Nerġa’ Nżurha u Noħdilha Ritratt Ieħor

Manuela Zammit

  • Mara b'xagħrha nnukklat tħares ’il barra lejn gżira żgħira.

Din t’hawn fuq hija xena minn video qasir meħud minn sieħbi Aidan f’nofs taħdita f’Settembru tal-2021 wara għawma ta’ tard waranofsinhar. Magħna kien hemm ukoll Clive, ħabib ieħor tal-qalb li kont għadni kif iltqajt miegħu għall-ewwel darba ftit sigħat qabel fil-karozza t’Aidan fi triqitna lejn Wied iż-Żurrieq. Dik il-ħabta kont Malta għall-ewwel darba minn mindu kont erġajt irħejtilha lura lejn l-Olanda f’Mejju tas-sena ta’ qabel meta kienet għadha kif faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Wara li ġibed dal-video Aidan u qabel ma bdejna mixjin lura lejn il-karozza, qbadt il-mobile minn ġol-basket u ġbidt żewġ ritratti lil Filfla.

Gżira.

Ma nafx meta kien li żviluppajt faxxinu mhux faċilment spjegabbli b’Filfla, jew meta kien li ndunajt li kull darba li nkun Malta dejjem nara kif nagħmel u mmur inżurha u noħdilha ritratt. Meta tellajt ir-ritratt tiegħi nħares lejn Filfla fuq Instagram, spontanjament tajtu l-caption: “Islanding”. Minnufih deherli li dan l-att, li nħares ’il barra lejn gżira waqt li ninsab fuq gżira oħra (u li ftit wara ntella’ evidenza fotografika tiegħi nagħmel dan online) jeżemplifika perfettament lill-gżira bħala verb. Din l-idea għadni s’issa nixtarrha minn żmien għal żmien: x’jiġifieri li tipprattika u tgħix il-gżira? X’inhi, jew x’tista’ tkun il-gżira bħala azzjoni jew sett ta’ azzjonijiet li maż-żmien isiru rutini u ritwali; il-gżira bħala xi ħaġa mgħixa? U xi jfisser li minn żmien għal żmien, bħala individwu minn gżira, issib ruħek tikkuntempla dan? Għalija żjara lil Filfla hija parti mis-sensiela ta’ ritwali personali li jikkaratterizzaw żjara “kompluta” lil Malta kull darba li niġi lura. Darba minnhom irrealizzajt li matul il-medda tas-snin kont ġemmajt fl-arkivju viżiv personali tiegħi numru konsiderevoli ta’ ritratti ta’ Filfla meħudin minni, kif ukoll ritratti tiegħi nħares lejn Filfla jew inwettaq xi azzjoni b’Filfla fl-isfond meħudin minn xi ħadd ieħor, u oħrajn li ħadt jiena ta’ ħaddieħor jagħmel l-istess. Essenzjalment l-istess ritratt, imma differenti. Forsi mistoqsija iktar importanti minn dik ta’ meta bdejt inwettaq dan ir-ritwal fotografiku, jew kemm kont ilni nipparteċipa fih inkonxjament, hija: għalfejn sar daqshekk neċessarju għalija?

Nissuspetta li parti kbira mir-raġuni għalfejn din tal-aħħar hija mistoqsija urġenti għalija u ta’ min nixtarrha sew, hi li malli sirt konxja tal-attrazzjoni kurjuża li kelli lejn din il-blata-gżira, innutajt li mhux jiena biss, imma ħafna oħrajn ukoll donnhom miġbudin lejn Filfla bl-istess mod, u wkoll għandhom l-istess tip ta’ ritratti fl-arkivju viżiv tagħhom. Kemm ilni konxja ta’ dil-ħaġa, innutajt ukoll li dejjem ikun hemm mumenti varji fis-sena fejn xi wħud itellgħu ritratt jew video qasir ta’ Filfla fuq il-midja soċjali, speċjalment (iżda mhux biss) oħrajn li bħali wkoll jgħixu barra u jinżlu Malta kull ftit xhur. Din l-attività li għall-ewwel tidher waħda każwali u individwali, kompletament suġġettiva u mhux partikolarment sinifikanti, hija fil-fatt prattika kollettiva li tesprimi ħafna mingħajr il-bżonn li tiġi spjegata. Bħallikieku dan hu mod ta’ kif wieħed javża dwar il-wasla tiegħu fuq il-gżira u r-realizzazzjoni li hu, jew li reġa’ sab ruħu, parti minnha, li kull min hu midħla tal-istess esperjenza jifhem minnufih. Għaldaqstant, wara li domt naħsibha diversi xhur (jekk mhux snin), iddeċidejt li dan kien fenomenu li ta’ min nikkunsidrah bis-serjetà u nikteb dwaru.

Dan l-esej huwa attentat sabiex nartikola xi ħsibijiet dwar x’jistgħu jkunu s-sinifikati tar-ritwal fotografiku li jwassal għal din l-immaġni ta’ Filfla li hemm tiċċirkola mhux biss fl-arkivji viżivi personali kemm privati kif ukoll pubbliċi ta’ ħafna Maltin, iżda wkoll fl-immaġinarju u l-immaġinazzjoni kollettiva tagħna, li jrenduha immaġni oriġinarja u formattiva, u mhux waħda sempliċiment ikonika. B’dan irrid infisser illi ħafna mill-oġġetti u l-motivi li llum il-ġurnata nassoċjaw mal-identità Maltija laħqu stat ikoniku minħabba li kienu kkummerċjalizzati mit-turiżmu. Minkejja li Filfla kemm-il darba tidher f’materjal viżiv turistiku bħall-kartolini u hija parteċipi fil-prodott turistiku Malti għaliex wieħed jista’ jibbukkja mawra bid-dgħajsa lejha, l-immaġni ta’ din il-blata-gżira xorta waħda qisha qatt ma ġiet maqbuda kompletament mill-mekkaniżmi tal-marketing u bejgħ ta’ souvenirs. Inħoss illi r-rabta li għandna magħha, mhijiex fundamentalment medjata mill-kultura viżiva tat-turiżmu. Hawnhekk ta’ min niċċara wkoll li l-interess primarju tiegħi matul dil-kitba mhuwiex fil-blata li hi Filfla essaċċ — għalkemm dan it-traġitt ta’ ħsieb jibda minnha, u l-materjalità u l-istorja tagħha huma elementi neċessarji li se jfeġġu diversi drabi matul dan it-test — imma l-immaġni tagħha li hi riżultat ta’ azzjonijiet speċifiċi u li permezz taċ-ċirkolazzjoni tagħha, terġa’ twassal għar-ripetizzjoni tal-istess azzjonijiet li jerġgħu jirriżultaw fl-għamla tagħha.

Tinteressani ħafna wkoll il-kwistjoni ta’ x’inhi r-relazzjoni bejn l-immaġni, l-immaġinarju, u l-immaġinazzjoni, u x’inhuma l-modi ta’ kif dawn jissawru, jinfluwenzaw u jiffurmaw lil xulxin. Għaldaqstant, nixtieq niffoka fuq dawk il-mumenti li juru kif l-esperjenza personali hija parti minn dik kollettiva, fejn l-immaġinazzjoni hija parteċipi fir-realtà, fejn il-mitoloġija tiżvela ruħha bħala ħaġa fundamentalment materjali, politika, u soċjali, kif ukoll fejn il-passat jerġa’ jitfaċċa fil-preżent u possibbilment fil-futur ukoll. L-immaġni ta’ Filfla hija l-oġġett kurjuż li jiffaċilita din l-investigazzjoni għaliex fiha donnhom jinġabru u jikkonsolidaw il-kunċetti kollha li jissemmew hawn fuq. Però tajjeb li nżommu f’moħħna li l-immaġni mhijiex oġġett stabbli u l-ontoloġija tagħha hija elużiva. Dan mhux biss għaliex il-kreazzjoni kontinwa tagħha stess tiddependi fuq ċertu immaġinarju u immaġinazzjoni li writna u li aħna stess parteċipi fil-kreazzjoni u l-kontinwità tagħhom, iżda wkoll għaliex hija saff interpretattiv maħluq f’mument partikolari — espressjoni personali daqskemm hi dokument storiku. Hija wkoll ġest kontinġenti: l-id li taqbad il-kamera u tippożizzjonaha bil-mod mixtieq wara li l-ħarsa ssib lill-oġġett. Inseparabbli wkoll mill-possibbiltà tal-eżistenza tal-immaġni huma l-kamera u l-iskrin li fuqu timmaterjalizza l-istampa; huma stess oġġetti jew entitajiet li jimmedjaw ir-realtà b’mod partikolari skont l-affordanzi tagħhom, u li l-proċess tal-għamla tagħhom kif ukoll il-funzjonijiet li huma kapaċi jeżegwixxu huma riżultat ta’ sett ta’ valuri u proċessi speċifiċi.


L-immaġni ta’ “gżiraġni”

alkemm diġà elaborajt u inkludejt eżempju konkret ftit iktar ’il fuq, naħseb xorta tajjeb illi (nerġa’) niċċara xi ftit x’tip ta’ ritratt jew immaġni qed nirreferi għaliha. Il-konfigurazzjoni bażika tal-immaġni li qed niffoka fuqha hawnhekk hija kważi dejjem l-istess: bejn wieħed u ieħor lejn in-nofs tar-ritratt (in-nofs vertikali jew dak orizzontali, jew it-tnejn), tidher Filfla poġġuta komda fuq wiċċ l-ilma, ħafna drabi viċin tal-orizzont, kontra sfond ta’ sema u ilma li jokkupaw il-maġġoranza tal-ispazju fl-istampa. L-ikbar varjazzjonijiet huma t-temp, il-ħin tal-ġurnata u l-punt preċiż minn fejn ittieħed ir-ritratt, jekk il-fotografa ħallietx l-art ta’ bejnha u bejn il-baħar tidher fir-ritratt jew jekk qatgħathiex għalkollox u bdiet direttament mill-baħar, jekk hemmx nies jew annimali preżenti fl-istampa, u jekk min ħa r-ritratt kellux aptit jiffoka fuq Filfla jew jekk ippreferiex iħalliha iktar fl-isfond.

Issa li ċċarajt dal-punt, nixtieq nispeċifika x’tip ta’ immaġni m’iniex interessata fiha għall-finijiet ta’ dan it-test. M’iniex qed nikkunsidra ritratti ta’ definizzjoni għolja ħafna meħudin mill-qrib, mill-ajru, jew minn fuq dgħajsa, jew anki minn taħt il-baħar, mit-tip li jintużaw f’xi dokumentarju u li huma meħudin bl-għan li bħala (tele)spettatur navviċinaw u niskopru lil Filfla bħala oġġett xjentifiku u li ninterrogaw ix-xquq u d-dettalji u s-sigrieti kollha tagħha. L-immaġni li jiena interessata fiha hawn hija waħda fejn il-ħames kilometri ta’ distanza bejn l-ispettatur wieqaf fuq il-kosta Maltija u Filfla jiġu ttraversati biss bl-għajn u bil-lenti tal-kamera; kamera tar-ritratti jew kamera tal-mobile li hija tajba biżżejjed biex taqdi l-bżonnijiet fotografiċi tal-ħajja ta’ kuljum. Din id-distanza tiżgura li Filfla tiġi milħuqa u magħrufa biss sa ċertu punt. Minn banda r-ritratt huwa ċar biżżejjed sabiex jurina li qed inħarsu lejn ġebla kbira b’wiċċha ċatt u b’ħafna tiġrif madwarha. Mill-banda l-oħra, malli ż-zoom tal-kamera jilħaq il-limitu tiegħu jew it-temp jaħbat jitqalleb naqra, l-immaġni tibda tiċċajpar u tiżżelleġ: tibda tiddiżintegra quddiem wiċċna.

Iktar kemm wieħed jipprova jiffoka fuqha minn dan il-mument ’il quddiem, iktar Filfla ssir elużiva u tibda tesibixxi karatteristiċi ta’ miraġġ jew illużjoni. Il-limitu fuq id-definizzjoni tal-istampa impost minn dawk il-ħames kilometri joħloq kundizzjoni perfetta sabiex tinħoloq din l-immaġni ta’ gżiraġni fejn il-gżira hija entità kemm familjari kif ukoll misterjuża, kemm immaġni pjuttost astratta li tippresta ruħha għal interpretazzjonijiet personali u kollettivi varji, kif ukoll oġġett materjali li jikkonfrontana bil-karatteristiċi u bl-istorja speċifika tiegħu (li fl-aħħar mill-aħħar, kif se naraw iktar ’il quddiem, hija wkoll l-istorja tagħna). Il-fatt li Filfla hi inaċċessibbli u ħadd ma jista’ jirfes fuqha, apparti f’każijiet speċjali, jikkontribwixxi għal dan ukoll. Ħadd ma jista’ jagħmel lil Filfla tiegħu, jew jimponi fuqha xi aġenda politika u ekonomika (minkejja li l-mawriet bid-dgħajsa organizzati mill-Heritage Malta u oħrajn jaslu viċin), b’differenza għall-bqija tal-gżejjer Maltin fejn prattikament kull rokna hija proprjetà privata jew ġiet allokata għal xi proġett ta’ żvilupp. Essenzjalment, din hija “immaġni ta’ gżiraġni” li tikkontjeni biss l-elementi strettament neċessarji — is-sema, il-baħar, u l-blata inkwistjoni — sabiex inkunu nistgħu nikkontemplaw din il-“gżiraġnix’tista’ tfisser. Lanqas meta npoġġu lilna nfusna fir-ritratt ma nkunu qed nimponu ruħna fuqha, għaliex il-preżenza tagħha tibqa’ waħda intriganti u awtosuffiċjenti tant li tiġbed lil għajnejna, tistieden lil ħsibijietna jistrieħu fuqha, u tqanqal l-immaġinazzjoni tagħna.

Serp li bela’ iljunfant.

Pereżempju, jiena minħabba l-forma tagħha lil Filfla ta’ spiss inqabbilha ma’ dik it-tpinġija famuża ta’ kappell f’Le Petit Prince ta’ Antoine de Saint-Exupéry li fil-verità mhi kappell xejn, imma, kif jgħidilna l-awtur, stampa ta’ serp boa constrictor li qed jiddiġerixxi ljunfant li għadu kif bela’ sħiħ. Nibda niftakar fil-lezzjonijiet tal-Franċiż ta’ żmien is-Sixth Form, u kemm ilni ma nipprattika l-lingwa jew kemm imissni nerġa’ naqbadha xi darba… U meta d-dawl tax-xemx imiss lil Filfla minn wara u nkunu nistgħu naraw biss is-silwett tagħha, tgħidli xejn imma l-immaġinazzjoni tibda taħdem ġmielha u kif qal Aidan darba minnhom aħna u nieħdu kafè max-xatt ta’ Birżebbuġa u ġie d-diskors, Filfla tieħu wkoll xeħta tas-saratan, il-mostru leġġendarju li Jorge Luis Borges jikteb dwaru, u jsejjaħlu “zaratan”, fl-aħħar passaġġ tal-ktieb tiegħu El Libro de Los Seres Imaginarios.

Gżira tidher minn bejn ġebel kbir mgħotti b’tinda.


Storja, mitoloġija, kolonjaliżmu

Kif jgħidilna Borges, is-saratan ilu jitfaċċa f’diversi leġġendi, stejjer, u bestjarji mill-inqas mis-seklu disgħa. L-ewwel ma tfaċċa kien fl-ewwel vjaġġ ta’ Sinbad, imbagħad fil-leġġenda Irlandiża ta’ San Brendan, kif ukoll f’bestjarji Griegi u Musulmani minn ta’ żmien l-antikità. Allura x’qed iżommu milli jitfaċċa xi darba lejn dawn in-naħat ukoll? Is-saratan huwa fekruna kbira tal-baħar li jqarraq bil-baħrin għax għall-ewwel iħallihom jaħsbu li waslu fuq l-art qawwijin u sħaħ, imbagħad f’daqqa waħda jibdew iħossu l-art tiċċaqlaq, tikkrolla u tisparixxi minn taħt saqajhom, hekk kif il-gżira-mostru tibda tlesti ruħha biex togħdos taħt l-ilma.

Gżira qisha fekruna kbira.

Minn daqshekk, il-gżejjer u l-mostri għandhom ħafna inkomuni. Kemm il-gżejjer — speċjalment dawk mitoloġiċi li jissemmew fi stejjer antiki — kif ukoll il-mostri, huma kreaturi nomadi li jivvjaġġaw f’ċikli ripetittivi, u minn żmien għall-ieħor ifeġġu f’postijiet differenti; fuq xi mappa, jew fl-istejjer li nirrakkuntaw lil xulxin u li nistudjaw l-iskola, u f’dawk in-narrattivi qodma li jgħidulna minn fejn ġejna u ’l fejn hemm ċans li sejrin. Allura tagħmel ħafna sens illi hawn qed nitkellmu dwar gżira-mostru jew mostru-gżira jew gżira mostruża jew mostru gżiruż. In-narrattivi tal-istorja tal-mostri u tal-gżejjer għandhom ħafna inkomuni wkoll. Illum il-ġurnata nafu illi l-maġġorparti tagħhom inkitbu minn irġiel anzjużi: irġiel tax-xjenza u l-akkademja, minn tal-kleru, jew baħrin.

Kif kitbet il-filosfa femminista Rosi Braidotti fis-snin disgħin, billi pproġettaw l-insigurtà tagħhom fuq dak kollu li mhuwiex bħalhom jew familjari għalihom, dawn l-irġiel anzjużi qabblu gradi ta’ differenza (alterità) ma’ gradi ta’ mostrożità. Bl-istess mod kif fl-immaġinazzjoni letterarja tal-Punent — li direttament jew indirettament hija influwenzata ħafna mill-kolonjaliżmu u l-immaġinarju tiegħu — il-mostrożità hija spazju ta’ alterità u l-mostru huwa dak li jsir l-Ieħor, hekk ukoll fl-Istorja nsibu ħafna eżempji ta’ kif kemm il-letteratura kif ukoll il-mentalità Imperjali ttrattaw il-gżejjer bħala spazji jew ostili jew li, anki jekk ta’ spiss romantiċizzati, jafu jqarrqu bik u mhumiex ta’ min jafdahom.

Fl-esej tiegħu Splużjonijiet #1 li ġie ppubblikat f’dal-ġurnal fl-2024, l-artist-riċerkatur Jimmy Grima jippreżenta studju storiku sħiħ li jikkonferma l-ansjetà kolonjali u imperjali Ingliża bbażata fuq l-eżerċizzji militari fuq Filfla li saru regolarment bejn is-snin ħamsin u sittin tas-seklu għoxrin. Kif jikteb Jimmy ukoll, fl-immaġinazzjoni tal-Ingliżi, Filfla kienet vapur tal-għadu jiċċirkola fl-ilmijiet territorjali tagħhom, li kellu jiġi bbumbardjat u mgħerreq. F’għajnejn l-Imperu, l-ibħra kollha huma ilmijiet infestati mill-mostri u l-għedewwa u dak kollu li jhedded il-qawwa Imperjali. L-immaġinazzjoni kolonjali Ingliża hija minn tal-istess pezza ta’ dik tal-baħri li hekk kif b’seba’ għajnejn kien għassa għal kull sinjal ta’ moviment fl-ilma, stħajjel li lemaħ il-Kraken jew xi sirena qarrieqa: immaġinazzjoni li għadha influwenzata mil-leġġendi dwar il-mostri tal-baħar u l-biża’ li se jitilfu l-art minn taħt saqajhom. Dak kollu li mhuwiex magħna jew bħalna huwa Ieħor, u kulħadd jaf l-Imperu kif jaħsibha fuq l-alterità…

Għaldaqstant, ma naħsibx li qed nesaġera meta ngħid li Filfla verament kienet qisha s-saratan tal-Ingliżi. Jimmy jgħidilna wkoll li wisq probabbli l-attività militari tal-Ingliżi biddlet il-forma ta’ Filfla b’mod iktar fundamentali minn millennji ta’ attività elementali — possibbilment anki iktar mit-terremot tal-1856 li għerreq biċċa mill-gżira — u ironikament wasslitha għall-forma kurjuża tagħha li tant inħobbu u tispirana llum il-ġurnata. L-ibbumbardjar x’aktarx għamel iktar ħsara mill-maltempata Harry li ħabtet fuq il-gżejjer Maltin fil-bidu ta’ din is-sena. L-immaġinazzjoni Kolonjali hija vjolenti u ħarsitha — estensjoni ta’ din l-immaġinazzjoni — hija pussessiva. Fuq dak kollu li jaqa’ taħt għajnejha ma tipproġettax biss ħsibijietha, imma wkoll il-ħakma u l-qawwa militari tagħha: ħarsitha tħuf, tfittex, tidentifika, timmira, tispara, tolqot u tkisser mingħajr ma hi tintmess jew b’xi mod tintlaqat lura…


Ħarsa / ħarsa vertikali / ħarsa orizzontali

Issa li s-suġġett dar fuq il-ħars, ta’ min neżaminaw ftit in-natura ta’ dan il-ġest fil-kuntest inkwistjoni; ġest li mingħajru ma jista’ jeżisti l-ebda tip ta’ immaġni. Kull darba li nħarsu lejn Filfla nilmħu l-gżiraġni kemm fl-iktar kompożizzjoni bażika, elementali, u kważi astratta tagħha bħala gżira solitarja u diżabitata (min-nies), kif ukoll f’forma familjari u affettiva ħafna: dik ta’ Filfla. F’dan il-mument forsi nesperjenzaw bl-iktar mod intens, personali, iżda li xorta waħda nistgħu nirrelataw miegħu, x’jiġifieri li tkun minn gżira u tgħix fuq gżira daqstant żgħira — gżiritna speċifikament — li magħha għandna sa ċertu punt rabta libidinali.

F’Séminaire XI: Les quatre concepts fondamentaux de la psychanalyse (1964), Jacques Lacan jidħol fid-dettall fil-kunċett tal-ħarsa (“le regard”). Skont Lacan, il-ħarsa mhijiex att li jwettaq min qed iħares u għaldaqstant mhix sempliċiment funzjoni anatomika tal-għajn li toriġina minn punt A (is-suġġett, min qed iħares) u tasal sa punt B (l-oġġett, dak li qed inħarsu lejh). Anzi, għal Lacan il-ħarsa mhux biss ma tibdiex mis-suġġett, imma pjuttost tappartjeni lill-oġġett. Dan għaliex kull min jeżerċita ħarstu malajr jinduna li hu wkoll suġġett għall-ħars ta’ ħaddieħor — tal-Ieħor — u li waqt li qed iħares, hu wkoll qiegħed jiġi pperċepit u osservat fil-qasam ta’ dak kollu li hu viżibbli. Anzi, il-ħarsa hija preċiżament il-mument fejn wieħed jirrealizza li hu viżibbli għal dak kollu li qiegħed jara. B’hekk, ħarsitna hija estensjoni tas-suġġettività tagħna, suġġettività mxennqa u għatxana, suġġettività vulnerabbli li issa ssib ruħha tesperjenza lilha nfisha u tiġi esperjenzata mid-dinja ta’ madwarha fuq barra tal-ġisem.

B’hekk, id-distinzjoni stretta u l-ġerarkija storika li l-ħsieb tal-Ewropa tal-Punent stabbilixxa bejn is-suġġett u l-oġġett, bejn l-osservatur u dak li qed jiġi osservat — u li għalhekk ma jistax josserva lura — jibdew jiġġarrfu. S’issa ssemmew is-suġġett u l-ħarsa, iżda Lacan jibbaża l-iskema tiegħu fuq tliet elementi: is-suġġett, il-ħarsa, u l-immaġni (jew l-iskrin). L-immaġni hija dak li jifdal wara n-negozjar tas-suġġett mal-ħarsa. Skont Lacan, mhux iżjed “jien qiegħda hawn inħares lejn Filfla u niġbdilha ritratt” iżda “jien diġà ninsab f’dak li qed nara u b’hekk ninsab fl-immaġni wkoll. Lacan isemmi wkoll l-objet petit a, bħala dik il-ħaġa li toriġina minna, mix-xenqa tagħna għal dak li qed inħarsu lejh — lejn Filfla. Iżda permezz tal-ħarsa, din ix-xenqa wkoll issib ruħha fuq barra tas-suġġett mnejn oriġinat, hi stess viżibbli u esposta għad-dinja ta’ madwarha. Allura, dak li jirriżulta fl-immaġni huwa wkoll is-suġġettività mxennqa tagħna stess, li f’daqqa waħda, aħna u nikkontemplaw dak li aħna mixtiqin minnu, sabet ruħha fuq barra ta’ ġisimna soġġetta għall-ħarsa tal-Ieħor, minflok miġbura fl-ispazju interjuri tal-ġisem. Waqt li nkunu qed nagħmlu dan, hija Filfla li ssib ruħha bħala l-punt ta’ riferiment għall-mistoqsija: X’jifdal minni f’ħarset l-Ieħor? Għalhekk forsi l-immaġni ta’ Filfla tolqotna b’mod daqshekk profond.

Il-ħarsa ’l barra lejn Filfla hija xi ftit bħall-ħarsa ’l isfel lejn il-gżejjer Maltin minn fuq l-ajruplan hekk kif fi triqitna lura lejn Malta wara xi safra, il-pilota jħabbar li se nibdew l-inżul tagħna lejn l-ajruport. Dan għaliex f’dan il-mument ukoll ta’ spiss insibu ruħna nikkontemplaw il-kundizzjoni ta’ “gżiraġni” tagħna. Avolja dal-mument għextu ħafna drabi u naf sew Malta kemm hi żgħira, xorta waħda dejjem inħossni xi ftit sorpriża dwar il-fatt li hija daqshekk żgħira, u mhux ta’ b’xejn li ta’ spiss inħobbu nirreferu għaliha b’affezzjoni bħala “l-blata. Però din il-ħarsa vertikali, minkejja li wkoll tqanqal fina ċertu għarfien ta’ x’jiġifieri li s-suġġettività tagħna hija daqstant iffurmata mill-gżira u mill-gżiraġni tagħna, hija differenti ħafna fin-natura tagħha minn dik orizzontali diretta lejn Filfla.

Minn ġol-kontenitur issiġillat bil-klima kkontrollata li hu l-ajruplan, maqtugħ minn kull kuntest tal-ħajja ta’ kuljum, wieħed ikollu ħafna ħin iħares lejn Malta minn fuq għal isfel, u minn barra ’l ġewwa. Din il-ħarsa vertikali sospiża fl-atmosfera ġġorr fiha għarfien inkonxju tal-fatt illi kien hemm mument fejn l-individwu li qiegħed jeżerċita l-ħarsa, iddeċieda li jitlaq minn Malta għal xi żmien, għal xi raġuni jew oħra. Biex għamel dan, l-individwu kien involut fi proċess ta’ diversi stadji li wassluh biex joħroġ lilu nnifsu minn ġol-gżira u joħloq ammont ta’ distanza bejnu u bejnha: ħaseb fil-vjaġġ li xtaq jagħmel, xtara biljett tal-ajru, ippakkja l-bagalja, mar l-ajruport, għadda mill-kontroll tas-sigurtà, tela’ fuq l-ajruplan, u sa fl-aħħar wasal in-naħa l-oħra, ġo pajjiż barrani. Fil-każ tiegħi, tlaqt iktar minn disa’ snin ilu biex immur nistudja u ngħix barra. Darba jew darbtejn fis-sena niġi lura biex inżur lil tal-familja u ’l-ħbieb (u lil Filfla). Forsi ħaddieħor ġej lura minn btala, jew kien imsiefer fuq xogħol, jew mar iżur lil xi maħbub/a. Ma jimpurtax x’kienet ir-raġuni għalfejn wieħed telaq, jew kemm dam biex ġie lura u kemm se jdum hawn. Li jgħodd hu li l-individwu li issa qed iħares ’l isfel minn wara t-tieqa tal-ajruplan m’għadux eżatt l-istess persuna li kien qabel il-mument tat-tluq.

Il-ħarsa vertikali eżerċitata waqt dan ir-ritorn mill-ajru — kemm jekk l-individwu hu konxju tal-ħaġa u kemm jekk le, u kemm jekk irid u kemm jekk le — hija waħda influwenzata mill-inkontru mal-Ieħor: il-pajjiż l-ieħor, it-temp u n-nies u l-istil tal-ħajja t’hemmhekk. Għaldaqstant hija ħarsa li tkejjel u li tikkumpara: hu u nieżel bl-ajruplan, l-individwu jagħti rendikont u jgħaddi ġudizzju: “Kemm kien hemm iktar ħdura u siġar hemmhekk!” jew “Kemm issib x’tixtri iktar u bi prezzijiet aħjar minn ta’ Malta!” jew “Kemm ma kellix aptit niġi lura għalissa!” jew “Lejn l-aħħar kelli seba’ mitt sena biex niġi lura d-dar!” jew “Ħadt pjaċir, imma lanqas nimmaġinani mmur ngħix hemm, jew “It-temp tagħna ħafna aħjar minn tagħhom, eċċetra eċċetra. Issa, hekk kif l-ajruplan beda l-inżul tiegħu, dik il-fetħa ta’ bejn l-individwu u l-gżira qiegħda terġa’ tingħalaq ġmielha.

Min-naħa l-oħra, meta wieħed isib ruħu jħares lejn Filfla minn fuq il-kosta Maltija, it-traġitt viżiv huwa wieħed orizzontali, kemm kemm sospiż fuq l-art u l-baħar, u ma jirrikjedi la tluq u lanqas ritorn lejn Malta. Huwa permezz ta’ din il-ħarsa orizzontali li ntawlu lejn Filfla, li nixtarru x-xewqat u l-ansjetajiet kemm individwali kif ukoll kollettivi tagħna mingħajr qatt m’għandna għalfejn nisseparaw ruħna mil-lokal minn fejn dawn oriġinaw: “Nara lili nnifsi nara lili nnifsi, jgħid Lacan. Din hija pożizzjoni pjuttost partikolari u speċjali li wieħed jokkupa: li jkun fuq barra fl-istess ħin li jibqa’ fuq ġewwa, li jitlaq u jirritorna (mentalment) mingħajr ma jitlaq u jirritorna (fiżikament). Hemm ċans kbir illi li nħarsu ’l barra lejn Filfla huwa l-unika mod kif nistgħu nirriflettu dwarna nfusna u s-suġġettività tagħna bħala “islanders” — is-suġġettività gżiruża tagħna li donnu qatt ma ħassejna l-bżonn li nsibu kelma bil-Malti għaliha — bl-istess ammont ta’ perspettiva li ġeneralment toffrilna d-distanza mill-gżira, imma mingħajr ma attwalment għandna għalfejn nippożizzjonaw ruħna fuq il-barra ta’ dak li qed nirriflettu dwaru.

Rigward dan il-punt, huwa affaxxinanti ħafna wkoll il-fatt li Filfla mhux minn dejjem kienet entità separata minn Malta. Miljuni ta’ snin ilu, ħafna qabel ma nbnew it-tempji tal-Imnajdra u Ħaġar Qim, Filfla kienet parti mill-kosta Maltija u nqatgħet minnha waqt avveniment katakliżmiku ta’ skala massiva li matulu fforma l-Fault tal-Magħlaq bejn seba’ u ħames miljun sena ilu. F’dan is-sens, Filfla wkoll tħares ’il ġewwa lejna minn hemm barra — għalkemm jekk hux b’xenqa jew le ma nafx — bħala entità li llum il-ġurnata ssib ruħha hemm, imma li oriġinarjament hija minn hawn, min-naħa tagħna, minn ta’ ġewwa.

Minflok ħarsa ta’ ġudizzju, verdett li jasal s’hawn isfel direttament minn hemm fuq, meta nħarsu lejn Filfla neżerċitaw ħarsa awtoriflessiva u forsi minħabba f’hekk xi ftit iktar ħanina wkoll. Hawnhekk nixtieq niddevja kemm kemm biex inżid ngħid illi ħarsa tista’ tkun vertikali fin-natura tagħha, u mhux biss fid-direzzjoni tagħha. Il-vertikali hawnhekk jinkorpora fih is-sens falz li tista’ teżisti xi oġġettività assoluta, kif ukoll il-ġerarkija storika bejn suġġett u oġġett li ssemmiet iktar ’il fuq. U hekk, b’saqajna ankrati sew mal-art, nibdew nivvjaġġaw l-ewwel b’għajnejna, imbagħad bi ħsibijietna li jsegwu ftit wara, u sa fl-aħħar b’idejna, meta kważi mingħajr ma naqilgħu ħarsitna minn fuq Filfla, subgħajna jiddeċiedu li jiġġebbdu lejn il-mobile u jieħdu dak ir-ritratt. Iżda għalkemm dan huwa ritwal ta’ ħsieb u azzjoni li nwettqu b’ġisimna u bir-rieda tagħna, huwa wkoll imqanqal minn xi ħaġa oħra… minn Filfla stess jew mill-baħar u l-pajsaġġ ta’ madwarha, jew minn xi ħaġa oħra li nesperjenzaw iżda ma nifhmux sewwa. Nistgħu ngħidu li dan huwa parti mis-seħer tal-arċipelagu?

Nixtieq nenfasizza l-possibbiltà li Filfla wkoll għandha xi tip ta’ aġenzija f’dan il-proċess, li b’xi mod hija wkoll parteċipi fil-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni tal-immaġni tagħha stess u mhijiex biss entità siekta li teżisti u tistenna biss u ma tgħid xejn. Fl-esej tiegħu Jimmy jirreferi għall-intervista ta’ TVM mal-perit Richard England fid-dokumentarju dwar Filfla. Hawnhekk, England isemmi dik id-darba li qatta’ lejl fuq Filfla u ħass il-gżira tkellmu: kif jikteb Jimmy, “ħass li kien hemm relazzjoni bejniethom. Iktar ma naħseb dwarha, iktar nemmen li England ma kienx qed ikun drammatiku jew poetiku żżejjed. Nemmen verament li dawn il-pajsaġġi għandhom qawwa evokattiva, forma ta’ aġenzija elementali li kapaċi tqanqalna u kważi litteralment tkellimna, jekk biss nippermettu lilna nfusna nisimgħuhom. Biss biss, il-mod ta’ kif inhuma mibnija t-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, bl-altari f’xi wħud mit-tempji donnhom diretti lejn Filfla jew b’xi mod jinkwadrawha, jissuġġerixxi li dawk li ġew ħafna qabilna wkoll hemm ċans li esperjenzaw xi ħaġa simili, tant li inkludew lil Filfla fid-disinji arkitettoniċi tagħhom, u b’hekk ukoll fir-ritwali u fil-ħajja soċjali jew spiritwali tagħhom. Ġebel qadim iddedikat lil ġebla ħafna eqdem minnu: it-tempji bħala l-ewwel ritratt ta’ Filfla?


L-immaġni bħala lok ta’ memorja

Fl-esej ta’ Jimmy hemm ukoll passaġġ partikolari li laqatni ħafna, dwar kif lil Filfla nistgħu nikkunsidrawha bħala lok ta’ memorja. Dan jgħid:

Pierre Nora stabbilixxa l-idea ta’ “lieu de mémoire”, post li jservi bħala memorja kollettiva għal grupp jew komunità ta’ nies. Filfla, fl-opinjoni tiegħi, hija wieħed mill-postijiet fejn isir dan il-proċess ta’ formazzjoni ta’ memorja. Dan ifisser li Filfla mhijiex biss spazju storiku, iżda wkoll post fejn il-komunità Maltija tista’ tieħu ħsieb l-identità tagħha u tippreserva l-istorja tagħha. Nora juri kif lokalità, bħal Filfla, tista’ hi stess tikkompeti mal-ħafna narrattivi dwarha u mal-istorja nazzjonali, u b’dal-mod tkun il-post fejn l-identità u l-memorja jiġu ssalvagwardjati u integrati b’mod konsolidat.

Il-memorja ta’ Filfla hija waħda twila ħafna żgur. Din il-blata ilha hemm tosservana u tiġi osservata minn qabel ma bdiet tinkiteb l-istorja. L-istorja tagħha hija waħda twila wkoll, ikkaratterizzata minn sensiela ta’ terremoti (kemm naturali kif ukoll le), leġġendi varji, bħal dik tal-Maqluba li tgħid li Filfla ġiet iffurmata meta l-anġli t’Alla qerdu raħal diżubbidjenti billi waddbuh fil-baħar, kif ukoll doża ta’ spekulazzjoni, inkluż dwar minn fejn oriġina isimha. Però hawnhekk nixtieq nipproponi wkoll l-immaġni u l-għamla tagħha, u mhux biss il-lokalità, bħala lok ta’ memorja. Hekk kif kitbet Marita Sturken, kittieba magħrufa fil-qasam tal-kultura viżiva u l-memorja kulturali, fil-ktieb tagħha Tangled Memories: The Vietnam War, The Aids Epidemic, and The Politics of Remembering: “M’hemm l-ebda oġġett li hu sinonimu mal-memorja iktar mill-immaġni magħmula mill-kamera, speċjalment ir-ritratt. Il-memorja qisha tgħix ġol-immaġni fotografika, biex tirrakkonta l-istorja tagħha fi tweġiba għall-ħarsa tagħna. Imbagħad tissokta tgħid ħaġa oħra vera interessanti: “L-immaġni tal-kamera hija teknoloġija tal-memorja, mekkaniżmu li permezz tiegħu wieħed jista’ jibni l-passat u jpoġġih fil-preżent. L-immaġni kapaċi kemm tikkrea kif ukoll tinterferixxi u tħawwad il-memorji li nħaddnu kemm bħala individwi kif ukoll bħala nazzjon. […] tippossiedi wkoll il-kapaċità li taqbad dak li ma jistax jintlaħaq.

Din il-biċċa tal-aħħar jidhirli li tissuġġerixxi li r-ritwal li jipprattikaw ħafna minna tat-teħid tar-ritratti ta’ Filfla, huwa fih innifsu mekkaniżmu indispensabbli fit-tiswir tal-memorja (kemm bħala memorji personali kif ukoll memorja kollettiva). Skont Sturken, jekk qed nifhimha sew, mhuwiex il-każ li Filfla hija ripożitorju jew kontenitur mimli bil-memorja/i minn qabel, li qed tistenna lil xi individwu jew grupp ta’ individwi jinteraġixxu magħha biex jattivawha bħala lok ta’ memorja. Sturken tifhem il-formazzjoni tal-memorja bħala proċess imġissem, kontinwu u relazzjonali li fi żmienna inevitabbilment jinkludi l-immaġni fotografika — speċjalment iċ-ċirkolazzjoni tagħha — bħala parti minnu; immaġni li, kif tikteb hi stess, tibda preċiżament minn… ħarsa. Dan ifisser li permezz tal-għamla tal-immaġni, aħna u ħarsitna u Filfla u s-sit li jgħaqqadna magħha jiffurmaw dak li Nora jirreferi għalih bħala “milieu de memoire” (l-enfasi hija tiegħi): ambjent ħaj fejn it-tiswir tal-memorja huwa sempliċiment parti mill-ħajja ta’ kuljum, esperjenza mgħixa bħala proċessi spontanji u kontinwi (bħat-teħid tar-ritratti), u mhux lok, formazzjoni, jew kostruzzjoni oħra maħluqa speċifikament għall-ippreservar tal-memorja (bħal pereżempju monument, qabar, arkivju, jew festa pubblika li tfakkar avveniment storiku partikolari). Fi kliem ieħor, jekk nieqfu nħarsu lejha u nimmaġinawha (kemm fis-sens tas-soltu kif ukoll fis-sens ta’ “nikkreaw l-immaġni tagħha”), Filfla naturalment xorta żżomm il-memorja materjali u s-sinifikat storiku tagħha, imma tieqaf tkun ħaġa li tipparteċipa fil-milieu — fl-għamla — tal-memorja.

Però l-immaġni tibqa’ tipparteċipa fil-ħolqien ta’ ambjent (milieu) ta’ memorja wkoll f’każ li l-oġġett oriġinali, għal xi raġuni jew oħra, ma jibqax jeżisti (allaħares qatt) ħlief fir-ritratt. Dan għaliex l-ewwel nett l-immaġni stess hija memorja, u t-tieni għaliex l-għamla tal-memorja ma tiddependix biss fuq l-għamla tal-immaġni, imma wkoll fuq ir-riproduzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tagħha — fuq proċess imġissem, ħaj, u kontinwu li jisboq lill-oġġett u s-sit fejn (kien) jinsab. Każ ċar ta’ dan fl-Istorja riċenti Maltija kien meta waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra fit-8 ta’ Marzu 2017. Għal ħafna minna, it-Tieqa kienet lok ta’ memorja b’mod pjuttost simili għal Filfla. Mhux biss għax it-Tieqa wkoll hija punt ta’ riferiment prominenti fil-pajsaġġ ta’ gżiritna — blata kbira b’forma vera speċifika u ta’ kwalità kważi mitoloġika f’parti pittoreska tal-kosta — imma wkoll għax diffiċli timmaġina ġurnata Għawdex mingħajr żjara lit-Tieqa tad-Dwejra, anki jekk diġà mort mitt darba. Meta waqgħet, minnufih sibt ruħi nqalleb fl-arkivji personali u nfittex mumenti diversi matul is-snin fejn kont id-Dwejra u ħadtilha ritratt jew ħadt ritratt magħha, jew ħaduli/ħadulna ritratt magħha. Dawn il-mumenti kienu mifruxin fuq medda ta’ kważi ħmistax-il sena. L-ewwel wieħed li stajt insib kien ritratt ta’ ritratt ta’ meta kont Għawdex ma’ tal-familja xi darba meta kelli forsi xi seba’ jew tmien snin, u missieri ħadli ritratt bilwieqfa fuq it-Tieqa mill-bogħod. Bilkemm nidher, qisni tikka.

Fiż-żmien li waqgħet, ftit iktar minn sitt xhur wara li tlaqt minn Malta biex mort ngħix barra għall-ewwel darba, kont qed nistudja Manchester. Irċevejt l-aħbar bl-istess mod li kont insir naf dwar kollox dik il-ħabta: permezz ta’ Facebook. Dak li kont qed noħroġ miegħu dak iż-żmien inzerta kien ħdejja wara l-kompjuter dak il-ħin, u osserva ħaġa vera interessanti hekk kif kulħadd — anki l-prim ministru u l-kap tal-oppożizzjoni — beda jtella’ l-istatus updates jesprimu d-diqa u d-dispjaċir ta’ din it-telfa: Għalfejn kulħadd beda f’daqqa waħda jibdel ir-ritratt tal-profil għal wieħed tagħhom mat-Tieqa? Din l-osservazzjoni laqtitni ħafna u ma kellix spjegazzjoni plawżibbli għaliha f’dak il-mument, apparti li forsi aħna l-Maltin ma tantx aħna poplu oriġinali u malajr nittieħdu minn xulxin. Però forsi issa nista’ nasal ngħid illi konna għaddejjin minn proċess kollettiv ta’ formazzjoni tal-memorja permezz taċ-ċirkolazzjoni ta’ immaġni li lkoll għandna fl-arkivji tagħna.


Il-Filfla ta’ Glissant

Jiena u nikteb dan it-test vera ħadt pjaċir niskopri li fil-ktieb tiegħu Poétique de la Relation, li jien qrajtu bl-Ingliż, il-ħassieb dekolonjali Édouard Glissant jiddedika l-kapitlu “La plage noire” (il-bajja s-sewda) lil blata-gżira li nistgħu nirreferu għaliha bħala l-Filfla tal-Martinique, jew forsi wkoll, il-Filfla ta’ Glissant. Dan is-sottokapitlu, l-aħħar wieħed taħt it-tema “Chemins” (passaġġi), huwa ispirat mir-Rocher du Diamant, il-blata ta’ Diamant, gżira li ngħatat isimha minħabba li l-forma ppuntata tagħha u l-mod ta’ kif jaħbat fuqha d-dawl tax-xemx f’ċertu ħin tal-ġurnata, jagħtuha xeħta ta’ ħaġra prezzjuża. Il-blata ta’ Diamant tinsab madwar tliet kilometri ’l barra mill-kosta minn Pointe Diamant, u — bilkemm ridt nemmen jiena u nfittex fuq l-internet — bħal Filfla, madwar ħames kilometri ’l barra mill-parti tal-kosta fejn tinsab id-dar ta’ Glissant. Bħal Filfla wkoll, din il-blata llum il-ġurnata sservi bħala riżerva naturali fejn ibejtu speċijiet varji ta’ għasafar, u l-istorja tagħha wkoll hija mħabbla ma’ dik tal-kolonjaliżmu Ingliż: bejn Frar tal-1805 u Ġunju tal-1806, minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħha, l-Ingliżi immaġinawha vapur u għamluha “stone frigate”, l-HMS Black Diamond, waqt il-gwerer Napoleoniċi kontra l-Franċiżi.

Gżira f’nofs ta’ baħar.

Wara li qatta’ s-snin jgħix, jgħallem, u jikteb bejn New York u Pariġi, Glissant ġietu l-opportunità li jixtri dar viċin ħafna tal-belt ta’ Diamant, f’art twelidu fil-Martinique, dar ħdejn il-baħar b’veduta tal-Blata. Glissant mar lura Martinique fl-1965, u minn ġo daru qatta’ ħafna ħin iħares ’il barra, iħares u jikteb. Poétique de la Relation, wieħed mill-iktar xogħlijiet importanti fi ħdan it-teorija dekolonjali, ġie ppubblikat fl-1990. Il-veduta li kellu Glissant tal-blata ta’ Diamant, l-immaġni li kien jara ta’ kuljum minn fuq it-terrazzin tiegħu, hija simili ħafna għal dik li naraw aħna minn fuq l-irdum tal-kosta Maltija kull darba li nħarsu lejn Filfla. Din il-veduta mhux biss ispiratu matul snin twal ta’ kontemplazzjoni u kitba, imma għenitu jiżviluppa l-immaġinarju tal-blata ta’ Diamant, ibbażat fuq l-ispeċifità tal-karatteristiċi tagħha u bħala parti mill-arċipelagu tal-Karibew. Ħassejtni pjuttost eċitata meta rrealizzajt li hemm ċans kbir li kull darba li ħares lejn il-blata ta’ Diamant u mexa fuq il-bajja, Glissant esperjenza xi ħaġa simili ħafna ta’ dak li jħossu ħafna minna meta nżuru lil Filfla.

Glissant irnexxielu jartikola (mingħajr ma jeżawrixxi) bl-iktar mod elokwenti u poetiku possibbli, x’tip ta’ relazzjoni tista’ ġġorr dik il-ħarsa li iktar ’il fuq interpretajtha bl-għajnuna ta’ Lacan. Jiena u naqra l-kapitlu “La plage noire”, għalija kien ċar ħafna li Glissant ħalla lill-blata ta’ Diamant u l-bajja viċin tagħha tqanqlu u tkellmu lura, forsi bħalma ġralu Richard England matul il-lejl li qatta’ fuq Filfla. Matul dan il-passaġġ evokattiv, Glissant jiddeskrivi fid-dettall il-movimenti u t-tibdiliet fil-pajsaġġ li hu josserva matul l-istaġuni, bħall-ħsejjes u t-tibdil fid-direzzjonijiet tal-mewġ u l-irjieħ, il-kurrenti li jqallbu qiegħ il-baħar, u l-kuluri tar-ramel. Huwa jikteb: “Il-moviment tal-bajja, din ir-retorika ritmika tax-xatt, għalija ma jiġrux fil-vojt. Jinsġu ċirkolarità li tiġbidni lejha.” Permezz tal-ħsieb poetiku u filosofiku tiegħu, Glissant jamplifika leħen il-bajja u jiżviluppa kunċett ta’ Relazzjoni (f’sens iktar astratt u poetiku) ispirata minnha li tisboq kemm lilu kif ukoll lilha.

F’ħin minnhom f’dan il-passaġġ isemmi wkoll figura elużiva li darba minnhom dehret miexja t-tul tal-bajja u qatt ma lissnet kelma waħda: “Għamilt attentat sabiex nikkomunika ma’ dil-assenza. Irrispettajt is-silenzju ras iebsa tagħha, iżda (iffrustrat mill-inkapaċità tiegħi li nkun ‘mifhum’ jew aċċettat) xorta waħda ridt nistabbilixxi sistema ta’ relazzjoni ma’ dil-persuna miexja, li ma tkunx ibbażata fuq il-kliem.” Għal Glissant, kollox jibda mill-pajsaġġ: il-pajsaġġ fiżiku jsir pajsaġġ filosofiku, mentali u poetiku li jiftaħ għall-ħsieb dekolonjali. Dan ifisser li, għal Glissant, li nabbandunaw il-lingwa u nħallu l-pajsaġġ “ikellimna” minflok, huwa wkoll il-mod ta’ kif nistgħu “nirritornaw lejn is-sorsi tal-kulturi tagħna u l-mobbiltà tal-kontenut relazzjonali tagħhom” qabel ma dawn ġew maqbuda mill-proġett Kolonjali. Li nħallu l-pajsaġġ mnejn ġejna jqanqalna huwa mod ta’ kif nistgħu nerġgħu ningħaqdu mal-memorja, l-istorja, is-sens ta’ identità u l-esperjenza mgħixa u mġissma tagħna bħala poplu li kien suġġett u iktar tard wiret il-forom u l-lingwaġġi politiċi, ekonomiċi u soċjali li l-imperjaliżmu u l-kolonjaliżmu imponew fuqna.

Dwar dawn il-forom, Glissant jgħid li:

… kull waħda minnhom tinsab fi kriżi, hija noneżistenti, jew impossibbli: l-ebda waħda ma ispirat ruħha minn poter politiku li hu indipendenti; barra minn hekk, kollha huma prodotti ta’ diżordni strutturali li ntirtet mill-kolonjalizzazzjoni, mingħajr l-ebda aġġustament ta’ parità (bejn l-eks kolonja u l-eks art kolonizzanti) u li, iktar minn hekk, l-ebda ppjanar ta’ ordni ideoloġika ma jista’ qatt jirremedja.

Dawn ma kinux maħsubin minna jew għall-ġid tagħna, iżda xorta waħda għadna nipparteċipaw fihom u għadhom jikkaratterizzaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum sal-ġurnata tal-lum. Kemm l-istruttura soċjali lokali (l-infrastrutturi bażiċi, is-sistema politika, edukattiva u ġudizzjarja, l-Ingliż bħala lingwa uffiċjali, l-aġendi politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħna, eċċ.) kif ukoll il-mekkaniżmi tar-relazzjonijiet internazzjonali li pajjiżna jipparteċipa fihom (is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u protokolli diplomatiċi oħra, l-industrija tat-turiżmu, l-iskema tal-passaporti tad-deheb, l-industrija finanzjarja, eċċ.) huma bbażati fuq dawn il-forom eġemoniċi u l-legati tagħhom. Iżda min jaf kieku kellna nħallu forom, ritmi u lingwaġġi oħrajn jispirawna u jiggwidawna?


Immaġinazzjoni dekolonjali

Glissant isemmi wkoll id-diżordni u l-kaos, li hu jikkunsidra bħala forzi produttivi li jitfaċċaw hekk kif l-assunzjoni falza — li d-dinja u dak kollu ta’ ġo fiha jista’ jiġi kklassifikat, iddefinit, mifhum totalment, u ordnat skont loġika universali (il-filosofija tal-Punent) li toriġina minn ċentru singulari (l-Ewropa tal-Punent ta’ Fuq) — tibda tfalli u d-dinja tiżvela ruħha bħala irreduċibbli għal din il-perspettiva waħda. F’Poétique de la Relation Glissant jintroduċi wkoll il-kunċetti tat-“trasparenza” u l-“opaċità” li l-ktieb huwa tant magħruf għalihom. Hawnhekk, it-trasparenza hija l-aspettazzjoni tal-loġika tal-Punent li kollox u kulħadd għandu jkun viżibbli, leġġibbli u mifhum minnha u għaliha. Hija x-xewqa tal-kolonizzatur li jiddomina billi jxejjen akkost ta’ kollox dak li hu differenti minnu, dak li ma jifhimx, u dak li mhuwiex faċilment disponibbli għalih, f’kategoriji astratti u familjari għal-loġika tiegħu (ħafna drabi binarji riduttivi, bħal dik ta’ suġġett-oġġett, li ma jħallux lok għall-kumplessità u l-multipliċità). Il-kolonizzatur ipoġġi lilu nnifsu fil-pożizzjoni ta’ osservatur li ħarstu għandha l-poter li tippossiedi dak kollu li jaqa’ taħtha, hekk kif għamlu l-Ingliżi meta mmiraw u sparaw fuq Filfla. Min-naħa l-oħra, dak li hu opak huwa dak li hu differenti u Ieħor f’għajnejn l-Imperu, dak li jirrifjuta li jkun mifhum jew magħruf kompletament. L-opaċità hija d-dritt tal-individwi, il-popli, u l-kulturi rispettivi tagħhom li ma jiġux ridotti f’definizzjonijiet fqajrin u inferjuri li jaqblu mal-loġika pretenzjuża tal-kolonizzatur, u li jwasslu għad-dominazzjoni tagħhom bħala riżultat ta’ dan.

Filfla donnha tħaddan fiha din l-opaċità: l-opaċità kemm tagħha kif ukoll tagħna. Ilna nfittxuha b’għajnejna minn mindu l-antenati antiki tagħna rifsu fuq gżiritna għall-ewwel darba u saħħrithom tant li inkludewha fil-kosmoloġija tagħhom. Dejjem hemm sibnieha, tistrieħ fuq l-orizzont, veduta familjari; imma familjari biss sa ċertu punt. Hekk kif nippruvaw inqarrbu ħarsitna lejha iktar milli jmissna, speċjalment mekkanikament, Filfla tibda taġita ruħha u tiżgiċċalna. Nazzarda ngħid li kull darba li nħarsu lejn din il-gżira-blata elementali, oriġinarja u qadima iktar milli aħna kapaċi nimmaġinaw, niksbu sens vag imma ċertament preżenti, bħal xi memorja distanti jew ħolma li terġa’ tfeġġ minn żmien għal żmien, ta’ x’tista’ tkun eżistenza lliberata minn forom u ġerarkiji tiranniċi, speċjalment għaliex permezz tal-istat tagħha bħala riserva, Filfla tirreżisti t-tendenzi pussessivi u territorjali li l-kolonjaliżmu ħalla f’kull wieħed u waħda minna. Minkejja li forsi nixtiequ, ma nistgħux nirfsu fuqha u għalhekk il-mod ta’ kif Filfla tqanqal l-immaġinazzjoni tagħna ma jibqax wieħed ta’ xewqa ta’ pussess u sjieda, iżda jiġi diffuż f’wieħed ta’ Relazzjoni.

Dan minnufih jeħodni lura għal dak li qalet Sturken, li l-immaġni “tippossiedi wkoll il-kapaċità li taqbad dak li ma jistax jintlaħaq. Fi kliem ieħor, din l-immaġni ta’ gżiraġni b’xi mod tħaddan kemm ix-xenqa a la Lacan kif ukoll l-opaċità ta’ Glissant: Filfla (u aħna li ninsabu fl-immaġni magħha) tirrifjuta li tiżvela ruħha kompletament. F’dan il-każ (huwa biżżejjed li) Filfla tista’ tiġi biss immaġ(i)nata u tħalli fina sens ta’ stagħġib u kurżità li jibqgħu mhux kompletament spjegabbli iżda li jinħassu profondament, li jorbtu l-ħsibijiet l-iktar urġenti u inkonxji tagħna magħha u ma’ ta’ dawk kollha li ġew iħarsu qabilna, magħna u warajna, u li minn żmien għal żmien iwassluna sabiex nerġgħu nżuruha u noħdulha ritratt ieħor .

Lil Rosi Braidotti rigward il-mostri u l-gżejjer qrajtha f’“Signs of Wonder and Traces of Doubt: On Teratology and Embodied Differences” li deher f’Feminist Theory and the Body, pubblikazzjoni Routledge 1999, editjat minn Janet Price u Margrit Shildrick. Irreferejt għal Séminaire X: L’Angoisse, ta’ Jacques Lacan, kif ukoll Séminaire XI: Les quatre concepts fondamentaux de la psychanalyse, it-tnejn pubblikazzjoni Editions du Seuil, 2004 u 1973 rispettivament. Jien qrajt The Four Fundamental Concepts of Psychoanalysis ta’ Alan Sheridan (Hogarth 1977) u Anxiety ta’ A.R. Price (Polity 2014). Is-seminars kienu ngħataw fl-1962–63 u fl-1964. “Il-Kwiet u l-Lejl, l-ewwel parti tas-sensiela Splużjonijiet ta’ Jimmy Grima, dehret f’dan il-ġurnal f’April 2024. Tangled Memories: The Vietnam War, The Aids Epidemic, and The Politics of Remembering ta’ Marita Sturken, huwa pubblikazzjoni University of California Press 1997. El libro de los seres imaginarios ta’ Jorge Luis Borges (Editorial Kier 1967), li oriġinarjament kien jismu Manual de zoología fantástica (Fondo de Cultura Económica 1957), inkiteb flimkien ma’ Margarita Guerrero. Jien qrajt fit-traduzzjoni ta’ Andrew Hurley, The Book of Imaginary Beings (Penguin 2005). Poétique de la Relation ta’ Edouard Glissant huwa pubblikazzjoni Gallimard 1990. Jien qrajt Poetics of Relation, it-traduzzjoni ta’ Betsy Wing, The University of Michigan Press 1997, disponibbli minn Monoskop.

Ir-ritratt ta’ Diamant huwa copyright tal-utent tal-Wikimedia Commons A1Cafel u użat hawnhekk b’liċenzja Creative Commons Attribution-Share Alike 2.0 Generic.

Dekorazzjoni art-nouveau