Noti Editorjali #14

ma’ Noah Fabri

« Naħseb l-ikel dejjem ħa jkun importanti f’ħajti u dejjem jibqa’ xi ħaġa essenzjali fil-ħsieb tiegħi jew fil-prattika tiegħi għax iżommli saqajja mal-art. U fl-ikel hemm il-kwistjonijiet kollha politiċi li jinteressawni: tal-ġisem, tal-ġeneru, ta’ kif jiżvolġu dawn in-networks tal-kolonjaliżmu, l-ekonomija, il-kapitaliżmu. Fl-ikel hemm kollox. Jiġifieri naħseb li dejjem, b’xi mod jew ieħor, ħa jkun hemm lenti tax-xogħol tiegħi li ħa tħares lejn l-ikel. Bħalissa qed naħseb fuq xi proġetti wkoll li jinvolvu b’mod aktar dirett l-ikel, l-idea ta’ tip ta’ performances li kont qed nagħmel kull darba li Bobb isaqsini. Qishom bdew ġejjin dawn l-ideat fuq dan il-proġett dwar l-ikel, u jkun sabiħ niżviluppawhom b’xi mod daqsxejn aktar teatrali, b’mod daqsxejn aktar meħjut bil-lenti tal-performance. Insalata kienet pjuttost diskursata, essenzjalment kienet diskursata u jiena qed nagħmel insalata fl-istess ħin. Naħseb jekk indaħħlu element aktar performattiv, aktar teatrali fiha, hemm possibbiltà pjuttost qawwija. Insalata kienet interessanti għax speċi kienet jien nitkellem b’mod relattivament teoretiku fuq l-ikel u fuq dawn l-affarijiet, dawn l-ideat li jeċitawni ħafna. Kont qed nikkwota l-awturi, jiġifieri kienet relattivament teoretika. Imma meta kont nasal fuq il-biċċa personali, li għalija kienet teżisti fuq l-istess skala tat-teorija, wara ġew ħafna nies fuqi jgħiduli grazzi talli qsamtha magħna. Veru ħassejtni emozzjonata. Jien lanqas kont ħsibt fil-possibbiltà li din tkun biċċa xogħol li temozzjona lin-nies. Issa din mhix xi ħaġa li tista’ tagħmilha b’mod intenzjonali, li speċi tasal għaliha bi żball. Jien dejjem emmint li, biex taffettwa l-moħħ imma wkoll speċjalment il-qalb ta’ udjenza u vera tgħinhom jidħlu f’xi ħaġa, trid tagħmilha kważi bi żball u bl-aktar mod kwiet u understated possibbli... Il-mużika tiġi minn xi mkien ieħor. Fil-lirika hemm element simili imma peress li issa qed nikteb, u qed niffoka aktar fuq il-kitba (u mhux il-kitba tal-lirika), għadni ma rġajtx sibt vuċi oħra tal-lirika li jien komdu biha. Għax il-lirika li kont qed nieħu gost nikteb kienet vera bbażata fuq il-ħajja ta’ kuljum; jien nosserva xi ħaġa u dak li nikteb ikun direttament importat minn dak li nara fit-triq. Nikteb fuq il-mobile u litteralment dak li nikteb isir il-lirika kważi bla bidla ta’ xejn. Dawn in-noti issa saru noti għal kitbiet oħra jiġifieri għadni ma sibtx eżatt x’inhu t-ton tal-lirika tiegħi u ma nafx fejn ħa jmur u għandi kurżità kbira x’ħa jiġri minnhom. Bħalissa qed naħdem ħafna, qed nagħmel naqra mużika għat-teatru, vera qed nieħu gost. Das-sajf u għas-sena li ġejja ħa nagħmel mużika għal xi xogħlijiet u vera qed nispera li l-ideat li kienu qed iberrnuli f’moħħi jerġgħu jibdew joħorġu. Bħalissa qed nimxi ħafna, immur il-Ħamrun ħafna, u qed nipprova npoġġi f’din l-atmosfera. Nixtieq niftaħ aktar kollaborazzjonijiet. Ovvjament jien ma nista’ nagħmel xejn waħdi — bħalma ħadd ma jista’ jagħmel xejn waħdu — u l-kollaborazzjoni hija element essenzjali għad-dibatti dwar dawk l-ideat li nixtieq niftaħ. Diġà għandi ftit xogħol kollaborattiv mibdi, minn hemm u minn hawn, issa naraw u mbagħad meta jkolli xi ħaġa li tibda teċitani aktar, nibda niftaħha u m’hemmx isbaħ milli tiftaħ ix-xogħol tiegħek għall-vuċi ta’ xi ħaddieħor. Jiġifieri dik ma nixtieqx nitlifha. Ma nistax nitlef ix-xogħol kollaborattiv, jekk hux fil-mużika jew fit-Teatru. » .

F’dil-poddata jinstemgħu wkoll Raylene Abdilla u Kurt Borg.

Dekorazzjoni art-nouveau