Novembru 2023

Nitwieldu u nikbru. Inwelldu u nkomplu nikbru sa ma fl-aħħar nispiċċaw. M’hemmx mod ieħor. Hekk tgħid Virginia lil oħtha Vera f’“Qamar Aħmar”, in-novella ta’ Simon Bartolo li qed nibdew biha dax-xahar. “Kollox jitmermer. Kollha se nispiċċaw. Dan il-fataliżmu jibda ċiklu li jiżvolġi f’ritorn — u bħal dejjem, it-tfittxija għall-istorja tagħna hija neċessarjament tfittxija għal dak li fadal minn ta’ qabilna. Ħafna drabi din it-tfittxija toħodna fuq vjaġġ lura lejn il-post li nsejħulu d-dar. Id-dar tista’ tkun tal-ġebel, jew tista’ tkun dik id-dar iktar dejjiema taħt il-blat, mnejn darba kien ġie l-ġebel innifsu. Il-fdalijiet li nsibu jafu jkunu biss għadam, ġebel, kmamar vojta. Drabi oħrajn jifdal biss dokumenti fl-arkivji għax il-qabar innifsu ndifen maż-żmien. Fit-tielet parti ta’ “Bur Mgħeż”, Omar N’Shea jibda mill-metodi tal-arkeoloġija sakemm jgħaddi għall-mezzi li nużaw bħala bnedmin biex niftakru ’l qrabatna, kemm biex nibqgħu magħhom u kemm biex nerħulhom f’idejn iż-żmien, “il-proċessi soċjali, fiżiċi u ontoloġiċi li bihom il-ħajjin jittrasformaw il-ġisem bla ħajja fil-ġisem mejjet”. Il-metodu xjentifiku li tuża l-arkeoloġija moderna hija l-istratigrafija, tħaffir tat-trinek li jħalluna naraw is-saffi li jserrħu wieħed fuq l-ieħor taħt saqajna. Metodu ieħor tal-arkeoloġija huwa l-kelma, il-kitba, it-tfittix fl-arkivji fejn kull kelma għandha saff ieħor taħtha, fejn kull riċerkatur qed jibni fuq ta’ qablu; jitgħallem, jikkollabora, imeri, jimpika. Kris Polidano, fil-poeżija tagħha “-Na -I -Hom” tinħakem mill-memorji li għadhom qed ifittxu ma’ xiex jaqbdu, ma’ immaġni tan-namrar tal-ġenituri, mal-“kanzunetti tad-Depeche Mode/li saru tal-quddiesa fejn tmur il-mummy u ma tmurx in-nanna. Il-memorji tal-kittieba, tal-familja u tar-raħal jidħlu f’xulxin. Id-dar, il-ġenituri, in-nanniet, fit-tliet xogħlijiet li għandna dax-xahar, mhumiex maqtugħin mill-komunità li jgħixu fiha. Meta ż-żagħżugħ, fin-novella ta’ Simon, jasal fir-raħal biex ifittex lil oħt nanntu, “il-pjan kien li jfittex iċ-ċimiterju biex isib id-dar. Iċ-ċimiterju huwa r-raħal tal-imgħoddi li se jibqa’ tul iż-żmien, “it-tkomplija tal-imgħoddi fl-issa biex jimxi lejn id-dejjem li ma jafu ħadd”; l-oqbra bl-istejjer tagħhom, il-kannierja li tieħu ’l kulħadd. Id-dfin kollettiv, jgħidilna Omar, “spiss jingħad li jirrifletti l-identità ta’ kollettività fil-komunità, prassi komuni fil-preistorja tal-Mediterran” .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex dejjem issir taf meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau