifhem li anki ma’ ta’ qabilna kienu meqjusa bħala strutturi enormi. U ma tridx wisq kutrumbajsi arkeoloġiċi biex tintebaħ li anki meta ġew imfassla u mibnija, l-intenzjoni kienet preċiżament dik: li jidhru kbar, li jagħtu fl-għajn, u li tarahom mill-bogħod jew mill-baħar. Imma n-nies jiktbu ma kinux, u allura biex nippruvaw nifhmu dawn l-istrutturi, irridu nduru għall-kuntest kulturali, ġeografiku, topografiku u ekoloġiku tagħhom. Ikollna nippruvaw nifhmu kollox mill-ftit disinji u statwi li ġew irkuprati, mill-iġsma fl-oqbra, u minn dak kollu li l-komunità kienet tefgħet fil-qabar tagħhom biex tipprova żżomm l-identità tal-mejtin intatta wara l-mewt, jew biex teħles minnhom darba għal dejjem.
Sal-ġurnata li Temi Zammit tħaddet f’dik il-laqgħa ta’ Frar tal-1911, ħadd ma kien jaf xejn fuq ir-riti tad-dfin fost din il-komunità ta’ nies li kienet tgħix f’dawn il-gżejjer sa minn kważi erbat elef sena Qabel l-Era Komuni. Dan sakemm Zammit sab ruħu jiskava qabar minn ġo fossa fil-blat ta’ Buqana. Fl-arkeoloġija, id-difna tista’ tinqara b’mod koerenti biss jekk il-qabar jinstab intatt, bil-ġisem flimkien ma’ oġġetti li jitqiesu bħala parafernalja funebra u li minhhom tinqara l-identità tal-persuna. Ħafna drabi dan huwa pjuttost argument prekarju għaliex fil-verità, ħadd ma jidfen lilu nnifsu u allura d-difna dejjem issir skont min jidfnek. Minħabba li l-qabar li skava ma kienx mimsus, Zammit ikkonkluda li d-dfin Neolitiku f’Malta issa kien mifhum konklussivament: in-Neolitiċi f’Malta difnu fil-blat.
Ftit xhur wara, iżda, f’Ġunju tal-1911, waqt preżentazzjoni quddiem ir-Royal Anthropological Institute, il-Professur Napuljun Tagliaferro ħabbar skoperta ġdida li eklissat is-sejba ta’ Zammit. F’Marzu ta’ dik is-sena, waqt studju li kien qed jagħmel fuq ix-xquq ossiferi fil-blat tal-ġebla tal-franka fl-inħawi tal-Imqabba biex jipprova jifhem eżattament l-ispeċi u l-kwantità ta’ annimali li għexu fuq il-gżejjer Maltin fiż-żmien Paleolitiku — jiġifieri qabel in-Neolitiku, meta Malta aktarx li kienet għadha diżabitata — ħaddiema tal-barriera qalu lil Tagliaferro b’naħa tal-barriera fejn id-dagħbien kellu dehra ta’ għar u li milli jidher kellu fih xi fdalijiet umani. Tagliaferro kien qed jiġbor fdalijiet kważi fossilizzati ta’ varjetà ta’ ċerva, Cervus elaphus, li bdew jitfaċċaw fi kwantitajiet kbar waqt il-qtugħ tal-blat fil-barrieri tal-Imqabba. Dak iż-żmien kien hemm interess kbir f’dawn il-fdalijiet, speċjalment minħabba l-fatt li f’Malta kienu diġà ġew jaħdmu xjentisti tal-Imperu f’dagħdigħa sħiħa biex jikklassifikaw il-partijiet tad-dinja li kienu qegħdin taħt ir-renju tal-kuruna Ingliża. Din il-“klassifikazzjoni” kienet ewfemiżmu kolonjali għas-serq ta’ fossili, għadam, u fdalijiet oħra li bihom imlew il-vetrini u l-kxaxen tal-mużewijiet u l-universitajiet Brittaniċi, avvanzaw l-istudju għall-glorja tagħhom stess, u għadhom sal-ġurnata mqaddsa tal-lum meqjusa bħala x-xjentisti awtorevoli fuq id-diskors rigward il-materjal li serqu, li kien fil-fatt jeskludi informazzjoni li kienet diġà magħrufa fuq il-post min-nies tal-lokal. M’hemmx għalfejn tmur ’il bogħod. Fl-arkeoloġija tan-Neolitiku Malti, arkeologi-xjentisti bħal Caroline Malone għadhom jiddominaw il-proġetti u l-letteratura akkademika u teknika, u fil-paleontoloġija ta’ Għar Dalam, Tori Herridge tan-Natural History Museum ta’ Londra ma taħbix il-fatt li hija l-eredi intellettwali ta’ Dorothea Bate, li kienet fost ix-xjentisti Ingliżi li raw f’Malta riżorsa ta’ fossili li biha setgħu javvanzaw it-tagħrif tax-xjenza f’pajjiżhom u li kellhom kuntatt mal-intelliġenzja Maltija fl-Università u fil-Mużewijiet, speċjalment ma’ Zammit u Tagliaferro u li bnew kemm felħu fuq data li kienet diġà nġabret lokalment. Taħt il-kappa tax-xjentiżmu imperjali, Tagliaferro kien qed jagħmel ħiltu biex hu stess jifhem u jiskopri, forsi qabel ħaddieħor, speċijiet ġodda li setgħu jitfgħu xaqq ta’ dawl fuq dawn il-gżejjer qabel il-wasla tal-bniedem fuqhom, kif ukoll meta u għaliex il-bniedem wasal u ddeċieda li jgħix hawn.
Bħal irħula oħra f’Malta, l-Imqabba kienet maqsuma f’akkwati differenti, kull waħda b’isem għaliha: Ta’ Kandja, Tas-Sejba, Tal-Ħerba, Ta’ Għadajma u oħrajn. Tagliaferro kien qed jaħdem fl-inħawi Tal-Isqof, ġo barriera magħrufa bħala Tan-Naxxari, fiż-żona tal-Imqabba li kienu jsejħulha ta’ Bur Mgħeż. Waqt li Tagliaferro kien mitluf jeżamina l-fdalijiet tal-Cervus elaphus, wieħed mill-ħaddiema tal-post urieh għadd ta’ dras u snien umani u qallu li kienu nstabu fl-istess barriera, jiġifieri f’Tan-Naxxari, u fl-istess dagħbien imma fis-saffi ta’ fuq lejn il-wiċċ. Tagliaferro ħaseb li din kienet xi ċajta, u jgħid li kien irrabja mal-ġuvni li kien qallu li sabhom. Imma l-ġuvni sostna li kien minnu, li s-snien kien sabhom fl-istess barriera u allura Tagliaferro mar jeżamina d-dagħbien hu stess. B’sorpriża kbira, meta wasal fuq in-naħa l-oħra tal-barriera, induna li l-ħaddiema kienu qatgħu parti minn dagħbien forma ta’ lembut u li l-wiċċ tal-qatgħa kienet ilha mikxufa għax-xemx u x-xita għal kważi tliet snin. Il-ħofra, li min-naħa minn fejn kien qed iħares lejha Tagliaferro kienet fonda daqs żewġ metri, kienet mimlija ħamrija ħamranija u fil-wiċċ seta’ jara għadd ta’ għadam miksur u ċagħaq żgħir mittiekel mill-ilma. Fost dawn il-fdalijiet għaraf biċċiet ta’ għadam tal-kranju, snien, il-fergħa ta’ geddum, biċċiet ta’ għadam oħra, snien taċ-ċriev u għadam tal-għasafar. Tagliaferro kien ċert minn ħaġa waħda: dan in-naqal ta’ ħamrija, għadam, u ċagħaq ma kien qatt intmess minn ħadd qablu, minn mindu kien waqa’ f’postu hemm eluf ta’ snin ilu.
Lokalment, imma, Temi Zammit kien diġà kiteb dwar “Bur Mgħes” fin-noti tiegħu: id-daħla tas-7 ta’ Jannar 1911 tfakkar li Zammit, flimkien ma’ ċertu Sur Becker, żar l-inħawi tal-Imqabba li jissejħu Contade tan-Nadur, u li mar jeżamina l-barriera ta’ ċertu Michele Zammit, jgħidulu Tan-Naxxari, li kienet mikrija għand Luċenz Psaila tal-Għeri. Zammit kiteb li fuq il-post sab xi strutturi megalitiċi u ġebel kbir bħal ta’ Borġ in-Nadur però ma jsemmi l-ebda għerien jew dagħbien bid-dfin uman fihom. Dawn l-istrutturi ma jerġgħu jissemmew qatt iktar fil-letteratura jew fl-arkivji, u kemm kien veru rahom mhuwiex ċert imma raġuni valida għala Zammit ivvinta dawn l-istrutturi m’għandniex lanqas. Jista’ jkun li Zammit u Becker qasmu l-għelieqi, dawk li llum huma r-runway tal-ajruport, u marru faċċata fuq in-naħa ta’ Wied il-Kbir, fejn sa dan l-aħħar kienu għadhom jidhru l-fdalijiet tad-Debdieba, sit ieħor fl-inħawi ta’ Bur Mgħeż fejn x’aktarx fin-Neolitiku kienet tgħix komunità żgħira ta’ nies fuq l-għoli tal-wied. Però, jista’ jkun ukoll li, bħal Ħal Saflieni u bħaċ-Ċirku tax-Xagħra, id-dagħbien ta’ Bur Mgħeż kellu megaliti li jimmarkaw id-dħul għaż-żona tad-dfin iżda Tagliaferro ma ħax nota tagħhom fir-rapport tiegħu. F’Mejju tal-istess sena, Zammit reġa’ żar Bur Mgħeż: din id-darba pinġa wieħed mill-iskeletri li nstab fin-naħa tat-Tramuntana tal-għar ta’ persuna ta’ età żgħira mixħuta fuq il-lemin eluf ta’ snin qabel, rasha wkoll imdawra lejn il-lemin tagħha. Meta Zammit ħares sew lejn l-għadam, intebaħ li l-persuna kienet midfuna b’dirgħajha milwijin u jdejha kważi quddiem wiċċha; l-għadam tad-driegħ juri wkoll li l-persuna kellha dirgħajha msallbin fuq xulxin. Zammit jagħlaq billi jgħid li din l-istampa ċara tal-proċessi tad-dfin issa tikkonkludi darba għal dejjem l-għarfien tan-nekrokultura Neolitika fuq dawn il-gżejjer.
Sadattant, fir-rapport li ħejja Tagliaferro, kienet ġiet elaborata l-opinjoni li n-naqal tpoġġa hemm mill-kurrenti tal-ilma, xita u għargħar, li ġarru kollox għal ġod-dagħbien. L-eċitament ta’ Tagliaferro, allura, kien doppju: fuq naħa, l-iskoperta minnha nnifisha kienet se tiftaħ bibien ġodda għall-għarfien tan-nekrokulturi tal-ewwel nies fil-gżejjer Maltin, u fuq l-oħra, kien hemm l-idea li hu kien se jkun l-ewwel studjuż li juri li, fiż-żmien Paleolitiku, Malta kienet diġà okkupata mill-bnedmin u li dawn kienu x’aktarx l-ewwel nies fuq il-gżejjer, qabel il-bennejja li ġew fin-Neolitiku. Kieku dan kien minnu, Malta allura kienet titqiegħed ma’ pajjiżi oħrajn, fosthom Spanja u Franza, fuq il-mappa tal-popolazzjonijiet bikrija, possibbilment anki li tinstab ġo Malta l-pittura fl-għerien bħal dawk ta’ Lascaux, Altamura, eċċ. Imma l-ferħa ma kellhiex ħajja twila wisq: l-għada, il-kap-inġinier tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, is-Sur Carmelo Rizzo, żar id-dagħbien ma’ Tagliaferro u waqt li kien qed jeżamina n-naqal, għajnejh waqgħu fuq biċċa minn oġġett ta’ lewn differenti mill-kumplament tan-naqal, ħierġa min-naħa ta’ fuq. Meta ħariġha, indunaw li kienet il-widna ta’ skutella żgħira. Hawnhekk l-eċitament sfaxxa. Tagliaferro kien jaf li anki l-iċken farka fuħħar kienet se tkisser in-narrattiva li beda jibni ġo rasu ta’ Maltin Paleolitiċi. Isostni hu stess li, ħlief għal grupp ta’ Belġjani eċċentriċi, l-ebda ċirku arkeoloġiku ma kien jemmen li l-fuħħar beda jintuża qabel iż-żmien tal-ħaġar. Imma għall-inqas xi ħaġa kien se jsib: għax jekk in-naqal tad-dagħbien kien qed jagħti dehra tan-Neolitiku, allura fiċ-ċert li, fi żmien it-tempji, Malta kien għad hawn iċ-ċriev li tagħhom kien hemm evidenza abbondanti fid-depożiti tal-għerien, il-bram, il-qigħan u d-dagħbien. Fl-istess żmien, u fil-barriera ta’ maġenb dik li fiha kien qed jaħdem Tagliaferro, il-ħaddiema daħlu wkoll ġo għar li fih sabu naqal ieħor, taħlita ta’ għadam u snien tal-bnedmin, biċċiet tal-fuħħar jixxiebhu ma’ dawk li bdew jinsabu f’Ħal Saflieni, u għadam taċ-ċriev. Tagliaferro sejjaħ il-post fejn saret is-sejba “L-Għar ta’ Burmgħeż”.
Bur Mgħeż għeb fil-baħħ. Sparixxa. Kieku ma kinux dawk l-uħud li jsostnu li semgħu lil missirijiethom isemmuh, kont taħseb li ivvintah Napuljun Tagliaferro f’konġura ma’ Temi Zammit. Anki l-isem sparixxa, u sparixxiet ukoll il-grammatika tal-istat kostrutt tiegħu. Imma kif iġġibu lura mill-mewt? Kif toħorġu minn qabru stess? F’dawn l-esejs li ġejjin se nipprova nirkupra ’l-Bur Mgħeż minn għejun differenti. Mill-memorja tal-Imqabbin, fejn mhuwiex sit arkeoloġiku li kellu okkupazzjoni ristretta għal perjodu determinat, imma lokalità ta’ ħafna identitajiet u ismijiet; “ta’ Bur Mgħeż”, “Tal-Isqof”, “Tan-Naxxari”, “ta’ Ċetta Pizzi”. Mill-arkivji nazzjonali fl-isptar Santu Spirtu, fejn sibt l-ewwel konferma li la Tagliaferro u lanqas Zammit ma kienu qed iħarrfu. F’dawn l-arkivji, Bur Mgħeż jinqabad jissielet bejn il-portafoll ta’ proprjetajiet tal-Isqof, il-but tal-familja għonja u filantropika Tan-Naxxari, il-kittieb Alfons Maria Galea u protagonisti oħrajn li b’xi mod jew ieħor sabu mod kif idawru lira minnu. Insibu ’l-Bur Mgħeż ukoll fil-minuti tal-laqgħat tal-Valletta Museum li fihom l-għar-qabar jitħabbel fir-retorika tal-protezzjoni tal-wirt kulturali Malti. Insibuh ukoll fil-kaxxi tal-Mużew tal-Arkeoloġija ta’ Malta, fejn jistaħba fir-ritratti u bejn il-folji tan-noti tal-arkeologi Ingliżi Arthur Keith, George Sinclair u Arthur Evans. Hawn lil Bur Mgħeż insibuh kważi mistħi għax jintuża bħala arma kontra d-diskors xjentifiku naïve tal-kolonji f’għajnejn il-professuri tekniċi Brittaniċi. Fl-istess mużew, narawh ukoll fil-materjalità assoluta tiegħu, fil-kaxxi mimlijin fuħħar, snien, għadam, u bebbux-buttuni. Imma narawh ukoll fir-repożitorji tan-Natural History Museum f’Londra, fejn l-iġsma ttieħdu u ndifnu fil-kxaxen tax-xjentisti f’nofs is-seklu għoxrin, meta kien għadu jismu l-British Museum of Natural History.
Ta’ min, imma, jibda bl-isem. Tgħidu u ma tħossokx qed titkellem bil-Malti; qisek qed titkellem bl-Għarbi. Waħda mill-ewwel diskussjonijiet fuq l-isem kien għamilha Richard Noël Bradley fil-ktieb tiegħu Malta and the Mediterranean Race tal-1912. Waqt li kien ta importanza enormi lis-sejba ta’ Tagliaferro, sostna li Bur Mgħeż tfisser “il-miżbla/wita tal-mogħoż”. Bradley uża d-dizzjunarju ta’ Hava u b’hekk wessa’ l-kelma “mgħeż” biex tinkludi anki l-frieħ taċ-ċriev. Huwa għaqqad din is-semantika mal-fdalijiet taċ-ċriev li nstabu fid-dagħbien, u minn hemm ’il quddiem sejħilha “l-Wita taċ-Ċriev u l-Mogħoż”. Aktar tard, fil-ħamsinijiet, l-arkeologu Evans biddel it-tifsira billi segwa lil Tagliaferro, u ttraduċa l-isem bħala “The Cave of Goats”, l-għar tal-mogħoż. Ir-raġuni għala Bradely ħanbaq sew fuq din it-tifsira, però, kien għaliex ipprova jbellagħha lill-qarrejja tiegħu li l-Malti kien l-ilsien mitkellem diġà fost il-bennejja tat-tempji, li “mgħeż” kienet tfisser ukoll ċriev, li fin-Neolitiku ċriev kien hawn bil-gzuz u allura anki fi żminijiet bikrin il-kelma kienet “mgħeż”. Saħansitra wasal jgħid li, skont l-istudju tiegħu, il-Malti kien mitkellem anki qabel il-bennejja bdew itellgħu l-bini megalitiku f’Malta.
L-Għar fil-fatt ma kien għar xejn, għall-inqas teknikament. Kien tip ta’ qasma fil-ġebla tal-franka li minnha jista’ jkollok jew “oppjatura” waħda lixxa u orizzontali li jekk tkun fit-tul tal-barriera kollha tissejjaħ “qiegħ”; jew irqiqa u angolata li tissejjaħ “brama”; jew inkella fonda, twila, wiesgħa u mdaqqsa sew qisha għar. Din tal-aħħar tissejjaħ “dagħbien”. Qiegħ kapaċi ssibu kultant għoli fil-blat, ġeneralment lejn in-naħa ta’ fuq; il-brama tkun xaqq irqiq inklinat, u xi kultant tant ikun irqiq u “tal-ħarir” li lanqas tarah; imma d-dagħbien jaf ikun minn ftit ċentimetri sa ftit metri wiesa’ jew fond, ma ssibux ta’ spiss, u jekk ħaddiem tal-barriera jsibu, ma tantx ikun f’xortih. Il-ġebla tal-franka Maltija għandha karattru mhux magħruf wisq ħlief mal-ħaddiema tal-barriera u nieshom. Ix-xjenza tal-ġeomorfoloġija marret fi triq għaliha, u qisha stkerrhet il-ħsieb tal-ħaddiema tal-blat, dawk li għexu magħha, kielu minnha, inksew biha lejl u nhar. Meta bdejt ninżel nitkellem mal-Imqabbin li għamlu għomorhom jaħdmu fil-barrieri, indunajt kemm minnhom għexu tant viċin tal-franka li antropomorfizzawha, iffemminizzawha u ssesswalizzawha. Il-franka ħelwa, toqgħod f’idejk, qaluli tnejn bid-daħqa fuq wiċċhom, wieħed minnhom idawwar idejh miftuħin qisu qed ilesti biex jieħu nejka; tħobb tiżżerżaq u tixxaħxaħ, u ħarsu lejn xulxin u komplew jidħqu. Il-franka qatt ma tagħmel deni. Għamilna ħajjitna jien u t-tfal miksijin bit-trab tal-franka u qatt m’għatast waħda. Dik naturali mhux bħal dan l-imbarazz li qed iġibu minn barra u jibnu bih, qalli ieħor. Il-franka duwa, qaltli waħda, aħjar mit-trab tal-penicillin. Ikolli qatgħa, nogħrkilha ftit xaħx tal-franka u malajr tfiq. Dik ittik is-saħħa. Id-daqqa tal-franka ħelwa wisq, fakkarni ieħor. Kont diġà smajt li kien hemm xi ġebla wieqfa fl-inħawi ta’ Ħaġar Qim li jsejħulha l-“ġebla qanpiena” u li, qabel il-gwerra, it-tfal kienu jmorru jitfgħu ċ-ċagħaq fuqha biex jisimgħuha ddoqq. Id-daqqiet tal-mazez fuq l-ispnajjar iżżid il-melodija fil-barriera: meta jieqaf iċ-ċenċil, jibdew il-qniepen ta’ nofsinhar tas-sagristan. Il-bennejja tat-tempji u d-deffiena fid-dagħbien ta’ Bur Mgħeż żgur li kienu jifhmu iktar id-diskors tal-ħaddiema tal-barrieri, l-idjoma tagħhom tal-franka, u l-effetti multisensorjali tagħha, milli jifhmu d-diskors tax-xjenza u tal-ġeomorfoloġija. F’din il-loġika, huma l-bennejja u l-ħaddiema li forsi jistgħu jgħallmuna x’kienu qed jaraw l-abitanti Neolitiċi ta’ dawn l-inħawi: iż-żonqor ta’ fuq tal-prima, toħroġ minnu żrar u ramel, tas-sekonda, ġir. Iż-żonqor t’isfel jagħmel il-blokok għall-bażi tal-monumenti jew il-kurduni tal-bankini. Il-ġebla tal-kwiener tiflaħ għan-nar, u l-qargħajja iebsa, mimlija rqajja’ u għoqod, ma tintgħasarx għax nieqsa mill-pori, trabbi l-qolliegħa, titqaxxar u titkerrah. Imma l-franka l-bajda u s-safra, dawk tajbin għall-bini; mhux is-soll, imma, għax ifarfar, jittiekel meta jara l-arja. Dak għall-pedamenti tajjeb. Forsi bit-termini tal-ħaddiema nistgħu nerġgħu lura għas-sonorità tas-siti Neolitiċi, u ċ-ċenċil tal-baqqun tal-ġebel fuq l-uċuħ lixxi ta’ qxur kbir tal-franka jew tal-mazza fuq iż-żonqor biex jiftħu l-bokka tal-oqbra tax-Xemxija.
Bradley qal li m’hemm xejn sorprendenti fil-fatt li l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Kirkop u s-Siġġiewi huma mimlijin fissuri fil-blat. Wara kollox, dawn l-irħula qegħdin viċin tal-qasma tal-Magħlaq li, skont hu, ikkaġunat il-brajjem kollha fil-franka. Il-franka tant hemm minnha f’dawn l-inħawi li l-barrieri qegħdin waħda ħdejn l-oħra; biss biss, dak il-proġett ta’ kostruzzjoni li jissejjaħ Ħaġar Qim huwa mibni kollu mill-franka u mhux mill-qawwi fuq barra u franka fuq ġewwa, bħal dak tal-Imnajdra aktar ’l isfel fil-Magħlaq, jew bħal tal-Ġgantija, f’Għawdex. L-Imqabba waħedha għandha d-dagħbien Ta’ Kandja, Tas-Sejba, Tal-Ġnien, Tal-Ħerba, Tax-Xantin, u ta’ Bur Mgħeż. Il-protoarkeologu Ġiżwita Gian Frangisk Abela kien diġà semma d-dagħbien ossiferi fil-ktieb tiegħu Descrizione di Malta tal-1647. L-artist Franċiż Jean-Pierre Houël kien wieħed minn tal-ewwel li kiteb speċi ta’ trattat xjentifiku dwar il-blat ta’ Malta. Fih żviluppa teorija bbażata fuq l-osservazzjonijiet li għamel dwar il-blat fil-kuntest ekoloġiku tiegħu u li ħadha bħala opportunità biex jikxef is-superstizzjonijiet u t-twemmin “irrazzjonali” li kellhom in-nies tal-gżejjer dwar il-blat ta’ Malta u Għawdex u l-proprjetajiet mirakolużi tagħhom. Però, dawn il-fenomeni bdew jiġu riċerkati b’mod rigoruż biss lejn it-tmiem tal-perjodu Vittorjan u l-bidu tal-perjodu Dwardjan, meta xjentisti Ingliżi bħal J. H. Cooke, Leith Adams u Dorothea Bate għamlu żjarat ta’ “riċerka” fil-gżejjer u ppubblikaw studji biex isaħħu t-teorija Darwinjana tal-evoluzzjoni u l-estinzjoni billi jeżaminaw il-fossili. Id-diskors xjentifiku li kien qed jinħoloq f’dik l-ekosistema akkademika ma setax ma jqajjimx il-kurżità fil-periferija kolonjali. Mela Tagliaferro ma kienx l-ewwel wieħed li studja dawn il-fissuri u l-għerien. Qablu kien hemm il-Kaptan Spratt, li fl-1858 studja l-Għar tal-Mellieħa li kien instab b’sorpriża tmintax-il sena qabel, kif ukoll l-Għar ta’ Ħaż-Żebbuġ f’Wied il-Kbir; A. A. Caruana, li kien midħla tal-Imqabba u eżamina l-fissuri Ta’ Kandja u Tax-Xantin fl-1870; Leith Adams, li bejn l-1860 u l-1866, ippubblika studji fuq l-Għar tal-Magħlaq, l-Għar tan-Nofs, l-Imnajdra Gap, Bengħajsa Gap, u x-xquq ta’ San Lijunardu f’Ħaż-Żabbar; u J. H. Cooke li beda l-esplorazzjoni tiegħu ta’ Għar Dalam fl-1890. Tagliaferro kien ilu għaddej bl-istudju tiegħu tal-fissuri mill-1909 u kien diġà ħares lejn dawk ta’ Ħaż-Żebbuġ, Ta’ Xolxa ż-Żejtun, Tas-Sejba l-Imqabba, u ta’ Corradino. Kien f’dan l-ambitu u f’dar-reġim ta’ diskors li Tagliaferro beda jipprova jagħmel sens mis-sejbiet f’Bur Mgħeż. Xjentisti u ġeoloġi bħal Spratt, Forbes, Cooke, Adams u Bate kienu ta’ fehma waħda: il-fissuri u l-għerien jinstabu biss fis-saffi tal-blat Mijoċeni. L-ilma li jaqa’ fuq il-wiċċ tax-xagħri jipperkola minn ġol-ġebla tal-franka li qisha sponża u jinħolqu fiha dawn ix-xquq. Kultant, l-ilma jasal sal-qawwi u mhux ħaġa tal-għaġeb li ssib xi għar jew xi xaqq f’dan is-saff ukoll. Fis-seklu tmintax, Déodat de Dolomieu kien diġà semma s-sejba tas-snien tal-ippopotamu, imma l-interess sploda f’nofs is-seklu dsatax meta l-qtugħ tal-blat u l-estrazzjoni tal-ġebla tal-franka mill-barrieri żdied sostanzjalment. F’daqqa waħda, ix-xjentisti tal-imperu, u l-akkademja ta’ Malta bdew iħarsu mill-viċin lejn l-excuviae — fdalijiet tan-naħa ta’ barra — tal-annimali gerriema, ġrieden ta’ denbhom pjuma, u għasafar tal-baħar misjuba flimkien mal-fdalijiet ta’ rettili, fkieren u annimali karnivori. Iżda Bur Mgħeż kien fi klassi għalih għaliex fih instabu mhix biss il-fdalijiet ta’ annimali imma wkoll dawk tal-bnedmin u allura Tagliaferro seta’ jħares mill-viċin lejn il-proċessi soċjali u r-ritwali Neolitiċi tad-dfin. Dak iż-żmien dawn kienu desideratum akkademiku qawwi ħafna minħabba li l-bennejja tal-istrutturi megalitiċi u dawk li għamlu użu minnhom ma ħallew l-ebda ħjiel dwar l-għajxien ordinarju tagħhom barra mill-kuntest tar-ritwal reliġjuż tas-siti. Tagliaferro ġibed ukoll l-attenzjoni fuq Għar Dalam u fuq għar ġewwa x-Xagħra Għawdex imsejjaħ il-Pergla ż-Żgħira, li bħal Bur Mgħeż ukoll instabu fih fdalijiet umani u ta’ annimali. Naturalment, peress li kien ġej minn sfond akkademiku, Tagliaferro ħoloq tipoloġiji għal dawn l-għerien u d-dagħbien. L-ewwel tip kellu biss fdalijiet ta’ annimali estinti. It-tieni, bħall-Pergla ż-Żgħira u Bur Mgħeż, instabu fihom fdalijiet umani u ta’ annimali estinti fl-istess naqal. Fit-tielet, bħal Għar Dalam, il-fdalijiet ta’ annimali estinti kienu nstabu biss fis-saffi ta’ taħt, u dawk ta’ bnedmin u ta’ annimali domestiċi fis-saffi ta’ fuq.
Jien b’Bur Mgħeż qatt ma kont smajt; l-ewwel darba li smajt il-ħlewwa semitika, kważi infantili, tal-isem kien mingħand Stefan, li spiss nitkellem miegħu fuq in-Neolitiku ta’ Malta. Kien żmien stramb: ommi kienet ilha tgħix bil-kanċer kważi għaxar snin, u għalkemm ir-riżultati tat-testijiet tad-demm ma kienu qed jindikaw xejn anomalu, il-qalb teħber u l-għajn tifli. Bdejt naraha sejra lura, u għalkemm kienet it-tip li taħbi l-biża’ tagħha wara stojċiżmu żonqri, ir-riħa tal-adrenalina tinxtamm minn dawk li huma l-ilma tal-ilmijiet tiegħek. Bla ma naf, kont qed inħejji ruħi għall-agħar li seta jinqala’. U biex nifdi ftit mill-melankonija li l-biża’ jġib miegħu, u minħabba li d-distanza soċjali tal-pandemija ma ħallietx lok għall-ħruġ mal-ħbieb jew safar, dort għall-istudju tal-ġebla tal-franka. F’Malta, il-franka hija riżorsa tremenda fid-dinja tal-kostruzzjoni però rari misset mal-immaġinarju poetiku, artistiku, jew tal-ħsieb. Ftit huma dawk li ħasbu biha jew magħha. Mhux qed ngħid għall-istejjer, jew għall-folklor għax fil-fatt hemm ħafna leġġendi bil-ġebel bħala protagonista, pereżempju l-Ġebla tal-Ħalfa, il-Ġebla ta’ Dragut, il-Ħaġra ta’ Sansuna, eċċ. Forsi li rrid ngħid jien hu li ftit huma dawk fil-kultura uffiċjali li ħasbu fuq il-ġebla filosofikament.
Tħares fejn tħares, il-franka tħares lura lejk, u daqqa titbissimlek safranija, daqqa tiċċassa bajda silġ, daqqa ħamranija qisha miżbugħa għall-festa jew mistħija bl-attenzjoni, u daqqa griża u stojka. Kien ili żmien nhewden fuq il-ġebla: inħares lejha u mmissha, inxommha, nintelaq fuqha, ngħawwar subgħajja f’toqbitha, norqod mimdud fuqha, dahri magħha, ċatt bħal wiżgħa. Fi tfuliti, kont naħbi s-sigrieti tiegħi billi nidfinhom fix-xquq tas-sejjieħ, u nostor kollox billi ninfilza ġebla tidħol kexxun. Meta nimxi mal-kelb, spiss nieqaf nieħu xi ritratt tal-kuluri differenti ta’ kull ġebla f’ħajt tas-sejjieħ. Qisha meta tinqata’, kull biċċa franka tieħu identità għaliha, ewlenija, sui generis, kull ġebla farka mit-totalità tal-franka. Bejn ġebla u oħra, il-wiżgħat u l-ġrieden jidħlu jistkennu jew jistaħbew, minn ġo fiha jikbru x-xtieli, ġo ħofritha jidħol imut il-bebbux. Il-likeni jżejnuha u jraħħmuha. Kull ġebla pjaneta, kull ħajt galassja, kull barriera univers. Meta dort għal dak li nkiteb, sibt kważi biss studji tal-ġeomorfoloġija, speċjalment dawk ta’ JoAnn Cassar, li fihom tistudja l-franka mill-akkademja tax-xjenza. Kien allura waqtu li mmur infittex il-Bur Mgħeż li Stefan qalli bih, u li naħseb ftit mill-qrib dwar il-ġebla tal-franka biex nersaq lejn dawk in-nies li eluf ta’ snin ilu waslu hawn u ppreġjawha, bnew biha, u saħansitra difnu fi blatha. Kelli ritwal: xi mkien fil-foresta ta’ siġar twal u ta’ twerwir ġo rasi twebbilt li jekk ninżel l-Imqabba minn Ħal Lija bir-rota, forsi ommi kienet teħlisha. Ħsibijiet tal-fatati, naf. Imma l-mewt ma tersaqx lejha bir-raġunar, għax għada pitgħada tpattihielek bil-qares. Illum nifhem li l-ħsieb kien koerenti: il-bebbuxu jidħol imut fit-toqob tal-franka, il-bniedem ifittex il-bram, id-dagħbien u l-għerien biex jidfen lil niesu, u jien immur infittex il-qabar t’ommi.
Meta nżilt l-ewwel darba l-Imqabba biex insib fejn kien l-Għar ta’ Bur Mgħeż, ħallejt ir-rota fejn Ta’ Kandja u ddeċidejt li nkompli bil-mixi. Ridt inħares ġol-għelieqi u fil-barrieri. Serraħt ir-rota mal-ħajt tal-binja jisimha l-Ħabel ta’ San Pawl, li sena wara sirt naf l-istorja tagħha. U bdejt nidħol fil-garaxxijiet ta’ kull panel beater u mekkanik li hemm. Meta nistaqsi dwar il-post, nofsi bil-mistħija għax il-ħsejjes tal-isem qodma u pjuttost aljeni, ir-risposta kienet kważi dejjem: Imma int lil min qed tfittex? Bħallikieku meta tkun qed tfittex post, fil-verità tkun qed tfittex dejjem lil xi ħadd. Ħaġa tal-iskantament, imma, kulħadd kien jaf lil xi ħadd li forsi jaf, u allura min ċempel lil zijuh, min qasam it-triq u mar jistaqsi lil ta’ faċċata, u min daħal fuq Google. Min bagħatni l-Qrendi u min bagħatni Ħal Kirkop. Min qalli li forsi, allura, hija l-barriera tal-Iklin lejn Bieb iż-Żejtunija, li f’nofs ir-rampa tagħha hemm Tal-Mitħna Nightclub, u min qalli li forsi l-barriera tal-istatwi. Min qalli li ma jmissnix qed nimxi fis-sħana u ħa, flixkun ilma kiesaħ ta’ barra għax ħa taqa’ mal-art, u mur fejn iż-żiemel fuq wara xxarrab bil-pipe. Ħudu l-ilma, tqabbadnix uġigħ ta’ ras. Ħudu. Dak Alla jroddhuli lura. Mur fejn Tar-Robba, isma’ minni, għax Bur Mgħeż mhux hawn qiegħed imma lejn il-mitjar. U pinġieli fuq karta kif għandi nasal lejn il-Madonna tad-Dawl. Missieri kellu r-raba’ u niftakru jsemmi Bur Mgħoż. Niftakru jsemmi xi ħaġa imma m’int se ssib xejn għax hemm kollu ħaffruh. Imxejt biswit Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, u dħalt għat-triq l-antika li kienet it-triq ewlenija li tagħti għall-Belt. Fuq ix-xellug, ħitan għoljin jgħattu l-ħofor tal-barrieri, mibnijin minn franka mherrija mixħuta fuq ġenbha, ħitan immewġa. Bħall-franka fil-ħitan tas-sejjieħ, l-Imqabba miżgħuda bil-ħofor tal-barrieri, toqob fondi sulari wara sulari, kontraarkeoloġija fejn is-saffi l-aktar fondi jikxfu għemejjel il-bniedem l-aktar riċenti. It-toqob għall-ewwel jaħsduk, ibeżżgħuk. Qtugħ u tħaffir ġo laħmet l-art. Vjolenti. Maskili u buċċ. Miljuni fuq miljuni ta’ snin biex il-ħlejjaq tal-ilma kkonspiraw li jinżgħu ġisimhom u jintelqu mejtin fuq dawk ta’ qabilhom biex il-pressa tal-ilma baħar tagħġinhom f’ġebla sedimentarja. Issa, magna tat-trinka, magna ta’ taħt, konvejer, u kantun. Imma meta tiffissa ħarstek sew fuqhom, u żżomm ix-xiber ta’ fuq fil-perspettiva, tintebaħ kemm is-saff ta’ familjarità huwa rqiq, kemm hemm blat taħt saqajna, kemm aħna riċenti, kemm il-blat għandu memorja bikrija. Ix-xemx tixgħel il-ġnub tal-barrieri, u s-saffi ta’ franka jirriflettu lura, ilwien li jinbidlu bla waqfien. Imma dawn il-ħitan x’qed jagħmlu hawn? Protezzjoni biex ma jaqa’ ħadd fil-barriera? Ħabi mis-sorveljanza tar-regolatur? Mistħija għall-massakru fil-karnalità tal-blat? Waqt li kont qed nimxi, imtlejt bit-trab abjad li kien itir minn mal-ġnub tat-triq kull darba li tgħaddi karozza u jgħaqqduhomlha maġenbi u jħalluni f’daħna li tidħol fi mnifsejja, għajnejja, u ħalqi. Bħas-siġar taż-żnuber u l-oleandru mal-ġenb tat-triq, ġejt qisni ppetrifikat. Kelb xwejjaħ u ġwejjed tal-post, jgħasses barriera wieqfa li saret ċimiterju ta’ karozzi mifqugħa u msadda, ħares lejja, lanqas jiflaħ jemmen li kont qed nimxi fil-qilla ta’ waranofsinhar. Infittex biex nara nilmaħx lil xi ħadd u nistaqsih, imma xejn. Ħadd ma kien jaf xejn. Iddeċidejt, allura, li nibdel ir-rotta, nerġa’ lura lejn ir-rota, u nibda nfittex Bur Mgħeż mod ieħor.
Jekk Bur Mgħeż illum jinstab biss fil-memorja tal-Imqabbin, fl-arkivji u l-mużewijiet, fejn allura qed jinħeba? Fil-ktieb Malta Before History ta’ Anthony Pace — l-ewwel suprintendent tal-wirt kulturali li laħaq fl-2002 u dam hemm sal-2018 — insibu deskrizzjoni qasira flimkien ma’ ritratt tal-għar minn barra u pjanta ta’ kif kien imqassam fuq ġewwa. Pace jimxi fuq ir-rapport ta’ Tagliaferro, li jgħid li l-għar kien mimli ħamrija, ta’ lewn ħamrani: kien għad baqa’ biss tletin ċentimetru spazju mis-saqaf. Il-ħamrija tal-wiċċ kienet safranija, ovvjament minħabba l-fatt li din kienet mimlija trab tal-franka li waqa’ mit-tmermir tas-saqaf. Ġol-ħamrija stess kien hemm għadd ta’ ċagħaq u ġebel angulat u ċatt, mimdudin jew naqra mxeqilbin. Għall-ewwel, Tagliaferro u l-ħaddiema tiegħu ħasbu li dawn kienu wkoll biċċiet mis-saqaf li tfarrak u waqa’, imma iktar ma bdew ineħħu min-naqal tal-ħamrija, iktar żdied dan iċ-ċagħaq u l-ġebel u dehrilhom li kien hemm wisq biex il-preżenza tagħhom tiġi spjegata b’dal-mod. Barra minn hekk, il-fatt li ħafna minnhom kienu mimdudin ċatti nebbħuh li dawn żgur ma kinux waqgħu mis-saqaf tal-għar imma kienu tpoġġew hemm minn xi ħadd. Hekk kif baqa’ nieżel ineħħi l-ħamrija, bdew ħerġin l-irjus tal-mejtin, l-ewwel waħda, imbagħad tnejn, tlieta, sa ma ħarġu ħamsa u tletin. Iċ-ċagħaq u l-ġebel, allura, kienu hemm biex iżommu l-iġsma fil-post, u d-dagħbien kien użat għad-dfin tal-mejtin. Il-ħamsa u tletin ġisem kienu mqiegħda ġo ħames irkejjen u kien għadu kmieni wisq, u kien għad baqa’ x’jiskava, biex Tagliaferro jitħaddet fuq kemm kien fond jew kbir l-għar. Sa ma ppreżenta s-sejbiet tiegħu, kienu ħaffru biss tmintax-il metru, u ma kienx hemm ħjiel ta’ kemm seta’ jkun aktar fond. L-għadam tal-mejtin instab f’fondijiet differenti: min tletin ċentimetru mill-wiċċ, min żewġ metri. L-iġsma ta’ dawn in-nies li għexu fl-inħawi ta’ Bur Mgħeż ġew midfuna mimdudin fuq ġenbhom tax-xellug; uħud minnhom mgħawġin qishom fil-pożizzjoni fetali, ħarsithom lejn il-Lvant. Iċ-ċagħaq x’aktarx kien imqiegħed madwarhom biex iżommhom fil-post, u t-tavli ċatti qegħduhom biex il-ħamrija ta’ fuqhom ma ċċaqlaqhomx. Tagliaferro jikkonkludi, iżda, li t-toqob li jagħtu minn ġol-għar għal barra ħallew l-ilma tax-xita jidħol u allura n-naqal tqal u ddisturba t-twavel u ċ-ċagħaq, b’konsegwenza li wħud mill-irjus tkissru. Qal ukoll li d-deffiena spiss kienu jċaqalqu l-għadam tal-mejtin biex jagħmlu post għal difniet ġodda, peress li kien hemm skeletri diżartikolati, b’għadam misjub imferrex mal-għar. Dan kien speċjalment hekk fuq ċerti għadmiet u mhux oħrajn: għadam tawwali, pereżempju, kien miġbur u mqiegħed ma’ ġenb għalih, fid-direzzjoni tal-għar innifsu, Grieg il-Lvant, ma’ għadam u snien ta’ annimali li nstabu fil-post. L-irjus ma kienx faċli taqlagħhom, bejn għax kienu mdawrin biċ-ċagħaq u bejn għax kienu mimdudin fuq naħa waħda. B’hekk, Tagliaferro lanqas ma seta’ jieħu l-qisien tagħhom mill-ewwel, ħaġa li ried jagħmel speċjalment biex jagħraf x’tip kienu u biex ikejjel l-indiċi ċefaliku tagħhom; jgħid, però, li mad-daqqa t’għajn, kienu rjus dolichocephalous, terminu tipoloġiku li kien intuża minn Giuseppe Sergi biex jiddeskrivi razza ta’ nies fil-Mediterran. Fost il-bċejjeċ żgħar ta’ kultura materjali bħall-biċċiet tal-fuħħar minn skutelli u vażetti, u biċċiet ta’ żnied, kien hemm ukoll għadd ta’ bebbux tal-baħar imtaqqab apposta b’tali mod biex jintuża bħala buttuni. Jekk dan kien minnu, allura l-iġsma kienu ndifnu bi ħwejjeġ maqfulin b’dawn il-buttuni iżda peress li l-ħwejjeġ kienu magħmula minn materjali organiċi — suf jew ġlud — dawn ma tantx damu biex tmermru. L-aħħar nota li biha Tagliaferro jagħlaq ir-rapport tiegħu tgħaqqad proprjetà oħra tal-franka — li, skontu, tassorbi u tarmi l-irwejjaħ — mar-ritwali tad-dfin Neolitiku. Tagliaferro jsemmi li meta bdew jitneħħew il-biċċiet tal-għadam waqt l-iskavar, ħarġet riħa ta’ laħam frisk, ħaxix imranġat, u fjuri tal-vjoletta mill-ġebel u ċ-ċagħaq tal-franka. Minħabba li l-franka hija poruża, Tagliaferro jgħid li allura naturali li din il-ġebla assorbiet il-likwidi u l-gassijiet tad-dikompożizzjoni. Jagħlaq ir-rapport billi jispekula jekk l-irwejjaħ li tefgħet lura l-franka kinux evidenza biżżejjed biex jargumenta li l-iġsma ġew skarnati — juża l-kelma “scarnamento”, jiġifieri tneħħielhom il-laħam minn mal-għadam — qabel id-dfin.
Fil-kitbiet tiegħu, il-pedjatra Anton Mifsud — li għandu interess tant kbir fl-Għar ta’ Bur Mgħeż li, kważi kważi, huwa l-uniku bniedem li kompla l-memorja tas-sit għaddejja wara li ntradam mill-awtoritajiet u ntesa mill-establishment akkademiku — żgur ma kienx se jħalli barra d-dettalji tal-anatomija ta’ dawn il-kranji. Wara diversi attentati biex ix-xogħol tiegħu jittieħed bis-serjetà, Mifsud ħa spunt mix-xogħol ta’ David Trump, magħruf għall-iskavi stratigrafiċi tiegħu ta’ Skorba fl-Imġarr, u għar-reviżjonijiet li għamel fis-sekwenza arkeoloġika tal-preistorja ta’ Malta. Trump kien issuġġerixxa li l-bijoloġija molekulari, kif ukoll l-istudji tad-DNA jistgħu joffru xaqq ta’ dawl ġdid fuq il-fdalijiet preistoriċi, speċjalment fuq il-konnessjonijiet bejn il-popolazzjoni tal-qedem u dik ta’ Malta moderna. Mifsud daħal għaliha b’ruħu u b’ġismu. Fl-2006 ħabbar, fis-St Luke’s Day Lecture mogħtija lill-membri tal-British Medical Association f’Malta, li kien mar in-Natural History Museum ta’ Londra jfittex il-fdalijiet tal-mejtin li kienu ttieħdu hemm mis-sit ta’ Bur Mgħeż. Sinclair kien ħadhom miegħu hemm fl-1922 — kif kien moda tagħmel, bil-ġustifikazzjoni li l-istudjużi Maltin kienu inkompetenti u foqra fir-riżorsi u allura ma setgħux jieħdu ħsieb xawwathom — u għadhom hemm sal-lum, fil-kannierja sekulari tal-kmamar t’isfel ta’ wieħed mid-dipartimenti tal-mużew fi Cromwell Road. Hawnhekk, Mifsud kien l-ewwel Malti mill-1922 li żar l-għadam ta’ Bur Mgħeż, jew għall-inqas l-ewwel wieħed li ppubblika ż-żjara li fiha għamel studju osteoloġiku. Mifsud jiżvela li erbgħa mill-ħames fdalijiet li studja rriżultaw pożittivi għall-kundizzjoni medika tat-thalassaemia: Mifsud isostni li sab evidenza ta’ cribra fuq is-saqaf tal-kranju; porotic hyperostosis; tbajja’ kannella kulur il-kewba mastizz fil-mudullun tal-kranju; u l-erba’ sinniet ta’ fuq maħruġin ’il barra. Dawn jelenkahom bħala tipiċi tal-varjant Malti I-6 tat-thalassaemia. Din ir-retrodjanjosi ġiet konfermata peress li l-fdalijiet għamlu reazzjoni kulur kaħli tal-Prussja fil-Perls stain test, u kien fihom livelli elevati ħafna ta’ ħadid li komplew jikkonfermaw li d-djanjosi kienet sigura. Fl-aħħar, Mifsud ikkonferma wkoll id-data ta’ 4 305 +/- 65 qabel il-preżent. S’hawnhekk, ma qal xejn kontroversjali. Iżda malli għaqqad it-thalassaemia — li hija endemika fil-popolazzjoni Maltija tal-preżent — mal-oriġini tal-Maltin, jitgħaqqad fil-ħsieb tiegħu stess. Il-varjant, jgħid hu, allura ma daħalx Malta mal-miġja tal-Għarab minn Sqallija, imma ilu miż-żmien Neolitiku u ġie fuq il-gżejjer madwar ħamest elef sena ilu mill-Afrika ta’ Fuq. Iżda, skont l-istorja aċċettata mill-maġġoranza tal-istudjużi, ir-ritorn tal-Għarab f’Malta fis-seklu 11 seħħ wara perjodu ta’ kważi mitejn sena li fih il-gżira kienet diżabitata u allura ma jistax ikun hemm kontinwità ġenetika. Mifsud ma jiqafx billi jgħid li l-evidenza tat-thalassaemia fil-fdalijiet ta’ Bur Mgħeż turi li hemm konnessjoni bejn il-Maltin tal-lum u n-Neolitiċi ta’ Bur Mgħeż imma jżerżaq id-data tal-ewwel nies fil-gżejjer għal tlieta u erbgħin sena ilu billi jgħid li riżultati ġenetiċi jindikaw li l-ewwel migranti mill-Afrika ta’ Fuq qasmu għall-Ewropa qabel l-estinzjoni tan-Neanderthal. Hawnhekk, Mifsud jikxef, forsi, l-aġenda eżoterika tiegħu: li juri, bi provi ċari, li Malta kienet abitata diġà fiż-żmien Paleolitiku.
Bħall-affordanza tal-franka li bil-proprjetajiet u l-karatteristiċi tagħha toffri lilha nnifisha erotikament, medikament, akustikament, arkitettonikament, eċċ., l-għerien u d-dagħbien għandhom ontoloġija animata li taf tagħti forma lil diversi realtajiet soċjali. Hawnhekk il-ħsieb jispiċċa thewdin u taqbida mal-mewt: tgħid bħall-bebbux u l-gremxul, il-franka ssejħilna biex nistrieħu fiha darba għal dejjem? Jew forsi drajna nindifnu fiha għax sibna lil ta’ qabilna, iċ-ċriev u l-fkieren u l-fdalijiet tagħhom ġol-għerien u d-dagħbien u għamilna bħalhom? F’Neolithic Cave Burials, Rick Peterson jgħid li d-dfin Neolitiku qatt ma jieħu n-narrattiva ċentrali li jistħoqqlu; dejjem jibqa’ narrattiva sekondarja, u huwa spiss deskritt bħala soluzzjoni effiċjenti għal sitwazzjoni skomda, li ġeneralment kienet ipprattikata minn dawk li ġew minn saffi soċjali inqas privileġġati. Id-dfin ġol-għerien, bħala prattika soċjali u nekroloġika fin-Neolitiku, għandu jitqiegħed, skont Peterson, biswit narrattivi ta’ nekrokulturi oħrajn, ta’ tradizzjonijiet akbar. Mhux hekk biss, però: hemm bżonn ukoll li naraw l-għerien bħala fenomenu spazjali. L-għerien iġorru l-aġenzija tagħhom li taf taħdem fuq il-bniedem b’tali mod li jinħoloq kuntatt ta’ influwenza bejn l-għar innifsu u l-bniedem li jagħmel użu minnu.
Xjentifikament, id-difna Neolitika fl-għerien u d-dagħbien tiġi spjegata b’żewġ modi: jew bħala difna sekondarja — jiġifieri l-ewwel il-ġisem jindifen f’qabar, u wara jitneħħa u jindifen xi mkien ieħor, bħal f’xi kannierja jew osswarju, kif huwa maħsub li kien Ħal Saflieni — jew bħala dfin suċċessiv, kif fil-fatt ħaseb Tagliaferro fuq Bur Mgħeż. Id-difna sekondarja taf tiżvolġi f’każ ta’ ritwali kumplessi li jinvolvu iktar minn difna ewlenija jew post wieħed. Meta Tagliaferro jitkellem fuq it-tixrid tal-għadam, huwa kien qed josserva possibbilment żewġ proċessi: l-ewwel wieħed huwa d-diżartikulazzjoni tal-għadam tal-iskeletru tal-bniedem minħabba d-dfin suċċessiv, u allura l-iġsma li ġew qabel jitressqu u għadam tal-istess tip jitpoġġa flimkien; jew inkella kien qed josserva l-proċess ta’ tafonomija, ċjoè l-proċessi naturali li bihom fdalijiet organiċi ta’ annimali u pjanti jiffossilizzaw. Fdalijiet umani u ta’ annimali bħal dawk ta’ Bur Mgħeż, Għar Dalam, u siti oħrajn Neolitiċi, huma frammentarji ħafna u allura, biex isir tqabbil bejn oqbra u ipoġej differenti u tixbih fil-modi ta’ dfin, qabel kollox irid ikun hemm analiżi tafonomika rigoruża.
Id-dagħbien ta’ Bur Mgħeż, bħal dagħbien ieħor fil-blat tal-franka u għerien fuq u taħt l-art, jistgħu jitqiesu bħala spazji, jiġifieri jistgħu “jinqraw” bħala testi arkitettoniċi ta’ passaġġi, kurituri u kmamar, sulari u xkaffar. Spiss naraw il-ħsieb xjentifiku jitbandal bejn il-binarji natura/kultura meta naqraw spazji ġeoloġiċi bħala fenomeni naturali, u dawk arkitettoniċi bħala fenomeni kulturali. Kemm minn dan huwa retroġezzjoni moderna fuq passat u ħajjiet ta’ nies u ta’ postijiet li ftit li xejn nafu dwarhom? U jekk id-difna f’qabar monumentali u dik ġo dagħbien hija differenti, allura kemm minn dik id-differenza hija determinata mill-post innifsu? Dagħbien bħal ta’ Bur Mgħeż kellu impatt fenomenoloġiku wkoll fuq id-deffiena li daħlu fihom bl-iġsma mejtin, u maġenb il-mejtin stess: passaġġi wesgħin li f’daqqa jidjiequ, soqfa li jogħlew u jitbaxxew, kantunieri li jduru, xkaffar li trid titla’ fuq ponot subgħajk għalihom jiddeterminaw kif tuża ġismek, is-sensi, u fejn tpoġġi l-kultura materjali li hi l-proprjetà tal-mejtin. U għal dan, il-franka u l-affordanzi tagħha kienu importanti biex Malta titqiegħed fuq il-mappa Neolitika tal-Mediterran, u tal-Ewropa inġenerali, f’dan it-tip ta’ dfin li jgħaqqad siti varji bħal Puglia u l-Peak District.
Ippruvajt nerġa’ nfittex il-fdalijiet tal-Għar ta’ Bur Mgħeż. Din id-darba, imma, imxejt mal-mappa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tal-1920. Biex norjenta ruħi, bdejt minn Sqaq ix-Xatba l-Ħamra, li kont rajtu u mmarkajtu d-darba ta’ qabel. Qsamt it-triq u dħalt fiż-żona tal-Madonna tad-Dawl biex nara jekk is-sqaq li jagħti għal Tal-Isqof għadux hemm. Imma le. Barriera wara l-oħra. Irbatt ir-rota ħdejn il-barriera tal-gvern, fejn barra kien hemm ħaddiem ipejjep sigarett. Minn Ħal Safi. Int hawn qiegħed; hawn kollu Bur Mgħeż kien jismu. Imma qatt ma smajt bl-Għar ta’ Bur Mgħeż. Qabel, in-nies kienet taf iktar fuq l-affarijiet u l-postijiet tal-qedem; issa ħadd ma jaf xejn. Din hawn il-barriera tal-gvern, nieħdu minnha franka għal ħitan baxxi fit-toroq; il-gvern ta l-kostruzzjoni ta’ bini pubbliku f’idejn il-privat issa. Imma l-franka ta’ dil-barriera mhux li xi tajba wisq, ifhem; tiswied biż-żmien. Fix-xitwa, meta tixxarrab, tibda ssewwed. Il-pori miftuħin beraħ, il-likeni jaqbdu magħha mill-ewwel u jikbru f’ħakka t’għajn. Din m’għandhiex x’taqsam mal-franka tajba tal-Imqabba; il-franka tal-barrieri tajbin tkun bajda, b’saħħitha, ratba u tħammar. Imma tħammar darba biss, u meta tħammar ma tridx tnaddafha. Dik il-ħmura qisha skorċa li timbutta l-ilma minn fuqha u żżommha niexfa. U ħa ngħidlek, Malta hawn bżonn li jkollok ġebla li ma terdax l-ilma. Int ħares lejn is-sejjieħ u l-pal tal-bajtar. Il-bajtar mhux frott ħelu biss; il-bajtar jiġbed l-umdità mill-ħamrija. Ħares lejha fis-sajf, kif tkun niexfa! U mhux għalhekk meta tħares sew lejn il-knejjes, tara li kienu jgħattu l-ewwel tliet filati bil-qawwi u mhux bil-franka? Ħġieġ — xi tridu jidħol l-ilma! Qabel il-qatran, l-umdità kienu jżommulha aħjar. U llum neħħew il-bajtra minn fejn il-mitħna ta’ Ħal Safi. Hawnhekk saqwi xejn, irdieden xejn, ħamrija ħamra għall-patata għax it-tadam il-bajdanija jrid. Forsi jekk tidħol ’il ġewwa f’dak l-isqaq, issib fejn trid tmur.
Imxejt fejn qalli, lejn il-binja tal-armata, fuq il-ġenb tar-runway u sibt ruħi f’dak is-sqaq li fuq il-mappa huwa mmarkat bħala “Road to Bur Mogħoż”. Wasalt. U ħarist fil-barriera ta’ taħti.
Iż-żona Tal-Isqof — li tkopri l-arja kollha min-naħa l-oħra tar-runway sal-Madonna tad-Dawl u Ħabel ix-Xiħ — imsejħa hekk għax kienet taqa’ taħt il-Mensa Vescovile, art li kienet tal-Isqof. Leli Mqabbi ta’ 82 sena. Boqni, gustuż, daħkan, virili. Qalli li Bur Mgħeż jiftakru sew. Bur Mgħeż huwa post, mhux għar. Hemm, faċċata, fejn dik is-siġra, hemm fejn missier ommi kellu ftit raba’, hemm Bur Mgħeż. L-għar kien fuq in-naħa tal-lemin ta’ dan l-isqaq, hemm ara fejn l-armata għandha dawk it-tankijiet żgħar jitmermru. Taħt, fit-toqba tal-barriera fuq in-naħa li fi żmien Napuljun Tagliaferro u Temi Zammit kienet mikrija għand Michele Zammit in-Naxxari, stajt nara attrezzi militari ltiema. Hawnhekk kollu affarijiet tal-qedem kien u l-Ingliżi ma tantx kienu jagħtu kas. Sittin, sebgħin sena ilu, hawn kien kollu oqbra; iddawwar fejn iddawwar rasek. Oqbra antiki. Imbagħad, meta żiedu r-runway, radmu kollox. Hawn qatt ma kien hawn ajruplani qabel; dawk kienu Ta’ Qali, il-Qrendi u Kalafrana. Issa l-għar naħseb intradam ukoll, jew inħeba taħt ir-runway bejn hawn u d-Debdieba. Meta ħija kien qed jibni d-dar, tani żewġ vażetti żgħar taċ-ċeramika blu. Qalli li l-Feniċi kienu jużawhom għall-fwieħa. M’għoġbunix. Dawk jgħidu jġibu s-seħta. Ħija kien iħobb iżejjen biċ-ċeramika u l-fuħħar li kien isib, u ma tantx kellu xorti għax telqitu. Għedtlu li iva, nafu b’ħafna fdalijiet arkeoloġiċi mill-oqbra li għandhom imnaqqax fuqhom twissija biex ma tmisshomx għax jekk tisraqhom mill-qabar, jisħtuk. Is-serq mill-oqbra għandu storja twila immens. Kienu jgħidu li l-Feniċi jidfnu kull fejn isibu! U ara kif jiġi l-kliem, Mikiel kien sab lampa taż-żejt lil hawn. Konna tfal. Kien poġġieha ġo kaxxa u telaq lejn id-dar biha; imma fit-triq iltaqa’ mal-kappillan, li staqsieh x’kien qed jaħbi, u Mikiel beża’ u tahielu mill-ewwel. Kien iwerwirna; jgħidilna biex intuhomlu jekk insibu xi affarijiet għax jidhrulna l-erwieħ inkella.
U ftakart x’kien qalli ieħor li ħadt birra jew tnejn miegħu l-Każin tal-Ġilju. Raġel ta’ sittin sena, qisu ġolf, jibża’ mill-klieb imma jiflaħ għax-xorb. Ommi kienet tgħidilna biex ma mmorrux lejn l-għar ta’ Bur Mgħeż għax meta hi kienet żgħira, kienu jisimgħu l-għajjat u t-twerżiq tal-mejtin billejl. Fuq Bur Mgħeż kienu tefgħu l-bombi, għax ġol-għar l-Ingliżi kienu jagħmlu u jaħżnu l-isplussivi. L-Ingliżi, qalli ieħor, kienu jużawh għall-Canberra, għat-testijiet tal-magni u l-bombi. Issa, it-toqba li hemm fejn xi darba kien hemm l-għar, tintuża biss għall-ajruplani żgħar, u bħala scrapyard. Għamlu żmien jużawh l-ADB, Air Defense Battery, tal-AFM; kellhom l-imħażen u l-workshops. U dawk il-guns, dawk skreppjati hemm; istja dawk kienu jiswewlhom mija u għoxrin lira Maltija ma’ kull round.
Fil-każin ukoll, ġie l-kliem ma’ tnejn min-nies fuq il-mixja li jien u sieħbi għamilna. Malli semmejna Bur Mgħeż, l-ixjeħ mit-tnejn qalilna li fakkarnieh fid-9 ta’ April tal-1942, il-ġurnata tar-raid Ġermaniż fuq l-Imqabba. Hemm, fil-barriera ta’ Ċetta Pizzi, l-Ingliżi kienu jaħżnu l-bombi biex wara jeħduhom l-RAF Ħal Luqa u jtellgħuhom fuq l-ajruplani. Min kienet Ċetta Pizzi u x’kellha x’taqsam ma’ Bur Mgħeż? Heżżet kulm’hemm il-bomba li waqgħet fuq Bur Mgħeż; u Ċetta Pizzi, Ċetta Pizzi kienet waħda tkun hemm. L-Għar ta’ Bur Mgħeż insejħulu hekk għax ’il Ċetta Pizzi hemm kont issibha. Ir-raġel l-ieħor qalilna li meta kienu qed iħaffru biex ikabbru r-runway, feġġet kamra kbira, tonda, bi kmamar jagħtu ’l hinn minnha. Din ukoll intilfet fix-xquq bejn il-memorja, l-arkivju, u l-mużew.
Id-dlam, bħas-silenzju, iġorr miegħu ambigwità tremenda. L-iskola, is-soru kienet taqfilna fil-kamra mudlama ta’ taħt it-taraġ, forsi bit-tama li, bħal San Ġwann tas-Salib, id-dlam kien se jeħodna fuq vjaġġ tar-ruħ u nsibu dak li kienet sabet hi wkoll. Forsi t-tfittxija ta’ Bur Mgħeż hija xewqa ta’ sejba, sejba tad-dlam li forsi “jurini” fejn imorru l-għeżież tagħna, fejn immorru aħna, minn hawn. Għall-inqas, fejn tmur il-materjalità tagħna. Għax għalkemm id-dlam diffiċli teħodlu ritratt, teżaminah, tilluminah, titfgħu taħt l-imbierka lenti akkademika ta’ analiżi xjentifika, jaf ukoll jgħinek issib dak li qed tfittex. Fl-esej tiegħu “Past Dark”, Robert Hensey jeżamina kemm id-dlam qisu jimbotta kull forma ta’ oġġettifikazzjoni, u kemm it-terminoloġija assoċjata hija limitata ferm: opaka, krepuskulari. Kemm, fil-verità, hija xjentifikament onesta l-analiżi tad-dlam u ta’ dak kollu li nitfgħu fih meta aħna nixegħlu d-dawl fuqhom? Din diġà problema kbira għal min jipprova jagħmel sens mir-rappreżentazzjonijiet fuq il-ħitan tal-għerien Paleolitiċi, u l-istess għal min jipprova jqis u jifhem kwalunkwe nekrokultura. Ġaladarba toħroġ il-fdalijiet, parti importanti mill-istorja u l-bijografija tagħhom tintilef għal dejjem minħabba l-fatt li t-tpoġġija ta’ iġsma u kultura materjali ġewwa postijiet mudlama huwa att intenzjonat. Meta nneħħu d-dlam, inneħħu miegħu l-esperjenza tal-post, u miegħu, allura, potenzjalment inneħħu wkoll aspetti kruċjali tar-ritwal. Il-biża’ mid-dlam, pereżempju, huwa integrali għal aspetti ta’ ritwali, reliġjon, mitoloġija u folklor. Id-dlam jitbandal bejn il-waħx u l-hena: il-pjanti u l-veġetazzjoni jaslu biss sal-bokka tal-għerien u d-dagħbien, imma l-ġuf mudlam, wara kollox, drajnieh. Id-dlam joħloq tant depravazzjoni tas-sensi li biex nikkumpensaw, inżidu l-kapaċità li naraw, nisimgħu, u nxommu. Hemm min jinżel fih minn jeddu, u hemm min jitniżżel fih bħala kastig. Hemm dawk li jinżlu fid-dlam u jibdew id-dissoluzzjoni tal-identità tagħhom, u hemm dawk li jsibu l-identità tagħhom fih. Id-dlam jaf jikxef riti soċjali li d-dawl jaħbilna: fil-qrar, il-konfessjunarju jiftaħ possibbiltà usa’ għall-ftuħ tal-qalb; fid-darkroom tal-clubs, atti trażgressivi jiġu normalizzati. Id-dlam jaf jgħinek issib l-interjorità li qed tfittex .