Fl-2016 dħalna f’fażi ġdida, li tista’ tiġi definita bħala waħda ta’ gwerra ċivili globali: it-terrur kiseb il-vantaġġ fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja, u se jibqa’ hekk peress li l-potenzi tal-Punent donnhom ma jistgħux jifhmu li mhijiex kwistjoni ta’ forza militari meta l-ġlieda hija bejn iċ-ċiniżmu u d-disperazzjoni. Id-dominanza tal-Punent imbuttat lill-maġġoranza tan-nies tal-pjaneta f’kundizzjoni ta’ dsiprament totali, waqt li s-suq neoliberali fl-istess ħin ippermetta t-tixrid ċiniku ta’ armi ta’ kull tip. Numru kbir ta’ nies mill-aħħar ġenerazzjoni, partikolarment fid-dinja Iżlamika iżda mhux biss, qegħdin f’tant disperazzjoni li jippreferu jmutu milli jgħixu. Huwa għalhekk li ma jistgħux jitwaqqfu; huwa għalhekk li qed jirbħu. Fl-24 ta’ Awwissu 2017, is-CNN irrapporta dikjarazzjoni mill-KCNA, l-aġenzija tal-aħbarijiet immexxija mill-istat tal-Korea ta’ Fuq, li “L-Istati Uniti m’għandhomx jinsew li l-avversarju tagħhom huwa armat b’armi nukleari u missili ballistiċi” u għandhom “iqumu mill-mod antikwat ta’ ħsieb tagħhom li arthom hija sikura u li l-mewt hija affari ta’ ħaddieħor.” Il-qasma li qed tkisser lir-Renju Unit (dawk li jridu joħorgu mill-UE kontra dawk li jridu jibqgħu), l-Istati Uniti (il-liberali kontra s-suprematisti), Spanja (l-unjonisti kontra nofs il-popolazzjoni Katalana), u ħafna pajjiżi oħra tad-dinja mhijiex diviżjoni politika, jew oppożizzjoni li eventwalment tista’ tiġi ġestita f’kuntest demokratiku ta’ kunflitt ideoloġiku. Hija diviżjoni kulturali li qed tiddiżintegra s-sisien stess tas-soċjetà u qed twassal għal forom ta’ gwerra ċivili ftit jew wisq fatali. Dil-qasma li diffiċli tissewwa tista’ titqies bħala oppożizzjoni bejn dawk li kulturalment mhumiex kapaċi jaċċettaw il-proċessi tal-globalizzazzjoni u l-minoranzi urbani li huma kulturalment ippreparati biex jagħmlu dan. Din mhijiex essenzjalment diviżjoni ekonomika: mhux kull min jiċħad il-globalizzazzjoni ġie żvantaġġat minnha, u, aktar importanti minn hekk, mhux kull min jirrassenja ruħu li jgħix fl-orizzont globali qed jagħmel profitt minnha. Pjuttost, din id-diviżjoni hija essenzjalment bejn il-ħila u l-inkapaċità li wieħed jimmaġina dimensjoni kosmopolitana ġdida għall-futur. Iżda l-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-Punent issa qed tirribella kontra l-globalizzazzjoni u tipprova titlob lura ritorn impossibbli għas-sovranità. Mhux se jiksbu dak li jridu għax dak li jridu huwa impossibbli, iżda l-impotenza tagħhom se tqanqal biss aktar rabja, aktar razziżmu, u aktar aggressjoni. Għalhekk nistaqsi lili nnifsi, tista’ l-apokalissi tiġi evitata, jew maħkuma? Kif jimplika l-kunċett tal-antropoċen, diġà tard wisq. “Għaliex huma r-riħ jiżirgħu u l-irwiefen jaħsdu,” tgħid il-Bibbja. Ix-xejriet ta’ devastazzjoni ambjentali, qerda militari, u tifrik soċjali issa ħadu karattru irriversibbli u jalimentaw lilhom infushom; għandhom it-tendenza li jespandu l-effetti tagħhom u li jeliminaw kull kontromiżura possibbli. Il-brutalità qed tiddomina dejjem aktar ir-relazzjonijiet soċjali, u l-mutur ekonomiku tal-produzzjoni qed jitmexxa dejjem aktar minn awtomatiżmi inevitabbli.