Is-Sovranità tal-Ikel #2

Mistoqsijiet dwar il-ħobż

Nicole Borg

Fil-15 ta’ Frar 2026, waqt workshop ma’ Kristina Camilleri-Grygolec, Indiġikċina fittex li jesplora l-ħobż Malti u ikel iffermentat ieħor. Kristina, li l-istudji tagħha kienu fil-filosofija, tgħid li l-ħami tal-ħobż joffrilha ferħ u skop f’ħajjitha. Ilha aktar minn sitt snin tipprattika dil-attività b’mod professjonali. Ġejja minn familja bi storja ta’ migrazzjoni, li toriġina minn Malta, b’rabtiet storiċi mal-Afrika ta’ Fuq, Sqallija, l-Italja, Franza, u l-Gran Brittanja. Wara li żżewġet lis-sieħeb Pollakk tagħha, Kristina resqet lejn il-ħami tal-ħobż fil-kuntest usa’ tal-wirt, l-istorja u r-rilevanza kulturali. Minbarra li ħadmet bħala furnara tal-ħobż f’diversi fran artiġjanali, Kristina waqqfet forn komunitarju f’Antwerp fejn ikkollaborat ma’ organizzazzjoni lokali mhux għall-profitt biex taqsam l-għarfien tagħha dwar il-produzzjoni tal-ħobż u l-istejjer li din iġġorr magħha.

Il-mistoqsija ċentrali għad-diskussjonijiet li kien hemm matul il-ftit sigħat li għamilna miġburin flimkien naħmu kienet: ħobżna maħbuż, jew mitluf? Dil-mistoqsija wasslitna biex nistaqsu dwar il-ħobż u l-eżistenza tiegħu bħala prattika mġissma, relazzjonali, u sostenibbli, aktar milli bħala prodott kummerċjali. Fittixna wkoll li nenfasizzaw ir-rwol tal-ħobż u l-kapaċità tiegħu li jgħaqqadna mal-ambjent u l-“futuri radikali” tal-ikel.

Dan il-workshop partikolari wassalna biex niddubitaw l-eżistenza, il-preżenza u t-tbassir tal-ħobż, fuq il-bażi ta’ mistoqsija li baqgħet, u tibqa’, xi ftit mingħajr tweġiba: kif nistgħu niddefinixxu l-lokali, jew aħjar, il-lokali li jittiekel? Il-fermentazzjoni tal-ikel nistgħu nużawha wkoll biex inqisu l-etika “transkulturali” involuta fil-kuntesti soċjokulturali tal-ikel tagħna, bħala element essenzjali għal dal-mod ta’ parteċipazzjoni. B’hekk, inkunu nistgħu nagħtu rendikont ta’ modi diversi ta’ għarfien u aġenzija, billi nqisu, u wkoll nevalwaw mill-ġdid l-għarfien, l-istejjer u l-prattiki kulturali differenti li, bħala nies li kienu kkolonizzati, għad għandna tendenza għalihom. Aħna fil-fatt kapaċi noħolqu spazju għall-ferħ, għall-esperimentazzjoni u għall-briju. Abbażi tal-ambigwità kulinari, il-ħobż u l-osservanza tiegħu huma mezz eċċellenti biex tiġi esplorata din in-narrattiva.

Jien u Kristina ħassejna l-ħtieġa li niltaqgħu biex nitkellmu dwar l-imħabba komuni tagħna għall-ikel, waqt li nirrispettaw iż-żewġ kuntesti kulturali li nħossuna komdi biżżejjed biex nirrappreżentaw. Taħdita wasslet għal oħra, imma l-mistoqsija inizjali li staqsejna lil xulxin kienet, bejn wieħed u ieħor, “kif nosservaw il-konsum tal-ħobż, kemm mill-bogħod, kif ukoll mill-qrib?” Staqsejna lilna nfusna, x’inhu dak li jwassalna biex nidentifikaw ħobża bħala ħobża ta’ veru, bħala ħobża Maltija, u kemm hi aċċessibbli għal kull wieħed u waħda minna? L-aċċess għal ikel bħal dan, kif jaffettwa l-ħila tagħna li niddubitaw u nkunu kurjużi dwar l-identità tiegħu? Kurżità kbira tagħna hija dwar dak li hu lokali u l-endemiċiżmu. L-għarfien espert ta’ Kristina dwar it-teknikalità tal-produzzjoni u l-fermentazzjoni tal-ħobż, flimkien mal-interess u l-għarfien tiegħi dwar il-provenjenza lokali tal-ikel, wassluna għal mistoqsija oħra relattiva għall-produzzjoni tal-ħobż, aktar milli l-osservanza tal-ipproċessar tiegħu. Kif nistgħu nużaw il-ħobż biex nisfidaw u nikkontestaw l-idea tal-lokalità? Il-pożizzjoni tal-furnar kif ukoll tal-konsumatur tal-ħobż kif taffettwa l-ħila tagħna li nifhmu standards kulturali differenti tal-konsum tal-ikel? Il-preżenza jew in-nuqqas ta’ qamħ endemiku kif jistgħu jaffettwaw id-denominazzjoni tal-prodotti tal-ikel nazzjonali? L-użu tal-qamħ endemiku, fil-fatt, jikkwantifika l-lokalizzazzjoni ta’ ħobża? Xi jfisser li l-ħobż ikun Malti?

Wieħed jista’ jargumenta li r-risposta għal dawn id-domandi tiddependi fuq il-ġeografija ta’ minn fejn jiġi prodott partikolari, mentri xi ħadd ieħor jista’ jgħid li dan kollu jiddependi mill-provenjenza tal-kostitwent primarju tiegħu, naturalment il-qamħ, f’dan il-każ. Mhuwiex sigriet li ma jeżisti l-ebda qamħ endemiku għal Malta. Madankollu, ma jfissirx li ma nistgħux ngħidu li għandna qamħ lokali, kemm jekk b’importazzjoni kif ukoll b’integrazzjoni ta’ speċijiet iddomestikati lokalment. Bħal fil-każ ta’ ħafna ingredjenti oħra kruċjali għas-saħħa u l-integrità tal-kċina tagħna, niddependu ħafna fuq l-importazzjoni tal-qamħ li nużaw. Fost il-preparamenti għal dan il-workshop kien hemm żjara lill-furnar ikoniku Ta’ Kalċ, u mixja li bażwritni lura għall-karozza, inġorr ħames kilos dqiq. Ta’ Kalċ, speċifikament dak ta’ Ħal Qormi, huwa pjuttost istituzzjoni fid-dinja żgħira tal-ħobża Maltija.

Dakinhar, jien u Kristina ħejjejna firxa kbira ta’ ikel. Minbarra l-preżenza ovvja ta’ diversi ftajjar, l-ikel kellu jkun sempliċi, u rappreżentattiv tal-istaġun li konna qed naħdmu fih. Kristina ħadet ħsieb il-ħobż, kif ukoll il-galletti biż-żrieragħ tal-kemmun. Mal-ħobż kien hemm confit tal-artiċokk, pesto tal-kale u l-irkotta moħmija. L-artiċokk, li jissejjaħ ukoll topinambur, kien ipproċessat b’mod sempliċi ħafna. Poġġejthom f’borma kbira bi ftit weraq tar-rand, ġiex sinniet tewm, il-qoxra u l-meraq ta’ larinġa, melħ oħxon, u ħafna żejt taż-żebbuġa lokali tajjeb, biżżejjed biex jgħattihom. Poġġejthom fuq nar baxx, biż-żejt kemm kemm ibaqbaq, għal madwar siegħa, sakemm kienu torja biżżejjed għall-furketta, waqt li xorta jżommu l-forma tagħhom. Imbagħad, l-irkotta moħmija kienet terġa’ iktar sempliċi milli wieħed jista’ jimmaġina. Ħallejtha fil-friġġ billejl, ġo passatur, bi skutella taħt, biex inneħħi kemm nista’ l-ilma żejjed. L-għada poġġejtha f ’dixx tal-forn, u ħmejtha għal siegħa, sakemm il-qoxra ħadet ftit kulur. Servejtha sħuna bl-aħħar vażett tas-sfejġel li kont għamilt Settembru li għadda. Wara, il-pesto tal-kale u l-ġbejniet. Id-deskrizzjoni hija fiha nnifisha r-riċetta. Servejtha biz-zalza tal-bżar aħmar iffermentat, li kont għamilt ftit tal-ġimgħat qabel bil-felfel aħmar lokali. Il-kondiment kien neċessarju biex naqtgħu mill-elementi melħin l-oħra. Fl-aħħar, il-pudina tal-ħobż rabtet flimkien il-bqija tal-ikla. Biex inżomm mat-tendenza tiegħi li nuża ingredjenti lokali, iżda inqas familjari, ħallejt barra l-konfettura tas-soltu, u minflokha daħħalt konfettura tal-kumquat lokali, korteżija tal-fornitur tas-soltu tiegħi gewwa l-pitkalija. Daħħalt ukoll it-trab tal-ħarrub u ftit inbid tal-għasel fit-taħlita. It-trab tal-ħarrub ħa post l-użu tipiku tal-kokotina. Waqt l-ikla, il-pudina tal-ħobż kienet l-ewwel li spiċċat.

Biex ninkwadraw il-konverżazzjonijiet li ffurmaw il-bażi ta’ dan il-workshop, fil-kuntest tas-sovranità tal-ikel, ħassejna l-ħtieġa li nistaqsu lill-parteċipanti tagħna dwar kif huma stess għamlu sforzi biex iżommu l-aċċess għall-ħobż Malti f’punti differenti ta’ ħajjithom. Irriflettejna fuq iċ-ċentralità tal-uċuħ tar-raba’, tal-ikel u tal-patrimonju, il-ħobż bħala proprjetà, ir-relazzjonalità, il-komunaliżmu u fl-aħħar mill-aħħar, is-sovranità li tittiekel. Konna kapaċi wkoll infakkru r-rakkonti individwali tal-fermentazzjoni bħala għajxien antikolonjali, primarjament bil-mod li, bih, il-fermentazzjoni ta’ ħobża familjari tista’ twitti t-triq għall-possibbiltà li wieħed jerġa’ jimmaġina r-relazzjoni tiegħu mal-ikel. Nistgħu nagħrfu dan ilkoll, billi nagħrfu kemm aħna, individwalment tul ħajjitna, esperjenzajna l-ħobż b’modi differenti: mill-qrib jew mill-bogħod, bħala esperjenza simili jew approssimattiva, parzjalment jew kompletament, frekwentament jew le.

Il-mod ta’ kif nosservaw, nippreparaw, nikkunsmaw u naqsmu l-ħobż tagħna, jgħid ħafna dwar l-immaġinarji, il-mobbiltajiet u n-networks li rispettivament għandna bħala produtturi u konsumaturi tal-ħobż. L-effett tal-komunaliżmu li jittiekel, li allura jippermettilna naqsmu l-ħobż mal-għeżież tagħna, jgħodd għall-ħila tagħna li niddiversifikaw il-palati tagħna għal forom oħra ta’ ħobż mhux familjari? Il-kurżità u x-xenqa tagħna għall-ħobżna ta’ kuljum tħeġġiġna nikkunsmaw forom oħra ta’ ħobż, kemm jekk huma simili għal dak li aħna mdorrijin bih kif ukoll jekk le? Li nitgħallmu mill-fermentazzjoni huwa li nitgħallmu dwar dak li hemm bejnietna, dwar dak li jinteressana, u li bih inkunu nistgħu nenfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni soċjali u l-amalgamazzjoni ta’ dan kollu. Dan kollu huwa imprevedibbli, speċjalment meta nqisu l-ambigwità u l-fluwidità tal-pożizzjoni kulturali tagħna. Fl-istess ħin, din topponi t-tendenzi kontemporanji, individwalistiċi u monokulturali tas-soċjetà moderna, li għandna t-tendenza nintrabtu magħhom u neħlu fihom, u dan kollu qed jiġi rifless fl-effetti tal-industrijalizzazzjoni. Il-ħobż huwa prodott li jista’ jirrifjuta l-iskalar, it-tkabbir, il-kontroll u l-istandardizzazzjoni, u li jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni. Il-ħobż, u fil-fatt, il-fermentazzjoni, jippermettulna li noħolqu dawn il-forom transkorporali ta’ relazzjonijiet, li jirrappreżentaw il-pedament u l-adattament tal-wirt li jittiekel tagħna, kif ukoll il-ġejjieni tiegħu.

XXXXXXprettifyMalteseXXX

L-ewwel ċena saret fit-23 ta’ Marzu 2025, f’The Vegbox, The Farmoury, il-Manikata. The Farmoury huwa proġett ta’ Emanuela de Giorgio. Fuq il-website ta’ La Via Campesina hemm ħafna informazzjoni dwar il-moviment.

Dekorazzjoni art-nouveau