tpaxxa

Davinia Hamilton, Kurt Borg & Omar N’Shea


AR: جويسانس DE: Jouissance EN: jouissance/bliss FR: jouissance IT: godimento

Davinia (jouissance, ġwissanz? 10.06.24)

Jouissance, kif nafha jien, ma tfissirx biss pjaċir, imma xi ħaġa fl-estrem, li tista’ wkoll tinkludi l-uġigħ u s-sofferenza. Jouissance mhix pura, fiha hemm l-eċċess, hemm il-mewt, livell ta’ eċitazzjoni li kważi ma tiflaħhiex. Lacan jagħmel distinzjoni bejn il-pjaċir u l-jouissance. Il-pjaċir jobdi l-liġi tal-omeostażi li nsibu f’Beyond the Pleasure Principle [Jenseits des Lustprinzips], fejn il-moħħ ifittex l-inqas tensjoni. B’hekk, il-prinċipju tal-pjaċir ipoġġi limitu fuq il-pjaċir. Min-naħa l-oħra, il-jouissance tikser din il-liġi u hi “beyond the pleasure principle” u iktar tallinja ruħha mad-death drive [Todestrieb].


Kurt (tpaxxa, tgħaxxaq, 25.08.2024)

Għoġobni s-suġġeriment ta’ “tpaxxa”. Ġietni f’moħħi wkoll il-kelma “għaxxaq/tgħaxxaq” li, b’mod interessanti, f’verb.mt tiġi tradotta bħala kemm “to delight” kif ukoll “to go too far”. Din tal-aħħar taqbad is-sens ta’ “iktar minn pjaċir” li hu assoċjat mal-jouissance. Meta kont qed nikteb dwar dan il-kunċett f’Barthes (iktar milli f’Lacan) kont ħsibt daqsxejn dwarha din. Fit-traduzzjoni ta’ Le plaisir du texte, tintuża d-distinzjoni bejn “pleasure” u “bliss” għad-distinzjoni bejn “plaisir” u “jouissance”. Bil-Malti taf tiġi naqra stramba din, għax “bliss” nassoċjaha mal-kelma “hena”, tipo sens ta’ pjaċir traxxendentali li jevoka konnotazzjonijiet ta’ qdusija! Fl-istess ħin, das-sens ta’ distakk minnek innifsek jogħġobni għax jaqbad sens ta’ jouissance bħala esperjenza estatika (ek-stasis) li taqilgħek minnek innifsek. Pjaċir li jċarrtek, li jiftħek; u, allura (biex nirritornaw għar-relazzjoni bejn jouissance u d-death drive), pjaċir li jkisser/“joqtol” il-Jien. Ukoll, forsi b’mod daqsxejn umoristiku, il-kelma “għaxxaq” għandna tendenza nużawha biex timplika li xi ħadd għamel xi ħaġa ħażina; tipo “għaxxaqtha!” B’hekk forsi tista’ tinqabad l-assoċjazzjoni ta’ jouissance kemm mal-pjaċir kif ukoll mal-oppost tiegħu. Bħal speċi, tant tgħaxxaqt li għaxxaqtha!

Inċidentalment, forsi jmissna nippruvaw naqilbu t-terminu “drive”. Darba Omar issuġġerieli l-kelma “lublieba” (imma ma nafx jekk kienx qed jiċċajta!), li hija kelma interessanti, imma li iktar naraha taqbad sens ta’ “desire”, “craving”, aptit, tentazzjoni…


Omar (tal-ġenn, 24.02.2025)

Biex inkompli niċċajta, forsi, naħseb li “tal-ġenn” taqbad il-jouissance b’mod kważi komplet. Tal-ġenn għandha fiha l-pjaċir, il-ferneżija u l-mewt .

Dekorazzjoni art-nouveau