Marta Marta (silta)
Sibt il-Mistrieħ

Loranne Vella

Ir-raqda, nhar ta’ Sibt, Dolores tibdieha mal-qawmien, għax nhar ta’ Sibt filgħodu Dolores ma tqumx, la tistenbaħ man-noti tal-qniepen għax il-qniepen ma jdoqqux, la tqum mir-raqda, la tqum mis-sodda, la tinżel isfel għall-fatra. Ma tiltaqa’ la ma’ Concetta, la ma’ Beneditta, la ma’ Marija Assunta, la ma’ Carmelina, la ma’ Marwa, la ma’ Nathaline, la ma’ ħadd minn ġewwa, la ma’ ħadd minn barra. Illum is-Sibt ma tara lil ħadd, la tara lil Damjan u lanqas taħseb fih. Illum la tqum titmattar, la tmur tbaħbaħ wiċċha, la kikkra te u lanqas kafè, la ħobż, la ċikkulatina, la sigarru bil-bokkin u lanqas mingħajru. Nhar ta’ Sibt bilkemm titħarrek mis-sodda, la tiftaħ għajnejha biex tara u lanqas widnejha biex tisma’, la tgħolli l-friex, la tiftaħ il-purtieri beraħ, la tiftaħ bibien ta’ armarji u lanqas kxaxen ta’ gradenzi, la tinża’ ħwejjiġha tas-sodda, la tilbes ilbies, la ħwejjeġ, la kostumi, la xinxilli u lanqas dehbijiet, la tħares fil-mera, la tomxot xagħarha, la tħammar ħaddejha u lanqas xufftejha, la terra, la fwieħa, la krema, la kulur; illum is-Sibt u rtokk ma jmurx. Nhar ta’ Sibt ma taħsibx la dwar ilbieraħ, la dwar għada u inqas u inqas dwar illum għax illum mhi se tagħmel xejn, mhu se jiġri xejn, mhi se tqis, mhi se tfassal, mhi se tqasqas, mhi se ġġarrab xejn. Illum is-Sibt jum il-mistrieħ, mistrieħ il-ġisem, serħan il-moħħ. Illum is-Sibt waħedha ma’ ħsibijietha imma lanqas dawk mhi se jkollha, la se taħseb, la se tħejji, la se thewden, la se toħlom, la se timla moħħha bi ħsieb u lanqas se tbattlu minn ieħor, illum is-Sibt, illum ma tagħmel xejn, ma jiġri xejn. Illum Dolores mhi xejn, la hi bint, la hi oħt, la hi omm, la hi Madre, ma hi xejn għax illum is-Sibt. Nhar ta’ Sibt ma tħabrikx, ma tgħaġġilx, sa tard la torqod u lanqas tqum. La tiekol, la tixrob, illum xejn minn dan. Nhar ta’ Sibt ma jħabbtilha ħadd, jekk iħabbtu ma tiftaħ lil ħadd. Nhar ta’ Sibt ma taqrax, ma tiktibx, ma tħitx, ma tirrakkmax, nhar ta’ Sibt la labar, la ganċ u lanqas imqass. Nhar ta’ Sibt mimduda f’kamritha, kollox magħluq, xejn miftuħ, la l-bieb, la l-purtieri, la għajnejha. Illum ma tħalli l-ebda ħsieb, l-ebda dubju, l-ebda biża’ jidħol la f’moħħha u lanqas f’qalbha. Illum la bilwieqfa u lanqas bilqiegħda. Illum is-Sibt, illum mimduda sserraħ daharha, isserraħ riġlejha, isserraħ il-menti, għax illum jum il-mistrieħ. Illum tongħos, tistenbaħ, tongħos, tistenbaħ, illum tieħu biss nagħsiet qosra. Illum ma tisma’ xejn. Le, illum ma trid tisma’ xejn, la x’hemm f’kamritha, la isfel u lanqas fil-kmamar tal-oħrajn. Illum is-Sibt, jum il-bibien magħluqin, illum maqtugħa għalkollox minn barra, mill-oħrajn. La jċemplulha ma tweġibx. Bħal-lum ma jmut ħadd, ma jitwieled ħadd. Nhar ta’ Sibt la titlob, la taħlef, la tidgħi, la tisħet. Is-Sibt la ksuħat la frugħat, is-Sibt la deni lanqas ġid, la iva lanqas le, la isfel lanqas fuq, la iswed lanqas abjad, la abjad lanqas aħmar, illum is-Sibt la lwien la tessuti la ħjut la njam la fjuri lanqas vażuni, la bidu lanqas tmiem, la verġni lanqas qaħba, la qaddejja lanqas reġina, la punt sewwa lanqas maqlub, la fuq l-art lanqas fis-sema, la l-ġenna lanqas l-infern. Illum is-Sibt tieħu biss nifs wara l-ieħor mimduda kif inhi għajnejha mbexxqin la dlam lanqas dawl, kull tant ħin taħrika żgħira mis-seba’ l-werrej mistrieħ bejn kuxxtejha, ċaqliqa bilkemm tintebaħ biha hi stess, kemm kemm tmelles b’kappell is-seba’ żibġitha, xufftejha nidjin, la rieqda la mqajma, taħrika kultant bejn nagħsa u oħra, la sħana la bard, la kmieni la tard, la ftit lanqas ħafna, tħalli sebagħha għaddej la tibda la tieqaf, la hi lanqas mhix hi, tmellisa wara l-oħra, la iebsa lanqas ħafifa, siegħa sagħtejn tlieta, la ż-żerniq lanqas l-għabex, sa ma dehxa taħkimha tregħedha theżżiżha la miftuħ la mitbuq la barra la ġewwa la fuq la taħt la tieqaf la tkompli sa ma tintebaħ b’widnejha bil-karba li ħierġa minn fommha ilha s-sigħat u malli fl-aħħar tieqaf il-karba u jerġa’ jibda n-nifs jiġiha f’moħħha l-ewwel ħsieb tal-jum u tlissnu bi tbissima minn taħt l-ilsien, Sibt il-mistrieħ, u torqod sal-għada filgħodu raqda waħda twila u mistrieħa sal-ewwel noti tal-qniepen kmieni kmieni tal-Ħadd .

Dekorazzjoni art-nouveau