Bur Mgħeż għeb fil-baħħ. Sparixxa. Kieku ma kinux dawk l-uħud li jsostnu li semgħu lil missirijiethom isemmuh, kont taħseb li ivvintah Napuljun Tagliaferro f’konġura ma’ Temi Zammit. Anki l-isem sparixxa, u sparixxiet ukoll il-grammatika tal-istat kostrutt tiegħu. Imma kif iġġibu lura mill-mewt? Kif toħorġu minn qabru stess? F’dawn l-esejs li ġejjin se nipprova nirkupra ’l-Bur Mgħeż minn għejun differenti. Mill-memorja tal-Imqabbin, fejn mhuwiex sit arkeoloġiku li kellu okkupazzjoni ristretta għal perjodu determinat, imma lokalità ta’ ħafna identitajiet u ismijiet; “ta’ Bur Mgħeż”, “Tal-Isqof”, “Tan-Naxxari”, “ta’ Ċetta Pizzi”. Mill-arkivji nazzjonali fl-isptar Santu Spirtu, fejn sibt l-ewwel konferma li la Tagliaferro u lanqas Zammit ma kienu qed iħarrfu. F’dawn l-arkivji, Bur Mgħeż jinqabad jissielet bejn il-portafoll ta’ proprjetajiet tal-Isqof, il-but tal-familja għonja u filantropika Tan-Naxxari, il-kittieb Alfons Maria Galea u protagonisti oħrajn li b’xi mod jew ieħor sabu mod kif idawru lira minnu.