Bur Mgħeż #2

Dfintha fil-libsa li mietet fiha

Omar N’Shea

U tidħak, tidħak, tara qed tintaġar 

il-ġebla bajda-krema ser tinqasam 

biex issir djar botnin bla sens ta’ “figure”

 – qirda tas-saħħa mbierka tal-bennejja.

Marjanu Vella: “Ħitan tas-Sejjieħ

Il-Mensa Vescovile, il-Gvern ta’ Malta, il-Valletta Museum, u Michele Zammit in-Naxxari għamlu sentejn sħaħ jitlewmu fuq il-prezz li l-Gvern kellu jħallas biex jesproprja l-art ta’ Bur Mgħeż, l-Imqabba, li fiha nstab id-dagħbien-qabar. Sa fl-aħħar, fil-21 ta’ Novembru 1921, quddiem in-Nutar tal-Gvern Michael Casolani, ġew iffirmati l-Atti ta’ Trasferiment tal-Proprjetà ta’ Bur Mgħeż mill-portafoll tal-artijiet tal-Isqof għal għand il-Gvern. Preżenti dakinhar kien hemm it-Teżorier u d-Direttur tal-Kuntratti l-Onorevoli Joseph Huber, u l-Economo/Amministratur tal-Mensa Vescovile ta’ Malta Alfonso Maria Galea, iben il-mejjet Pietro Paolo, mill-Belt Valletta imma jgħix Tas-Sliema u li kien qed iħares l-interessi fiskali tal-Isqof. Kien hemm ukoll Michele Zammit, iben il-mejjet Innocenzo, li twieled u għex l-Imqabba u li kien qed jipprova jdawwar xi ħaġa tal-flus għax-xogħol li kien għamel fuq ir-rampa ta’ Bur Mgħeż biex Tagliaferro u l-istudjużi jidħlu fid-dagħbien, kif ukoll biex jagħmel tajjeb għat-telf ta’ flus meta kellu jieqaf jaqta’ l-blat fil-barriera fejn instab id-dfin. Kien hemm ukoll ir-Reverendu Vincenzo Mangani, iben il-mejjet Paolo mir-Rabat, li deher bħala prokuratur/amministratur tas-Seminarju tal-Isqof f’Malta. Alfons Maria Galea kien hemm fuq digriet li kien ħareġ l-Arċisqof ta’ Malta fil-15 ta’ Jannar 1921 biex jirrappreżenta l-Mensa Vescovile u d-directum dominium. Però d-dokument ta’ dan id-digriet mhuwiex mehmuż mal-karti l-oħra li hemm fl-arkivji tas-Santu Spirtu r-Rabat. Fihom naraw lil Bur Mgħeż maqbud bejn il-Knisja, li kellha l-art fil-portafoll tal-Isqof, l-imprenditur Michele Zammit li għandu kienu mikrijin l-għelieqi u l-barrieri fejn id-dagħbien ta’ Bur Mgħeż kixfu d-dfin u l-fdalijiet Neolitiċi, u l-Valletta Museum flimkien mal-Gvern ta’ Malta li riedu jakkwistaw l-artijiet biex ikomplu jesploraw il-fdalijiet tas-sit u jipproteġuhom mill-iskavar tal-barrieri għall-ġebla tal-franka.

  • Pjanta li tinkludi mappa, deskrizzjoni u dettalji finanzjarji.
    Pjanta tal-artijiet u l-Għar ta’ Bur Mgħeż, li kienu tal-Mensa Vescovile. Il-parti l-ħamra tal-għar kienet oriġinarjament mikrija lil Andrea Cilia li kien kriha lin-Naxxari u l-blu lil Giovanni Griscti. EDU 607 1932 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Dettall minn pjanta ta' Bur Mgħeż li tinkludi deskrizzjoni u kont.
    Dettall minn EDU 607 1932 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Mappa ta' għelieqi.
    Dettall minn EDU 607 1932 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Ittra mingħand Temi Zammit lill-Gvernatur li fiha jinfurmah li l-£4 għall-vetrina tal-Mużew li fiha ried li jintwerew is-sejbiet ta' Bur Mgħeż setgħu jittieħdu mill-bilanċ tal-kont Head XI. B.14.
    Ittra mingħand Temi Zammit lill-Gvernatur li fiha jinfurmah li l-£4 għall-vetrina tal-Mużew li fiha ried li jintwerew is-sejbiet ta’ Bur Mgħeż setgħu jittieħdu mill-bilanċ tal-kont Head XI. B.14. NAM CSG 01 2052-12 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Ittra mingħand Temi Zammit li fiha jitlob lis-Superintendent tax-Xogħolijjiet Pubbliċi joħroġ stima tal-valur tas-sit ta' Bur Mgħeż.
    Ittra mingħand Temi Zammit li fiha jitlob lis-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi joħroġ stima tal-valur tas-sit ta’ Bur Mgħeż. NAM CSG 01 1196-20 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Paġna tal-faċċata tad-dossier.
    Il-paġna tal-faċċata tad-dossier MUS 1196-20. NAM CSG 01 1196-20 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Nota tas-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi Gatt li turi l-ispejjeż biex jinxtraw l-artijiet u l-Għar ta' Bur Mgħeż inklużi ż-żieda ta' 10% u l-ispejjeż legali.
    Nota tas-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi Gatt li turi l-ispejjeż biex jinxtraw l-artijiet u l-Għar ta’ Bur Mgħeż inklużi ż-żieda ta’ 10% u l-ispejjeż legali. NAM CSG 01 1196-20 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)

Meta bdejt ninżel l-Imqabba regolarment, iltqajt ma’ xi nies li kienu qaluli biex inkellem lil Charles Farrugia, id-direttur tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta fl-Isptar Qadim tas-Santu Spirtu r-Rabat. Meta fittixt min kien, intbaħt li bħali kellu interess kbir fis-sit ta’ Bur Mgħeż u li kien ippubblika xi tagħrif dwar is-sit skont kif jidher fin-noti, il-minuti u l-kuntratti li wasslu għall-bejgħ tiegħu lill-Gvern. Iltqajt ma’ Charles u dderiġieni hu. Għamilt appuntament u meta dħalt fil-kamra tal-qari tal-arkivji sibt trolley bid-dokumenti li kien qalli bihom. Qgħadt bilqiegħda quddiem riċerkatur li kien qed jifli b’reqqa intensa mappa li fetaħha minn tiwja qisha tal-origami. Il-mobile ma kellux linja tajba f’din il-kamra tal-qari, u qabadni biża’ kiesaħ, metalliku, ġo sidri għax f’moħħi kont nisimgħu jdoqq elf darba kuljum biex leħen fuq in-naħa l-oħra jħabbar li ommi kienet qalbet għall-agħar. Ħabib psikjatra qalli li x’aktarx kont qed nagħmel hekk biex ngħaddi lili nnifsi mill-esperjenza li qed nibża’ minnha elf darba kuljum sakemm nidraha biżżejjed biex meta fil-fatt isseħħ ma taħsadnix. Warrabt il-ħsieb li se jasal il-mument u rħejt moħħi jimraħ f’ċimiterju ta’ karti fejn kollox jerġa’ jqum u jgħix għal dejjem. L-arkivisti jeżistu f’liminalità kurjuża. Jitbandlu bejn id-dominju tad-deffiena u dak tas-saċerdoti. Bħad-deffiena jerfgħu lill-mejtin ġol-kaxxi, imma flok ikeffnu l-għadam tal-katavri, jistivaw il-karta u l-linka li jixhdu għall-ħajja li kellhom, għal dak li ħasbu, qalu, għamlu u kitbu l-protagonisti mejtin tal-passat. Bħas-saċerdoti jiftħu lill-mejtin, bir-riti tagħhom, it-trejqa għall-ħajja ta’ dejjem.

Ftaħt l-ewwel dossier li ġabuli, MUS 1196-20, imsemmi Prehistoric Cave of Burmgħeż, folji ta’ karti musfara qishom knaten tal-franka bi dbabar żgħar bħal tikek tas-soll. MUS 1196-20 kien dar minn id għall-oħra fost uffiċjali tal-Gvern, tal-Kuruna u tal-Mużew — min iħażżeż bil-lapes, min bil-pinna, min bit-typewriter — waqt li kienu qed jikkonfoffaw bejniethom biex is-sit ta’ Bur Mgħeż jittieħed mingħand Michele Zammit u mill-assi tal-Isqof u jinxtara mill-Gvern. B’għajnejja ħtaft dak kollu li kien hemm imniżżel fl-ewwel dossier; ma kellix sabar nistenna. Ridt inkun naf x’fih minnufih bħallikieku kien l-ewwel u l-uniku ċans li kien se jkolli biex narah. Smajt il-mobile. Mhux ommi. Irħejtu jdoqq.

Il-barriera li fiha kien qed jistudja l-għadam u l-fossili Napuljun Tagliaferro kien qed jaħdimha Michele Zammit, Imqabbi magħruf bil-laqam in-Naxxari. Sirt naf dwaru u dwar niesu mill-kitbiet ta’ Noel Buttigieg, storiku li għamel riċerka estensiva fl-Occorrenze tal-Imqabba. Il-familja tan-Naxxari kienet stabbilita sew fil-komunità tal-Imqabba, l-aktar għax-xogħol fil-barrieri u għall-filantropija fil-komunità, speċjalment id-donazzjonijiet li kienu jagħmlu għall-armar, it-tiżjin, u l-istatwa tal-Madonna tal-Ġilju. Missier Michele, Innocenzo, kien kuntrattur tal-barrieri u aġent tal-ġebla, jaqlagħha sew, u spiss kien jiltaqa’ ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern. Kellu anki biċċa art barra mill-Imqabba fejn kien jaħżen l-apparat li kien juża fil-lant tax-xogħol. Wiret in-negozju mingħand missieru Nikola, iżżewweġ lil Innocenza Asciak, u kellhom erbat itfal: Rosa, Maria Antonia, Michele, u Nicola. Meta miet Innocenzo, Michele kien wieħed mill-ulied li gawdew mill-flus li kien għamel. Michele kien iżżewweġ lil Grazia Inguanez u t-tnejn kienu tilfu żewġt itrabi li twieldu mejta. Bħal missieru, Michele kien aġent u kuntrattur u kellu fil-portafoll tiegħu bosta barrieri madwar l-Imqabba. F’waħda mill-barrieri fl-inħawi tas-Sejba kienet saritlu xi ħsara fuq għoxrin ċangatura u kien daħħal rapport dwar dan għand il-pulizija tal-Imqabba fl-1907. Fid-dokumenti li kont qed nifli jien hemm imniżżel li Michele kien werriet tas-subutile dominium tal-barriera f’Bur Mgħeż li fiha kien qed jaħdem Napuljun Tagliaferro. Il-kirja kienet għas-snin li kien għad baqa’ mid-99 sena li oriġinarjament ġew mogħtija għall-kiri fit-12 ta’ Mejju tal-1883, meta l-art kienet marret għand l-ewwel kerrej Carmelo Caruana, u li kellhom jibdew jiġu skorruti mill-15 ta’ Awwissu tal-1885 skont id-dokumenti tal-enfitewsi. Mehmuż mal-kuntratt kien hemm pjanta tal-għar: din il-viżwalizzazzjoni hija l-eqreb li qatt nistgħu nersqu lejn it-topografija tal-għar kif kien għal dawk l-eluf ta’ snin mill-aħħar darba li deffien Neolitiku keffen mejjet fuq il-post sa meta l-ħaddiema tal-barrieri reġgħu skoprewh fl-1911. L-art ta’ Bur Mgħeż, imħażża bl-aħmar, inkriet lil Carmelo Caruana fl-1883 skont il-volum imsejjaħ Insinuazioni fir-Reġistru Pubbliku, imma Caruana krieha lil Innocenzo Zammit u wara mewt Innocenzo din għaddiet għand ibnu Michele fl-1895. L-Atti kienu mqiegħda għand in-Nutar Giovanni Calleja Schembri bid-data tat-12 ta’ Mejju 1883.

Id-daqs tal-plott ta’ Bur Mgħeż li xtara l-Gvern kien ta’ 2 mondelli u 8 misure; il-plott kien imdawwar bl-artijiet tal-Isqof, li wħud minnhom kienu mixtrija diġà minn Michele Zammit in-Naxxari. Il-Mensa Vescovile biegħet ukoll biċċa art ta’ 8 misure f’Bur Mgħeż maġenb barriera li kien qed jaħdimha n-Naxxari wkoll. Iż-żewġ plottijiet inbiegħu għas-somma ta’ £30-13-9. Minnhom, £17-15-3 marru għad-directum dominium tat-tnejn. Alfons Maria Galea tħallas 3s/10d għax-xogħol li kien ħa biex ġab id-dokumenti li kien hemm bżonn mill-Qorti tal-Isqof. Il-prokuratur Mangani ġabar £12-18-6 tas-subutile dominium tal-plott il-kbir skont id-domanda ta’ Michele Zammit imma din is-somma marret għand is-Seminarju tal-Isqof ta’ Malta bħala parti mill-ħlas għall-kirjiet li Zammit u ħuh Nicola kellhom jagħtu fuq għalqa msejħa Ta’ Riċajet li s-Seminarju kien krielhom fit-18 ta’ Lulju tal-1891, kirjiet li ġġeddu fl-1921. Skont it-termini tal-Att, il-Gvern kellu d-dritt jgħaddi minn fuq l-artijiet ta’ maġenb l-għar bil-karretta biex jitkompla x-xogħol fuq is-sit. It-total tal-artijiet ta’ Bur Mgħeż kienu ta’ 45 tumolu. Il-kuntratt jgħid ukoll li kemm il-bejjiegħa kif ukoll uliedhom għandu jkollhom id-dritt jgħaddu minn fuq ir-rampa għal fuq l-art li tiġi s-saqaf tal-għar. It-teżorier Huber staqsa biex il-kuntratt jinkiteb bl-Ingliż u nqara fl-uffiċċju tan-nutar tal-Gvern ġewwa l-Belt Valletta fil-preżenza tax-xhieda John Zanghi (iben Domenico, mill-Furjana) u Edward Gera (iben Salvatore, minn Tas-Sliema) u ffirmat minn Joseph Huber. Illum issibu fl-Atti Casolani 307–351 ta’ Novembru–Diċembru 1921.

Dan il-kuntratt qiegħed mehmuż mad-dokumenti l-oħra dwar Bur Mgħeż li jinsabu fid-dossier li, kif jurina n-numru tar-referenza tiegħu MUS 1196-20, infetaħ fl-1920. Kien f’dan iż-żmien, allura, li bdew id-diskussjonijiet formali biex is-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi Lorenzo Gatt jagħmel stima ta’ kemm tiswa l-art. Imma jekk Bur Mgħeż iġġarraf kważi għalkollox, f’dan id-dossier insibu għall-inqas il-ħajja testwali u arkivjata u li minnha nistgħu nsegwu l-intriċċi taċ-ċimiterju ta’ Bur Mgħeż meta nqabad fid-diskors tal-protezzjoni tal-patrimonju arkeoloġiku.

Lord Grenfell ħatar l-Antiquities Committee fl-1911 fi ħdan il-Valletta Museum. Dan il-kumitat beda jiddiskuti l-iżvilupp tad-Dipartiment tal-Mużewijiet; kien jieħu ħsieb ukoll li jkun hemm biżżejjed fondi biex jitkomplew l-iskavi u biex il-Gvern jixtri l-artijiet li fuqhom kien hemm siti ta’ importanza arkeoloġika. Fil-minuti tal-Antiquities Committee tad-19 ta’ Ottubru 1918, l-Għar ta’ Bur Mgħeż tniżżel fit-tielet post, wara Għar Dalam u l-Ġgantija, f’lista preliminari ta’ siti li l-kumitat kien immarka biex jinxtraw mill-Gvern. Fil-lista kien hemm ukoll l-Għar tal-Mukgħad fix-Xagħra Għawdex u Ta’ Ħaġrat. X’aktarx, minħabba li kien l-uniku sit li renda evidenza materjali ta’ dfin primarju u sekondarju kollettiv Neolitiku, l-Antiquities Committee mill-ewwel ipprova jitfa’ lil Bur Mgħeż fuq lista preliminari ta’ siti li kellhom jidħlu fil-portafoll tal-Gvern għall-protezzjoni. Għaldaqstant, Bur Mgħeż iddaħħal mill-ewwel fid-diskors tal-protezzjoni tal-wirt storiku u preistoriku, diskors li kien ilu għaddej ftit żmien mhux ħażin u li kien magħġun mal-immaġinarju imperjalista.

Fl-immaġinarju Malti, l-esproprjazzjoni tal-art minħabba sejbiet arkeoloġiċi għandha post kurjuż ħafna u tqanqal emozzjonijiet ambigwi. Waqt li qed nimxu fl-Isqaq tal-Isqof, infittxu bit-tromba l-fdalijiet tat-toqob tal-Għar ta’ Bur Mgħeż fil-ħitan tal-barriera tal-armata maġenb l-ajruport, Frans qalli li missieru kien jiftaħar li taħt id-dar tagħhom kien kollu oqbra: il-kuntrattur kien radam kollox bis-siment u ma qal xejn għax jiġu tal-Gvern u jwaqqfulek ix-xogħol. Imma Frans kien ambivalenti dwar dan. Ta’ ġuvni kien jaħdem fil-barrieri imma wara li spiċċa l-iskola kompla l-Università. Studja, qara, u llum jagħmel repliki żgħar tal-figurini Neolitiċi ta’ Malta għall-gost. Meta jmur jistad matul il-lejl ma’ xatt il-baħar taħt l-irdum tal-Imtaħleb, inaqqax uċuħ fuq iċ-ċagħaq lixx biex ma jkunx waħdu. Darba nżilt miegħu u wrieni l-uċuħ ta’ dawk li miegħu jgħaddu l-lejl jistennew li r-ril tal-qasba jiġbed. Qalli li oqbra hawn biżżejjed; m’hemmx għalfejn nossessjonaw bil-passat. Kampjun żgħir biżżejjed. Kellimni fuq l-idea li tordom il-qedem, u li miegħu terġa’ tidfen il-midfun. Ħadd ma jiftaħar li kisser xi sejba; it-tifrik m’hemmx ġustifikazzjoni għalih. Imma li terġa’ tordom kollox iva. Wara kollox, mirdum kien, u billi noħorġuh ma jfissirx li qed nistudjawh sew, jew li għandna l-apparat biex neżaminawh u nerġgħu npoġġuh lura f’postu. L-iskavi wkoll huma selħiet f’laħmet l-art, ftuq tal-materja tal-passat li laħqet tfarrket, tmermret, tbielet u saret ħaġa waħda mal-konglomerat ta’ madwarha. Qalli li kif jaħsibha hu, għalkemm il-Gvern jesproprja sit biex jieħu ħsieb il-qedem ta’ ġo fih, biex jipproteġih, biex tiġi studjata s-sejba u b’hekk jikber l-għarfien tagħna tal-passat, fil-verità f’dan id-diskors jiġu fuq quddiem il-bżonnijiet elitisti tax-xjenza. Ħafna drabi dan jiġi ġġustifikat bħala wirt nazzjonali, lokali, jew anki universali u minħabba f’hekk jitwarrbu kemm il-bżonnijiet tal-komunità kif ukoll ir-rabtiet li l-komunità eżistenti għandha mal-lokalità.

Il-komunità qatt ma tagħżel hi x’jiġi ppreservat. Hija għoqda diffiċli biex tinħall minnha; wara kollox, in-nies għandha rabta mal-post, memorji li jmorru lura għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Qalli li lilu teqirdu l-ottika tar-riċerka. Spiss sit li qed jiġi studjat jingħalaq wara gradi tal-ħadid, jitgħatta b’lożor kbar u koroh tal-plastik, xkejjer biex iżommu l-kisi f’postu fir-riħ, u scaffolding. Sadattant, jinkitbu rapporti xjentifiċi dwar is-sit, li ħafna drabi jdumu s-snin biex jiġu ppubblikati mill-komunità akkademika, u n-nies tal-post qatt ma jkunu jafu x’ġara, x’sinifikat għandu u x’jiġri minnu sit wara li jkunu qaxxruh saff saff u għasru minnu d-data kollha immaġinabbli: fdalijiet ta’ bini, frak tal-fuħħar, żrieragħ, biċċiet tal-għadam u snien tal-annimali u tan-nies, żibel organiku, ħamrija, konglomerat. Frans waqaf fil-kisra li mill-Isqaq tal-Isqof toħroġ għal tad-Dawl, ħares lejja u staqsieni x’naħseb dwar l-etika li naqilgħu l-mejtin minn ġo qabarhom biex nistudjawhom. Staqsieni kif, u minn min, tittieħed id-deċiżjoni mingħajr il-kunsens tal-mejtin li l-fdalijiet tagħhom jiġu studjati, meħuda ġo laboratorju u meqjusa bħala fossili, bħala minjiera ta’ informazzjoni genetika.

Fuq in-naħa tax-xellug tal-faċċata tad-dossier MUS 1196-20 hemm marġini li fih kienu jitniżżlu n-numri tal-“Former Papers”, files eqdem li d-dokument jagħmel referenza għalihom. Il-format tad-dossier jixhed burokrazija imperjalista bbażata fuq ir-reġistrar tal-iċken dettall. Sorveljanza kważi assoluta biex il-kontroll ikun mifrux sal-qiegħ nett b’tali mod li la jidher u lanqas jinħass. Il-loġika tal-imperi ġġiegħlek taħseb li huwa naturali u sens komun li l-affarijiet għandhom ikunu hekk. Il-kaxxi li hemm fl-Arkivji bid-deżinjazzjoni CSG 01, qalli wieħed mill-ħaddiema tal-post, fihom ittri u dokumenti li ntbagħtu bejn membri ta’ dipartimenti differenti u li tressqu quddiem il-gvernatur Ingliż u s-segretarju tiegħu biex dawn ikunu jistgħu jżommu għajnejhom fuq kulma kien għaddej. Dan l-arkivju għandu fih il-korrispondenza kollha li waslet għand il-gvernatur Ingliż. Fid-dokument CUR 3118-11, Bur Mgħeż jissemma l-ewwel darba fin-noti tal-Valletta Museum. Hawnhekk, Temi Zammit beda jirsisti biex l-art tinxtara jew tittieħed mingħand is-sid. L-iskop ta’ Zammit kien li jiġi salvat il-wirt kulturali li kien hemm fiha. Fit-8 ta’ Lulju tal-1911, Zammit kiteb lis-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi Lorenzo Gatt dwar fdalijiet li nstabu fl-akkwati ta’ Sant’Antnin, ix-Xagħra Għawdex. Zammit kien beda jirsisti biex il-Gvern jixtri l-art għax il-proprjetarji kienu se jispiċċaw jeqirdu l-fdalijiet biex jużaw l-art għall-biedja. Fl-aħħar ta’ April tal-1912, is-Suprintendent kitiblu lura, jitolbu stima tal-ispejjeż. F’dawn in-noti tal-Mużew, Bur Mgħeż jissemma fil-kuntest ta’ ppjanar fiskali għal dik is-sena skont kif ried il-gvernatur. Zammit wieġbu li fejn tidħol l-arkeoloġija, il-kuratur ma setax jagħmel pjani preċiżi bil-quddiem minħabba l-fatt li s-sejbiet qatt ma setgħu jkunu magħrufa minn qabel. Dan kien jurih biċ-ċar fir-rapporti li kien jikteb kull sena lis-Suprintendent. Però, bħala risposta, Zammit qallu li fis-sena 1912, kien ippjanat li jsiru skavi madwar is-sit ta’ Borġ in-Nadur u dak tat-Torri tal-Ġawhar u li għal dan ix-xogħol kellu bżonn l-għajnuna tad-Direttur tal-British School of Rome u allura staqsa għal £150. Dak iż-żmien, id-Direttur kien Thomas Ashby. Staqsa wkoll għal £20 biex jitkomplew ix-xogħlijiet fuq is-sit ta’ Bur Mgħeż fl-Imqabba fl-1912.

Il-protezzjoni tas-siti u s-sejbiet arkeoloġiċi f’Malta għall-bidu kienet deċiżjoni arbitrarja immens: sa nofs is-seklu dsatax, dawk li kellhom il-barrieri u l-għelieqi u riedu jaħdmuhom kienu jieħdu d-deċiżjoni huma jekk iżommux dak li jsibu, jew jordmuhx. Il-Gvern ma kienx jindaħal wisq ħlief biex joħroġ xi permess għal tiftix u tħaffir, u peress li ma kienx għad hemm il-prerogattiva li tirritorna li ssib lill-istat, kien hemm min kien jaħseb li jekk imur ifittex forsi jsib xi teżor. Sa nofs is-seklu dsatax, l-attitudni Ingliża lejn il-wirt kulturali kienet waħda bierda immens, iżda l-Eġittu u l-Imperu Ottoman kienu diġà ħolqu strutturi legali biex l-antikità ta’ pajjiżhom ma tinqeridx u ma tinsteraqx. Fl-1835, il-korrispondent tal-London Morning Post f’Kostantinopli żeblaħ lil Mehmet Ali u akkużah li mhux biss ried monopolju fuq il-ħajjin imma anki fuq il-mejtin. Sal-Baedeker’s Guides kienu jagħtuk pariri siewja jekk ridt iġġib lura miegħek mill-Eġittu artefatti qodma. Imma lejn it-tmiem tas-seklu dsatax, il-Kuruna Ingliża bdiet tberren fuq l-importanza tal-arkeoloġija u wara ħafna tħambiq minn Sir John Lubbock, Lord Ashbury, fl-1882 għaddiet l-Ancient Monuments Protection Act. Mingħajr ħafna telf ta’ żmien, il-gvernaturi tal-Kuruna bdew ifasslu studji estensivi tas-siti arkeoloġiċi fil-kolonji li kienu jamministraw. L-iktar li ntlaqtet minn dan ir-reġim ta’ studju kienet l-Indja, fejn malajr bdiet tinġabar l-informazzjoni li wasslet għall-proġett estensiv imsejjaħ l-Archaeological Survey of India. L-eku tal-istess diskors kien qed jinstema’ fil-kolonji ta’ Franza u l-Olanda. F’ħakka t’għajn, Malta wkoll daħlet fil-klikka ta’ kolonji li fihom l-istat ingħata r-responsabbiltà li jieħu ħsieb il-materjalità tal-qedem tiegħu: f’ittra tal-1881, is-Segretarju tal-Istat Lord Kimberley kiteb ittra lill-Gvernatur ta’ Malta Arthur Borton li fiha gerger fuq l-istat tal-mistħija li kienu fih il-fdalijiet “Feniċi” u “Rumani” ta’ Malta u biex jara x’jista’ jsir biex din is-sitwazzjoni titranġa. Tqabbad il-librar Annetto Antonio Caruana, imma r-rapport tiegħu tal-1882 ma ntlaqax tajjeb mis-Segretarju tal-Istat, li kiteb lura biex jara kienx hemm xi ideat iktar ċari ta’ kif il-monumenti jistgħu jiġu protetti aħjar. Ir-reviżjoni ta’ Caruana kienet ħafna iqsar, tliet paġni kollox, imma fihom fassal b’mod ċar il-pjan li kellu, inklużi l-liġijiet, ir-riċerka u l-konservazzjoni li kien hemm bżonn; semma wkoll ir-restituzzjoni u r-ripatrijazzjoni ta’ fdalijiet qodma li kienu tneħħew minn Malta. Il-Kuruna wiegħdet £100 biex il-pjan ta’ Caruana jseħħ, imma l-proġett baqa’ mitluq sal-1910.

Biss, Malta kien hawn kurrenti ta’ ħsieb li kienu skomdi bit-tgergir tal-Ingliżi fuq l-istat mitluq tal-arkeoloġija. Wara kollox, kienu l-Ingliżi stess li kellhom ħabta jaħtfu u jġorru kull oġġett misjub fis-siti arkeoloġiċi u jiftaħru bihom waqt serati bix-xampanja u l-kanapè. L-intellettwali Maltin xejn ma kien idoqqilhom dan it-tip ta’ approprjazzjoni mill-imperjalisti li kienu mibgħuta hawn, u bil-ħafna kliem dwar il-bżonn li jiġu mħarsa dawn l-istess fdalijiet. Bnadi oħra, bħar-Rhodesia (Żimbabwe), Burma, u l-Oost-Indië tal-Olanda (l-Indoneżja), in-narrattiva ta’ passat superjuri għall-preżent ħadmet tajjeb għall-imperjalisti li riedu jaħkmu popli li qiesu lilhom infushom inferjuri min-nies tal-qedem. Imma f’Malta, din-narrattiva ma ħadmitx għaliex kif juri sew l-arkeologu Reuben Grima, il-kritiċi Maltin ta’ dan ir-reġim impurtat minn Whitehall urew reżistenza tremenda għall-kunċett imperjalista li l-arkeoloġija tikxef razez qodma iktar sofistikati mill-Maltin tas-seklu dsatax. Anzi, għall-Maltin kritiċi ta’ din l-approprjazzjoni, il-Feniċi u nies oħra bikrin li għexu Malta kienu l-antenati tagħhom stess. Grima jenfasizza li waqt li l-Imperu beda jirsisti li jiġu mħarsa s-siti ta’ Malta, il-Maltin tal-klassi edukata użaw it-telqa tas-siti biex jikkritikaw it-tmexxija ta’ Whitehall u allura joffru forma ta’ reżistenza għall-gvern kolonjali.

Is-sejba ta’ Bur Mgħeż seħħet f’din l-epistema kolonjali li fiha s-sejbiet arkeoloġiċi waqgħu taħt ir-reġim ta’ sorveljanza kemm tal-gvern tal-post kif ukoll tal-Imperu, u li fi kliem il-Gvernatur Ingliż tal-Indja Lord Curzon, issa l-Ingliżi kellhom id-dmir li jħaffru, jiskopru, jikklassifikaw, jiddeskrivu, u jiddeċifraw il-fdalijiet tal-passat fil-kolonji tagħhom.

Bur Mgħeż inqabad ukoll fir-reġim tal-esproprjazzjoni u fid-diskors li kien qed jiżvolġi bejn l-akkwist tad-data arkeoloġika u raġunamenti etnonazzjonalisti. Din kienet moda li bdiet sewwa fl-Imperu xi ftit snin qabel meta l-istruzzjonijiet minn Whitehall kienu eżattament dawk li Lord Curzon kien qed iħambaq fuqhom ġewwa l-Indja. Wieħed mill-ewwel siti li nxtraw mill-Gvern biex b’hekk jiġu mħarsa mix-xogħol tal-ħaddiema tal-għelieqi u l-barrieri kien dak ta’ Borġ in-Nadur, f’Birżebbuġa. Bur Mgħeż tfaċċa fin-noti tad-dossier kemm fl-4 ta’ Marzu tal-1920 kif ukoll fis-27 ta’ Marzu tal-istess sena. B’ton ta’ urġenza, “EM” — wieħed mill-korrispondenti — talab lil Lorenzo Gatt, is-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi, biex jibda jipproteġi s-sit kemm jista’ jkun malajr. Sadattant, Gatt kiteb li fuq il-pjanta, l-għar kien indikat bl-aħmar u bil-blu u jgħid li l-art ta’ fuq l-Għar ta’ Bur Mgħeż kellha tiġi maqsuma u li r-rampa li Tagliaferro kien staqsa għaliha biex tagħti aċċess għall-għar kellha titneħħa. Fil-fatt, l-iskop kien li jitneħħa jew jiġi limitat l-aċċess. Talab ukoll biex jitwaqqfu x-xogħlijiet tal-qtugħ tal-blat. Jagħti stima ta’ £54 għall-art, l-għar, u r-rampa. In-nota ġiet approvata immedjatament minn “WB”, korrispondent ieħor. Zammit kiteb li żar is-sit fit-3 ta’ Mejju.

Bur Mgħeż jerġa’ jissemma ġimagħtejn wara fil-file CUR 2-52-12. Din id-darba, però, infetaħ file apposta għalih bit-titlu Exploring prehistoric caves at Bur-Mghez – Estimated cost £10; Providing showcase in Museum – Estimated cost £4. Kien qed jibda jidher biċ-ċar li jekk ix-xogħol arkeoloġiku ma jgħaġġilx, l-oqbra Neolitiċi ta’ Bur Mgħeż kienu se jintilfu waqt it-tħaffir għall-ġebla tal-franka li kien qed isir fil-barriera u maġenbha min-Naxxari. Fl-14 ta’ Ġunju tal-1912, Zammit staqsa lill-Gvernatur u lill-Kap Segretarju tiegħu għall-permess biex jitkompla x-xogħol ġewwa Bur Mgħeż. Zammit kien għadu mhux ċert jekk isejjaħx is-sit l-Għar ta’ Burmgħeż jew l-Għerien ta’ Burmgħeż. Għażel “Għar”. Jgħid lill-Gvernatur li s-sit kien instab is-sena ta’ qabel mill-Professur Tagliaferro u li kien hemm il-ħtieġa ta’ £10 oħra biex l-iskavi li kienu reġgħu bdew fil-bidu tal-1912 jibqgħu sejrin sal-aħħar tal-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju. Iżid ukoll li jekk ma joħroġx il-permess, dan ix-xogħol ma jitkompliex u allura jkun hemm iċ-ċans li jintilef dak kollu li kien sar is-sena ta’ qabel. Il-kuratur staqsa wkoll għal £4 biex tinxtara vetrina għall-Valletta Museum fejn tista’ titqiegħed u tintwera l-kollezzjoni żgħira imma importanti tal-fuħħar li nstab ġewwa Bur Mgħeż.

Zammit reħa r-responsabbiltà tal-wirt materjali tas-sit f’idejn il-gvernatur Ingliż; fl-20 ta’ Ġunju 1912, iddeċieda li jitkompla x-xogħol fuq is-sit ta’ Bur Mgħeż biex dak kollu li kien sar ma jintilifx, però ma tax permess lill-kuratur biex jagħmel l-ispiża ta’ £4 għall-vetrina. Wieġbu li ma kienx ċert jekk l-ispiża kinitx assolutament inevitabbli. Jumejn wara, “EM” kiteb lil Zammit biex jistaqsi jekk l-£10 kinux biex jitħallsu l-ispejjeż li kienu saru diġà dik is-sena fuq ix-xogħol ġewwa Bur Mgħeż jew jekk hux għal xogħol li se jitkompla. Iffrustrat, Zammit irrisponda li mhux se jsir aktar xogħol ġdid fuq Bur Mgħeż iżda l-flus se jmorru għal dak li kien diġà sar u biex jitlestew xi xogħlijiet. L-għada ħareġ il-permess ta’ £10 biex jitlestew ix-xogħlijiet, imma mhux għall-vetrina. Dik kellha tistenna sitt xhur oħra! Zammit baqa’ jirsisti: fi Frar tal-1913, reġa’ kiteb biex tinxtara vetrina li fiha jintwerew l-oġġetti li nstabu fl-oqbra ta’ Bur Mgħeż. Din id-darba ma tax ċans għall-oġġezzjoni: kiteb lill-Gvernatur li l-bilanċ fiskali kien jiflaħ l-ispiża ta’ £4 għax-xiri tal-vetrina. L-għada ħarġet l-approvazzjoni, bil-patt u l-kundizzjoni li l-£4 joħorġu mill-ispejjeż tal-kuratur stess. Il-vetrina li fiha Zammit ried jesibixxi l-fdalijiet ta’ Bur Mgħeż, bħad-dagħbien-qabar, tħabblet fit-tbandil tal-poter bejn il-Gvernatur u l-kuratur, bejn il-Kuruna u l-gżira.

Ir-reġim tal-esproprjazzjoni u l-protezzjoni tal-patrimonju storiku u preistoriku għal ħafna snin tħabbat ras imb ras mal-loġika tal-bini u l-iżvilupp urbanistiku ta’ ħafna bliet u rħula. Il-kuntrattur ried imexxi u x-xjentist ried jistudja u jifhem. Bejn iċ-ċokon tal-gżejjer u l-kontinwità ta’ okkupazzjoni fil-kronoloġija ta’ dawn il-gżejjer, is-suq tal-proprjetà jrid isaqqaf wiċċu kemm ma’ strutturi eżistenti kif ukoll ma’ art li fiha hemm mirdumin u midfunin strutturi qodma u fdalijiet mittiekla. Tmur fejn tmur, se ssib il-passat jew qed jindifen jew diġà midfun. Id-djalogu bejn il-kuntratturi, is-sidien tal-barrieri, u l-bennejja mal-istrutturi tal-passat huwa ħafna iktar imminenti milli x-xjentist forsi jammetti. Imma l-wirt kulturali ta’ min hu? Waqt li mixjin fi Sqaq Buhar, trejqa dejqa b’ħitan tal-franka li jgħattu l-ħofor vertiġinużi tal-barrieri fuq in-naħa tal-lemin — aħna u deħlin minn Ta’ Kandja għan-naħa ta’ Ħabel ix-Xiħ, biex induru għall-Isqaq tal-Isqof lejn il-ġnien tal-Mija, proprju fuq il-ħofra ta’ Bur Mgħeż — jien u Frans ħadna tbaqbiqa fuq dan is-suġġett. Il-gvernijiet, minn banda, dejjem użaw il-patrimonju kulturali biex iqawwu u jneffħu s-sens etnonazzjonali u biex iwarrbu u jemarġinaw gruppi ta’ nies ’il barra mill-klikka. Mhux ta’ b’xejn li, meta pajjiż isib ruħu fi stat ta’ kontinġenza, il-wirt kulturali jispiċċa dejjem misruq u mkisser. Ħu mill-Mużew Nazzjonali ta’ Baghdad. Saddam Hussein, fuq idea li kienet ilha tiġri fix-xirka tal-intellettwali minn żmien Sati al-Husri, ikkonvinċa popli li kellhom differenzi etno-lingwistiċi kbar li fil-fatt huma poplu wieħed, werrieta ta’ kultura Mesopotamika. Meta waqa’ r-reġim Ba’ath tiegħu, l-ewwel ma qalagħha kien dak l-istess patrimonju li kien żammhom magħqudin flimkien f’identità waħda. Faqgħu l-bibien tal-mużew, kissru, farrku, serqu, ħarqu, beżqu u bielu fuq l-artefatti u l-arkivji sakemm żarmaw il-memorja istituzzjonali. U ma kienx biżżejjed; wara marru għall-arkeologi, il-mużewisti, il-professuri akkademiċi u tir wara tir, ħassruhom wieħed wieħed sakemm ma baqa’ ħadd biex jiftakar u jikteb. Meta jaqa’ n-nazzjon, tinkixef il-finzjoni tal-idea tan-nazzjonaliżmu u magħha jinżel u jegħreq ukoll il-wirt kulturali. Xi ż-żobb irriduh dal-ġenn? staqsieni Frans. 

Għedtlu li maġenb dan id-diskors, teżisti wkoll l-idea li l-kultura — tanġibbli jew le — għandha valur universali. Fil-verità, wara din ir-retorika hemm mużewijiet u istituzzjonijiet bħall-British Museum u l-Louvre li jsejħu lilhom infushom universalisti u li jieħdu fuq spallejhom ir-responsabbiltà li jedukaw lil kulħadd. Dan il-proġett “tassew altruwista” kumbinazzjoni għandu fi ħdanu vetrini u swali u sulari sħaħ mimlija artefatti mill-Eġittu, il-Lvant Nofsani u l-Afrika. Bl-iskuża tal-universaliżmu, mużewijiet kummerċjali jirnexxilhom iżommu fil-kollezzjonijiet vasti tagħhom monumenti u artefatti mill-kolonji minflok ma jibagħtuhom lura. U l-Istat juża l-patrimonju mhux biss kontra stati u ġnus oħra imma anki kontra niesu stess. Komunitajiet, spiss diġà emarġinati għal raġunijiet oltre l-fatt li jgħixu fuq, jew viċin ta’, siti ta’ interess arkeoloġiku kbir, spiss jitneħħew, u spiss bl-imprimatur tal-UNESCO. Imbagħad hemm il-flus involuti fin-negozju tal-patrimonju wkoll: pajjiżi elitisti bħal Franza u l-Emirati Għarab innegozjaw bejniethom sew bl-iskuża tal-patrimonju kulturali li Franza silfet biex jitwaqqaf il-Mużew Louvre ġewwa Abu Dhabi. L-istess ġara immedjatament wara, meta Mohammad bin Salman, il-Prinċep tal-Arabja Sawdita, għamel trattati ma’ Franza biex juri li anki l-Istat tiegħu huwa progressist u kkulturat. Bqajt inredden u niċċassa lejn it-toqob fil-ħajt tal-barriera ta’ taħti, nipprova nkejjel kemm baqa’ mir-rampa li kien ordna Tagliaferro ħdejn it-tankijiet żgħar tal-armata mgħaxxa u msadda li hemm fil-kantuniera dellija taħt il-ġnien tal-Mija. Għedtlu li l-patrimonju spiss jiġi użat ukoll bħala teknoloġija ta’ vjolenza u ta’ gwerra. Fl-2014, waqt l-inawgurazzjoni tal-esibizzjoni From Assyria to Iberia fil-Metropolitan Museum ta’ New York, is-Segretarju tad-Difiża John Kerry tkellem fuq il-ħerba li Daesh kienu qed jagħmlu ġewwa s-Sirja, mingħajr ma tkellem fuq movimenti u gruppi oħrajn li kienu qed jipparteċipaw fil-ħerba wkoll u li l-Amerka kien jaqblilha li ma jissemmewx f’dan id-diskors. John Kerry għamel għajta biex issir ġustizzja minn dan, u ftit sigħat wara l-Amerka bdiet l-attakk tagħha fuq is-Sirja.

Frans kien konvint li ma baqa’ xejn minn Bur Mgħeż, li t-toqob fil-ħajt tal-barriera tan-Naxxari ma kinux parti miż-żewġ kurituri kważi paralleli tad-dagħbien-qabar. U beda jhewden dwar l-iskavar fl-arkeoloġija li jħassar is-sit ermetiku darba għal dejjem u jippreservah biss bil-kitba u r-ritratti fir-rapporti — bosta drabi inaċċessibbli, ħlief għall-uffiċjali u r-riċerkaturi. U dwar kemm hemm bżonn li ma nibqgħux inħaddnu l-idea li għandna ngħożżu l-materjalità tal-passat fl-“oriġinalità” tagħha. Speċjalment meta dawn l-artefatti oriġinali jmexxu swieq ta’ antikità li jdawru flejjes oxxenament kbar, jossessjonaw investituri u kollezzjonisti, u jagħtu spunt għall-ħerba ta’ siti arkeoloġiċi biex jinstabu biċċiet speċifiċi, daqslikieku minn fuq menù. Forsi fil-loġika tal-protezzjoni tal-wirt kulturali toħroġ ħafna iktar ċara l-verità dwar kif jaħdem il-poter fil-preżent milli dak fil-passat, jew għall-inqas ħafna iktar milli lesti nammettu. 

Milli jidher minn dawn il-files fl-Arkivji, sadattant, Gatt kellu xi laqgħat man-Naxxari li kellu f’idejh l-utile dominium tal-parti ħamra tal-għar hekk kif jidher fuq il-pjanta, kif ukoll mal-prokuratur tal-Mensa Vescovile. In-nota tas-16 ta’ Lulju 1920, x’aktarx miktuba minn Gatt stess wara laqgħa minnhom, tirrapporta li Zammit kien aċċetta l-valur ta’ £37-10-0 għall-għar u l-art ta’ fuqu imma l-prokuratur tal-Mensa Vescovile staqsa għal żieda ta’ 50% fuq l-ammont dovut lilhom. Din iż-żieda kienet miktuba f’dispożizzjoni skont l-Artiklu 12 fl-Ordinanza XI (sic VI) tal-1910. Gatt, jew forsi “HH” (mhix ċara fid-dokument), staqsa jekk, minħabba l-importanza tas-sit, din iż-żieda għandhiex tingħata u jekk Zammit għandux, allura, ukoll jieħu żieda ta’ 50%. Mit-ton tan-nota, Gatt, jew “HH”, ma jidhirx li kien wisq kuntent b’din id-domanda ta’ żieda min-naħa tal-Mensa Vescovile.

 Il-kumitat iltaqa’ fis-27 ta’ Lulju tal-1920 fl-għaxra u kwart ta’ filgħodu fl-uffiċċju tal-Lieut. Governor. Kien hemm preżenti, skont il-minuti, il-Lieut. Governor Plumer innifsu “in the chair”, Col. Edwards, is-Sur Bellanti, il-Prof. Magro, u s-Segretarju. Is-Segretarju tefa’ l-korrispondenza fuq il-mejda, bin-nota tas-Suprintendent tas-16 ta’ Lulju, u stqarr li l-fatti huma li l-artijiet ta’ Bur Mgħeż la rendew oġġetti ta’ valur storiku importanti u lanqas se jrendu sejbiet importanti fil-futur. L-artijiet ta’ Bur Mgħeż, żied jgħid, kienu mimlija xquq u dagħbien fil-blat fejn, fi Żmien il-Ħaġar, in-nies kienu jidfnu l-mejtin tagħhom. Din kienet l-unika raġuni għala l-Gvern kellu interess fl-għar. Ġo fih ma kien instab xejn ta’ valur għoli biżżejjed biex jiġġustifika żieda fil-valur fiskali tiegħu skont l-Artiklu 12. Mhux ċar kemm minn dan kollu kien fil-fatt strateġija biex il-Mensa Vescovile ma ddaħħalx iktar flus minn dal-bejgħ. Bħala Segretarju tal-Antiquities Committee, Temi Zammit ikkonferma, fid-29 ta’ Lulju 1920, li fiċ-ċirkostanzi diskussi mis-Suprintendent, l-Artiklu 12 ma jintitolax ’il-Mensa Vescovile għaż-żieda fil-valur tal-artijiet ta’ Bur Mgħeż. B’hekk, kemm il-Gvern Ingliż kif ukoll il-kumitat tal-mużew, ħadmu id f’id biex il-prokuratur tal-artijiet tal-Isqof jitlef in-negozjati. Il-logħba ta’ poter fit-trianglu tal-Imperu, il-Gvern u l-Knisja ħolqot alleanzi strambi li xi drabi ssudaw u drabi oħra tbielu.

L-ewwel ħaġa li qalli missier Frans meta ltqajt miegħu kienet li hu fil-blat kien ħadem mhux fil-ġebel. Taċ-Ċomba kellhom barriera Ħal Luqa, imma meta lestejnieha, morna ż-Żurrieq, fil-barriera ta’ Wied Blandun. Jien ma lħaqtx nisa fil-barriera imma kont smajt li xi nisa kienu jinżlu jaħdmu wkoll. Kulħadd jaf jaħdem fil-ġebel, imma l-blat iebes. Il-ġebel diġà maħdum u lest imma l-blat għadu nej fil-barriera. L-ewwel kont naħdem f’barriera tal-franka u wara f’waħda tal-qawwi. L-aqwa franka tiħmar bl-iskorċa, dik b’saħħitha. Bdejt ninduna li l-iskorċa ħamra ma kinitx biss proprjetà interna ta’ tip ta’ franka, imma okkażjoni biex jinħoloq sens fiss ta’ post, ta’ lokalità, u ta’ pika. Il-franka tal-Imqabba tiħmar meta tmiss ma’ barra għax b’saħħitha. Tal-Balal bajda kemm trid, sabiħa, kulħadd iridha għax tixgħel, imma ma tiflaħx daqs tal-Imqabba. Mhux b’saħħitha daqsha. Tal-Balal tajba għall-balavostri għax tibqa’ bajda u ma trabbix skorċa, imma l-balavostri trid tqegħedhom fl-ilma għal tlett ijiem. Ara l-balavostri tal-Imqabba m’għandekx għalfejn tqegħedhom fl-ilma. Għawdex, imbagħad, jaħslu l-franka bil-ħalib li fih ix-xaħam. Il-franka ħelwa, qalli, ma taqtagħlekx idek. Tal-qawwi ħarxa, tigirfek u tqattgħak; ġieli kont indum tliet xhur biex tgħaddili qatgħa b’tal-qawwi. Għalxejn kont nidlikha bit-trab tal-franka biex tfiqli; meta tħallat it-trab ma’ ftit ilma, il-franka tiggomma u taf tfejjaq. Qalli li kienu jgħidu li l-ġebel tat-tempji minn ta’ żmien id-dulluvju u li kienu jsibuhom fil-lunu, dak is-saff mirdum mill-ħamrija fil-wiċċ tal-barriera. Id-dulluvju taqsira komda biex tfiehem dak kollu li l-oriġini tiegħu ġie midfun taħt l-għargħar li hu ż-żmien. Illum il-barriera tagħmel iktar flus timlieha u tordomha milli taqta’ l-ġebel minnha. Fi żmieni kienu jimlewha bil-ħamrija u jiżirgħu l-larinġ; naħseb li l-punt kien li ġol-barriera ċ-ċitru ma jilħqux il-melħ tal-baħar. Il-franka llum qoxra fil-bini. Ġewwa kollu briks. ’Qas issib min jaħdimha. 

Fit-2 ta’ Awwissu 1920, in-nutar wissa li għalkemm il-klawsola timpedixxi li l-valur tal-art jitqies barra mill-valur ta’ dak li jinsab fuqu jew ġo fih, f’dan il-każ il-valur presuppost tal-materjali Neolitiċi, xorta waħda l-ammont dovut mill-Gvern jista’ jiżdied b’bejn għaxra u ħamsin fil-mija. Sikkome r-rapport oriġinali qal li l-għar huwa ta’ importanza tremenda għall-arkeoloġija, allura l-valur huwa kbir u l-valutazzjoni għandha tqisu dan. Għaxart ijiem wara, Temi Zammit laqqa’ l-Antiquities Committee u l-membri ddeċidew li l-prezz tal-artijiet ta’ Bur Mgħeż għandu jogħla b’għaxra fil-mija. Skont nota tat-12 ta’ Awwissu 1920, ma kien hemm l-ebda vot li minnu setgħet tittieħed is-somma ta’ flus u Zammit wieġeb lit-teżorier li kien hemm bżonn jinħareġ permess speċjali taħt l-istimi għax-xiri ta’ proprjetà. F’każijiet bħal dawn, l-ispiża kienet tiġi awtorizzata mill-istimi supplimentari, li kienet tgħaddi mill-kumitat eżekuttiv, il-kunsill tal-Gvern, u s-Segretarju tal-Istat. It-teżorier hawnhekk issuġġerixxa li jekk il-fondi tal-Esplorazzjoni u Akkwisti tal-Antikitajiet ma jifilħux iħallsu għall-artijiet ta’ Bur Mgħeż, u jekk l-esproprjazzjoni kienet urġenti, allura s-somma setgħet titħallas minn fondi oħrajn u l-bilanċ jitħallas mill-istimi supplimentari meta dawn jerġgħu jiżdiedu.

 F’waħda mill-barrieri ħdejn Ta’ Kandja, missier Frans qalli li missieru rabbiehom jaħdmu fil-blat. Id-dagħbien fil-barriera daqqa mimli ċagħaq u għadam tal-annimali, u daqqa jiftaħ, issib xi għar li jista’ jkollu anki stalagmiti u stalaktiti. L-agħar meta ssib xi għajn tal-ilma, għax dik twebbes il-blat u twaqqaflek ix-xogħol. Dawwarli ħarsti lejn il-ħajt tal-barriera u qalli li dik kollha franka imma ta’ tipi differenti. Staqsejtu x’jisimhom u tbissem. Jaf li għandhom isem tekniku, imma hu mhux hekk jafhom. Ma kellux aptit jitkellem wisq, imma meta staqsejtu, weġibni li hemm il-ħarira, kollha ċagħaq fil-qiegħ tal-franka. Ommu kienet tgħidlu li xi darba dik kienet qiegħ il-baħar. Hemm tal-faxx, safra jew bajda, tal-faċċati. Mhix soll; tintuża għall-bini. Imma biex tibni sew taf xi trid? Trid ġebel mill-faxx griż fil-kannella. Imbagħad hemm tal-qanneb. L-abjad ta’ taħt mhux b’saħħtu; jitfarrak u jittiekel. Għedtlek li hemm ukoll is-saff tal-franka mimli tikek tas-soll? Issa m’għadux jaqta’ l-blatIssa ma ssibx lil min jaħdem fil-barrieri, m’hawnx is-saħħa ta’ dari. Taqlagħha aħjar jekk timlieha milli taqtagħha. Rajtu jħares lejn iż-żrar ta’ taħt saqajh. Kos, meta toqgħod tqis li tħaffer u taqla’ post u tieħdu xi mkien ieħor; wara d-dar ta’ ħija l-Imqabba hemm ir-radam tat-triq il-kbira ta’ Santa Venera.

Iktar ma nżilt ’l isfel fil-barriera, iktar żdiedet is-sħana. Il-ħajt tal-barriera, qalli missier Frans, ix-xiħ ma jagħrfux kieku jarah. Bl-inġenji li hawn illum, ix-xiħ ’qas kien jagħraf li barriera. Illum l-uċuħ tal-ħitan lixxi. Missieri kien b’saħħtu; il-barriera riedet is-saħħa. Illum is-saħħa żejda, l-inġenji, dawl u diesel u jagħmlu kollox. Il-ħajt tal-barriera kollu daqqiet tal-mazza kien; meta ddur fuqu x-xemx, isir deheb u l-ġebla tibda ssebbaħ is-sema kaħlani. Bqajt nieżel sal-fond tal-barriera waħdi, u fuq wieħed mill-ħitan xi ħadd kiteb “sexy” bi spray aħmar. Bħal dehra ta’ feminilità mistika fil-fond ġeoloġiku tal-blat li taljenak, tnessik, u tħallik għaddej iċċenċel, taqta’ u tgħabbi l-ġebel waranofsinhar, f’ħamsin grad ġewwa qiegħ ta’ barriera l-Imqabba, imdawwar biss bi rġiel għarqana, maktur marbut ma’ rashom, żaqqhom barra, xorz tal-jeans bla ċinturin u bix-xaqq ta’ sormhom muswaf quddiem wiċċek. B’kelma waħda, il-barriera nbidlet f’teatru tad-deżiderju u l-wiċċ tal-ħajt sar il-palk li fuqu hemm din ix-xbieha mfassla minn erba’ ittri qalb l-omoerotiċiżmu tal-lant tax-xogħol. Jew forsi min kitibha kien qed ifaħħar ’il-franka stess, dik il-franka li fis-sħana qawwija tal-qiegħ ta’ barriera tieħu xbihat femminili, erotiċi u effimeri.

In-Naxxari u l-Isqof minn kollox ippruvaw jagħmlu biex idawru lira żejda minn dan il-kuntratt, minn fuq dahar il-mejtin tad-Debdieba u Bur Mgħeż. Fil-25 ta’ Settembru 1920, qablu fuq żieda ta’ għaxra fil-mija. B’hekk, ħareġ il-ħlas taħt S.W. no 145 fl-1 ta’ Ottubru u ġimgħa wara, it-teżorier Huber ħareġ l-Att tat-Trasferiment ta’ Proprjetà. Xahar wara, però, Huber kiteb li Alfons Maria Galea, bħala Economo tal-Mensa Vescovile, kellu jġib is-sanzjoni ekkleżjastika għat-trasferiment tad-directum dominium tal-artijiet ta’ Bur Mgħeż, imma sal-bidu ta’ Diċembru kien għadu ma ġab xejn. Min-naħa l-oħra, Michele Zammit, li kellu l-utile dominium temporanju, ma kien ipprovda l-ebda dokument li juri li t-titlu kien fil-fatt tiegħu.

Michele Zammit kien qed isostni li l-flus dovuti lilu kienu jkopru żewġ affarijiet: il-ħlas għal xogħol li kien qabbdu jagħmel il-Gvern fuq is-sit (£30) u l-prezz tal-art li kien qed jgħaddi lill-Gvern stess. Staqsa biex il-ħlas tax-xogħol isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u li jsir separatament mill-ħlas tal-utile dominium tal-art. In-nutar qal li jekk l-għaxra fil-mija li riedet il-Mensa Vescovile kienu wkoll se jingħataw lil Zammit, allura dawk l-għaxra fil-mija kellhom jitqiesu fuq il-valur tal-art biss u jeskludu s-somma għax-xogħol li Zammit kien għamel. Dakinhar stess, it-teżorier kiteb lill-Gvernatur u lill-Aġent Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi. F’nota tal-4 ta’ Diċembru ġie infurmat li s-somma ta’ £37-17-0 kienet kollha għall-utile dominium, kif kien hemm miktub fuq il-pjanta. Is-somma li semma Zammit għax-xogħol li qal li kien għamel ma kienet imsemmija fl-ebda dokument u l-Aġent Suprintendent ordna biex Zammit jispjega sew dan il-ħlas x’inhu. Sadattant, Michele Zammit kien mar għand l-Aġent Suprintendent, fit-2 ta’ Diċembru 1920, u spjegalu li kemm Tagliaferro kif ukoll Temi Zammit kienu staqsewh biex jagħmel xi titjib strutturali fuq is-sit; l-Aġent Suprintendent, però, ipprova jargumenta li dan ix-xogħol kien diġà meqjus meta saret il-valutazzjoni tal-post u li m’għandux jitqies barra l-utile dominium. L-Aġent Suprintendent kiteb li ma kienx qed jemmen lil Michele Zammit, speċjalment għaliex Zammit kellu bżonn il-flus u allura beda jaħseb li pprova jġib ħlas żejjed billi jisfrutta dawn in-negozjati. Jumejn wara, fit-23 ta’ Diċembru, it-teżorier għamel nota li d-domanda ta’ ħlas ta’ Zammit kienet bla bażi u żied jgħid li kien hemm bżonn konferma jekk Zammit riedx ikompli bin-negozjati bit-termini diġà stabbiliti. Jekk le, allura jkollhom jibdew il-proċeduri legali u jkollha toħroġ dikjarazzjoni ġudizzjarja. Żied ukoll li n-nutar, però, forsi jirnexxilu jikkonvinċi lil Michele Zammit li kien ikun inutli jekk joġġezzjona għal dan. 

In-Naxxari beda jitfa’ l-bsaten fir-roti biex jara x’se jakkwista. Fit-22 ta’ Jannar tal-1921, in-nutar kiteb li Alfonso Maria Galea bagħat kopja tad-digriet tal-Arċisqof, miktub fil-15 ta’ Jannar, u tal-applikazzjoni. Il-problema kienet li n-Naxxari baqa’ jgħid li jrid jitħallas £30 għax-xogħol li kien imqabbad jagħmel minn Tagliaferro, li issa kien mejjet, u Temi Zammit. Temi Zammit qalilhom li x-xogħol tan-Naxxari, fil-fatt, ma kienx fuq is-sit proprju imma fuq ir-rampa mmarkata X bil-lapes min-nutar fuq il-pjanta, fuq barra tal-għar li kien qed jinbiegħ. Hawnhekk, in-nutar għamel nota biex is-Suprintendent jagħti daqqa t’għajn oħra lejn il-karti u jerġa’ jqis id-domanda ta’ Michele Zammit. Min-naħa tiegħu, is-Suprintendent staqsa lil Temi Zammit biex jikkonferma li Michele Zammit kien imqabbad jagħmel dan ix-xogħol. Temi Zammit ikkonferma dan l-għada. Kiteb li meta l-għar kien inkixef, l-aċċess għalih kien diffiċli immens. Tagliaferro, allura, kien staqsa lill-proprjetarju tal-barriera biex itella’ rampa li minnha jkunu jistgħu jidħlu fl-għar. Zammit jgħid li sa fejn jaf hu, is-sid tal-barriera ma kienx tħallas minn Tagliaferro ta’ dan ix-xogħol li kien għamel.

Frans kien qed isawwar kopja ta’ waħda mill-figurini li nstabu minn J. G. Vance ġo Ħaġar Qim u qalli li meta beda jagħmel dawn il-figurini ma kellu l-ebda esperjenza. Issa ilu tliet snin għaddej, ġieli jagħmel is-sigħat kuljum; il-franka malajr tidraha għax iddur ma’ jdejk. Toqgħodlok! Kien qed jagħmel ukoll figurini żgħar u tondi. Trid toqgħod attent għat-tidwira tal-ispalla, il-biċċa li tinżel ’l isfel. Jien ma tantx naf fuq id-differenza bejn it-tipi ta’ franka imma li naf hu li ma tridx tkun xi għaref xjentist biex taħdimha. Trid il-ħin, trid tħares lejha; il-logħba hi li int tmexxiha u fl-istess ħin tħalliha tmexxik hi. Il-franka l-bajda tgħidlek hi biex tagħmel forom tondi biha; is-safra iebsa, u tmexxik hi lejn linji aktar dritti, bi truf ippuntati u mhux imdawrin. Aħjar jekk qed taħdem fuq forom angolati u li tridhom iżommu għal żmien twil. Mexa miegħi fl-Isqaq tal-Isqof. Qalli li r-rampa ta’ Tagliaferro seta’ jaraha sew. Illum hemm żewġ Nissen huts jew tlieta, outboard imfarrka ta’ speedboat, kmamar imsakkrin, il-ħajbu tal-militar Ingliż u l-fatat ta’ Ċetta Pizzi, l-eku tal-ispnajjar u biċċiet imfarrkin ta’ njam imxarrab li darba kienu infilsati fix-xquq tal-blat biex jintefħu u jixpakkaw il-folji tal-franka. Rajna lil Tagliaferro jixxabbat biex jipprova jasal sal-bokka tad-dagħbien, ponn snien f’idu, u lil Michele n-Naxxari jidgħi għax ħxewlu skoss flus bl-imbarazz u l-mejtin tagħhom.

Fl-14 ta’ Marzu 1921, is-Suprintendent kiteb li r-rampa kellha tiġi meqjusa separatament mill-art li l-Gvern kien qed jixtri, u li n-Naxxari kellu jitħallas tax-xogħol li kien għamel fuq ordni ta’ Tagliaferro. Jinnota li jekk is-somma ta’ £30 kienet meqjusa fil-valur tal-utile dominium, allura l-pjanta kellha tiġi riveduta u jinbidlu d-dettalji fiha. Jumejn wara, it-teżorier irrimarka li kellhom isiru trattati man-Naxxari qabel l-Att ta’ Trasferiment iseħħ. Fil-11 ta’ April, l-Aġent Suprintendent ħareġ kont ta’ £26-2-0 lil Michele Zammit u ordna li jitħallas minnufih jekk il-kont fih biżżejjed flus. Iżda flus ma kienx hemm; Temi Zammit irrisponda fil-15 ta’ April li fis-sena fiskali ta’ qabel ma kien hemm l-ebda spejjeż fuq l-ispecial warrant u staqsa biex jinħarġu £75 fuq warrant ġdid. Special Warrant No 8 ħareġ fl-20 ta’ April 1921.

Fil-15 ta’ Lulju, Gatt, in-nutar tal-Gvern, tefa’ l-attenzjoni fuq Memo mehmuża u mmarkata Z li tgħid li, għalkemm fl-aħħar irnexxielu jistabbilixxi t-titlu ta’ Michele Zammit għall-utile dominium fuq l-art li fil-pjanta hija mmarkata bl-aħmar X u li se tinxtara mill-Gvern, il-mistoqsija hija: min fil-fatt għandu jitħallas għall-utile dominium? In-nutar, imma, ipprova jaqbeż lil Michele Zammit; qal li f’ċirkostanzi normali, kienet tkun il-Mensa Vescovile bħala sid superjuri tal-art li titħallas tal-utile dominium u li fil-fatt l-ewwel ipotekarju ta’ Michele Zammit kien is-Seminarju ta’ Malta u li l-ħlas kellu jsir lill-amministratur tas-Seminarju. Fil-Memo Z mehmuża mad-dossier MUS 1196-20 insibu nota li fiha n-nutar jgħarraf lis-Seminarju biex iġedded minnufih ir-reġistrazzjonijiet Vol: I Numri 2553+4069-1891 qabel jiskadu, biex is-somma ta’ £11-15-0 tkun tista’ titħallas lill-amministratur — minflok lil Michele Zammit. Fil-korrispondenza bejn in-nutar u t-teżorier ta’ dan il-perjodu, isir il-qbil fuq dan u jinkiteb l-abbozz tal-kuntratt.

Fix-xhur ta’ Awwissu u Settembru, in-nutar, it-teżorier, u s-Suprintendent ftiehmu li l-għaxra fil-mija kellhom jiżdiedu mal-£11.15 li kien il-valur bażi tal-art, u li r-rampa kienet parti integrali tal-lokal. Jikkonkludu wkoll, wara xi żbalji li kienu saru fl-abbozzi tal-bidu, li l-Att ta’ Trasferiment ta’ Proprjetà kellu jinkludi referenza għall-aċċess tal-Gvern bil-karretta minn fuq ir-rampa skont il-passaġġ indikat bl-aħmar fuq il-pjanta. Jiddeċiedu wkoll li l-Economo tal-Mensa Vescovile jingħata t-tletin fil-mija żieda li kien talabhom. Il-problema, ovvjament, kienet li biex isir dan kellhom jiltaqgħu Michele Zammit, Alfons Maria Galea u r-Rev. Magnani ta’ Rabato Notabile, speċjalment minħabba l-fatt li Michele Zammit ma kienx se jieħu sold mill-bejgħ tal-art ta’ Bur Mgħeż.

Jekk il-materjalità tas-sit ta’ Bur Mgħeż tkissret u ntradmet, fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta s-sit insibuh qawwi u f’saħħtu fin-noti, fil-minuti u fil-korrispondenza bejn il-kuratur tal-Mużew, Temi Zammit, is-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi Lorenzo Gatt, u t-teżorier Joseph Huber rigward l-akkwist tas-sit ta’ Bur Mgħeż mill-Gvern. F’din il-memorja istituzzjonali tal-arkivji, l-identità tas-sit ta’ Bur Mgħeż toħroġ mill-intriċċi li żvolġew wara li Tagliaferro skopra d-difniet ta’ ġo fih u l-parafernalja funebra li feġġet meta skavah. Imxejt fil-qilla tax-xemx ta’ waranofsinhar fl-Isqaq Tal-Isqof, nimxi mal-mappa ta’ Gatt biex nikser mal-ġnien tal-Mija, kantuniera xtieli, bramel tal-plastik, pjanċi tal-fdewwex, u kaxex tan-naħal. Biċċa mir-rampa li bena n-Naxxari għal Tagliaferro biex jidħol fl-għar għadha hemm, miżbla ġebel tar-radam ħdejn in-Nissen Huts tal-militar Ingliż. Fejn il-fdalijiet tar-rampa jaqtgħu ħesrem kien hemm il-bokka tal-għar, il-fetqa li d-dagħbien kien jofroq fil-blat tal-franka u li minnha kien sar id-dħul għaċ-ċimiterju preistoriku. Hawnhekk Tagliaferro daħal fil-bokka u beda jħaffer fil-konglomerat tal-ħamrija u beda jsib il-fdalijiet tal-iġsma fuq xulxin. L-idea li kellu li d-dfin kien fil-ħamrija kienet ovvjament żbaljata; il-ħamrija daħlet fil-ħames kompartamenti tal-għerien mit-toqob li kienu nqatgħu fis-saqaf tad-dagħbien li jagħtu għal barra, li Temi Zammit kien konvint kienu miftuħa mid-deffiena stess. Wieħed fuq wieħed, l-iġsma tħalltu maċ-ċagħaq u t-tavli tal-franka li kien hemm magħhom kif ukoll mal-frak tal-buqari u l-iskutelli tal-fuħħar, ir-riħa ta’ ħxejjex u fjuri tal-vjoletta u l-erba’ bebbux tal-baħar, tnejn minnhom żibeġ, it-tnejn l-oħra bebbux-buttuni. Bebbux-buttuni forsi bħal dawk li bihom kienet iżżomm maqfula ċ-ċinta tad-dublett dik il-mara tal-figurina mimduda fuq sodda baxxa mistrieħa, jew mejta, fuq il-lemin ta’ ġisimha, ħaddejha fuq l-imħadda, driegħha tal-lemin quddiem wiċċha, idha tax-xellug isserraħ fuq il-minkeb tal-lemin, sidirha taħt dirgħajha, minn qaddha ’l isfel imlibbsa b’dublett magħmul minn biċċiet tal-ġlud meħjutin flimkien u bit-truf ta’ xenxilli mdendlin.

Daħħalt idi fit-toqob bejn il-ġebel safrani fil-qiegħ tas-sejjieħ u ħassejt, umduża u kiesħa, it-terra tal-franka, trab bellusi li ġo fih kont naħbi l-fossili li kont naqla’ mill-uċuħ tal-ġebel. Ftakart fis-sjuf ta’ tfuliti, waħdi fid-dell ta’ waranofsinhar, ninbex ’il-wiżgħa li tidħol tistaħbieli fix-xquq. Ftakart fis-seħer tal-ewwel bebbux li sibt midfun fil-blat ħdejn il-baħar, id-difna ġeoloġika li traħħam il-ġisem. Meta omm ommi qalulha li żewġha kien miet, daħlet tolfoq f’kamritha u ħarġet wara kwarta b’kuruna tar-rużarju tal-perla roża li kienet taħbi fil-kexxun tal-komodina ħdejn il-flus u l-karti tal-isptar. Keffnitu fil-libsa li żżewwiġha biha li kienet ilha għandu fuq ħamsin sena. L-arloġġ u ċ-ċurkett ma tathomlux biex joħodhom miegħu, għax jidħlu jisirquh. Meta mietet hi, ommi libbsitha l-isbaħ libsa li kellha, li kienet tilbes meta n-neputijiet jagħmlu l-preċett jew jiżżewġu. In-nanniet ma kellhomx għażla ta’ lbies tal-okkażjoni ħlief waħda, li serviethom għall-eternità li ma ħasbux għaliha. Meta ċempluli mill-isptar biex ninżel għax ommi kienet qalbet għall-agħar, m’għaddilix minn moħħi li nlibbisha. Wara li t-tabib tax-shift ikkonkluda li l-parametri ta’ ġisimha ma tawx aktar ħjiel ta’ polz u ħajja, keffnuha malajr fil-libsa tal-isptar stess. Ilbies tal-okkażjoni kellha ħafna, imma meta wasalt bil-basket tal-plastik abjad li fih kien hemm ħwejjiġha li tant kienu jixirqulha, kien tard wisq għax kienu diġà ħaduha. Ftaħt il-basket u daħħalt rasi fih. Ir-riħa tagħha kienet ħelwa u nadifa u ppruvajt nissikka l-basket magħluq kemm stajt biex nipprova nsakkar u naqfel ir-riħa tagħha ġo fih. Żammejt ħwejjiġha ġo kamarti, u lilha dfintha fil-libsa li mietet fiha. 

Id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Umani tħalli barra d-drittijiet tal-mejtin u ma tgħidilna xejn fuq il-limiti morali u d-dinjità tal-ġisem bla ħajja. Għalkemm il-mewt spiss tinftiehem bħala l-waqfa tal-proċess omjostatiku tal-organiżmu u miegħu t-tibdil bijokimiku li minnu joħorġu strutturi ġodda li mhumiex is-suġġett innifsu, fatturi tafonimiċi jħallu partijiet mill-ġisem tas-suġġett preżenti fl-ambjent fiżiku tad-difna. Id-dinjità postuma, allura, titqies fuq żewġ livelli: hemm dak li jqis id-dinjità tal-mejjet bħala suġġett li kellu fiżjoloġija u bijografija, u hemm dak li jwarrab dan kollu u jelabora ħsieb dwar id-dinjità tal-materja mejta nnifisha. Hemm distinzjoni enormi bejn meta toħroġ fdalijiet ta’ ġisem Neolitiku minn ġo qabru u meta toħroġ wieħed ta’ persuna li magħha taqsam affinitajiet kulturali u prossimità kronoloġika. Iktar ma mmorru lura fiż-żmien, iktar inneħħu mill-umanità tal-fdalijiet u forsi mid-dinjità tagħhom. Bosta drabi, l-etika tirrikjedi li l-istudju jġib lura t-temporalità tal-mejtin li naqilgħu minn qabarhom, biss l-ermenewtika fenomenoloġika, kemm ta’ Heidegger kif ukoll ta’ Gadamer, tfakkarna u twissina li dan huwa wkoll stedina għall-kostruzzjoni tal-alterità. Jekk inħallu warajna l-idea li l-moralità hija l-ġuriżdizzjoni tas-suġġett awtonomu u ħaj, u nfittxu ħsieb naqra iktar sottili, forsi nindunaw li l-ħajja tista’ tiftiehem biss jekk inħarsu lejha mill-mewt u mill-parafernalja tal-fdalijiet ta’ ġisimna li jħallu warajhom il-proċessi tafonomiċi. Li nippruvaw nifhmu l-ħajja mil-lenti tal-mewt huwa forsi l-akbar att morali li nistgħu nagħmlu għax forsi l-mewt biss tista’ tagħtina ftit sens dwar it-totalità tal-ħajja. U jekk inġorru dan il-ħsieb magħna, allura forsi naħdmu mal-fdalijiet tal-mejtin b’mod iktar dinjituż. Sadattant, il-fdalijiet tal-mejtin ta’ Bur Mgħeż għadhom magħluqin fil-kxaxen tal-kantina tan-Natural History Museum ġewwa Londra, imneżżgħin minn kull dinjità u prassi etika tar-riċerka xjentifika fil-preżent .

Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, ir-Rabat, għall-permess biex nikkonsulta u nippubblika d-dokumenti fid-dossiers MUS 1196-20, CUR 3118-11 u CUR 2052-12. Ukoll lil Charles Farrugia u Noel Buttigieg  li ddiriġewni kemm għal xogħol li kien sar fuq Bur Mgħeż kif ukoll għall-kitbiet dwar in-Naxxari, u lil Melvin Theuma tal-għajnuna waqt ir-riċerka. Ukoll Lil Sharon Sultana għar-referenza għall-minuti tal-Antiquities Committee. L-epigrafu huwa meħud mill-poeżija ta’ Marjanu Vella “Ħitan tas-Sejjieħ. Hemm qari tagħha hawn. Ta’ Noel Buttigieg ikkonsultajt “L-Imqabba fil-Bidu tas-Seklu XX: Xi aspetti tal-ħajja soċjali fi żmien it-twaqqif tal-każini” f’Sicut Lilium: Devozzjoni u Ritwal tul is-Sekli, Charles Farrugia, editur, ippubblikat fl-2012 tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, Mqabba. “Bur Mgħeż u Tan-Naxxari” ta’ Charles Farrugia kien ippubblikat fil-programm tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-2016. “Hercules’ Unfinished Labour: the management of Borg in-Nadur and its landscape” ta’ Reuben Grima deher f’Site, artefacts and landscape — Prehistoric Borġ in-Nadur, Malta, editjat minn Davide Tanasi u Nicholas C. Vella ippubblikat fl-2011 minn Polimetrica International Scientific Publisher f’Monza. Id-diskors ta’ John Kerry tal-2014, waqt l-inawgurazzjoni tal-esibizzjoni From Assyria to Iberia fil-Metropolitan Museum ta’ New York huwa disponibbli mill-arkivju online tas-Segretarju tal-Istat Amerikan. Għal dan l-esej qrajt ukoll “The Dignity of the Dead: Ethical Reflections on the Archaeology of Human Remains” ta’ Brais X. Currás u Lydia de Tienda Palop li deher f’Ethical Approaches to Human Remains, editjat minn K. Squires, D. Errickson, N. Márquez-Grant, ippubblikat minn Springer, Cham, fl-2019.

Aqra l-parti li jmiss:

Qegħedtha ġo qabar fuq l-Għolja tal-Ħorr

Wasalt l-Imqabba minn Ħal Lija bil-pass. Dħalt mit-triq tas-Siġġiewi għan-naħa Ta’ Kandja, dort fejn il-Ħabel ta’ San Pawl għal Tas-Sejba u ksirt fuq ix-xellug għall-inħawi ta’ Ħabel ix-Xiħ. Fit-triq Ta’ Kandja, taħt ix-xemx ta’ nofsinhar, kien għaddej konvoj ta’ trakkijiet tal-kostruzzjoni, wieħed wara l-ieħor. M’għadhomx it-trakkijiet tal-kabina ħamra mżejna bit-tberfil u l-laqmijiet tas-sidien, iġorru vjaġġ knaten għall-bini; issa Iveco u Leyland DAF iġorru terrapien u materjali kimiċi impurtati. It-triq dejqa, u t-trakkijiet isuquhom maġenbek. Id-duħħan li joħroġ maħnuq minnhom jitħallat mat-trab li r-roti jtajru minn mal-ġenb tat-triq, munzelli trab fin griż li jidħol fil-pori ta’ ġismek u ġo ħalqek. Trab li jidfen kollox taħtu, inebbaħ li kollox irid jerġa’ jintradam. Mal-ġenb tat-triq, it-trab jitħallat ma’ pakketti u loqmiet tas-sigaretti mgħaffġin, biċċiet tal-ħobż niexef, fliexken tal-plastik mgħattnin, xtieli tal-ferla ta’ Malta, qanċlita u liftija ħerġin minn ġol-ħitan tas-sejjieħ. Il-ħsejjes anzjużi tal-vetturi, il-brejkijiet f’salt meta jindunaw bik miexi, il-ħornijiet ittikati biex iżżul min-nofs, il-gass ivenven tal-karozzi bin-nitro, id-diski jċerċru mill-vetturi, it-tħaffir fit-toroq bil-gafef jissieltu biex jifqgħu l-art, u t-tluq ta’ ajruplani minn Ħal Luqa għal fuq il-medda tat-Tramuntana tal-gżira flimkien jikkonfoffaw biex joħolqu s-sonorità tat-triq Ta’ Kandja fid-daħla tal-Imqabba. Meta nżilt minn Sqaq Buhar u dort għal Tal-Isqof, is-sħana kienet fnietni u sibt kantuniera dellija mal-ħajt tal-barriera ta’ quddiem il-ħofra fejn kien hemm l-Għar ta’ Bur Mgħeż. Ta’ min kienet il-barriera ma nafx, u allura lanqas naf isimha, imma mal-ħajt tagħha sibt biżżejjed dell u kenn biex nistrieħ. Tfajt fuq rasi l-ilma kiesaħ kollu li kelli imma nxift f’ħakka t’għajn. Ħarist madwari. Meta tħares konxjament lejn dak li hu l-familjari, tibda tinnota li qisek qatt ma tkun ħarist lejh qabel. Meta tifli sew dak li mingħalik taf b’għajnejk magħluqin, issib li hu stramb, qisu nbidel quddiem wiċċek u int ma ndunajtx, bħallikieku xi ħadd qarraq bik u wriek ħaġa b’oħra. Qisu dak li naħsbu li nafu sew, fil-verità mhu xejn ħlief ideal effimeru. Tieqaf u taħseb fuq ismek fit-tul u wara ftit tintebaħ kemm hu aljen, kemm m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li int mingħalik li int. Tħares lejk innifsek biex issib min int fuq it-territorju tal-ġilda mifruxa fuq l-istrutturi anatomiċi ta’ ġismek, u ma ssibekx. Dawwart ħarsti sew lejn il-barriera u rajt xtieli tal-kappar ħerġin mix-xquq tal-ħitan tas-sejjieħ li jdawruha, tawwalin bħalma qatt ma rajthom qabel, ixebilku ’l isfel għal fuq il-ħajt tal-barriera — qoxra trab jitmermer tal-franka safranija li anki fil-qilla tas-sħana tidher niedja — u jiltaqgħu mat-tlugħ tas-siġar tat-tin li kibru mill-qiegħ. Il-kappar u t-tin kienu f’patt bejniethom biex jgħattu d-dagħbien, li kien mimli ċagħaq u ħamrija. Siġar tal-ħarrub u tar-rummien, molol tas-saqqijiet imsaddin, kisi tal-ħitan tal-kmamar tal-banju mormi, forn tal-kċina, terrapien tal-gafef: ix-xquq tal-barriera ta’ maġenb Bur Mgħeż iġorru mirduma ġo fihom it-tifkiriet tal-ewwel ġisem mejjet li tniżżel ġo fihom, imqiegħed ikkurat u mżejjen fil-kurituri mdallma tad-dagħbien taħt l-għelieqi fejn ġrew iċ-ċriev.

Dekorazzjoni art-nouveau