Fl-2024 ktibt lil Roberta Metsola, użajt dak li ħsibt li naf fuq kif jaħsbu u jaġixxu l-politikanti, stħajjiltni xi manipulatriċi prima. Kienet għadha kif ġiet rieletta fil-Parlament Ewropew u kkonfermata bħala l-President. Semmejtilha lilek, li għadek tarbija, fuq kif irrid li Metsola tkun ta’ mudell għalik ’il quddiem, bħala mara Maltija li laħqet fi rwol influwenti u influwenzat fis-sewwa. Fuq kif twaħħaxt nara, fuq X, ritratti ta’ trabi maqtulin, maħruqin, maħlulin, inkella ta’ trabi ħajjin imma b’partijiet minn ġisimhom nieqsa, jew ta’ ommijiet ħajjin, imma jixhru ’l uliedhom mejtin. Metsola weġbitni, hi jew probabbli xi ħadd mit-team tagħha. “I will always keep doing everything in my power to make you and your daughter proud.”