Qamar Aħmar

Simon Bartolo

Vera ħarset lejn oħtha fil-mera. Lejn it-tikmix li kien jikxef il-fatt li kienet avvanzata fiż-żmien imma fl-istess ħin jaħbi l-età preċiża tagħha. X’aktarx li kellha fuq it-tmenin sena sew, forsi saħansitra fuq id-disgħin. Għajnejha kienu għadhom jaħdmu tajjeb, bħas-sensi l-oħra tagħha. Iffukat fuq punt partikolari fil-ġenb ta’ wiċċha. Għal xi raġuni, waqt li qed timraħ f’dak id-deżert ta’ wiċċha, iż-żona b’dawk l-għoljiet u l-widien mimlijin għerien mudlama u sigrieti affaxxinatha iktar minn bnadi oħra. Poġġiet żewġt iswaba’ hemm u mellset il-ġilda bi ħlewwa liema bħalha. Imbagħad ġebbditha ftit lil hawn u lil hinn f’ċaqliqa li ġiegħlet dawk l-inħawi jibdlu surithom bosta drabi f’temp ta’ ftit sekondi. Dawk l-għoljiet ta’ ramel aħrax tmewġu naħa u mbagħad oħra. Il-mappa ta’ wiċċha bdiet tilgħab logħba mqanqla fejn kull tikmixa kienet tiltaqa’ ma’ tikmix ieħor, iserrpu u jduru u jinbarmu flimkien sa ma jwelldu iktar tikmix, passaġġi profondi, fissuri kumplessi, mogħdijiet u sqaqien bla tarf.

Tbissmet. Faqqgħet daħqa. Id-daħqa kienet xotta daqs il-ġilda. “Xjaħt Virginia!” qalet lil oħtha fil-mera. “Xjaħt int u miegħek xjaħt jien ukoll. Lil oħtha t-tewmija kienet ilha ma taraha għexieren ta’ snin, minn meta Virginia kienet iżżewġet baħri Ingliż li ħadha miegħu f’pajjiżu.

X’jiġifieri ma tridnix niżżewweġ?” kienet ipprotestat dak iż-żmien Virginia, li kienet iż-żgħira b’nofs siegħa.

“Ma rridekx titlaq.

“Anki int imissek titlaq! Irridu nitilqu kollha għax din id-dar — . Imma Virginia ma kinitx kompliet. Kienet ħarset madwarha mbeżżgħa. “M’intix tinduna kif — ? Kif hawn ġew se nispiċċaw niqdiemu. Li jekk nibqgħu fid-dar se nitmermru magħha?”

“Kollox jitmermer. Kollha se nispiċċaw. Imma għall-inqas mhux se mmur naqsam dak li hu tiegħi — li hu tagħna — ma’ ħaddieħor.

Virginia kienet ħaditha kontriha qatta bla ħabel. Insistiet li d-demm li nitwieldu bih qatt ma jkun tagħna. Ikunu silfuhulna l-ġenituri li ssellfuh mill-ġenituri u n-nanniet tagħhom. Aħna għandna d-dmir li nġorruh għal perjodu ta’ żmien u mbagħad ngħadduh lil uliedna. Iżda hi ma kinetx qablet ma’ din it-teorija. Għalxejn saħqet magħha Virginia li din mhux teorija iżda fatt tal-ħajja. Il-ħajja — il-qalb li tħabbat mill-ewwel mument sal-mewt — kienet tagħna biss għal tebqa t’għajn. Irridu ngħadduha lil ta’ warajna biex huma jgħadduha lil ta’ warajhom f’ċiklu li jrid jirrepeti għal dejjem. “Demmna rridu ngħadduh lil ta’ warajna u mhux inħalluh imut magħna.

“Imma jien ma rridx!” kienet għajtet Vera f’wiċċ oħtha. “Jien ma rridx li jkolli t-tfal u nagħtihom dak li hu tiegħi.

Virginia weġbitha li dawn huma fatti tal-ħajja u ma nistgħux nibdluhom. Nitwieldu u nikbru. Inwelldu u nkomplu nikbru sa ma fl-aħħar nispiċċaw. M’hemmx mod ieħor. Vera kienet ħarset lejn Virginia b’ċertu diqa. Forsi jmissha insistiet iktar; forsi kieku spjegat ruħha aħjar, Virginia kienet tifhem u ma titlaqx, imma qatgħet qalbha. Ma setgħet tagħmel xejn għajr li tħalli lil oħtha titlaq, tmur tfittex xortiha barra minn Malta, toffri ħajjitha u ġisimha lil raġel li qatt ma seta’ japprezzaha. Tagħtih ulied li mhux talli jerdgħulha ħalibha imma demmha wkoll.

Għannqitha waħda tal-aħħar. Tgħanniqa iebsa u tal-aħħar. Saħħa! Xtaqitilha s-saħħa kollha tad-dinja u ma ppruvatx tkellimha iżjed. Daret u telqet, u ħalliet lil Virginia tħares lejha tielqa. Ħarġet fil-ġnien li kien kbir, mogħni bi frott taċ-ċitru u tal-għadma u mdawwar bil-bajtar tax-xewk biex la ħadd seta’ jidħol u lanqas joħroġ minnu ħlief minn dik il-fetħa waħda li kienet tħalliet minn xi antenat tat-tewmin. Imxiet san-naħa l-għolja tal-ġnien fejn kien hemm bank tal-ġebel u poġġiet bilqiegħda, tħares lejn iċ-ċimiterju tar-raħal.

Ma reġgħetx ħarset lejn oħtha. Ma marritx taraha tiżżewweġ. Għamlet tabirruħha li kienet marida u ssakkret f’kamritha. Lanqas biss marret taraha tielqa ma’ żewġha u lanqas qatt ma kienet tiftaħ l-ittri li tirċievi mingħandha. Virginia damet ħafna tibgħat. Ma kinetx xi waħda li taqta’ qalbha malajr, iżda bil-mod il-mod indunat li kien kollu ta’ xejn. Vera ma kienet se taċċetta qatt li setgħu jibqgħu ħbieb, li setgħu jibqgħu jinħabbu. Kienet ġegħlitha tagħżel u hi, Virginia, kienet għażlet li tibni familja u futur f’pajjiż ieħor. Ma kinetx għażlet lilha, kienet għażlet lir-raġel.

Iżda fil-verità, Vera kienet tkellem lil Virginia kuljum fil-mera. U fil-mera ffukat fuq punt f’wiċċha fejn kien hemm għazza mitlufa, tinbaram u tiċċaqlaq ma’ kull tikmixa konfuża.

Il-ġuvni kien għajjien. Ma kellux paċenzja għal dat-tidwir kollu. Trabba fi żmien fejn it-toroq kienu dritti u wisgħin, fejn stajt tara biċċa sew ’il quddiem, stajt tara fejn int sejjer u ma jimpurtakx minn fejn tkun ġej. Imma hawn, fir-raħal antik ta’ nanntu, it-toroq kienu kollha dojoq u nnukklati. Kienu jserrpu u jduru u jinbarmu fuq xulxin. Kien qed isibha diffiċli jagħraf triq minn oħra, jikser lemin, jikser xellug, u jerġa’ jispiċċa fejn kien. Jew forsi le. Forsi kien qed jagħmel xi tip ta’ progress bla ma jaf. Ħaffef il-pass imma arralu għax iktar ma beda jgħaġġel iktar beda jħoss il-ħitan jingħalqu fuqu. Mhux għall-ewwel darba ħares ’il fuq u stħajjel li n-nies setgħu jiftħu t-twieqi u jieħdu b’idejn dawk fit-twieqi ta’ faċċata tagħhom. Imma ma kien hemm ħadd, la fit-twieqi u lanqas fit-toroq. Kullimkien baħħ. Iktar ma jimxi iktar beda jħoss kollox jidjieq.

Ra żewġt ixjuħ iparlaw quddiem bieb miftuħ. Waqfu mid-diskors tagħhom u ħarsu lejh fit-tul sa ma għadda minn maġenbhom, għajnejhom mimlijin kurżità u xi ħaġa oħra li ma kienx ċert x’inhi. Għaddielu minn rasu jitlobhom jagħtuh daqsxejn sens ta’ direzzjoni, imma reġa’ bdielu. Ma xtaqx jitkellem magħhom. Ma riedx jitħallat man-nies tar-raħal. Fuq kollox kienu wisq xjuħ dawn it-tnejn, u x’aktarx li kellhom moħħhom żmagat. Ma setgħux jgħinuh. Baqa’ miexi bla ma ħares lura għax kien ċert li għajnejhom kienu għadhom fuqu, b’dak is-sens qawwi ta’ kurżità. Kieku tahom il-lala żgur li kienu jaqbdu jtaqtqu u jimlewh bil-mistoqsijiet. Allura minn ta’ min int inti, ħi? Ta’ min jgħidulkom? Iva, nanntek tiġi dik? Ma kellux ħin għal dawn il-ħmerijiet.

Mesaħ l-għaraq li beda jinġabar fuq moħħu u kompla miexi. Ried jasal fid-destinazzjoni tiegħu malajr. Kienet redikola l-ħaġa meta taħseb fiha. Raħal Malti kemm seta’ jkun kbir? Kien ħaseb li se jaqsmu fi ftit ħin, forsi għaxar minuti jew kwarta kollox. Iżda mar żmerċ. Kieku ż-żagħżugħ kien tajra qed tħares minn fuq, ir-raħal ma kienx jidher kbir, żgur. Ġabra djar u rziezet żgħar. Kappella antika, u ftit li xejn iżjed. Iżda meta tkun f’nofsu kien jinħass ħafna ikbar, qisu xi labirint ma jispiċċa qatt. Il-mira tiegħu kienet dar antika u mara xiħa li tiġi oħt nanntu Virginia. Lanqas biss jaf jekk għadhiex ħajja fuq kollox dil-mara li ġie jfittex. Kulma ried kien li jsib id-dar tagħha biex jeħles u jitlaq ’l hemm. Imma r-raħal ħasibha mod ieħor. Dak li kellu nieqes fid-daqs, kien bil-kbir ipatti għalih fil-kumplessità. Kien qisu biċċa għaġina sfiljurata, mitwija fuqha nnifisha darba, darbtejn, għexieren ta’ drabi sa ma jitfaċċaw dawk l-istrati kollha li jfissru li l-ftit distanza minn naħa għal oħra kienet fil-fatt immultiplikata bosta drabi, iktar drabi minn kemm stajt tgħodd.

It-tikmix tat-toroq tar-raħal kien niexef u fond, kien juri u fl-istess ħin jaħbi tul ta’ żmien li qajla stajt tissoponi jew timmaġina l-medda kollha tiegħu. U iktar ma ħaffef il-pass il-ġuvnott, iktar ma ntilef fi ħsibijietu, iktar tkemmex ir-raħal u iktar tqarqċu fix-xemx is-saffi sfiljurati ta’ triqatu. Il-ġuvni daħal minn triq u ħareġ minn oħra biex sab ruħu f’salib it-toroq. Ma kellu ebda mezz kif jiddeċiedi liema naħa kienet aħjar biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu, allura qabad it-triq tal-lemin li malajr wasslitu f’salib ieħor. It-toroq qishom bdew jiżdiedu. Bdew jitħaxknu ma’ spallet iż-żagħżugħ u jġerruh magħhom, irid jew ma jridx. Bdew jiltaqgħu u jidħlu f’xulxin u jwelldu trejqat oħra, passaġġi u mogħdijiet u sqaqien bla ħruġ. Mhux darba jew tnejn dar kantuniera u sab xi ħajt ma’ wiċċu, jew bieb magħluq, biex għal darb’oħra jintebaħ li kien daħal fi triq li ma tinfidx.

Ħassu se jaqbad jaqta’ qalbu u jmur lura mnejn ġie, iżda lanqas kellu biżżejjed sens ta’ orjentazzjoni biex jiftakar minn fejn kien daħal. Mexa bil-mod, iħares madwaru, jistagħġeb dwar il-fatt li ma setax jaqbad mal-internet bil-mobile hawn ġew, ma setax juża l-maps. Possibbli ’qas ruħ ma tara f’daż-żobb ta’ post minsi minn Alla? U kemm il-ostja tiflaħ tisreġ din l-ostja xemx f’dan l-ostja pajjiż? Ħasel se jtih tal-ġenn sa ma sab ruħu f’fetħa ċkejkna tant pittoreska li wennsitu u kkalma daqsxejn. Kien hemm siġra waħda maġenb ħerża ta’ bir antik.

Kien għarqan xraba u mejjet bil-għatx. Straħ mument taħt is-siġra. Kienet żebbuġa li għalkemm kellha ħafna snin fuqha ma tantx kienet ġabet ruħha wisq, baqgħet niexfa għuda u qsajra. Imma xorta kienet titfa’ daqsxejn dell u l-ġuvni tnikker ftit hemm, f’dak id-daqsxejn kenn, mill-ħruxija tax-xemx. Serraħ dahru maz-zokk u għalkemm la kien jaf u lanqas kien jimpurtah x’tip ta’ siġra kienet, xorta waħda offrietlu dellha. Għalaq għajnejh.

Għalih is-siġar kienu kollha xorta, setgħet kienet is-siġra li tgħallaq magħha Ġuda, x’differenza tagħmillu? U kemm iż-żobb kien ferħan dak l-għasfur li kien hemm fuqha? Għax ma jmurx jgħanni xi mkien ieħor? Ma kellux paċenzja għal dat-tidwir kollu. Ried jasal fejn kellu jasal u jmur lura fit-toroq bit-tarmak, fejn kien hemm il-karozzi u l-kumditajiet kollha li kien imdorri bihom. Ried imur lura fejn il-mobile kien jaħdem u seta’ jsib triqtu malajr.

Ħass werqa taqa’ fuq rasu u ħares ’il fuq. Possibbli li x-xemx kienet qabdet nieżla? Mela kemm kien ilu hawn? Ipprova jaħseb f’dak li seta’ jagħmel. Jimxi lura tgħid? Seta’ jerġa’ jipprova darb’oħra. Seta’ jiġi meta jkun iktar frisk. Seta’ jiġi ma’ ħaddieħor. Seta’ jagħmel ħafna affarijiet imma l-fatt kien li issa li kien wasal s’hawn ma xtaqx imur lura d-dar b’idu f’idu. Irrifjuta li jaqta’ qalbu ’ħabba sempliċi raħal qadim bit-toroq dojoq.

Iddritta dahru. Ħa nifs twil u lesta ruħu biex jagħmel attentat ieħor li jsib it-tarf tar-raħal. Xamm riħa tfuħ u nduna li kien hemm forn tal-ħobż fil-viċin. Xtaq jidħol jistaqsi kif seta’ jasal fejn ried imur imma f’qalbu kien jaf li ma jistax. Kienu jibqgħu jiftakruh żgur. Dan ma tgħidx li kienu jiġu eluf ta’ nies u turisti biex forsi jitfixkluh ma’ xi ħadd ieħor. Le, żgur li kienu jerġgħu jagħrfuh. Ma kellux għażla ħlief li jkompli jfittex bla ma jistaqsi għall-għajnuna.

Meta waqgħet werqa oħra taż-żebbuġa fuq spalltu qabadha f’idu għal mument, donnu ftakar f’xi ħaġa. Kienet qisha memorja vaga imma huwa u jħares lejn il-werqa f’idu ħass sens ta’ paċi. Il-werqa, is-siġra, l-għasfur, kollha qishom qed jgħannulu għanja ta’ paċi. Daħaq u rema l-werqa mal-art u mbagħad rifisha hekk kif reġa’ qabad miexi.

Minn wara l-ħġieġ nadif tat-twieqi, minn wara l-purtelli magħluqin, minn wara l-purtieri miġmugħin, minn wara l-antiporti u l-bibien sokkjużi, minn wara għajnejn imbexxqin u nifsijiet bla waqfien, minn wara t-tentakli taż-żmien, u l-biżatar-reliġjożità, minn wara t-toqol ta’ ħajjiet mimlijin tbatija u t-toqol tax-xogħol, minn wara snin sħaħ ta’ għerf u injoranza, minn fuq pulptu mċappas bl-ipokrizija, minn fuq il-bjut u l-gallarijiet, minn wara l-ġuħ u l-għira tax-xjuħija — kollha kienu qed iħarsu lejh. In-nies tar-raħal mimlijin kurżità, mimlijin eċitament li wasal żagħżugħ fosthom, daħal għandhom, infilsa ruħu fil-ħemda ta’ raħal li kien nesa kif tinxtamm iż-żgħożija. Ir-riħa fetħitilhom l-aptit u għenithom iqumu mill-irqad bla ħeġġa li kienu ilhom fih. Berrqu għajnejhom minn wara l-moħbiet tagħhom, ħadu nifs qawwi, lagħqu xufftejhom. Riedu jaraw bla ma jidhru, jisimgħu bla ma jinstemgħu, iduqu, ibillu griżmejhom f’dik id-dehra taż-żgħożija. Kien ġuvni sabiħ imma xammew ukoll il-periklu fih. Is-salvaġiżmu tiegħu kien evidenti. Ma kienx jimpurtah, forsi għax ma kienx intebaħ kemm kien hemm mijiet ta’ għajnejn fuqu. Kien mimli saħħa meta daħal fi triqathom, iżda issa kien jidher li xeba’ jdur u jagħqad, setgħu jaraw ċar li l-enerġija kienet qed tbatti. Possibbli li diġà kien qed jitlef il-qawwa tiegħu, dak ix-xrar ta’ żgħożija li kien ġab miegħu? Qalbhom kienet qed tħabbat bis-saħħa ma’ kull pass taż-żagħżugħ, qishom kienu qed jerdgħu mill-enerġija tiegħu. Kieku setgħu jitbissmu kienu jitbissmu. It-tikmix ta’ madwar dawk l-għajnejn kollha mmirati lejh kien qed jiċċaqlaq. Tikmix fuq tikmix moħmi fix-xemx, imqarqaċ fir-riħ.

O żagħżugħ ġibilna t-tama, ġibilna l-ħajja, għax il-fidi m’għadhiex biżżejjed. Kun int is-salvatur tagħna, eħlisna minn dal-jasar ta’ għajxien bla ċaqliq, minn din l-għomma kbira li ninsabu fiha. Aħqarna jekk hemm bżonn. Issagrifikana jekk m’hemmx mod ieħor, imma eħlisna, salvana, ċaqlaqna. Uliedna telqu u qatt ma ġew lura. X’ġejt tagħmel lura int? Fejn sejjer? X’intenzjonijiet għandek? Għalfejn qajjimtna min-nagħsa komda morra tagħna jekk m’intix se tmexxina? Nitolbuk O żgħożija terfagħna u jekk m’hemmx mod ieħor kif iċċaqlaqna, sabbatna mal-blat u kaxkarna warajk. Nifilħu iżjed minn kemm nidhru u ma nibżgħux mill-mewt. Ħudna miegħek, ħudna miegħek, ħudna miegħek. Ikun dak li trid int. Dejjem.

Il-ġuvni ħassu skomdu, ħaffef il-pass, daqslikieku kien jaf f’liema direzzjoni kellu jimxi. Fil-fatt kien jaf eżatt fejn ried jispiċċa u x’kellu jagħmel meta jasal; l-unika ħaġa li ma kienx jaf kien kif jasal. Sempliċi l-biċċa, ma kienx se jaqta’ qalbu. In-nanna Virginia dejjem kienet tirrakkonta kif bejn il-villa fejn trabbiet u r-raħal kien hemm ċimiterju. Il-pjan kien li jfittex iċ-ċimiterju biex isib id-dar. Ladarba jasal hemm, kien se joħdilha kulma kellha. Dik x’tambihom il-flus? X’tambiha d-dar? X’tambihom dawk l-affarijiet kollha ta’ ġo fiha? U fuq kollox għalfejn kienet għadha ħajja meta nanntu mietet? Kienu twieldu flimkien, misshom mietu flimkien ukoll.

Kien qed jidlam meta għadda minn triq tant dejqa li lanqas karrettun ma kien jirnexxilu jgħaddi. Imbagħad it-triq fetħet f’wesgħa mdaqqsa, fejn faċċata ra ħajt tal-ġebel antik u rixtellu tqil imsaddad. Mexa lejn ir-rixtellu u fid-dawl bati tal-għaxija ra l-oqbra li kien hemm wara l-ħajt. Ra ċ-ċipress u l-buqari. Kien irnexxielu jsib iċ-ċimiterju fl-aħħar, u lil hinn miċ-ċimiterju kien hemm id-dar fejn trabbiet nanntu.

Id-dar ħassitu qabel ma tfaċċa. Ħassitu qabel Vera. Id-demm kien jiġbed u fl-aħħar id-demm ta’ din il-familja antika li għexet ġo fiha kien ġej lura.

Meta ħasset id-dehxa tad-dar, ix-xiħa waqfet mil-logħba tagħha ma’ oħtha fil-mera. L-għazza l-mitlufa kienet fl-aħħar waslet. Vera qamet, ħarġet bil-mod fil-ġnien u mxiet lejn il-parti l-għolja, fejn poġġiet fuq il-bank tal-ġebel u ħarset ’l isfel, lejn iċ-ċimiterju u r-raħal lil hinn minnu. Beda jidlam.

Qamar aħmar illejla, li jħammar kollox miegħu. Il-lejl beda u l-lejl ħmar. Ħmaru s-siġar u l-għoljiet lil hinn mir-raħal. Ħmaru d-djar, it-twieqi, il-purtieri u l-idejn li kienu qed iżommuhom. Ħmaru wkoll l-imħuħ ġo dawk id-djar, il-ħsibijiet, ix-xewqat, l-intenzjonijiet. Għatxana dawk l-imħuħ għal xi ħaġa ġdida f’dar-raħal fejn qatt ma kien jiġri xejn ġdid. Ħmar il-lejl li kien għadu kif beda.

Stennietu bilwieqfa b’dirgħajha miftuħin biex tagħtih merħba, dan id-demm misluf ta’ oħtha, bniedem li qatt ma kienet rat.

Ra x-xbieha ta’ nanntu li ma kinetx nanntu. Mexa lejha bil-ħerqa, ħaffef minn fost l-oqbra mħammra, mimli bl-intenzjoni qattiela tiegħu.

Laqgħetu u ħaddnitu magħha b’qawwa li ma kienx qed jistenna.

Għannaqha lura lil din-nanna li ma kinetx nanntu. Qabiżlu d-dmugħ u d-dmugħ kien aħmar. Għalfejn kien qed jibki? Inħasad għax kien għadu ma fehemx li ma kienx hu li jikkontrolla lilha.

Ix-xiħa, mill-banda l-oħra, ma fehmitx kif ma setgħetx tikkontrolla saħħitha. Nesiet is-snin twal ta’ rabja kontra oħtha. Il-ħdura kontra l-idea li jitħallat id-demm tagħhom ma’ ta’ ħaddieħor għebet meta ħasset lil dak il-ġuvni f’dirgħajha u għafsitu b’iktar saħħa. Id-dmugħ tagħha kien aħmar ukoll, dak id-dmugħ li ħasadha.

Ma fehmux dak li kien hemm bejniethom; il-qawwa li ma kienet tal-ebda wieħed minnhom iżda tat-tnejn li huma f’daqqa. Inħakmu f’mewġa ta’ enerġija li lanqas huma stess ma għarfu tajjeb waqt li kienu f’dirgħajn xulxin, ix-xiħa u ż-żagħżugħ.

It-tgħanniqa kienet twila. Fir-raħal infetħu l-bibien u n-nies bdew jixirfu. Il-kurżità għelbet il-biża. Imlew it-toroq biex imbagħad faru mir-rixtellu u daħlu fiċ-ċimiterju, biex jaraw dak il-mument li ma ried jispiċċa qatt. U t-tgħanniqa sturdiethom. Ma stennewhiex, il-mibegħda li titħaddan f’ġest ta’ mħabba, bħall-bewsa ta’ Ġuda, imma ma kinux jafu min kienet il-vittma u min il-qattiel. Min kien is-seqer u min il-ġurdien.

U belgħu lil xulxin dik ix-xiħa u dak iż-żagħżugħ. Saru waħda, saru wieħed, imma xorta tnejn.

Il-kotra għamlet il-qalb u resqet lejhom. Bil-mod fil-bidu, bil-mod u b’kawtela għall-ewwel, iżda l-eċitament malajr ħakem lil kulħadd u qalb il-kotra trabba kuraġġ li qatt ma eżista qabel. Qalb il-folla bdiet tħabbat b’iktar qawwa milli qatt ħabbtet. Ġrew ix-xjuħ issa, ġrew bil-qalb, minn fuq dawk l-oqbra ta’ nieshom, lejn dik il-ħlejqa ġdida u qadima mgħannqa fl-imħabba u fil-mibegħda, mgħannqa fl-impossibbli li seta’ jsir possibbli.

Refgħuhom bħal xi vara u ġrew bihom lejn ir-raħal, purċissjoni mxajtna taħt dak il-qamar aħmar li kien kesa l-lejl. Ġrew fit-toroq tagħhom li kienu jafu sew, li ma kienu jafu mkien ħliefhom. U l-ħmura tal-lejl biddlet it-toroq imkemmxin f’arterji li jserrpu u jduru u jinbarmu f’xulxin sa ma jwelldu passaġġi profondi, fissuri komplessi, mogħdijiet u sqaqien bla tarf. Sistema anatomika ta’ raħal minsi li ma setax jeżisti. Raħal impossibbli, mimli ħsibijiet li ma fadalx post għalihom f’dinja li mxiet ’il quddiem bla ma ħarset lura. F’pajjiż fejn il-kostruzzjoni mostruża dejjem għaddejja, toħloq bini li joħnoq kull rokna mifxula, kull naħa mwarrba, kull xaqliba, kull wied, sakemm inqatlu l-misteri kollha u nqatel dak kollu li kien prezzjuż. Imma llejla l-ħmura tal-qamar għattiet il-ħdura tar-regħba sa ma d-demm li jiġri fit-toroq beda jiġri iktar minn qatt qabel u l-qalb tar-raħal bdiet tħabbat bis-salvaġġ.

U waqt li ġrew b’dak is-sagrifiċċju fuq l-idejn ħassew ix-xita nieżla f’daqqa. Xita ħamra li mliet it-toroq u ċarċret mal-ħitan. Waslu bihom f’dik il-pjazza ċkejkna bil-bir u niżżluhom mal-art. U d-dmugħ mielaħ tħallat max-xita ħamra. Dmugħ kollettiv. Dmugħ xiħ u dmugħ żagħżugħ. Dmugħ ta’ ferħ u dmugħ ta’ niket li ġarr fih imħabba u mibegħda. Tħallat u saqqa lil dik iż-żebbuġa xierfa li kien hemm fil-pjazza. Fi xjuħitha kienet nesiet kif tagħmel il-frott.

Ħarset lejn dawk li kienu miġburin ċirku madwarha, ma jimpurtahomx li qed jixxarrbu fix-xita. Ħarset lejn dawk l-uċuħ li kienet ilha taf minn ċkunithom. Dawk l-għajnejn li kienu ilhom minn żmien żemżem ma juru farka ħeġġa, issa kellhom ix-xrar ta’ tama ġdida, imqanqlin b’din it-trasfużjoni ta’ demm ġdid fosthom.

Ħasset il-qilla taż-żgħożija mħallta mar-riżoluzzjoni tax-xjuħija, imħalltin fix-xita li ċarċret dritt ġol-art u l-għeruq. Ħarset ’l isfel lejn ix-xiħa u ż-żagħżugħ li issa kienu saru ħaġa waħda. U t-twaħħid tagħhom kien it-twaħħid ta’ bniedem li ma jagħrafx fuq minn taħt, lemin minn xellug, tajjeb minn ħażin. Kien tkomplija tal-imgħoddi fl-issa biex jimxi lejn id-dejjem li ma jafu ħadd.

U waqt li l-weraq tagħha qattar bl-ilma tal-ħajja, ħarset ’il fuq lejn il-qamar li kien aħmar dal-lejl, u ħasset it-tama hi wkoll .

Dekorazzjoni art-nouveau