Wirja

Leslie Vassallo

Immorru, ukoll, minn labirint toroq,
għal wirja ta’ pitturi, statwi — 
Qlugħ bojod f’ċpar ilwien jinbarmu;
swaba’ mwieġ deħlin fuq xatt mitluq:
U nofs dawra qaddisin martri
b’qillet ġrajjiethom f’idejhom, f’ħarsithom.
Mal-ħitan stqarrija safra trombi, platti, tnabar — 

Minn fuq swar il-belt għajnejn għassiesa:
Imma aħna ngħaddu maġenb għorof li jafuna,
barumbara tiġġarraf tbarqam tifkira,
ġieri jilwi mill-blat, loġġa tittawwal;
għajn moħbija f’wied ħemda, palma f’dagħbien,
razzett jidwi daħka mit-twieqi, qasab iħaxwex riħ.
Żewġ nagħġiet joħorġu, iwieġbu għal leħinna.

Immissu wiċċ ħabbata titmermer mat-triq:
Għax mogħdijiet l-imgħoddi tfarfru bħal tfulitna.
Issa, pinzellati astratti jfissruna, xi poeżija — 
Ninżlu sa xifer il-bajja, nixħtu ċajta ċagħka;
Għal waqt niżżewġu ma’ kollox, f’waqt ninfirdu.
Imma, lura, il-baħar b’ħbub blu, xefaq b’ħaddejn jiħmaru.
Vapur ħadna xi mkien, fejn ħallejna l-passi ħafjin.

Dekorazzjoni art-nouveau