« Is-saħħa ta’ Marta Marta, id-dar, fl-aħħar tiġi meta tibda tifhem mill-attivisti li issa qed jgħixu fid-dar tagħha li hi — anki kif jixhed isimha “Marta” — hija s-sinjura u l-padruna, dik li tmexxi d-dar. Interessanti li, meta nħarsu ftit lura fl-istorja tal-femminiżmu, kien hemm żmien meta l-mara kienet imsakkra bilfors fid-dar u bilfors kellha tagħmel it-tisjir u t-tindif u tieħu ħsieb it-tfal, u ma kellhiex l-għażla li tagħmel affarijiet oħra, ikunu xi jkunu. Waħda mil-libertajiet li n-nisa ppruvaw iġibu għalihom infushom kien li jitilqu ’l barra mid-dar u li ma jkollhomx għalfejn ikunu jafu jsajru. Fil-fatt hemm ġenerazzjoni ta’ nisa li huma kburin mill-fatt li ma jafux isajru jew inaddfu. Imma r-rota baqgħet iddur u issa dħalna lura fil-kċina, però mhux għax ġejna mqegħdin fil-kċina imma għax ħadna l-poter f’idejna u dik hija s-saħħa tagħna — li aħna, fost ħafna affarijiet oħra, kapaċi nagħmlu ikla tajba ħafna u dan huwa l-mod kif ngħixu flimkien, billi nsajru flimkien u nieklu flimkien. Jiġifieri l-istampa nqalbet u rġajna lura fil-kċina, però b’sens ta’ kburija. U dan jorbot ħafna mal-fenomenu mill-Medjuevu fl-Ewropa ta’ Fuq li kien bażi qawwi għal Marta Marta, dak tal-begini li kienu jgħixu fil-beginaġġi fejn dawn ħolqu qisha belt żgħira ġol-belt. Fil-beginaġġ kienu jgħixu biss nisa, nisa li huma la “Marta” u lanqas “Marija” imma ftit mit-tnejn. Huma nisa li jagħmlu ċertu xogħol li s-soltu huwa assoċjat man-nisa, bħal ċertu xogħol ta’ kura. Hemm ukoll it-talb, jiġifieri huma kienu reliġjużi imma ma kinux ordni reliġjużi u setgħu jiżżewġu, setgħu kienu miżżewġin imbagħad daħlu begini, setgħu kienu begini u mbagħad ħarġu u żżewġu, setgħu kienu begini u mbagħad ħarġu u saru sorijiet. Kellhom dik il-libertà kollha u kellhom il-proprjetà. Kienu ħassieba, kien hemm ħafna minnhom li kienu jiktbu, kienu skribi u ħafna minnhom spiċċaw anki ġew maħruqin fi żmien l-inkwiżizzjoni. Ma kinux il-ġeneru tal-mara kif kien mifhum, kien hemm dik il-fluwidità fil-ġeneru tagħhom għax qishom la kienu nisa u lanqas irġiel, kienu jagħmlu kollox, minn xogħol manwali bħal jaħmu l-ħobż u jsewwu bl-għodod. Bilfors kellhom jagħmlu kollox huma għax l-irġiel ma kinux jidħlu hemm ġew. Biex jidħol raġel iridu jiftħulu l-bieb huma u jaraw li mbagħad jerġa’ joħroġ u jagħlqu warajh, anki jekk ikun qassis. Kellhom dik l-awtonomija u ħobża mhux biss kienu jqattgħuha u jservuha imma kienu jibdew mill-ewwel ingredjenti, kellhom il-makkinarju kollu biex xi ħaġa jibdewha mill-bidu nett u jkompluha sal-aħħar. Kien hemm dak is-sens ta’ komunità u kienu jieħdu ħsieb xulxin u jieħdu ħsieb ukoll in-nies fil-bżonn, dawk li l-belt, immexxija mill-irġiel, ma kinitx tieħu ħsiebhom, jiġifieri n-nies problematiċi, dawk li l-belt kienet tarahom bħala qed joħolqu problema: in-nies foqra, in-nies b’diżabbiltà, it-tfajliet li joħorġu tqal u mhumiex miżżewġin, il-ħafna tfal mas-saqajn. Il-belt ma kinitx tieħu ħsiebhom u kienu jieħdu ħsiebhom il-begini. Il-kapaċitajiet kollha tal-mara kienu joħorġu sew f’dan l-ambitu, li huwa ġmiel, u li llum qed jerġa’ jittieħed ħafna bħala mudell, kemm fil-Ġermanja u l-Olanda pereżempju, fejn qegħdin nerġgħu noħolmu komunitajiet simili fejn il-kapaċità ta’ dawn il-persuni testendi lil hinn mill-kapaċitajiet li s-soltu nassoċjaw b’mod sterjotipizzat mal-mara. Li mhux biss huma ta’ kura, mhux biss ta’ wens, imma għandek dik is-saħħa fiżika wkoll. U b’hekk, din l-idea ta’ fluwidità bejn “Marta” u “Marija”, din il-“fluwidità bejn il-ġeneri” ssir possibbli. Dettall li sibt interessanti kien li fKortrijk, belt fil-Belġju, kien hemm żmien fejn dan il-beginaġġ kien jintuża wkoll bħala burdell. Tistgħu timmaġinaw meta qrajtha din kemm fraħt, li dak li kont qed nimmaġina bħala idea fantastika fil-fatt kienet ġa seħħet f’xi żmien! » .
It-tnedija ta’ Marta Marta saret fl-1 ta’ Novembru 2026 il-Malta Society of Arts waqt il-wirja Għadajjar Għajnejja: Ebbs and Flows ta’ Miriam Galea.