Tagliaferro kien ilu jaħdem fid-dgħaben tal-blat ta’ Malta mill-1892, u studja diversi minnhom, fosthom dawk ta’ Ħaż-Żebbuġ, Ta’ Xolxa fiż-Żejtun, u d-dagħbien Ta’ Kordin. Iżda minħabba li l-lokalitajiet tal-Imqabba, il-Qrendi, u s-Siġġiewi huma magħrufa sew għall-barrieri tal-franka, u minħabba li l-biċċa l-kbira tal-għerien u dgħaben ossiferi jseħħu f’din il-formazzjoni Mijoċena ta’ blat, mhux sorprendenti li ħafna minnhom instabu hawn minn dawk li kienu qed jaħdmu fil-barrieri jew fl-għelieqi u r-raba’. Huwa wkoll għalhekk li ħafna mir-riċerka mwettqa fuq dawn it-tip ta’ siti saret f’dawn l-inħawi. L-Imqabba biss kellha bosta dgħaben ossiferi, fosthom dawk magħrufa bħala Ta’ Kandja, Tas-Sejba, Tal-Ġnien, Tal-Ħerba, Tax-Xantin, Ta’ Pupull u Ta’ Bur Mgħeż, li ġibdu ħafna kurżità xjentifika min-nofs is-seklu dsatax ’il quddiem. Tagliaferro ġibed l-attenzjoni lejn għar naturali fil-Pergla ż-Żgħira ħdejn ix-Xagħra, Għawdex, li bħal f’Bur Mgħeż kien fih fdalijiet ta’ annimali u bnedmin kif ukoll bċejjeċ ta’ fuħħar Neolitiku; ma setax ma jsemmix ukoll Għar Dalam fejn kienu nstabu għadam ta’ speċijiet estinti ta’ annimali fid-depożiti t’isfel, u taħlita ta’ għadam ta’ annimali domestiċi u bnedmin, kif ukoll fuħħar fis-saffi ta’ fuq. Iżda l-iskoperta kbira tiegħu kienet dik ta’ Bur Mgħeż li fih kienu nstabu fdalijiet ta’ bnedmin u ta’ annimali u li fosthom kien hemm għadd kbir ta’ fdalijiet ta’ speċi estinta ta’ ċerv. Tagliaferro kiteb dan l-artiklu sena wara li kien ħadem fuq is-sit ta’ Bur Mgħeż, u billi poġġieh fil-kuntest tad-dgħaben ossiferi l-oħra li kienu magħrufa, seta’ juri l-importanza tiegħu minħabba li kellu evidenza estensiva tar-ritwali tad-dfin fil-perjodu Neolitiku.
Ftit qabel ix-xogħol ta’ Tagliaferro, il-kitbiet ta’ John Henry Cooke u Andrew Leith Adams dwar il-vjaġġi esploratorji tagħhom lejn Malta kienu ħarġu fil-qafas kulturali ġdid tal-evoluzzjoni u l-estinzjoni, u li f’dagħdigħa Darwinjana dawn studjaw ir-rekord tal-fossili mill-qrib ħafna sabiex isaħħu l-ipoteżijiet xjentifiċi li kienu qed jiġu diskussi dak iż-żmien. Fl-istess żmien, fil-qalba tal-imperu bdew jinxterdu ideat dwar id-domestikazzjoni tat-territorji kolonjali tal-Kuruna Ingliża. Dawn it-tnejn kienu parti minn diskors xjentifiku li beda jinxtered fil-periferija kolonjali u allura ma damx wisq ma wasal Malta wkoll. Hija minn din it-tradizzjoni li ħarġu kemm l-iskoperti ta’ Tagliaferro, kif ukoll ix-xogħol li sar wara minn Temi Zammit, George Sinclair, Thomas Ashby, Giuseppe Despott u Dorothea Bate fid-dagħbien-ċimiterju ta’ Bur Mgħeż u dgħaben oħra fl-Imqabba.
Fir-rapport tal-85 laqgħa tal-British Association for the Advancement of Science, li saret f’Manchester mis-7 sal-11 ta’ Settembru 1915 u ppubblikat f’volum ta’ kontributi f’Londra fl-1916, Giuseppe Despott ippreżenta rapport estensiv dwar l-investigazzjonijiet tiegħu tad-dgħaben Tal-Ħerba u Bur Mgħeż. Il-barrieri f’Tal-Ħerba, magħrufa wkoll mal-Imqabbin bħala l-Barrieri Ta’ Guzzi, kellhom numru ta’ dgħaben fil-blat tal-franka li kienu ta’ importanza kbira għall-istudju kemm tal-paleontoloġija kif ukoll tal-arkeoloġija, tant li Despott kiteb dwarhom possibbilment fi żmien meta l-Valletta Museum kien għadu kif inqasam f’dipartimenti u Despott inħatar kuratur tas-sezzjoni tal-istorja naturali.
Despott skava l-ewwel dagħbien (imsejjaħ “Fissure 1” fir-rapport) ma’ Carmel Rizzo, l-inġinier ewlieni tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, u kien pass ’il bogħod mill-barriera tan-Naxxari. Kellu struttura f’forma ta’ qanpiena miftuħa eżatt bħad-dagħbien ta’ Bur Mgħeż. Minn fuq wiċċ l-art, il-bokka tad-dagħbien kellha dijametru ta’ żewġ piedi u nofs, u kellha fond vertikali ta’ sitt piedi. Il-wisa’ tagħha kien ta’ tmien piedi, jiġifieri kemm Despott kif ukoll Rizzo setgħu joqogħdu bilwieqfa fiha. Il-ħamrija tal-wiċċ kienet bajdanija iżda bdiet tiħmar malli niżlu żewġ jew tliet piedi ’l isfel bit-tħaffir. Id-dagħbien kien konness ma’ qasam ieħor fl-istess blata imma dan ma kellu l-ebda fdalijiet fih: kien biss dagħbien dritt fil-blat li twessa’ mal-brim tal-fond li kiser mill-Majjistral għax-Xlokk, ’il fejn kienet tħares id-daħla. It-tieni dagħbien f’Tal-Ħerba (“Fissure 2”) kien ukoll mimli b’naqal simili għal tal-ewwel wieħed. It-tielet wieħed, iħares lejn il-Majjistral, kien ’il bogħod sew mit-tnejn l-oħra u allura kellha titħaffer trinka ta’ aktar minn erba’ piedi biex isseħħ l-investigazzjoni. Milli jidher mir-rapport ta’ Despott, id-dgħaben ta’ Bur Mgħeż kienu jinsabu aktar fil-fond minn dawk f’Tal-Ħerba, avolja kienu viċin sew ta’ xulxin: jgħid li xi wħud minnhom kienu ’l fuq minn ħamsin pied ’il bogħod mill-wiċċ, u kienu l-aktar ta’ tip imxaqleb u mhux vertikali. Iżid ukoll li f’dan iż-żmien, ħafna mill-barrieri ta’ Bur Mgħeż li kienu magħrufa għad-dgħaben fil-blat kienu l-biċċa l-kbira ġew ikkultivati f’għelieqi. Il-fissuri fil-blat tal-franka tal-Imqabba komplew jiġu esplorati fis-snin għoxrin meta l-kuratur tal-Valletta Museum, Temi Zammit, irrapporta li fl-1922, G.G. Sinclair kien kompla l-esplorazzjoni tas-sit ta’ Bur Mgħeż, din id-darba fuq il-lemin tad-daħla fejn kien hemm xaqq fil-blat li kien inosservat minn Tagliaferro fl-1911, u preżumibbilment xi ħadd ieħor (Ashby?) kien għamel sondaġġ tas-sit warajh.
Dagħbien ieħor fil-blat instab waqt it-tħaffir tal-ġebla tal-franka fis-sit tan-Naxxari f’Bur Mgħeż fis-16 ta’ Lulju 1933. Il-kuratur tad-Dipartiment tal-Istorja Naturali f’dawn is-snin kien J.G. Baldacchino u kien hu stess li ħabbar formalment din is-sejba fir-rapport annwali tal-Mużew tal-1935. Dan id-dagħbien kien jinsab madwar 30 metru ’l bogħod mill-għar-qabar li kien skopra Tagliaferro. Din id-darba, il-ħaddiema tal-barriera kixfu parti mid-dagħbien orjentata lejn il-Punent il-Lbiċ u bħal dawk ta’ qabel fl-istess barrieri, kellu forma triangolari. Dan id-dagħbien kellu l-quċċata tiegħu ħdejn il-wiċċ fejn kien jidher bħala xaqq tant irqiq u ħafif li kien “bilkemm perċettibbli”. Ġewwa, però, il-wisa’ tiegħu kienet ta’ madwar sitt piedi u kellha fond ta’ għaxar piedi. Din il-qasma kienet mifruxa fuq wiċċ l-art għal kważi erbgħin pied mill-Punent il-Lbiċ għal Grieg il-Lvant u kienet kważi kollha mgħottija bil-ħaxix. Aktar ’l isfel, il-ġnub tad-dagħbien twessgħu għal ftit aktar minn għoxrin pied u baqgħu jitwessgħu aktar, għal kważi ħamsa u għoxrin pied, bħall-fissuri l-oħra fil-viċin.
Fil-kitbiet tiegħu tal-1938, Charles Taylor Trechmann, ġeologu Ingliż li għamel xogħol siewi qabel fil-Karibew, iżda li xi kultant mistkerrah minħabba ideat idjosinkratiċi u kontroversjali li ħaddan fil-kitbiet tiegħu ta’ wara t-Tieni Gwerra, innota li l-kontenut tagħhom huwa, fil-biċċa l-kbira, ta’ kulur aħmar skur u li l-ġnub għandhom saff kalkarju griż imraħħam b’tubuli jew strutturi ta’ fergħat matti li huma, evidentement, veġetazzjoni iżda li barra dan, xejn aktar mhu identifikabbli. Trechmann qal ukoll li karatteristika fiżika oħra ta’ dawn ix-xquq kienet li l-ġnub kienu ssawru qabel il-konglomerat inġabar ġewwa fihom, u jżid li għalkemm jinżlu sa taħt il-livell tal-baħar, huma kompletament ta’ oriġini terrestri.
Id-dagħbien u l-brajjem iktar issibhom fil-wiċċ, qalli Carl, inġinier b’interess u esperjenza twila fix-xogħol tal-barrieri u l-qtugħ tal-blat. Fid-dizzjunarji, “dagħbien” issibha bħala kelma fis-singular biss. Imma n-nies tal-post li tħadditt magħhom, kollha jużawha kemm għas-singular u kemm għall-plural. Aħna meta bdejna l-barriera tal-Imqabba, dik kienet diġà mqattgħa minn nies tal-baqqun. Ma nafx meta imma hemm annu jidher; ma nafhux bl-amment. Peress li dawn ma kellhomx għodda biex iqattgħu dawn id-dagħbien u brajjem — normalment maġenbhom ikun iebes ħafna — kienu jitilquhom, jiġifieri jaslu mad-dagħbien, u jqattgħu madwarhom. Litteralment, meta tara barriera mqattgħa bil-baqqun, tara ħafna saffi. Il-biċċa li tkun iebsa, fejn ikun hemm id-dagħbien, iħalluha u jqattgħu madwarha. Fejn isibu l-aħjar ġebla jqattgħuh u d-dagħbien iħalluh. Għalina kienet toħloq problema kbira għaliex meta tibda barriera bil-magni tal-lum, peress li dawn jaħdmu fuq rejlijiet bħal tal-ferrovija, ma tistax tqatta’ barriera meta jkollok ħafna biċċiet mhux l-istess livell. Aħna nużaw il-kelma “twittiha” u allura jkollok tuża rejlijiet ħafna iqsar biex tniżżel blata blata biex iġġibhom kollha livell wieħed. U tbati anki bil-magna tal-lum. Aħna nużaw snien tal-carbide għas-sega, imma tispiċċa ttajjarhom is-snien u biex tibdilhom għoljin ħafna. U sega taf tkissirha f’radda waħda. Hawnhekk l-Imqabba kellna biċċa tant kienet iebsa li tgħaddi radda waħda bil-magna, ’qas tniżżilha kollha t-tul tal-kantun, u ttajjar is-snien kollha. Ġieli jkollok tqabbad excavator li jqatta’, jinżillek għoli ta’ tliet filati bil-musmar, u mbagħad tkompli int. Id-dagħbien ikollu qoxra miegħu, iebsa immens, imbagħad ’l hemm mill-qoxra tkun orrajt. Ikun bajdani iktar, ikun ileqq. Onestament, ġieli tmur il-barriera ġurnata u tagħmel ġurnata waħda biex taqta’ trakk ġebel. Meta jkun ix-xogħol tajjeb, taqta’ ħafn’iktar, ovvjament. Ħafna ħafna.
Frans qalli li, dagħbien jaf ikun tajjeb għal min qed iqatta’ l-blat biex jagħmel spiera għax tgħaġġel it-tħaffir bih. Meta kont qed nibni l-post, waqt it-tqattigħ ħareġ dagħbien taħt. Kien fih kważi metru u nofs tul u kien għoli ta’ ħmistax jew għoxrin ċentimetru. Kien mimli ċagħaq u ħamrija ħamra u meta ħaffirna biex inbattluh, ftit miċ-ċagħaq ma kien ċagħaq xejn imma biċċiet tal-annimali. ’Qas qatt m’għaddieli minn moħħi li setgħu kienu qodma hekk. Il-kuntrattur mela kollox bil-konkos meta kien qed isir l-irfid tas-sisien tal-ħajt tal-bini. Il-bennejja kienu bnew il-ħajt diviżorju fuq pett xejn sod minħabba li taħtu kien hemm id-dagħbien. Ftit snin ilu sfronda.
Sadattant, il-Paleontoloġija bdiet għaddejja ġmielha. Fost oħrajn, Hunt u Schembri jissuġġerixxu li kien hemm tliet influssi ta’ fawna minn Sqallija: l-ewwel waħda waqt il-Pleistoċeniku Nofsani bikri, it-tieni f’tan-nofs u t-tielet fil-perjodu aħħari. Waqt it-tliet stadji interglaċjali, il-livell tal-baħar bejn Malta u Sqallija waqa’ bejn 120 u 130 metru u l-ilma tal-baħar u tax-xmajjar inbidel f’silġ li nqabad fil-glaċieri. Bejn dawn l-influssi, it-temperatura għoliet u l-livell tal-baħar ukoll, u allura dawk l-annimali li kienu niżlu għas-sħana lejn il-gżejjer Maltin inqabdu hawn. Bħala konsegwenza kemm ta’ dan kif ukoll ta’ fatturi ambjentali u bijotiċi — popolazzjoni żgħira b’ammont ristrett ta’ sors ġenetiku — żviluppaw karatteristiċi partikolari: min żied fid-daqs, bħaċ-ċriev, il-ġrieden ta’ denbhom pjuma, iċ-ċinji, il-gremxul u l-fkieren; min iċċekken, bħall-iljunfanti u l-ippopotami; u min żviluppa endemiżmu bħall-friefet il-lejl ta’ Għar Dalam (Myotis għardalamensis). Il-fdalijiet ta’ dawn l-annimali ġew depożitati fl-għerien, fid-dgħaben, f’depożiti fluvjali kif ukoll f’depożiti ta’ tufa u ħamrija mal-ġnub tal-għoljiet.
L-interess fil-fossili fl-istorja moderna ta’ Malta jmur lura għas-seklu sbatax meta t-tabib Daniż Niels Steensen, magħruf aktar bl-isem Nicolaus Steno, u l-pittur Sqalli Agostino Scilla ħadmu fuq il-fdalijiet li bdew jinstabu fil-blat u ppubblikaw xogħlijiet separati dwarhom. Il-fossili ta’ Malta kienu diġà fenomenu magħruf sew, saħansitra nsibu referenza għalihom fil-kitbiet ta’ Ipollitu, mit-tielet seklu Qabel l-Era Komuni, li jgħid li Żenofani ta’ Kolofun kien diġà ra l-fossili ta’ Malta tliet mitt sena qabel, jiġifieri fis-sena 617 Qabel l-Era Komuni. Steno qabbel is-snien tal-kelb il-baħar modern mal-Glossopetra (Ilsien San Pawl) li kienu jinsabu fil-blat ta’ Malta u ħareġ bil-ħsieb li l-fossili huma fil-fatt organiċi. Scilla, mill-banda l-oħra, kien sostna li biex tifhem dawn il-fenomeni, trid twarrab it-teoriji u tuża s-sensi. Imma, b’dan il-metodu, huwa wkoll ikkonkluda li dawn huma fdalijiet organiċi. Ftit wara, ċjoè fl-1647, Ġan Franġisk Abela għamel referenza għad-dgħaben ossiferi fil-ktieb Della Descrizione di Malta. Abela kien wieħed minn tal-ewwel Maltin li nafu bihom li kellhom interess kbir fl-antikwarjat u l-fossili, u kellu kollezzjoni vasta: id-dar tiegħu, imsejħa Cabinetto di San Giacomo fuq l-Għolja tal-Ġiżwiti, il-Marsa, kienet tilqa’ bosta vjaġġaturi tas-seklu sbatax minħabba l-wunderkammer li kellu fiha, mimlija oġġetti miġbura kemm minn siti differenti ġo Malta stess kif ukoll minn taħt ir-residenza tiegħu l-Marsa li kienet mibnija fuq sit arkeoloġiku. Fi żmien Abela, ma jidher li kien hemm l-ebda problema bit-twemmin li dan l-għadam kien taċ-Ċiklopi, razza ta’ nies ġganti li ħallew evidenza tagħhom fuq Malta b’dan l-għadam. X’kienu jagħmlu n-nies b’dal-għadam hija ħaġa oħra: Abela jixhed, fil-ktieb tiegħu, li jiftakar raġel li kien sab waħda minn dawn l-għadmiet kbar li kien jużaha bħala “pappagall” (normalment ħadida twila b’tarf minnhom mgħawweġ b’tali mod li jixbah munqar ta’ pappagall) biex isakkar il-bieb ta’ barra. Jgħid ukoll li kien jaf post, bejn il-Madonna tal-Grazzja u l-Blata l-Bajda, u post ieħor lejn iż-Żurrieq, fejn wieħed seta’ jsib dan it-tip ta’ għadam: jekk kienx qed jirreferi direttament għall-Magħlaq jew għal xi wieħed mid-dgħaben tal-Imqabba mhuwiex ċar.
Wara Abela, kemm Gottfried Wilhelm Leibniz kif ukoll it-tabib Malti Gian Francesco Buonamico u D. Ignatio Georgio, Benedittin mill-kongregazzjoni ta’ Meleda, kienu bdew jikkunsidraw il-fossili Maltin b’aktar serjetà: Buonamico, pereżempju, baqa’ mwaħħal mal-idea medjevali dwar l-oriġini, li l-fossili kienu prodotti tal-“ġebel” maħluqa min-natura, bl-għajnuna ta’ San Pawl, f’dagħdigħa mimetika biex l-annimali jiġu mraħħma f’sura li tixbahhom għall-gost u l-pjaċir ta’ Alla. Fl-aħħar tas-seklu tmintax, il-ġeologu Dolomieu wkoll innota, fost fossili oħrajn li semma fil-listi tiegħu, is-snien tal-ippopotami fuq il-gżejjer. Iżda l-ewwel speċi ta’ trattat fuq il-fossili ta’ Malta x’aktarx kien dak miktub minn ċertu Abbate Bettz, membru tal-Ordni mill-fergħa tal-Bavarja, li fis-6 ta’ Ottubru tal-1794 għamel taħdita dwar il-fossili Maltin waqt laqgħa tal-Accademia Letteraria di Malta. Id-dokument, li nstab minn George Zammit-Maempel waqt riċerka li kien qed jagħmel fid-dokumenti tal-Ordni, kien traskrizzjoni ta’ din it-taħdita, u kien ukoll għotja mingħand Emanuel Mangion lill-Bibljoteka Nazzjonali fl-1889, kważi mitt sena wara t-taħdita ta’ Bettz. Min eżatt kien dan l-Abbate Bettz għadu mhux ċar, biss Zammit-Maempel hu tal-ħsieb li l-isem Bettz huwa varjant ta’ Petzl; jekk dan huwa minnu, allura l-kittieb ta’ dan l-ispeċi ta’ trattat seta’ kien il-Professur Joseph Petzl, Bavarjan li għamel xi snin Malta fl-aħħar tas-seklu tmintax mal-Ordni u li meta reġa’ lura l-Ġermanja nħatar professur tal-paleontoloġija u l-ġeoloġija ġo Munich. F’dan id-dokument bikri nistgħu nibdew nifhmu l-isfond li fih Bettz beda jipprova jagħmel sens mis-sejbiet: huwa jirrifjuta li jħares lejn il-materjalità fossila bl-istess lenti li kienet tiġi meqjusa biha fi żmienu, jiġifieri bħala skerz tan-natura u minflok jgħid li bħalma l-kitba tixhed għall-għemejjel kbar tal-bniedem, il-fossili huma prova tal-għemejjel tan-natura. Fit-taħdita tiegħu, insibu wkoll evidenza ċara li f’dan iż-żmien il-Maltin diġà kellhom interess kbir fil-fossili: jgħid li fil-fatt, l-interess tiegħu fil-fossili tar-rizzi tqanqal mhux biss għax huma sbieħ u ppreservati tajjeb imma għaliex kienu mfittxija sew kemm mill-Maltin infushom kif ukoll minn vjaġġaturi li waslu fuq il-gżejjer. Minħabba l-mod ta’ kif hija ddokumentata l-folkloristika tal-lokal, dan it-trattat juri wkoll kif Bettz kellu kuntatt man-nies tal-post.
Għall-kuntrarju ta’ Buonamico, Bettz kien ċert li dawn il-forom ma kinux statwi tal-ġebel imma li kienu fossili organiċi. L-idea tiegħu tal-proċess tal-fossilizzazzjoni tar-rizzi, pereżempju, kienet magħġuna mal-proprjetajiet tal-ġebla tal-franka skont kif kien jifhimha hu: il-ġebla kellha bħal sugu petrifikanti li huwa ta’ kontenut kalkarju, li jgħaddi mill-pori tal-ħlejjaq kollha li jiġu midfuna, u li allura jiffossilizza l-organiżmi li jiġu f’kuntatt miegħu. Fehem mill-ewwel, però, li l-fossili kienu evidenza materjali tat-tidbil ambjentali tal-pjaneta u li allura, ħafna minnhom huma ta’ qedem kbir. Kien jemmen ukoll li dawn il-fossili kellhom analogi ħajjin xi mkien fid-dinja, anki jekk eżistenti biss mijiet ta’ kilometri ’l bogħod minn xulxin. Bettz ikkonkluda t-taħdita tiegħu bi ħsieb li baqa’ jidwi fil-baħħ sakemm reġa’ tlissen minn Carl Sagan u sar ir-regola li biha jimxi l-ħsieb xjentifiku: l-assenza ta’ evidenza ma tista’ qatt tkun sinonima ma’ evidenza ta’ assenza.
Meta wasal Malta fl-1860, il-kirurgu tat-Twenty-Second Regiment of Foot tal-Kuruna Ingliża Andrew Leith Adams, kien inħasad kemm bil-ħruxija tal-gżejjer, mingħajr siġar u miżgħuda bil-ġebel selvaġġ, kif ukoll bil-qilla tax-xemx u t-toqol tar-riħ isfel. Adams kien stazzjonat Malta mill-1860 sal-1866 u fl-1870 ippubblika x-xogħol tiegħu Notes of a Naturalist in the Nile Valley and Malta. F’dan il-ktieb, Adams wera biċ-ċar li kien ikkumpensa sew għad-diżappunt li ħass meta wasal Malta billi ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jiġbor informazzjoni kemm dwar l-għasafar kif ukoll dwar il-ġebla ta’ Malta, l-għerien u d-dgħaben ossiferi li jinsabu fiha, kif ukoll xi osservazzjonjiet fuq il-Maltin u l-użanzi tagħhom. Adams diġà kellu sfond sod fl-ornitoloġija: missieru, li kien rabba ’l uliedu waħdu wara t-telfa t’ommhom, kellu speċi ta’ wunderkammer ġewwa d-dar f’Banchory, l-Iskozja, u ’l uliedu kien rawwimhom fuq ideat li kien ħa minn kotba bħal Airs, Waters, Places ta’ Ippokrati, ċjoè b’ideat li l-ambjent fiżiku jsawwar il-karattru tal-ħlejjaq kollha. Lanqas ma kienet xi ħaġa stramba jew assurda li tabib-kirurgu tal-Imperu jgħaddi l-ħin tiegħu josserva u jikklassifika kemm l-ambjent naturali kif ukoll l-għasafar tal-passa li staġunalment iżuru l-gżejjer: fil-loġika imperjalista u t-tmexxija tal-kolonji Brittaniċi tas-seklu dsatax, l-affordanza tal-art bħala orizzont strateġiku ntisġet mal-ġeografija rikreazzjonali u minnhom ħarġu ideat li l-Kuruna Ingliża użat kemm biex toħloq żoni ta’ dominju kif ukoll biex tiffranka mill-infrastrutturi militari billi trawwem iġsma li kienu effiċjenti, maskili, u fuq kollox b’saħħithom. Il-klima tropikali tal-Indja kellha effett devastanti fuq il-ġisem, l-affett, u l-psike tal-irġiel Ingliżi, u wara osservazzjonijiet estensivi kien deċiż li dawn l-irġiel bojod kellhom jillimitaw it-tul ta’ żmien li jqattgħu fi klima tropikali.
Meta Adams wasal Malta, mill-ewwel intebaħ li l-klima — bħall-pajjiż innifsu li kien fin-nofs bejn l-Ewropa u l-Afrika, u n-nies tiegħu, li kienu bejn dawk ċivilizzati tal-Ewropa ta’ fuq u dawk mill-Mediterran ’l isfel li mhumiex — kienet tajba bħala żona klimatika semitropikali li fiha s-suġġett maskili abjad seta’ jipprepara ruħu għall-Indja tropikali, aljena u diffiċli. Adams kien trabba fid-diskors ta’ David Livingstone, bl-idea li r-riċerka fil-miftuħ kienet forma ta’ prassi iġenika u reġim ta’ kura somatika; kien ukoll studja l-kulleġġ ta’ Marischal fejn il-mediċina kienet mgħallma flimkien max-xjenzi naturali. Marischal kien ta’ importanza kbira għall-bżonn tal-Imperu għaliex kien proprju hawn li ssaħħaħ ir-reġim ta’ diskors dwar kif jista’ jiġi mminimizzat l-impatt tal-klima tropikali fuq il-militar imperjalista, kif tista’ tissaħħaħ il-kundizzjoni morali u militari, u kif jiġi deċiż it-tul ta’ żmien li s-suldati jistgħu jqattgħu stazzjonati ’l bogħod mir-Renju Unit. L-ornitoloġija kienet waħda mill-istrateġiji adottati f’dan l-ambitu bħala mod ta’ kif is-suġġett jitgħarras mal-ambjent naturali biex jitnaqqas l-impatt ta’ art aljena u nies rozzi fuq is-suġġett ċivilizzat. L-oħrajn kienu l-ġeoloġija u l-paleontoloġija. Hawnhekk, Malta ġiet magħġuna u ddomestikata b’dan id-diskors ta’ dixxiplina spazjali, u l-istudju ta’ tagħrif u klassifikazzjoni tal-ambjent u niesu — bil-projezzjoni kważi assoluta tal-kuntest Brittaniku fuq Malta — kien parti mill-isforz biex is-suġġett Ingliż jagħraf speċi ta’ xebh ma’ art twelidu billi jiddomestika artijiet ’il bogħod minnha. Huwa għalhekk li Adams gedwed u gerger dwar in-nuqqas ta’ siġar fuq il-gżejjer ta’ Malta, dwar il-ġebel selvaġġ li jinfirex fuq il-medda kollha tal-art, u dwar it-telqa li jġib miegħu r-riħ isfel fil-Maltin. Qal li ma kienx hawn biżżejjed użu tal-affordanza tal-blat biex jinħolqu għelieqi li fihom setgħu jitħawlu siġar tajbin għall-klima ta’ Malta. Ried li Malta tkun aħjar għall-Ingliżi billi jkollha aktar siġar.
Matul il-btajjel tas-sajf, għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħodu, missier ommi kien jiġi jqajjimni. Fil-kċina kont insib il-kafè u l-galletti mixwija fuq l-ispiritiera tal-Valor, fjamma mkebbsa wara tieqa b’tertuqa li kien jaqta’ u jbiddel kull darba li tinħaraq. Il-galletti tondi, twal u ċatti kien jixwihom billi jqegħedhom fuq id-dawra ta’ fuq fejn in-nanna kienet soltu tqiegħed il-borma ttektek. Ir-riħa tax-xiwi kienet tiftaħli għajnejja u niġi f’tiegħi: jew infarrakhom u nixħithom fil-kafè bil-ħalib, jew inbillhom, jew nidlikhom bil-butir u nqarmiċhom. Jitfi r-radju, ixidd il-qorq, jilbes il-qmis tal-komma qasira u nitilqu ’l barra minn Ħal Lija lejn il-wied tal-Iklin. Fuq bank tal-franka barra r-rixtellu tar-razzett ta’ Sajrunies kien jagħmel sa nofsinhar, jitħaddet ma’ sieħbu fil-kwiet, jaħslu ż-żwiemel, jagħlfu l-għasafar u jgħaddu sigħat twal jagħmlu xi kenur jew luzzu jew il-pala tar-Repubblika minn biċċiet ta’ ġebla tal-franka li kienu jiġbru minn ġo barriera f’Tal-Balal ftit ’il fuq mir-razzett ta’ Sajrunies. Ġieli kienu jagħmlu xi suffara tal-pluvieri mill-ġebla tal-franka stess, kwadra u żgħira b’toqba rqiqa fin-nofs. U jien nimraħ ’il fuq lejn il-quċċata tal-wied, u nserrep minn għalqa għall-oħra sakemm nasal fuq l-għalqa ta’ fuq nett fejn kien hemm is-siġar tal-ħarrub. Il-ħarruba l-kbira nett għalija kienet tieħu forma ta’ għar veġetali li jiġbdek biex tidħol fid-dlam u l-kesħa tiegħu, zkuk u friegħi ta’ għoqiedi iebsa mimlijin tumbati taħt saqaf ta’ weraq oħxon u mlaħħam li jżomm id-dawl barra. Ma’ xi zokk minn fergħa tal-ħarruba kont norbot ġebla ppuntata u nagħmel zappun u ngerrem il-wiċċ tal-ħamrija bih sakemm nibda nħaffer u ntaqqab qiegħ il-għar. U l-ħamrija trendi. Biċċiet ta’ għadam tan-nagħaġ, skutella tar-ras, għadma tal-ispalla, għadam tal-għenuq, kustilji. Kont nipprova nagħraf u nqiegħed b’mod ordnat il-biċċiet li ttini l-ħamrija ħamra, u nżejjen bihom, nippustjahom fuq il-miżwed ċatt, tawwali u sewdieni tas-siġra. Magħhom kienet toħroġ xi biċċa fuħħar. Fi ċkuniti, ngħaddi s-sigħat inħaffer, kont nemmen li n-nagħaġ u l-klieb ta’ Sajrunies kienu jmorru fl-għerien tal-ħarrub, imutu fid-dlam tal-friegħi, u tiblagħhom il-ħamrija biex tiekol laħamhom. Meta kbirt, kont nara lix-xjuħ ifittxu d-dell tas-siġar, iqabbdu n-nar, u jsajru l-biċċiet tal-laħam u jieklu, jixorbu u jistrieħu għall-kenn. Qalet Marku għadek tara rqajja’ ta’ ġmied, xi kultant għadhom idaħħnu, ta’ fejn saret tisjira, u maġenbha l-għadam tal-annimal li ttiekel. Fejn l-għadam nixef u tbajjad, tista’ tara l-qtugħ tal-imwies u s-skieken. Fuq il-mansab tad-Debdieba, dari kienu jsajru kuljum, qalli l-Mija. Missier sieħbi Rafel jiġi lura d-dar u l-ewwel jirrakkonta x’kielu, u wara jagħti r-rendikont tal-gamiem u s-summien. Imma l-kuraturi tal-Istorja Naturali ma sabu l-ebda ħjiel li ċ-ċriev ta’ Bur Mgħeż kienu miżmuma biex jittieklu. Biss din hija interpretazzjoni materjalista u utilitarja: ir-rabta u l-affett bejn il-persuni umani u dawk mhux umani għandhom storja twila minn tal-inqas erbatax-il elf sena, meta l-ewwel annimal ġie kkurat u midfun ma’ bniedem.
Fis-sitt snin li kien Malta, Adams ħadem ħafna mhux biss biex jagħmel osservazzjonijiet rilevanti għall-ornitoloġija Maltija, iżda wkoll uża l-pożizzjoni u l-kuntatti tiegħu biex jikseb aċċess għall-barrieri biex jistudja d-dgħaben ossiferi li kienu qed jinstabu mill-ħaddiema fl-iżvilupp ekonomiku tal-qtugħ tal-blat, l-esportar tal-ġebla, il-bini, u t-twittija tat-toroq. Studja u kiteb mhux ħażin dwar id-dagħbien tal-Imqabba, speċjalment dwar id-dagħben Ta’ Kandja u Tax-Xantin. Antonio Annetto Caruana kien għadda l-informazzjoni kollha li kien ġabar meta naddaf id-dagħbien tax-Xantin min-naqal li kien fih. Fl-istess ħin, Adams kien sema’ bid-dagħbien Ta’ Kandja li fih, tliet snin qabel il-wasla tiegħu Malta, jiġifieri fl-1857, ħaddiema tal-barriera kien sabu xquq b’għadd ta’ għadam kbir fil-konglomerat ta’ ħamrija ta’ lewn ħamrani. Jintqal li niżlu l-pjazza tal-Imqabba jxandru s-sejba ma’ kulħadd; dakinhar stess, it-tabib Dr Francesco Spiteri Agius (li Adams jirreferi għalih bħala “Dr S. Agius”) kien lebbet jiġri għal ġol-barriera Ta’ Kandja u beda jfittex għal aktar fdalijiet. Sab biċċa minn darsa ta’ annimal kbir u xi għadam kbir, twil, u maqsum. Minflok żammhom, kif kien ġeneralment iseħħ, Agius ħadhom il-Librerija tal-Università ta’ Malta. Tlettax-il sena wara, fil-ktieb tiegħu, Adams għamel aċċenn għas-sejba ta’ dawn il-ħaddiema u ta’ Agius u faħħru immens għal dan il-ġest. Iżda meta Adams kien l-ewwel wasal Malta, tliet snin biss wara s-sejba, sid il-barriera kien diġà radamha biż-żibel u tefgħalha l-ħamrija fil-wiċċ, u għal tmien snin l-art intużat bħala għalqa.
Adams għamel kważi ħames snin jipprova jaċċedi għall-barriera biex jara d-dagħbien Ta’ Kandja; sa fl-aħħar, kien għaddielu kelma l-Gvernatur. Uħud min-nies ta’ madwar Adams interpretaw ir-reżistenza tas-sid b’kunċetti kważi, jekk mhux totalment, aljeni għas-sidien tal-barrieri ta’ dak iż-żmien: jgħid li kienu qalulu li fost il-Maltin kien hemm min ħaddan it-teorija ta’ William Buckland, id-dekan ta’ Westminster, paleontologu u ġeoloġista Ingliż attiv ħafna fin-nofs tas-seklu dsatax li għal qalbu kellu t-twemmin fid-dulluvju. Buckland kien isostni li l-fdalijiet fossilizzati kienu xhieda ta’ dan id-dulluvju. Imma Adams ma niżżilhiex din l-interpretazzjoni għax induna li r-reżistenza tan-nies tal-lokal kienet ikkaġunata aktar mill-biża’ li Adams kien se jsib xi fdalijiet u joħodhom miegħu, biża’ li, skont ma jgħid hu stess, ma kienx fil-vojt. Meta Adams spjega li l-intenzjonijiet tiegħu kienu biss ta’ studju, is-sid tah il-permess li jiskava l-barriera Ta’ Kandja u jibda r-riċerka fiha. L-ispejjeż tal-iskav ħarġu mill-portafoll tal-Università ta’ Malta (u mhux kif isostnu kitbiet bijografiċi Ingliżi li x-xogħol kien dejjem iffinanzjat mill-Kuruna) u f’Ġunju tal-1865 beda x-xogħol bl-assistenza ta’ Antonio Annetto Caruana u R.H. Welch. Is-sejbiet ingħaqdu ma’ dawk li kien ta t-tabib Agius xi ftit snin qabel.
Meta Adams iddeskriva d-dagħbien Ta’ Kandja, wera li oriġinarjament dan kien xaqq vertikali u irregolari u twil li f’parti minnu, għal tul ta’ kważi disa’ piedi u nofs, jiftaħ f’forma ta’ lembut fil-blat tal-franka tal-Imqabba. Id-dagħbien li kien imbattal fl-1857 kien madwar ħmistax-il pied fond, ’l isfel ġol-blat, u madwar ħames piedi wiesa’. Ix-xaqq kollu kien ta’ kważi mitejn metru u kien irqiq, biż-żewġ naħat tiegħu kważi jmissu ma’ xulxin ħlief fil-fetħa tad-dagħbien. Neħħew il-ħamrija li kienet inġarret fih, u tellgħu l-ġebel tal-franka li kien inqasam minn mal-ġnub, waqa’ ’l isfel, u tant kien ilu hemm li nbidel fi blat ħadrani minħabba li kien assorba l-karbonat tal-kalċju kollu li kien hemm fid-dagħbien. Meta waslu fis-saff ta’ ħamrija ħamra, sabu l-fdalijiet ta’ ljunfant u xi dras, kemm sħaħ kif ukoll miksura. Fl-istess naqal kien hemm biċċiet tal-għadam ta’ tajr tal-ilma u ta’ ġrieden ta’ denbhom pjuma. Adams jgħid li xejn ma kien jagħti ħjiel li dawn il-fdalijiet kienu tgerbu u nġarru mill-għargħar: il-ġebel kien angulat u l-għadam kien qisu ntefa’ hemm kollu f’salt mill-wiċċ ta’ fuq. Il-ksur fl-għadam, iżid jgħid, ma kienx seħħ fid-dagħbien iżda fuq, fil-wiċċ. Is-snien tal-iljunfanti, però, kienu f’kundizzjoni tajba sew. Fid-dagħbien, Adams għadd madwar ħdax-il iljunfant u xi sittax-il tip ta’ annimal ieħor. Dawn, flimkien mal-fdalijiet li kien skava mill-għar tal-Imnajdra, kienu fdalijiet ta’ ljunfant li la kien l-ispeċi Elephas antiquus u lanqas l-iljunfant pigmew li Hugh Falconer kien studja mingħajr ma tah isem. L-iljunfant li sab Adams ma kienx ikbar minn ħmar.
Fix-xogħol tiegħu tal-1911, Tagliaferro kien werriet ta’ dan il-qafas imperjali tal-ġeografija rikreazzjonali u l-istudju tal-ambjent naturali. Fil-bidu tas-seklu għoxrin, l-għerien u d-dgħaben bdew irendu għadd kbir ta’ fdalijiet materjali ta’ speċijiet estinti ta’ ljunfanti, ippopotami, l-excuviae ta’ annimali gerriema kbar, ġrieden ta’ denbhom pjuma, u tajr tal-ilma misjuba flimkien ma’ fdalijiet ta’ rettili, fkieren, u diversi tipi ta’ karnivori, saħansitra ors. Fl-ewwel tip ta’ okkorrenza fil-blat fl-iskematika ta’ Tagliaferro, instabu l-fdalijiet ta’ erba’ varjetajiet ta’ ljunfant lokali, l-Elephas melitensis u l-Elephas falconeri (it-tnejn kienu pigmej), l-Elephas mnaidriensis (speċi akbar) u l-Elephas antiquus Falc (skoperta f’Ħaż-Żebbuġ fl-1908 u l-akbar fost l-erba’ speċijiet). Ħlief għall-Elephas antiquus Falc li kien jinsab fil-Mużew tal-Università ta’ Malta, il-fdalijiet l-oħra kollha tal-ispeċi kienu ntbagħtu fis-South Kensington Museum f’Londra għal aktar studju. Fis-sejbiet li saru fl-aħħar tas-seklu għoxrin ta’ ljunfanti pigmej fir-reġjun tal-Mediterran, jiġifieri dawk li nstabu fi Kreta, Ċipru, Sardinja u Spanja, tbiddlet il-fehma attwali li dawn il-fdalijiet kienu jappartjenu għal speċijiet lokali li kienu esklussivi għal Malta. Il-paleontologu Ġermaniż Hans Pohlig, fil-fatt, kien wera fl-1891 li l-iljunfanti Maltin kienu razza ta’ poni ta’ Elephas antiquus u s-sejba ta’ fossili ta’ Elephas melitensis ħdejn Palermo wasslet lil Tagliaferro biex isostni li Malta u Sqallija kienu xi darba magħqudin. Li kien hemm konnessjoni fuq l-art bejn l-Italja u Malta kien, għal Tagliaferro, evidenzjat aktar mill-fdalijiet ta’ H. minutus u H. Pentlandi, żewġ speċijiet ta’ ippopotami misjuba f’Malta, Sqallija, u Tuneż. Fi żmien Tagliaferro, iljunfanti pigmej kienu magħrufa minn Ta’ Kandja, Tax-Xantin u Tas-Sejba ġewwa l-Imqabba, mill-Magħlaq u l-Imnajdra, minn Ħaż-Żebbuġ, Bengħajsa, kif ukoll minn San Leonardo u mill-Bidni f’Ħaż-Żabbar. L-ippopotami kienu nstabu l-Mellieħa, Ta’ Kandja, il-Magħlaq, Għar Dalam, Wied il-Għasel u l-Ħamrun. L-idea ta’ Tagliaferro li l-passaġġ bejn Malta u l-Afrika ta’ Fuq kien mikxuf għadha rrifjutata sal-lum. L-estinzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet pigmej setgħet seħħet fil-perjodu paleolitiku bikri, skont l-ipoteżi ta’ Tagliaferro, iżda ma kienx ċert jekk l-għajbien tagħhom kienx gradwali jew f’daqqa. Din l-ipoteżi hija differenti mill-viżjoni poetika ta’ Adams li immaġina li l-annimali maqbuda fuq Malta mietu kollha bil-ġuħ flimkien fuq il-quċċata tal-art li baqgħet mikxufa wara li dab is-silġ u l-art għerqet f’apokalissi post-Mijoċena.
Fdalijiet oħra ta’ annimali li nstabu f’dawn l-għerien u x-xquq huma tal-ġrieden b’denbhom pjuma (Myoxus melitensis), ċinji kbar (Cygnus falconeri), orsijiet (Ursus arctos) u żewġ speċijiet ta’ ċerv żgħir (Cervus elephus u Cervus dama). Iċ-ċinju kien komunement misjub madwar Malta kollha iżda ċ-ċinju l-kbir kien attestat mill-għerien ta’ Ħaż-Żebbuġ, l-ors minn Għar Dalam, il-Cervus elephus fi kwantitajiet kbar minn Għar Dalam u Bur Mgħeż u mill-inħawi tal-French Creek. Fekruna enormi tal-art id-doppju tat-Testudo robusta deskritta minn Adams — u misjuba f’postijiet bħal Bur Mgħeż, il-qasam ta’ Bengħajsa, u Tas-Sejba — instabet minn Tagliaferro f’dagħbien f’Kordin fl-1912 qrib fejn oriġinarjament kien hemm l-Għolja ta’ Spencer. Din ġiet mogħtija lill-Mużew tal-Istorja Naturali tal-Università ta’ Malta.
Tagliaferro jinnota li għalkemm l-iljunfanti u l-ippopotami kienu ċkejkna, l-ispeċijiet l-oħra kienu akbar mill-ispeċijiet relatati li għadhom jeżistu. Ukoll, uħud mill-għadam tal-iljunfant kellhom sinjali ta’ tgerrim attribwiti, kemm mill-Kaptan Spratt kif ukoll minn Adams, lil karnivori li kienu jħufu fl-inħawi ta’ Wied il-Kbir u l-Qasam tal-Imnajdra. L-ors jibqa’ l-aktar suspett ovvju ta’ dan. Mill-banda l-oħra, it-tgerrim li nstab fuq il-qrun taċ-ċriev x’aktarx li kien tgerrim li sar miċ-ċriev stess, ħaġa komuni għall-Cervus elaphus, var. barbarus.
Tagliaferro jinnota li kien l-ewwel wieħed fost l-esploraturi tas-seklu dsatax li ltaqa’ ma’ fdalijiet ta’ ċriev, u li kien sabhom fid-dagħbien Ta’ Xolxa, Tas-Sejba, u f’Bur Mgħeż. L-ewwel sejba ta’ evidenza li l-bniedem kien jgħix fl-għerien kienet dik li għamel John Henry Cooke f’Għar Dalam fl-1892 meta rkupra t-tielet metacarpal miġbur mid-depożiti ta’ fuq. Cooke ma kompliex jistudja l-għar, u meta Tagliaferro u Despott ħadmu hemm flimkien, sabu kwantità kbira ta’ frak u fdalijiet tal-ippopotamu. Tagliaferro jissuġġerixxi li l-istudju tal-għerien u x-xquq fil-viċinanza tat-tempji megalitiċi jista’ jagħti aktar informazzjoni dwar in-nekrokulturi tal-perjodu tat-tempji.
GĦall-ħabta tal-1915, ħaddiema fil-barrieri magħrufa bħala Tal-Ħerba, pass ’il bogħod mill-barrieri tan-Naxxari f’Bur Mgħeż, sabu quddiem għajnejhom l-għadam sfuż tar-riġlejn tal-iljunfant. Mill-ewwel issejħu fuq il-post Despott u l-assistent tiegħu Rizzo, iżda dawn it-tnejn irmew is-sejbiet minħabba li aktar kampjuni bħalhom, u f’kundizzjoni aħjar minnhom, setgħu jinħarġu mid-dagħbien Ta’ Kandja. L-ewwel sejba tagħhom stess kienet parti mix-xedaq tal-lemin ta’ ħanżir (Sus scrofa) u ftit pulzieri aktar ’l isfel il-fdalijiet ta’ riġel sħiħ ta’ ċerv (Cervus elaphus, var. barbarus). Fin-naqal instabu wkoll fdalijiet ta’ bivalv marittimu (Tapes decussata).
Daqs pied ’l isfel mill-wiċċ, sabu wkoll il-qoxra ta’ fekruna, flimkien ma’ sitt omeri tal-lemin li jvarjaw fit-tul minn sitta sa tmien pulzieri, iżda dawn ma setgħux jiġu maqlugħa sew peress li kienu mwaħħla flimkien u frijabbli. L-art f’dak il-livell kienet ħafna aktar diffiċli minn dik fis-saffi ta’ fuq. Fdalijiet tat-tjur misjuba f’dan in-naqal intbagħtu lill-Mużew Brittaniku tal-Istorja Naturali għall-identifikazzjoni. U hemm għadhom sal-lum.
Il-parti t’isfel ta’ dan id-dagħbien kienet ta’ importanza saħansitra akbar. Fl-istess naqal instabu fdalijiet tar-riġel tal-lemin ta’ ċinju (Cygnus falconeri), fdalijiet ta’ ċerv u qarn imxedd bi ħxuna ta’ pulzier fil-bażi tiegħu. Instabu wkoll żewġ sinniet umani mix-xedaq ta’ fuq — iżda dawn iż-żewġ sinniet qatt ma reġgħu ssemmew! Despott jinnota li sa dak iż-żmien, snien u għadam tal-bniedem ma nstabux flimkien ma’ dawn il-fdalijiet tal-annimali. Tibqa’ l-kwistjoni jekk dan l-approċċ għall-istudju tad-dagħbien kienx opportunità mitlufa għal fehim xieraq tad-drawwiet tan-nies li d-depożiti tagħhom spiċċaw f’dan in-naqal.
It-tieni dagħbien tal-barriera Tal-Ħerba, li kienet magħrufa wkoll bħala Ta’ Guzzu, ġie studjat minn Ashby bl-assistenza tal-Kaptan F.H.S. Stone. Dan id-dagħbien kien fih naqal ta’ ħamrija ħamra mħallta ma’ trab tal-ġebla tal-franka sal-qiegħ, u nstabu fih mhux biss il-fdalijiet ta’ ċriev, ġrieden ta’ denbhom pjuma, ċinji u diversi speċijiet ta’ tjur mhux identifikati, iżda wkoll parti mill-qoxra ta’ fekruna ġganta simili fid-daqs għal dik misjuba minn Tagliaferro fid-dagħbien Ta’ Kordin. Fit-tieni dagħbien kien hemm l-istess naqal bħal f’tal-ewwel iżda kien hemm nieqes l-għadam tal-ġrieden ta’ denbhom pjuma.
It-tielet dagħbien, madankollu, kellu fdalijiet wisq frijabbli — tant li sfaxxaw — fis-saffi ta’ fuq u fil-fond tad-dagħbien. Il-ħamrija saret aktar taflija u allura kien impossibbli li tinqala’ minnha xi ħaġa sħiħa li setgħet tiġi identifikata bi preċiżjoni. Għalhekk kien ċar għal Despott li din id-distribuzzjoni “konfuża” ta’ fdalijiet ma kinitx ir-riżultat ta’ aġenzija umana iżda pjuttost id-depożitu ta’ għargħar li ġarr kollox megħu.
It-tħaffir stratigrafiku ta’ Bur Mgħeż li sar minn Sinclair fl-1922 żvela li l-fdalijiet umani kienu tremblu ’l isfel biż-żmien u ċ-ċaqliq peress li l-qiegħ tad-dagħbien kellu inklinazzjoni ta’ 30 grad, u l-għadam tħarbat u tgħaffeġ u ma setax jiġi studjat bi preċiżjoni. Sitt kranji, madankollu, ġew salvati u tneħħew bir-reqqa min-naqal ta’ għadam uman, ġebel u ħamrija ta’ lewn ħamrani. Inġabru ’l fuq minn elfejn sinna, possibbilment li kienu jappartjenu għal sebgħin individwu. Dan jista’ jindika dfin kollettiv ta’ grupp kbir ta’ persuni fi spazju ta’ għoxrin pied bi tnax, li jfakkar kemm fil-kumpless taħt l-art ta’ Ħal Saflieni kif ukoll iċ-Ċirku tax-Xagħra t’Għawdex.
Il-fdalijiet tal-annimali li ħarġu mill-iskavi ta’ Sinclair f’Bur Mgħeż komplew jiġbdu l-interess tal-istoriċi naturali u l-paleontologi. Fl-istess depożitu nstabu fdalijiet tal-bniedem flimkien ma’ dawk taċ-ċriev, bi fdalijiet ta’, minn tal-inqas, tużżana qrun. Numru kbir ta’ snien taċ-ċerv, mhux identifikati sew dak iż-żmien, kienu preżenti wkoll fin-naqal bħalma kienu frammenti oħra ta’ snien, xedaq ta’ ħanżir, u partijiet ta’ fekruna. B’differenza mix-xquq l-oħra studjati qabel, Sinclair innota li dan ix-xaqq żvela li ġebel f’kuntatt mal-fdalijiet tal-għadam kellu marki ta’ ħruq fuqu, iżda xejn fl-għar innifsu ma jindika li l-ħruq kien seħħ ġewwa. Il-bqija tal-kultura materjali preżenti bl-għadam tal-bniedem u tal-annimali fin-naqal għenet biex tikkonsolida l-idea li dawn id-dgħaben kienu importanti għan-nies Neolitiċi.
Fl-1935 infetaħ dagħbien ieħor fil-barriera tan-Naxxari f’Bur Mgħeż li kixef konglomerat li kien fih taħlita ta’ tafal u ħamrija ħamra bi frak ta’ ġebel tal-franka angolat ta’ bejn żewġ u ħmistax-il pulzier. F’din il-qasma nstabu l-frammenti tal-annimali tas-soltu iżda l-fdalijiet kienu Puniċi u mhux Neolitiċi, u għalhekk minn saff ta’ okkupazzjoni u sekwenza arkeoloġika ħafna aktar tard. Dan jindika li d-dagħbien tal-Imqabba kien jintuża saħansitra fil-perjodu Puniku għall-istess għanijiet. Madankollu, ir-rapport isostni li, peress li l-iskavar ma kienx għadu tlesta meta kien qed jinkiteb, kien kmieni wisq biex jikkonferma jekk il-fdalijiet tal-materjal, l-għadam u l-fuħħar kinux depożitati kontemporanjament jew le! Ir-rapport ikompli jgħid li, għalkemm il-fdalijiet tal-annimali ma kinux mis-sekwenza l-antika tal-Elephas u l-ippopotamu, xi speċijiet kienu għadhom xorta importanti peress li ma kinux għadhom jeżistu. Fost iċ-ċriev, il-ħanżir, il-fekruna, in-nagħaġ u l-mogħoż tas-soltu kien hemm fdalijiet ta’ speċi żgħira ta’ Equus; kemm ix-xedaq ta’ fuq kif ukoll t’isfel, inklużi xi snien tal-ħalib, u ftit snien li jappartjenu għal volpi żgħir (Vulpes sp.). Dan l-għadam tal-vertebrati ġie identifikat minn Dorothea M.A. Bate, paleontologa u arkeożoologa minn Wales li kienet tinqala’ sew biex tidentifika mammiferi reċentement estinti. Fin-naqal, ir-rapport isemmi wkoll il-preżenza ta’ diversi speċijiet ta’ Mollusca, fosthom Mastus pupa Brug., Papillifera bidens circinata Paul., Eobania vermiculata Mull., Helix aspersa Mull., u Helix aperta Born.
L-istudju ta’ Trechmann tal-1938 jindika li l-dagħbien Tal-Ġnien — li J.G. Baldacchino kien eżamina u ppubblika dwaru fir-Rapport Annwali tal-1933–34 tad-Dipartiment tal-Mużew Malta, u aktar tard fl-1935–36 — żgur li kien ta’ tip bikri ħafna minħabba l-okkorrenza ta’ fekruna ġganta u speċi oħra ta’ Testudo. F’Tal-Ġnien instabu wkoll bċejjeċ ta’ lontra kbira (Nesolutra euxena Bate) fost vertebrati oħra, u ta’ ċinju ġgant (Cygnus falconeri). Il-fatt li ma nstabu ebda qxur ta’ bebbux tal-art f’dan id-dagħbien juri li fil-fatt kien ta’ tip aktar bikri mill-oħrajn.
Biss, l-istudju tal-istratigrafija tal-għerien u d-dgħaben mhuwiex mingħajr problemi. Apparti d-disturb minn okkupazzjoni umana matul iż-żmien kif ukoll l-impatt tan-natura nnifisha fuq dawn is-siti, hemm ukoll il-fatt li dawk imsejħa pijunieri tal-paleontoloġija ta’ Malta, bħal Spratt, Cooke u Adams, ħallew biss deskrizzjonijiet li la huma ċari u lanqas jagħtu l-ispeċi assoċjata mas-sejba, pereżempju d-deskrizzjoni li taw bħala “iljunfant pigmew”. Barra minn hekk, l-istratigrafija tad-dgħaben tikxef disturbar tremend tas-sedimenti u l-fdalijiet: dan joħroġ ċar fil-kitbiet ta’ Despott tal-1923 li fihom jiddeskrivi s-saff tal-bażi tas-sekwenza ta’ Għar Dalam, magħmul mill-għadam tal-ippopotami iżda li magħhom tħalltu l-fdalijiet tad-dras tal-iljunfanti. Despott jinnota, però, li d-dras tal-iljunfanti jidhru eqdem, aktar “irrumblati” u li għandhom stat ta’ preservazzjoni ħafna aktar fqir minn dawk tal-ippopotamu. Despott jistaqsi, allura, jekk dawn oriġinawx minn sit ieħor u nġarrew mal-għargħar tal-ilmijiet fiż-żmien is-silġ meta Malta ntlaqtet minn ammont kbir ta’ xita, jew jekk kinux diġà fis-sit minn qabel. F’ċerti partijiet tal-istess sit instabu fdalijiet tal-bniedem flimkien ma’ dawk tal-ippopotami, l-iljunfanti u ċ-ċriev; minħabba li dawn l-assoċjazzjonijiet ma nstabu mkien aktar ħlief f’Għar Dalam, tiġi eskluża l-possibbiltà li kienu jgħixu fl-istess żmien. Is-sejba ta’ bebbux u arzell tal-baħar ġol-ħamrija flimkien ma’ għadam tal-ippopotami, l-iljunfanti u l-bnedmin hija evidenza ċara ta’ tħarbit fis-sedimenti, bħalma huwa tħarbit fis-sedimenti dak ikkawżat minn esploraturi mhux awtorizzati għall-eżemplari ta’ għadam għall-kollezzjonijiet li tant gerger dwarhom Despott. Fis-sit ta’ Bur Mgħeż, però, instabu fdalijiet tal-bniedem ma’ dawk taċ-ċriev. Illum għandna evidenza konvinċenti li tal-inqas kien kemm tlett iċriev ta’ daqs differenti fil-Pleistoċen tard sal-Oloċen Malti: l-akbar, “Malta 3”, Dama dama; “il-Malta 2” ta’ daqs medju Cervus elaphus; u l-iżgħar, “il-Malta 1”. Il-qrun taċ-ċriev għandhom fattur ta’ tkabbir differenzjali, li jfisser li għall-kuntrarju tal-għadam — li ma jikbirx aktar wara l-fużjoni tal-epifiżi fl-età adulta — iċ-ċirkonferenza tal-qrun (jiġifieri ċ-ċirkonferenza bażali) tkompli tiżdied kull darba li jaqa’ u jerġa’ jikber sakemm jintlaħaq id-daqs “ottimu”. Hawnhekk ikollna nitqabdu ma’ tħabbil ermenewtiku li jħalli miftuħa l-possibbiltà li n-nies ta’ Bur Mgħeż jew kienu jżommu ċ-ċriev u x’aktarx iddomestikawhom għall-qatla, jew għarfu li fit-tibdil tal-qrun taċ-ċriev hemm is-simboliżmu li għenhom jagħmlu sens minn dak li jiġri wara l-mewt. Jew inkella, f’atteġġament mimetiku tal-ambjent ta’ madwarhom, difnu lil nieshom fejn iċ-ċriev sabu l-mistrieħ ta’ dejjem.
Meta kiteb ir-rapport tiegħu fl-4 ta’ Ottubru 1926, il-kuratur tal-Istorja Naturali tal-Mużew Giuseppe Despott kien diġà żar tal-inqas darba d-dagħbien ta’ Bur Mgħeż u ieħor viċin tiegħu, ġo barriera oħra msejħa Tal-Ħerba, erba’ passi ’l bogħod minn fejn illum hemm il-barriera tal-gvern fiż-żona Tad-Dawl. Dan nafuh għaliex, fir-rapport tiegħu ta’ dik is-sena, huwa jagħti rendikont tal-vetrini li kienu tpoġġew il-Mużew fil-Berġa tal-Italja wara li tneħħew mill-Università ta’ Malta fl-1924. Fil-kuritur kien hemm ħmistax-il vetrina b’kollezzjonijiet modesti msemmija għal min kien għamel is-sejbiet: minn dawk ta’ Cooke ġewwa Għar Dalam fl-1892 bis-sejbiet tiegħu tal-fdalijiet tal-ippopotami u ċ-ċriev, għaż-żewġ vetrini bil-fdalijiet li kien sab Tagliaferro f’Corradino u Ħaż-Żebbuġ. Kif ukoll is-seba’ vetrini bil-materjal ta’ Għar Dalam li sab Despott ma’ Ashby fl-1913 u fl-1914, u dawk b’li sab waħdu fl-1916 u fl-1920. Kif ukoll bil-fdalijiet li sabet Gertrude Caton Thompson erba’ snin wara fl-1924. Kien hemm ukoll l-għadam taċ-ċriev u ż-żwiemel li kien ġabar Temi Zammit fl-1922 minn Wied il-Buni, Birżebbuġa, u dawk li kien sab Sinclair fl-istess post. Magħhom kien hemm ukoll il-ftit għadam tal-għasafar li kien ġabar Despott minn Tal-Ħerba u minn Bur Mgħeż, iżda f’nota qasira jgħarraf li xi materjal misjub minnu stess flimkien ma’ Ashby, Zammit u Rizzo minn Tal-Ħerba bħal dak li hemm esebit, kien intbagħat barra biex jiġi studjat. Ma ħalla l-ebda indikazzjoni miktuba fejn dawn il-fdalijiet intbagħtu fir-rapport li kiteb.
Despott kien inħatar Suprintendent tas-Sajd fl-1920, pożizzjoni li żamm għal għaxar snin avolja sentejn wara l-ħatra ntgħażel biex ikun il-kuratur tal-Istorja Naturali. L-isfond tal-familja kien borgiż sew: missieru kien avukat u Despott kien beda kors l-università jistudja l-filosofija u l-letteratura; iżda ma ma kienx għal qalbu, u wara sentejn ħareġ u telaq l-Italja jistudja l-arti u l-pittura. Meta ġie lura ftit snin wara, għażel li jqatta’ l-ħin tiegħu jistudja l-ambjent Malti, il-fossili u n-natura ta’ madwaru. Kien għamel ħabib sew ma’ Napuljun Tagliaferro u Arturo Mercieca, u jingħad li kien akkanit sew fl-entużjażmu politiku li kellu lejn it-Taljani. X’aktarx li Despott u Zammit kellhom it-tikketta bejniethom; u hemm xi għajdut li Zammit kien l-ewwel lettur l-università li għallem bl-Ingliż. Jekk tgħaqqad iż-żewġ ħsibijiet flimkien, tista’ tasal għall-konklużjoni li Despott x’aktarx ma kienx iniżżlu lil Zammit minħabba l-fatt li dan kellu simpatija għall-Ingliżi. Despott x’aktarx li spiċċa mwarrab sew f’dan iż-żmien minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu. L-antipatija lejn Zammit setgħet żdiedet minħabba l-fatt li Despott ma tantx kien kuntent li Zammit kien stieden — jew laqa’ — xi barranin biex jiskavaw fis-sit ta’ Għar Dalam. Fl-1914, Zammit, Ashby u Despott kienu reġgħu marru f’dan l-għar u Despott baqa’ jistudja s-sit bejn l-1916 u l-1917 u wkoll bejn l-1920 u l-1923. Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, Despott baqa’ għaddej bl-istudju tiegħu f’Għar Dalam u s-sejba ta’ darsa umana fl-1917 kienet dik li ġabitlu fama internazzjonali. Fil-fatt, kienu nstabu żewġt idras b’kollox: it-tieni waħda kien sabha Rizzo iżda ma ngħatax il-mertu għaliha u dejjem tissemma ma’ dik li sab Despott bħallikieku sabhom it-tnejn hu. Dawn id-dras kienu partikolari minħabba li għandhom forma tawrodontika, jiġifieri l-għerq tad-darsa jkun magħqud minflok ma jkollha għeruq imbegħdin. Temi Zammit kien bagħathom lil ċertu Arthur Keith, professur Skoċċiż tal-anatomija r-Royal College of Surgeons ta’ Londra kif ukoll konservazzjonist tal-Mużew Hunterian ġewwa l-istess istituzzjoni. Keith kien kuntatt ovvju għal Zammit minħabba li kien il-kuġin ta’ Sinclair, li dak iż-żmien kien mistieden minn Zammit biex jagħmel l-iskavi ta’ Bur Mgħeż tal-1922. Fl-1924, waqt laqgħa tar-Royal Anthropological Institute, inqara studju ta’ Keith li fih l-anatomist tkellem fuq l-iskavi ta’ Sinclair f’Għar Dalam u s-sejbiet ta’ Despott — li jissemma bħala dak li sab iż-żewġt idras, mhux waħda — f’fond ta’ 6–8 metri. Biex juri kemm id-dras tawrodontiċi kienu importanti, Keith aċċenna għall-elfejn sinna li Sinclair kien sab Malta u li minħabba li kienu Neolitiċi, ma kellhom l-ebda ħjiel ta’ tawrodontiżmu. Dan ifisser li s-snien li Sinclair kien sab meta mar jiskava Bur Mgħeż issa bdew jintużaw biex jitqabblu magħhom id-dras tawrodontiċi ta’ Għar Dalam.
Despott kien ħa ħsieb l-istudju ta’ Għar Dalam minkejja li, bħal Bur Mgħeż, l-għar inqabad f’geġwiġija biex jinxtara u jiddaħħal fil-portafoll ta’ siti arkeoloġiċi f’idejn il-gvern. L-Għar kien fuq biċċa art li kienet il-proprjetà tal-armla Carmela Bezzina u wliedha Angiolina u Giuseppina. Joseph Huber, id-Direttur tal-Kuntratti, fetaħ każ biex il-gvern jixtri l-art mingħand il-familja fl-1924. L-Imħallef Cremona qata’ s-sentenza fl-1925 u l-kuntratt ġie ffirmat sena wara għand in-Nutar tal-Gvern C. Gatt għall-prezz ta’ £573.15. Zammit u Despott telgħu xhieda. Biss, għalkemm kellu stratigrafija kumplikatissima, ma kienx jidher li fih kien sar dfin uman bl-istess mod li kien sar fl-għar ta’ Bur Mgħeż.
Kien matul dawn is-snin ukoll, speċifikament fl-1922, li l-Mużew tmexxa minn Palazzo Xara għall-Berġa tal-Italja. Zammit ħa ħsieb kollox. Hu kien sar direttur u kuratur tal-Arkeoloġija u l-Istorja waqt li Despott kien inħatar il-kuratur tal-Istorja Naturali. Lewis F. Mizzi kien il-kuratur tal-Mineroloġija u Vincenzo Bonnello — li kien pro-Taljan u ġie internat mill-Ingliżi waqt it-Tieni Gwerra Dinjija — kuratur tal-Arti. Lewis F. Mizzi kien ħu Fortunato; wara kważi ħamsin sena l-Greċja u Kostantinopli, reġa’ lura Malta biex bħala avukat jgħin lin-neputi tiegħu, Enrico Mizzi, li kien tressaq quddiem il-Qorti Marzjali għas-sedizzjoni. Aktar tard, però, Lewis issieħeb mal-Partit Kostituzzjonali ta’ Strickland u allura sar għadu prim ta’ neputih. Biss, matul dawn is-snin, il-lanżita bejn Despott u Zammit ma rħietx: jekk niflu sew il-pubblikazzjonijiet ta’ Despott, nindunaw li fil-fatt qatt ma jsemmi lil Zammit, la personalment u lanqas ma jirreferi għax-xogħol tiegħu bħala studjuż.
Il-Gvernatur ta’ Malta Field Marshal Herbert Charles Onslow Plumer, però, kien ifaħħar lil Zammit u ’l Despott bl-istess entużjażmu. X’aktarx li kien qed jipprova jżomm il-kwiet bejniethom. Minkejja li Despott kien igerger fuq il-barranin li kienu jiġu jesploraw is-siti Maltin, fl-1932 kiteb lil Lt Gvernatur Sir Harry Luke biex jagħtih il-permess jibgħat xi kampjuni lil ċertu Dr Loomis ġewwa Amherst, l-Amerka. Luke tah l-approvazzjoni li ried iżda wissieh biex darb’oħra ma jħallix barra lid-Direttur tal-Mużew. Dan għax Despott kien kiteb lil Luke direttament u injora lis-superjur tiegħu. Aktar tard dik is-sena, f’lejliet il-Milied, Despott kiteb nota skjetta u xotta lil Zammit biex jgħaddilu kopja tal-ittra li d-direttur tal-Mużew kien irċieva dwar il-proġett ta’ Amherst. Hawnhekk Zammit qabżitlu. Wara li għamel il-Milied imqaddes tal-1932 jhewden, l-għada kiteb ittra lil Luke li fiha lmenta li hu ma kienx ra l-korrispondenza ta’ Despott qabel intbagħtet kif kien xieraq li jsir peress li hu kien id-direttur. Gerger ukoll għaliex qal li kieku ġie kkonsultat, ma kienx iħalli li barranin jiġu Malta jiskavaw sit li kien protett u sigriet bħal Għar Dalam u li uffiċjal tal-gvern kien responsabbli minnu u mill-materjal importanti sew ta’ ġo fih. Żied jgħid li ma kienx kontra li jintbagħtu kampjuni doppji lil mużewijiet u li x-xjentisti jitħallew jistudjaw is-siti Maltin, imma mhux li jiġu l-barranin biex isolvu l-kwistjoni ta’ sit li l-Maltin kien ilhom jistudjaw u jealously guarding għal żmien twil. Iżid li dan kien imur kontra t-tieni Att tal-Atti tal-Antikitajiet tal-1925. Fl-aħħar jgħid lil Luke biex ma jintrabtux bi pjanijiet qabel ma jsir ħsieb sew minn kull angolu. L-eċitament fl-Amerka kien tremend u bdew isiru tħejjijiet biex tiġi spedizzjoni taħdem fuq sit li “huwa proprjetà dinjija” u li “għalih mhux qed isir biżżejjed xogħol”. Imma Zammit żamm sod, u insista li Att numru 2 tal-Atti tal-Protezzjoni jorbtu d-deċiżjoni u allura ħadd ħlief il-ħaddiema tal-gvern ma jista’ jiskava fis-sit. L-ispedizzjoni ma ġiet qatt, u lanqas ma tranġat qatt ir-relazzjoni bejn Despott u Zammit. Hawnhekk naraw kif Temi Zammit, allura, aktar milli kien lagħaqi tal-Ingliżi — kif ġeneralment huwa maħsub — kien jipprova jinnaviga ż-żewġ dinjiet biex jirnexxilu jagħmel dak li kellu f’moħħu li jagħmel mingħajr wisq xkiel jew bsaten fir-roti.
Despott kompla jaħdem għal ftit ma’ Zammit, speċjalment fuq is-sit Ta’ Ħaġrat ġewwa l-Imġarr. Despott kiteb fuq l-ornitoloġija iżda ftit xhur wara li l-artiklu ġie ppubblikat, iddeċieda li ried jirtira. Minfloku nħatar Baldacchino bħala kuratur tal-Istorja Naturali fil-Mużew.
Lejn l-aħħar ta’ Novembru rġajt inżilt Bur Mgħeż. Din id-darba tlajt mill-wied ta’ Ħal Qormi nimxi mħaddan b’żewġ naħat ta’ blat għoli, bħal sur fuq kull naħa, ngħaddi l-ewwel mir-rovini Ingliżi ta’ Nissen huts bil-fdewwex kollha msadda u mtaqqba, biċċiet mis-soqfa neqsin iħallu raġġ ta’ dawl jidħol fil-kmamar issa żarmati kważi għalkollox mill-knaten, wajers tar-ram, għamara interna u madum. Kulħadd ġie jżarma u jieħu; m’hemmx għalfejn tmur ’il bogħod biex tifhem kif tinħatt u tintesa belt meta taqa’ t-tmexxija, kulħadd jiġi għall-biċċa li tiswieh. Frans kien miegħi, jarani niġbed ir-ritratti tal-vojt nofsu mkebbes fid-dawl tal-għabex ta’ ġurnata f’Novembru: ir-rovini fil-beraħ huma l-mużewijiet il-ġodda, demokratiċi, antimperjalisti, pubbliċi, tal-komunità. Għedtlu li xi teoristi moderni jaraw ir-rovini bħala sinjalazzjoni tat-tmiem tal-mużew neoliberali u nekropolitiku. Imxejna taħt iċ-ċumnija ta’ Schinas u bqajna deħlin ’il ġewwa, telgħin bejn il-plottijiet ta’ ħamrija nħarsu lejn l-għerien mal-ġenb tal-wied. Il-ġebel kbir li rrombla ’l isfel għandu l-istess tessitura fil-wiċċ li Despott innota fuq id-dras tal-iljunfanti ta’ Għar Dalam fl-1923: dawn niżlu mill-bogħod, irrumblaw mal-għargħar fi żmien is-silġ, u waqfu hawn, jistennew li tiġi ħalba ħalbun oħra ħa ġġorrhom il-baħar minn ġo ħalq il-port tal-Marsa. Aħna u telgħin, fuq ix-xellug, ilmaħt masġar siġar twal u kennija, iħarsu żewġ għerien fil-blat. Mal-art, irqajja’ suwed tal-ħruq ta’ tisjir fil-beraħ, u mifruxa ’l hawn u ’l hinn l-għadam tan-nagħaġ li nqatel, issajjar u ttiekel fid-dell tal-ewkaliptu u l-franka: biċċiet mill-iskutella ta’ rashom, spallejhom, għadam twil, grif tas-skieken u tgerrim tas-snien, xedaq, fliexken mgħaffġa tal-luminati, żarbuna tat-tfal, id ta’ pupa, kollha lesti biex jinbelgħu mill-art ħamranija u jissieħbu mal-għadam u l-biċċiet l-oħra li hemm diġà midfuna taħt l-art ta’ dan il-masġar kenni u l-ġabra ġebbieda tiegħu. Aktar ’il fuq wasalna taħt l-impjant tal-konkos u dorna għall-Imqabba. Meta wasalna Bur Mgħeż, il-karozza tal-Mija ma kinetx hemm. Tlajt mal-ħajt tal-kantuniera tiegħu u ħarist ’il ġewwa: qtajt idi mat-tarf tal-pjanċa tal-fdewwex imma rajt li ma kienx qed jiġi jsaqqi s-siġar. Mill-kaxxi tan-naħal smajt ħemda ansjuża. Meta nżilt il-każin tal-Ġilju u qbadt parlata ma’ Ċensu, għamilli kafè, ġabli t-tazza quddiemi, u tefagħli karta kkulurita mitwija bl-istatwa tal-Madonna tal-Ġilju fuqha. Meta ftaħtha, rajt wiċċ il-Mija, liebes pulit bil-ġlekk u s-sidrija, fjura mdaħħla fil-pavru, xagħru bajdani u maqtugħ frisk, jitbissem għar-ritratt li forsi dak il-ħin intebaħ li xi darba se jkollu taħtu d-data ta’ meta ġie u meta telaq. Tlaqt waħdi fix-xita lejn il-kantuniera tiegħu f’Bur Mgħeż, inħares bla ħsibijiet lejn il-ġardina tiegħu mitluqa. Smajt ir-requiem tan-naħal, is-swied il-qalb tas-siġra tal-lewż tistenna biex tiġi indukrata għax issa tard wisq, l-għatx tal-ħamrija, il-kilba tal-pajpijiet biex jittieħdu fl-id u jferrgħu l-ilma, il-katnazz tal-bieb tal-ħadid aħdar jokrob biex jinfetaħ, l-għatba li tixxennaq għal rifsa ta’ raġel twil u tqil u b’saħħtu, il-bramel u t-tankijiet tal-plastik għajjiena bilwieqfa ġo kantuniera qishom ħaddiema bis-sensja — issa daqt jitqarqċu, pitirross li jiġi jgħanni li issa jaf li fit-teatrin tiegħu m’hemm ħadd għax l-għassies tal-ħofra ta’ Bur Mgħeż issa waslet tiegħu. Il-fdalijiet tal-għerien fil-ħitan tal-barriera tan-Naxxari, il-kmamar mitluqa tal-Ingliżi, il-bċejjeċ tad-dgħajjes u l-ilqit tal-armamenti tal-gwerra ftiehmu biex jagħtu l-aħħar tislima lill-Mija, li filgħodu u filgħaxija kien jiġi jkellimhom fuq il-mejtin ta’ Bur Mgħeż, il-kaċċa fid-Debdieba, il-pluvieri, in-Naxxari, Despott, Ashby, Zammit, Tagliaferro, Sinclair, u l-imbierka Mensa Vescovile. Ħriġt is-suffara li kien tani, qgħadt bilqiegħda kif stajt fuq kantuniera dejqa fuq il-ħajt tal-Isqaq tal-Isqof, infaħt fiha għal darba, darbtejn, tlieta, u minnha bdiet ħierġa tisfira ħelwa li bil-mod il-mod biddlet l-arja.
L-istorja tal-paleontoloġija ta’ Malta, bħal dik tal-arkeoloġija, għad trid tinkiteb. Għandna ġabra tajba ta’ xogħlijiet akkademiċi li jitkellmu dwar “il-pijunieri” ta’ dawn id-dixxiplini flimkien ma’ ħafna xogħol li sar fuq l-istratigrafija, l-ispeċijiet u l-ambjent Pleistoċen Malti, il-kuntest storiku, soċjali, politiku u ekonomiku li fih żviluppaw dawn id-dixxiplini u metodi u l-metodoloġiji tagħhom — iżda dan kollu għandu bżonn jitqies fid-dettall u jinkiteb minn lenti ta’ ħsieb postkolonjali. Dan mhux għaliex tali għarfien jista’ jżid fuq kemm nifhmu l-istorja naturali u kulturali tal-għerien, id-dgħaben ossiferi, il-bini megalitiku u l-preistorja ta’ Malta imma għaliex jista’ jgħinna nagħmlu ftit sens mill-kundizzjonijiet li fih inkitbet l-istorja ta’ Malta u Għawdex. Din il-perspettiva tista’ tikxef il-projezzjoni tal-immaġinarju imperjalista fuq il-passat, u wkoll kemm l-istorja ta’ dan l-arċipelagu ġiet użata biex tavvanza l-poter kolonjali imperjalista u l-eġemoniji ta’ poter akkademiċi. Dawn l-eġemoniji nbnew fuq l-użu ta’ tagħrif li bosta drabi warrab ix-xogħol li kien diġà sar mill-ħaddiema tal-post u ħassar in-narrattivi indiġeni li n-nies kellhom dwar il-postijiet u s-sejbiet ta’ interess.
Ħafna drabi, in-narrattivi miktuba minn “riċerkaturi” li kienu hawn minħabba l-kuntest kolonjali huma l-unika dokumentazzjoni li teżisti li tittratta l-istorja naturali jew arkeoloġika ta’ Malta. Jekk trid tifhem in-narrattiva indiġena, allura trid taqra dak li kitbu dawn l-hekk imsejħa pijunieri u minnhom tipprova tofsoq jekk in-nies tal-post kellhomx xi tip ta’ għarfien jew kif kienu jagħmlu sens mill-ambjent ta’ madwarhom. Fejn tniżżlu u ġew iddokumentati, il-perspettivi indiġeni taw spunt lill-kittieb biex juri kemm huma antikwati u superstizzjużi. Fis-seklu tmintax, pereżempju, il-pittur u vjaġġatur Franċiż Jean-Pierre Hoüel, meta ddeskriva “il Sasso de S. Paul” f’Għawdex, ma żammx lura milli jitnejjek bin-nies ta’ dawn il-gżejjer, u bir-raġun għaliex skont huma din il-ġebla kienet tqattar l-ilma. L-ispjegazzjoni indiġena li dan kien miraklu ta’ San Pawl warrabha bħala bluha superstizzjuża u fiehem b’mod xjentifiku l-proċess ta’ kif l-ilma tax-xita jaqa’ fuq wiċċ il-blat, jipperkola mill-pori tal-franka u tal-qawwi, sakemm isib intopp li jwaqqfu u jibda jiekol il-blata minn ġewwa jew jibqa’ għaddej iqattar ’il barra. F’din in-narrattiva, il-folklor indiġenu jintuża biss biex tinħoloq narrattiva kontrih u tippreżenta lix-xjentist barrani bħala sors ta’ avvanz tekniku filwaqt li n-nies tal-lokal jidhru injoranti.
Il-paleontoloġija kif żvolġiet fis-seklu dsatax ġiet magħġuna fil-loġika tal-perjodu bħal qarn ta’ ċerva ġo breċċja f’Bur Mgħeż u tħabblet fl-akbar avvenimenti ta’ dak is-seklu, fosthom fl-ekonomija ta’ estrazzjoni ta’ riżorsi naturali, il-bini ta’ strutturi agrikoli kbar, u l-kolonjaliżmu. Retrospettivament, minħabba li fil-preżent il-paleontoloġija hija kważi sinonima mal-perjodu Ġurassiku, faċli ninsew li fis-seklu dsatax u fil-bidu tas-seklu għoxrin, din id-dixxiplina kienet għaddejja minn ferneżija sħiħa fuq il-mammiferi, tant li meta nerġgħu naqraw it-testi tal-perjodu, toħroġ ċara l-konnessjoni ideoloġika bejn il-loġika tal-imperi kolonjali u l-istudju tal-fossili mammiferi. Naraw biss mhux l-għotja ta’ valur kbir fuq dawn is-sejbiet iżda wkoll jedd ta’ pussess kulturali fuq ambjenti diversi wara osservazzjonijiet u projezzjoni mill-ambjent modern għal fuq dak paleontoloġiku. Però, apparti mill-kurrenti ideoloġiċi, kien hemm ukoll dawk materjali. Minn din il-letteratura joħroġ ukoll l-isterjotip tal-paleontologu maskili bil-kappell u lbies tas-safari jissara mal-fossili, immaġini li m’għandha x’taqsam xejn ma’ kif verament instabu l-fossili. Il-prospettiva xjentifika daħlet wara l-estrazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi minn laħmet l-art u wara l-esproprjazzjoni tas-sit mill-istituzzjonijiet li ħaddnu lil dawn ir-riċerkaturi; minn hawn ’il quddiem, is-sejbiet twarrbu mill-immaġinarju tan-nies tal-lokal u ngħataw sinifikati ġodda minn lessiku kolonjalista, ġeneralment moħmi — kif fil-każ tal-Ingilterra u ta’ Franza — mill-idea li l-imperi tagħhom huma eredi tal-Greċja u ta’ Ruma tal-Qedem.
Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ Andrew Leith Adams li bosta drabi nsibu qima u venerazzjoni għall-kitbiet tiegħu dwar Malta li jqisu biss id-deskrizzjoni u l-analiżi li għamel dwar is-sejbiet tiegħu tul is-sitt snin li għamel jaħdem Malta bħala tabib u kirurgu tal-imperu kolonjali u li kien iqatta’ l-ħin liberu tiegħu fl-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali mill-blat, l-għerien u d-dgħaben ta’ Malta. Adams huwa eżaltat bħala wieħed mill-pijunieri tal-ġeoloġija u l-paleontoloġija tal-gżejjer. Imma mhux biżżejjed li ningaġġaw miegħu u ma’ xogħlu bħala minjiera ta’ informazzjoni u dettalji ta’ osservazzjoni xjentifika tal-istorja naturali tas-seklu dsatax. Evalwazzjoni aktar onesta trid tqis il-kuntest li fih Adams għamel id-deskrizzjonijiet u l-istudju tiegħu. George Zammit-Maempel, fix-xogħol ta’ riċerka li għamel fuq l-ewwel nies li kitbu dwar l-istorja naturali ta’ Malta, jaħfer u saħansitra jħassar ħafna mit-tbajja’ ta’ Adams meta kiteb dwaru; għażel, fil-fatt, li jinterpreta l-antipatija kolonjalista ta’ Adams lejn Malta u l-Maltin bħala idea li kellu dan l-Iskoċċiż lejn Malta li malajr inbidlet f’interess u entużjażmu meta dan ra r-riżorsi li jrendu l-gżejjer meta tmur tfittex fdalijiet preistoriċi biex tistudja. Dan jaħbi, saħansitra jħassar, il-fatt li Adams ra lil Malta bħala lokalità ta’ interess biss għaliex minnha seta’ jiġbor u jieħu riżorsi u fossili li bihom seta’ javvanza l-karriera tiegħu fl-istorja naturali u l-iżvilupp ta’ din ix-xjenza imperjalista. Din ix-xjenza tikklassifika d-dinja f’tassonomiji maħluqa biex jirriflettu l-istrutturi tal-poter amministrattiv fuq partijiet maħkuma tad-dinja u wkoll biex ikomplu jinsistu fuq in-narrattiva ta’ dominju evoluttiv tal-mammiferi fil-ġerarkiji tal-paradigma evoluttiva. Xi mkien wara dan kollu, kien hemm mistura l-viljakkerija tal-kolonjalista bħala l-quċċata ta’ din l-evoluzzjoni. Adams gerger sew fuq in-nuqqas ta’ siġar u ħdura f’Malta, u bħal kolonjalisti oħrajn ta’ żmienu, ipprova jimponi l-pajsaġġ Skoċċiż u Brittaniku fuq Malta billi beda jħawwel is-siġar u jibdel id-dehra tal-pajsaġġ Malti biex jiġi jixbah dak Ingliż. Ftit mid-diskors u lment ta’ telf ta’ pajsaġġ arborju f’Malta fil-fatt huwa nostalġija għal dehra li l-imperu xeħet fuq Malta biex jibdel pajsaġġ niexef, xott, imrammel u mġebbel u jtih apparenza aktar xierqa għal dawk li kienu ’l bogħod minn arthom. Lanqas iżomm lura milli jipprova jirredikola l-ilsien Malti — apparti l-fatt li lanqas indenja ruħu jagħmel traduzzjoni tajba ta’ “Sa ha”, li għalih tfisser “good morning” — li jsejjaħlu Għarbi ppastardjat. Il-problema ta’ Adams, fil-fatt, hija li kien konxju li l-Maltin ma tantx kellhom pjaċir bl-estrazzjoni tal-fossili li kien għaddej biha: fil-fatt, hu stess jgħid li n-narrattiva ta’ superstizzjoni ma kienet xejn ħlief skuża biex ma jkomplix jisraq il-fossili mill-konglomerat u joħodhom lura miegħu. U kellu raġun, għax hekk kien qed jingħad fuqu. Waqt spedizzjoni ta’ tiftix ġewwa l-Imqabba, Adams jgħid li wieħed mir-raħal ipprova jwaqqfu milli jieħu l-fossili u qallu li dawk kienu hemm b’rieda divina u kellhom sinifikat differenti minn dak li kellu f’moħħu Adams. Iżda Adams ammetta li kien konxju li din kienet biss skuża, u li l-Malti kellu raġun jipprova jżomm ’il-barrani milli jieħu r-riżorsi minn pajjiżu. L-iskuża li fil-paradigma imperjali l-kolonjalist ma kienx konxju tal-asimetrija tal-poter waqt l-istudju tal-wirt naturali tal-artijiet maħkuma ma treġix fil-każ ta’ Adams. Il-kitba tiegħu tikxef il-fatt li fejn sab ostaklu ta’ aċċess, spiss uża l-pożizzjoni tiegħu biex jinjora l-proprjetà privata u jibqa’ dieħel jieħu li ried. U fejn weħel, bħal fil-każ tal-Imqabba, idur għall-għajnuna tal-gvernatur Ingliż biex jiftaħlu l-bibien b’ordnijiet minn fuq. U biex ikompli jitnejjek bil-Maltin u juri li r-regħba għall-flus iġġegħelhom jagħmlu minn kollox, jirrakkonta aneddotu fejn waqt tħaffir ġo dagħbien ġewwa l-Imqabba, in-nies tal-lokal ġew jikkurjużaw (bħallikieku huma kienu barra minn posthom) fuq skav li kien qed isir, u meta nduna li x-xogħol ma kienx għaddej bl-għaġla li xtaq hu, waqt li l-Imqabbin kienu qed iħarsu lejn it-trinka mħaffra, tefa’ lira Spanjola fuq il-konglomerat waqt li ħadd ma kien qed iħares, u xħin raha kulħadd, niżel jiġborha mingħajr ħafna ċerimonji. Jgħid li l-għada, sab it-trinka mħaffra sew, aktar milli kellu bżonn.
Ħafna mix-xogħol li nużaw illum fid-dixxiplini tal-istorja naturali u l-arkeoloġija sar f’din il-paradigma ta’ ħsieb, attitudini u poter, u allura l-ħarsa kolonjalista ma tistax tiġi separata mill-mod ta’ kif żviluppa l-ħsieb “xjentifiku” u “akkademiku” li nsibu fil-wirt ta’ dawn il-metodoloġiji. U l-idea tal-pijunier u l-protagonist ta’ dawn in-narrattivi spiss titfa’ fuq quddiem l-esploraturi bħallikieku kienu huma li għamlu l-iskoperti, meta fil-fatt ħafna mis-sejbiet ewlenin saru min-nies lokali, mingħajr l-uniformijiet u l-kpiepel, iżda bi qmis u maktur fuq rashom, f’modalità u kuntest ta’ żvilupp ekonomiku tal-lokal waqt tħaffir ta’ barrieri għall-blat, twittija tal-art għall-agrikoltura u l-ġardinaġġ, bini, u toroq ġodda.
Fis-siegħa u nofs ta’ filgħodu, it-tabib ikkonferma li ommi mietet, tani l-għomor, u qalli biex immur nistrieħ. Kawża tal-mewt: metastatic well-differentiated neuroendocrine carcinoma. L-infermier li kien xogħol billejl ġie jikkunslani u qalli li aħjar immur nipprova norqod ftit għax se jkolli bżonn li nagħmel l-arranġamenti għall-funeral. Inżilt taħt it-Torri ta’ San Ġiljan, imxejt tul ix-xatt, baħar żejt, intlaqt fuq il-blat tal-franka kiesaħ u niedi ta’ Fond Għadir, inħares lejn is-smewwiet u l-kwiekeb, nipprova nara nilħaqx l-aħħar dawl tagħha qabel jgħib għalkollox. Mal-ewwel dawl ta’ filgħodu, bgħatt messaġġ lil Charles, ħabib tagħha u direttur tal-funerali, tajtu l-aħbar, u staqsejtu biex jgħinni nieħu ħsieb. Meta l-kummissjonant tal-funerali wasal id-dar b’katalgu ta’ twiebet u santi tal-mewt, staqsieni għan-numru tal-qabar tal-familja fuq l-Għolja tal-Ħorr. Xi ftit sigħat wara ċempilli, talabni l-permess biex jiftaħ il-qabar, jiġbor il-fdalijiet ta’ ommha, missierha u ħuha, u jiżbarazza biex ikun hemm post għat-tqegħid tagħha. Ħareġ il-permess tad-difna hekk kif definit minn Kapitlu 10 tal-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, Parti VI, Artikolu 141. Il-kummissjonant, li kien jgħożżha bl-istess mod li kienet tħobbu hi, iggwidani fl-għażla: injam mis-siġra tal-ġewż, ċar, ġewwa kkuttunat b’satin abjad. Mingħajr disinji u tberfil. Staqsieni jekk xtaqtx nitfa’ xi ħaġa fit-tebut magħha iżda dak il-ħin m’għaddilix minn moħħi li stajt nibgħat magħha l-kitbiet tagħha u r-ritratti kollha li ħadet u kienet tgħożż ħajjitha kollha, speċjalment tiegħi. Forsi anki ċ-ċavetta tal-karozza għax għalkemm ma kienet xejn f’saħħitha fl-aħħar ġranet ta’ ħajjitha, xorta riedet ittellaq miegħi, meta kont qed insuq warajha minn San Ġwann sal-Qawra wara l-aħħar vista li kellha l-isptar. Ħallejt it-tebut għal ġisimha biss. Ġarrejtha fuq dahri bl-għajnuna ta’ sħabi u mxejna biha l-inżul u t-tlajja’ mix-xatba sal-ħofra tal-Għolja tal-Ħorr. Id-deffiena tal-Campo Santo fetħu l-qabar, għollew it-twavel tal-franka, naħa bajdanija u nadifa u naħa oħra ħadra bil-ħżież tal-umdità. Ġabru l-fdalijiet ta’ għadam niesi, farfru ftit mit-trab u l-għanqbut li tħabbel mal-kranji u l-għadam tawwali, u xeħtu kollox l-ewwel ġewwa basket tal-plastik abjad u wara ġo kaxxa tal-plastik. Neħħew sitta mit-twavel tal-franka, mimdudin waħda ħdejn l-oħra, u poġġewhom fuq is-seba’ waħda li ħallewha fil-post. Minħabba f’dan, il-bokka ma kinetx miftuħa kollha u allura ma setgħux iniżżluha dritta imma kellhom ixeqilbu t-tebut biex l-ewwel tidħol rasha u wara jiddrittawh u jiddaħħal il-kumplament. Ir-riħa ta’ għeluq umduż imħallta mal-għaraq sħun tal-ġebla tal-franka fakkritni fil-bitħa ta’ oħt nannti fejn trabbiet ommi. Eluf ta’ snin ilu, fil-belt ta’ Ġeriko, il-ħajjin kienu jaqilgħu l-mejtin tagħhom minn taħt l-art ta’ darhom fejn kienu jidfnuhom u jkaħħlu l-għadam tal-kranji bil-ġibs, jgħattu l-ħofor tal-għajnejn bil-qxur tal-baħbuħa tal-baħar u jpoġġuhom fuq xkaffar fil-kmamar ta’ fuq: tifkira-tiżjina. Meta tniżżlet ommi, missierha, ommha u ħuha tniżżlu maġenbha, imma ġewwa kaxxa tal-plastik, issa għadd ta’ għadam li minnhom ma tagħrafx wieħed mill-ieħor. Tkellimna spiss jien u hi dwar ir-ritwali tal-mewt u jekk hux aħjar tidfen il-ġisem fl-art u troddu lura jew taħarqux u tferrxux ma’ għelieqi ta’ ward u peprin, jew fuq l-ibħra li jmewġuk mal-erbat irjieħ fuq vjaġġ ta’ kruċiera postumu. Il-qabar fuq l-Għolja tal-Ħorr kien l-aktar investiment permanenti li qatt għamlet. Ommi xtaqet li tinġabar ma’ niesha li kienet poġġiethom ġewwa d-dar eterna tagħhom biex kemm hi kif ukoll jien ninġabru flimkien meta naslu biex nerġgħu lura d-dar aħna wkoll. Hi kellha seba’ mitt sena sakemm timmarka l-preżenza ta’ niesha f’qabarna, imma jien għadni qed nistenna. Ir-ritratt li għażlet hi stess għadni ma poġġejtux fil-gwarniċ bħal tal-oħrajn u isimha għadni ma ktibtux b’ittri tal-bronż fuq l-irħama wieqfa, bin-numri ta’ meta waslet u meta reġgħet telqet lura. Poġġejtilha x-xtieli li tħobb, nixegħlilha xemgħa taż-żejt, għandha żewġ ġebliet tal-franka mill-barriera ta’ maġenb iċ-ċimiterju li jżommu s-santa fil-post biex ma ttirx mal-grigalati, u żewġ ċagħqiet mill-bajja fejn kienet tħobb tmur tgħum. Għadam, snien, ġebel, ċagħaq, għeruq tax-xtieli, ħanfus tat-tessuti, biċċiet tas-satin, kaxxi u basktijiet tal-plastik, biċċiet ta’ njam tas-siġra tal-ġewż, u qtar tal-għaraq tal-franka: dan naqal niesi mistur fil-ħemda tal-kamra mudlama tal-eternità tagħna fuq l-Għolja tal-Ħorr .