AR: رغبة DE: Wunsch EN: desire FR: désir IT: desiderio
Davinia (13.02.24)
Semmietu Raylene f’diskussjoni oħra, u naħseb li tajjeb li niddiskutuh — il-kunċett ta’ desire, li f’Żerriegħa, pereżempju, dat-terminu għamilnieh “xenqa”, jiġifieri xi ħaġa li tibqa’ tridha u li qatt ma ssib is-sodisfazzjon tagħha. Għalija din hi ftit ikkumplikata għax f’Lacan, desire (désir) huwa sinonimu ma’ want u lack (manque); iżda fil-Malti, “xenqa” u “nuqqas” ma jidhirlix li għandhom l-istess rabta. Bil-Franċiż ngħidu tu me manques — you are missing from me, minflok I miss you, li turi b’mod sabiħ il-ħsieb wara t-terminu désir. Inħoss in-nuqqas tiegħek. Il-kelma Lacanjana désir tintuża fit-traduzzjonijiet Franċiżi ta’ Freud, biex jittraduċu l-kelma Wunsch (xewqa). Fix-xogħol ta’ Lacan, désir hu r-riżultat tad-djalettika bejn is-suġġett u l-Ieħor, djalettika bbażata fid-diskors, u allura huwa inqas fiżiku minn “xenqa” (li għalija bħala kelma għandha konnotazzjonijiet tal-ġisem — l-ikel u s-sess) u teżisti iktar fl-inkonxju.
Raylene (xewqa, 17.02.2024)
Bqajt naħseb daqsxejn dwar dan il-kunċett Lacanjan. Naħseb li t-terminu “xewqa” jaf joqgħod aħjar bħala traduzzjoni għat-terminu désir. Dan għaliex naħseb li l-kelma “xewqa” timplika kemm “xenqa” u kemm “fantażija”’ għal dak li tixtieq iżda m’għandekx. Il-kunċett ta’ désir għal Lacan jimplika xewqa għal totalità li s-suġġett maqsum jiffantasizza dwarha u jixxennaq għaliha. Din il-fantażija taħdem bħala narrattiva bejn wieħed u ieħor stabbli li ssostni u tmantni x-xewqa tas-suġġett li xi darba għad ikun sħiħ. Fl-istess ħin, il-kisba ta’ din il-fantażija neċessarjament dejjem tiġi posposta sabiex is-suġġett jibqa’ suġġett xewqan u mxennaq, minħabba n-nuqqas li jikkostitwixxih. Naħseb li l-kelma “xenqa” ma taqbadx daqshekk dan is-sens ta’ fantażija bl-istess mod kif jiġi espress bil-kelma “xewqa”. Meta nixtiequ xi ħaġa, jew li nsiru persuni partikolari, jew li niksbu ċerti kwalitajiet eċċ., inkunu qed niffantasizzaw fuq dan is-suġġett li għad ikun fil-futur iżda li għadu mhuwiex fil-preżent, u li dan is-suġġett futur neċessarjament ħa jkun aħjar minn dak li hu fil-preżent.
Il-kelma “xewqa” togħġobni iktar ukoll għaliex tista’ timplika element konxju fejn is-suġġett konxjament jista’ jixtieq xi ħaġa partikolari, filwaqt li l-kelma “xenqa” timplika passività fejn is-suġġett ma jistax ma jixxennaqx għal dak li m’għandux. Naħseb li għal Lacan, il-kunċett ta’ désir jopera kemm fil-konxju u kemm fl-inkonxju. F’dan is-sens, is-suġġett inkonxjament jixtieq totalità, jixxennaq għaliha, u fl-istess waqt li dan l-impuls inkonxju jiggverna x-xewqa, ix-xewqa nnifisha titlibbes forma li s-suġġett huwa konxju tagħha, bħal pereżempju: il-fantażija ta’ suġġett Ingliż awtonomu, ħabrieki, patrijott, aħjar mill-Ewropew u miżmum lura appuntu minħabba l-Ewropew inferjuri u l-Ewropew li jrid idaħħal l-immigranti, flimkien ma’ fantażiji dwar narrattivi ta’ grandjożità imperjali u kolonjali. Din il-fantażija Ingliża ġiet immanifestata b’mod konxju f’dawk il-votanti pro-Brexit fl-Ingilterra fl-2016. L-identifikazzjoni mal-kampanja tal-Brexit topera kemm fuq livell konxju fis-sens li s-suġġett Ingliż ħaseb li ġaladarba l-Ingilterra toħroġ mill-UE, ħa jerġa’ jsir sħiħ kif ukoll jitpaxxa (iħoss sens ta’ jouissance) bir-riżultat tal-vot. Fl-istess ħin, din il-faċċata konxja qed tgħatti l-implikazzjoni mistura ta’ xenqa għal totalità li qatt ma tista’ tinkiseb: fejn anki wara Brexit dak li ġie mwiegħed, ma wasalx.
Kurt (21.02.2024)
Grazzi, Davinia u Raylene ta’ dawn ir-riflessjonijiet. Biex nirreaġixxi għal punt li għamlet Davinia, meta qalet li “f’Lacan, desire (désir) huwa sinonimu ma’ want u lack (manque); iżda fil-Malti, ‘xenqa’ u ‘nuqqas’ ma jidhirlix li għandhom l-istess rabta”. Għamilt tfittxija żgħira u naħseb li dik ir-rabta teżisti bejn “xenqa” u “nuqqas”: meta ktibt “imxennaq” fil-Google, telgħuli ħafna referenzi Bibliċi, fosthom: “Alla, Alla tiegħi int, lilek ħerqan infittex. Ruħi bil-għatx għalik, għaliex imxennaq jiena, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma…” (Salm 63,2). Kif qed tintuża hawn, jidher li “mxennaq” qed taqbad sens ta’ nuqqas (ta’ Alla, ta’ ilma, eċċ.). Però, nistqarr, li iktar ma jmur, qed nikkonvinċi ruħi li “xewqa” hija traduzzjoni aħjar ta’ désir minn “xenqa”. Nistqarr ukoll li l-kelma “xenqa” togħġobni, imma qisha għandha konnotazzjonijiet negattivi (mhux f’sens morali, imma f’sens ontoloġiku, biex ngħidu hekk, jiġifieri lack, manque). “Xewqa” għandha l-vantaġġ li taqbad kemm is-sens ta’ nuqqas (wara kollox, wieħed jixtieq xi ħaġa għax proprju m’għandux dik ix-xi ħaġa) imma wkoll, kif donnha qed tgħid Raylene, taqbad ukoll aspetti iktar “pożittivi” (ta’ fantażija, immaġinazzjoni, eċċ.).
Fid-dawl ta’ dan, xtaqt insaqsikom għall-opinjoni tagħkom dwar xi ħaġa: xi ġimgħat ilu, kont tkellimt ma’ Loranne u Joe dwar traduzzjoni ta’ kwotazzjoni minn Virginia Woolf. Il-kwotazzjoni hi din:
Of all forms of literature, however, the essay is the one which least calls for the use of long words. The principle which controls it is simply that it should give pleasure; the desire which impels us when we take it from the shelf is simply to receive pleasure. Everything in an essay must be subdued to that end.
Bl-għajnuna ta’ Loranne u Joe, iddeċidejt li naqlibha hekk:
Mill-forom kollha ta’ letteratura, madankollu, l-esej huwa dak li l-inqas jeħtieġ l-użu ta’ kliem twil. Il-prinċipju li jmexxih hu biss li għandu jagħti pjaċir; ix-xenqa li tqanqalna meta nniżżluh minn fuq xkaffa hi biss li nirċievu l-pjaċir. Kulm’hemm f’esej għandu jinġieb lejn dak l-għan.
Ngħid il-verità, oriġinarjament jien kont qlibt “desire” għal “xewqa”, imma kemm Loranne u kemm Joe kienu kkummentawli dwarha. Loranne ssuġġeriet “deżiderju” mentri Joe ssuġġerixxa “xenqa”. Fis-sens li qed tużaha Woolf (li, naturalment, qrat ħafna Freud, u allura mhix qed tuża l-kelma b’mod “innoċenti”), kieku intom liema kelma bil-Malti taraw li toqgħod l-aħjar għal “desire” f’din is-silta?
Raylene (22.02.2024)
Ma qrajtx wisq Freud innifsu, però jekk nieħdu lil Lacan li sa fejn naf jien baqa’ pjuttost leali lejn il-kitbiet ta’ Freud, u fl-istess ħin żied kunċetti mislufin minn Saussure biex jelabora iktar kif l-inkonxju jopera qisu lingwa, naħseb li l-kunċett ta’ desire kemm fi Freud u kemm f’Lacan għandu jkun simili. Lacan juża l-kunċett ta’ extimacy (extimité) biex ikun jista’ jiddeskrivi l-kunċett ta’ desiring subject. F’dan is-sens, il-kelma extimate hija magħġuna minn żewġ kelmiet u tuża l-prefiss ex- minn exterior jew exterieur bil-Franċiż, u tibni fuq il-kelma intimacy jew intimité. Esperjenzi deskritti bħala extimate jikkollassaw id-distinzjoni bejn dak li hu intern u dak li hu estern. Forsi l-kelma tista’ tiġi tradotta għall-Malti bħala “estimità” (estern + intimità). Dan il-kunċett jikxef kif l-inkonxju jopera kemm bħala sistema psikika interjuri, imma wkoll bħala Ieħor, ’il barra minnu nnifsu. L-inkonxju huwa othered għaliex proprju jiżloq minn taħt il-kontroll tas-suġġett bħala aġent.
Din l-esperjenza ta’ estimità hija esperjenzata kemm bħala nuqqas li toħloq xenqa, jew kilba, u kemm pożittività fis-sens li l-esperjenza neċessarjament imtaqqla bil-wegħda u l-fantażija li, ġaladarba jinħakem dak li hu mixtieq, is-suġġett isir sħiħ. Huwa minħabba f’hekk li s-suġġett huwa suġġett imxennaq jew xewqan. F’dan is-sens, il-pjaċir li tista’ toffrilek ġabra ta’ esejs naħseb li mhuwiex biss wieħed ta’ xenqa għal pjaċir, imma wkoll pjaċir imtaqqal bil-wegħda li, wara li jinqara l-esej, mhux ser iħallik kif kont jew fejn kont qabel qrajtu. Hemm ukoll it-tama, ix-xewqa li jagħmlek iktar sħiħ, li jċaqalqek u jwasslek iktar viċin ta’ min suppost int għandek tkun. Allura jekk dan forsi huwa l-ispirtu li fih kitbet il-frażi Woolf, naħseb li l-kelma “xewqa” tista’ taqbad iktar dawn il-kontradizzjonijiet magħrufin bħala constitutive outside (forsi, “il-barra kostituttiv”?) bejn nuqqas/abbundanza, intern/estern, pjaċir/uġigħ, kisba/telf.
Aphroconfuso (26.02.24)
Cf. Fil-poddata tagħna ta’ Noti Editorjali ma’ Warren Bartolo huwa jgħidilna li meta kien qed jittraduċi lil Saffo mill-Grieg Antik, “xewqa”/“xenqa” kienu kelmiet li ħabbel rasu ħafna dwarhom, partikolarment fid-dawl ta’ kif l-użu tagħhom f’Saffo ġie tradott f’lingwi oħrajn .