ħarsa/lemħa

Kurt Borg, Omar N’Shea & Davinia Hamilton


AR: تحديق DE: Blick EN: gaze FR: regard IT: sguardo

Davinia (ħarsa/lemħa, 10.06.24)

Xtaqt nistaqsi kif nistgħu niddistingwu bejn “gaze” u “look” li għandhom implikazzjonijiet differenti fil-filosofija. Bil-Malti, ngħidu ħarsa għat-tnejn, imma forsi lemħa hi iktar addatta għal “look”?


Kurt (25.08.2024)

M’iniex għalkollox ċert dwar “lemħa” għax għalija din il-kelma għandha konnotazzjonijiet passivi, fis-sens li tkun qed tiġri xi ħaġa u inti tilmaħha; u mhux is-sens li inti qed tħares b’mod attiv u intenzjonat lejn xi ħaġa. “Lemaħ” fuq verb.mt qed tiġi tradotta bħala “to catch sight of”. Fil-każ ta’ “the look on his face” ma taħdimx “lemħa” (“il-ħarsa fuq wiċċu”). Anki meta użatha b’mod teoretiku (fil-vina ta’ Lacan jew Laura Mulvey), dejjem bħala “l-ħarsa” jew “il-Ħarsa” sibtha; pereżempju, “‘L-Għajnejn Tixtieq’: Il-Ħarsa Fallika tal-Poeti Rġiel lejn l-Oġġett Femminili” ta’ Immanuel Mifsud.


Omar (24.02.2025)

Ħarsa, xi kultant miktuba bil-Ħ minflok bil-ħ, hija stabbilita sew fil-kritika letterarja femminista bil-Malti. Insibuha użata ħafna drabi f’xogħlijiet akkademiċi bħat-teżina ta’ Arianna Mangion dwar Il-femminiżmu fil-poeżija ta’ Nadia Mifsud u fl-artiklu “Jien, ir-Raġel: kumment dwar il-maskulinità u l-imħabba romantika fix-xogħol ta’ Louis Briffa”, fejn Immanuel Mifsud juża t-terminiil-ħarsa fallika”,il-ħarsa maskili”, u “l-ħarsa tar-Raġel” .

Dekorazzjoni art-nouveau