għajnejk
baħar bla qies li minnu jtellgħuni
mgħarraq.
Fir-reżħa tal-lejl nistenna
l-melodija waħxija tindaqq,
triegħed l-irjieħ bil-melankonija ta’ eku vojt.
U jien, ninqala’ minn taħt il-kaptelli ta’ qabri,
b’ħarsa ssummata, tqattar saram
li ilmijietek qatt ma raw. Biex nitrejjaq.
U kif inlesti, bħal mażżra nintefa’
sabiex nifga fil-fond ta’ ħdanek.
Leħni jgħammar sillabi kiebja,
kif tarf ilsienek jgħallem ’ilfommi lingwa ġdida.
Sidrek sħun imħabbel ma’ sfieq qalbi,
u s-swaba’ bierda sinkronizzati fuqi
jgħallquni f’ċella, ippersegwitat.
U mat-tokki mnikkra ta’ nofsillejl,
figurtek tintreħa f’fantażma abjad,
iħażżeż isimna fir-ramel
biex qalbi qatt ma tinħakem mid-delużjoni.
Ruħi tisfa mtebbgħa
bid-demm ta’ ġismek,
iddikjarat indifferenti, stramb, traditur,
li għemili jaf hemm prezz għalih
skont dak li niesi wettqu fl-Eden.
Iżda waħdieni nibqa’ nittama,
b’moħħi rebbieħ,
b’qalbi telliefa,
nixxabat f’tarf l-irdum,
b’idi solitarja mgħollija,
nibqa’ nwiegħdek,
qed nipprova.