Noħlom dwar mixjiet twal għall-kwiet, ’il bogħod mit-toroq u l-karozzi. Imbagħad inqum u nimxiha mid-dar sal-klinika tal-fiżjoterapija, mixja ta’ tletin minuta kollox. Filgħodu kmieni, tul Rue Antoine Dansaert u Rue Auguste Orts hemm serbut karozzi bin-nies sejrin għax-xogħol. Nasal Boulevard Anspach, fil-fetħa l-kbira quddiem il-Bourse, u nikser fuq ix-xellug. Nieħu r-ruħ. Dal-boulevard, li fis-seklu dsatax kien jismu Boulevard Central, huwa l-parti ċentrali tal-arterja li taqsam min-Nofsinhar sat-Tramuntana taċ-ċentru tal-belt, mill-Gare du Midi sal-Gare du Nord, u dejjem inżomm lilu f’moħħi biex niftakar fejn huma l-punti kardinali tal-belt. Fl-2015, is-sindku ta’ Brussell, Yvan Mayeur, ħareġ bi pjan li bellah lil kulħadd, speċjalment minħabba l-fatt li baqa’ sa ma rnexxielu jwettqu. Wara tlett isjuf ta’ Pic Nic The Streets, picnics “kwieti” ta’ protesta kull nhar ta’ Ħadd waranofsinhar quddiem il-Bourse kontra l-fatt li l-karozzi kienu joħonqu l-ispazju pubbliku u jinkwinaw l-arja tar-residenti, fid-29 ta’ Ġunju tal-2015 Boulevard Anspach ingħalaq kompletament għall-karozzi u l-ispazju nfetaħ biss għan-nies bil-mixi. Tħawlu s-siġar fuq il-ġnub, tpoġġew għadd ta’ bankijiet tal-injam u tal-konkrit, tlestiet funtana b’ilma jaqbeż fit-tarf ta’ Rue August Orts faċċata tal-Bourse, ittellgħu stallazzjonijiet tal-arti, u nbena ġnien żgħir fuq Place Fontainas qabel ma t-triq terġa’ ssir tal-karozzi. Ilni ngħix f’dil-belt mill-2008 u l-karozzi, u l-picnics ta’ protesta niftakarhom sew, allura sirt dejjem nimxi “f’nofs tat-triq” meta nsib ruħi fuq dal-boulevard, b’ċelebrazzjoni għal dir-rebħa, żgħira u kbira fl-istess ħin. Dal-proġett ma kienx iżolat, u minn dak iż-żmien fiċ-ċentru ta’ Brussell komplew jingħalqu iktar toroq ċentrali għall-karozzi. Il-pjan reġjonali tal-mobbiltà għall-2020–2030, li jismu “Good Move”, jiffoka fuq is-saħħa fiżika u mentali tar-residenti, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħna, it-tnaqqis tal-impatt ħażin tal-karozzi fuq l-arja u fuq l-ambjent, u ż-żieda fis-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-mobbiltà. Għandu l-għan li jgħinna nibdlu l-mod kif niċċaqalqu minn post għall-ieħor. Il-lussu, f’dal-pjan, huwa f’li nħaddmu moħħna u nużaw riġlejna, u ngawdu l-belt mingħajr ma nkunu skjavi tal-karozzi. L-istess diskors, però diġà kien qed jingħad ħamsin sena ilu, fil-bidu tas-snin sebgħin, meta l-Grand Place nnifisha kienet għadha tintuża bħala spazju fejn tipparkja l-karozza. Meta nara r-ritratti minn dak iż-żmien niftakar fiż-żmien meta ġieli ħallejt il-karozza pparkjata fit-teatru l-imwaqqa’ l-Belt. F’Jannar tal-2019 begħt il-karozza biex nibda nuża biss it-trasport pubbliku, bl-idea li fil-każ li jkolli bżonn karozza nikri waħda għal dakinhar biss. Fis-sajf ta’ dik is-sena kont Malta, fiż-żmien meta kienu qed isiru diversi xogħlijiet fit-toroq madwar il-gżira kollha u bosta toroq, prinċipali u mhux, kienu magħluqin. Għodwa minnhom, biex immur sar-Rabat sibt ruħi Ta’ Kandja, fi triq dejqa, nofsha magħluqa, iżda traffikuża ħafna għax toroq usa’ kienu magħluqin. Trakk tal-ġebel kien ġej min-naħa l-oħra u kien ovvju li ma kienx hemm spazju għat-tnejn li aħna. Jien ġennibt kemm stajt il-karozza tal-kiri li kont qed insuq u waqaft biex nara kif se nagħmlu biex ngħaddu t-tnejn, iżda hu ma naqqasx u baqa’ għaddej mingħajr ma kkalkulani. Ħadli l-ġenb kollu, u għaxar snin minn ħajti. Domt ħafna mriegħda b’li ġara. Meta wasal il-warden tat-traffiku, ix-xufier tat-trakk baqa’ jinsisti miegħu li t-tort kien kollu tiegħi, u xi ftit ġimgħat wara rċivejt li la ma kien hemm l-ebda evidenza li jien kont fil-fatt wieqfa meta għadda t-trakk, kelli nofs it-tort u bħaċ-ċuċ kelli nħallas nofs id-danni jien. Ħassejtni vvjolentata. Ftit wara ħadt id-deċiżjoni li nieqaf insuq għalkollox, u issa meta nkun Malta sirt nuża biss it-trasport pubbliku. Minkejja li kont għamilt snin nirreżistiha l-idea tal-lussu li ma jkollokx karozza — li tista’ tgħix mingħajr l-inkwiet tas-sewqan, tat-tfittxija dejjem iktar diffiċli għal parkeġġ, tal-flejjes kbar biex tixtri u tmantni karozza — issa sirt nifhimha anki meta nkun Malta, minkejja li kulħadd donnu għadu tal-fehma li Malta ma tistax tkampa mingħajr karozza.
Mill-Bourse nibqa’ miexja lejn Place de Brouckère, ninnota kemm kibru s-siġar minn meta ħawluhom ftit snin ilu. Fis-sajf iħaddru, jiffullaw u jkomplu jisbieħu. Fil-għoli, il-friegħi ta’ naħa jiltaqgħu ma’ tan-naħa l-oħra u jiffurmaw bħal kanupew weraq li jdellel mid-dija tax-xemx it-tul kollu tat-triq. Kultant infittex ritratti antiki ta’ Boulevard Anspach u niskanta b’kemm inbidel mas-snin. Ħafna mill-bini baqa’ jintgħaraf imma l-atmosfera nbidlet għalkollox. Hemm filmat qasir tal-aħwa Lumière mill-1897 (Lumière No. 526) ta’ Boulevard Anspach, bit-tramm u l-karettuni biż-żwiemel għaddejjin ’l hemm u ’l hawn u bin-nies jippassiġġaw bejniethom. Hemm ieħor mill-1908 b’xena meħuda minn fuq wieħed mit-trammijiet huwa u miexi bil-mod tul il-boulevard lejn Place de Brouckère. Ir-Re Leopold II, magħruf bħala “le Roi-Bâtisseur”, ir-re-bennej, kien għadu ħaj; miet is-sena ta’ wara. Dal-boulevard inbena bejn l-1868 u l-1871 u kien wieħed mill-ewwel proġetti urbani estensivi li twettqu waqt ir-renju tiegħu (eventwalment, mill-1885 ’il quddiem, dawn il-proġetti tħallsu bil-flejjes li l-Belġju daħħal bl-isfruttament aggressiv tal-Istat Ħieles tal-Kongo). Jien u miexja tul il-boulevard innaqqas il-pass għax niftakar li taħt riġlejja, seklu u nofs ilu, fil-fatt mhux triq kienet tgħaddi imma xmara, is-Senne. Dak iż-żmien, Jules Anspach, is-sindku ta’ Brussell, kien ta bidu għax-xogħlijiet biex jitgħattew l-ilmijiet infestati tax-xmara li kienu qed iġibu l-mard fil-belt. Dik kienet l-unika idea li ġiethom f’rashom dak iż-żmien biex isolvu l-problema ta’ iġene. Iżda anki għax Leopold II kien ossessjonat bil-boulevards ta’ Pariġi u xtaq jieħu dik il-belt bħala mudell għall-urbanizzazzjoni ta’ Brussell.
Malli ndur għal Rue Neuve nitfa’ l-earphones f’widnejja u nibda nisma’ l-poddata li jmiss mis-sensiela Les Idées Larges ta’ Laura Reim fuq Arte Radio. Inzertat taħdita dwar “Comment parler des lieux qu’on aime?” ma’ Joelle Zask, l-awtur ta’ Quand la forêt brule: Penser la nouvelle catastrophe écologique (2019) u ta’ Se tenir quelque part sur la terre (2023). L-argument tagħha f’dil-poddata jqanqalni għaliex huwa dwar is-sens ta’ appartenenza li nistgħu nħossu għal belt jew pajjiż li ma nkunux twilidna fihom. Id-diskors ovvjament dar fuq l-identità, il-lingwa, in-nazzjonaliżmu, iċ-ċittadinanza, il-fruntieri, l-immigrazzjoni, ir-razziżmu. Imma l-iktar li laqatni kien l-intervent ta’ Maurizio Bettini li tkellem għal żewġ minuti biss iżda biżżejjed biex ma nkunx nista’ nieqaf nhewden dwar il-ħsieb tiegħu. Wara s-sessjoni tal-fiżjoterapija bqajt sejra dritt għand Tulitu, il-ħanut tal-kotba f’Rue de Flandre (li fuqu mmudellajt il-ħanut Mots de Femmes f’Marta Marta), u xtrajt kopja tal-ktieb tiegħu msemmi fil-poddata, Contre les racines. Xtrajt il-verżjoni tradotta bil-Franċiż għax ma kellix aptit nistenna għall-verżjoni oriġinali bit-Taljan. Qrajtu. Jitkellem fit-tul dwar il-periklu tal-metafori li nużaw biex nispjegaw ir-rabta tagħna mal-post fejn nitwieldu. L-għeruq — u b’estensjoni tagħhom anki s-siġar — bħala metafori viżivi faċilment jispjegaw u jissolidifikaw kunċetti li ħafna drabi diffiċli nifformulawhom bi kliem ieħor, minħabba n-natura astratta tagħhom: l-oriġini, it-tradizzjoni, l-identità, is-sens ta’ appartenenza. Mingħajr ma nirrealizzaw li l-periklu tal-għeruq bħala metafora għal dawn il-kunċetti jinsab fil-fatt li l-għeruq ma jħallux lok għal wisq ċaqliq. L-awtorità li donnhom għandhom l-għeruq f’dil-metafora, bħala l-bidu li minnu ħareġ kollox, toħnoq għalkollox il-libertà tal-individwu li jixtieq jimraħ ’il bogħod mis-siġra, jagħmel fattih u jkun differenti minn dak li ġie qablu. Bettini jgħid li ma jġerragħhomx il-metafori vertikali tal-għeruq, u tal-qċaċet tal-muntanji, li minnhom jikber (’il fuq) jew jinżel (’l isfel) kollox, direzzjonijiet li fiż-żewġ metafori jaħdmu eżattament bl-istess mod minkejja li jidhru opposti. Jaħdmu b’tali mod li jeskludu bidla, ċaqliq u interazzjoni. Apparti l-fatt li ħafna drabi, dak li nqisu bħala “il-bidu, mingħajr l-ebda dubju, tat-tradizzjoni tagħna” fil-verità ma kienx faqqas mix-xejn fil-bidu nett iżda kien ir-riżultat ta’ ċaqliq, trasformazzjonijiet u interazzjonijiet fuq skala enormi u fuq medda ta’ għexieren u mijiet ta’ snin, u li f’dawk iż-żminijiet “il-bidu ta’ kollox” kien mifhum bħala xi ħaġa oħra kompletament differenti, u li din ukoll kienet seħħet minħabba sensiela sħiħa ta’ fatturi arbitrarji. Jekk għandna nsibu metafora biex nispjegaw min aħna, minn fejn ġejna u ’l fejn sejrin, jgħid Bettini, mela nużaw dik tax-xmara, metafora orizzontali u mhux vertikali, fluwida mhux riġida, ilma li jitħallat ma’ ilmijiet oħrajn u ma jibqax dejjem f’post wieħed. L-orizzontalità hija ta’ importanza kbira għal Bettini għaliex fl-orizzontalità jgħibu fix-xejn l-ideat ta’ ġerarkija, awtorità, inugwaljanza u oppressjoni. Jekk għandna nqiegħdu ħaġa fil-konfront ta’ ħaġa oħra, mela nqegħduhom maġenb xulxin, fuq l-istess livell, biex id-djalogu bejniethom iseħħ f’parità. U mhux waħda fuq jew taħt l-oħra, tqegħid spazjali li mill-ewwel jiskatta ħsibijiet u mġiba ta’ dominanza ta’ waħda fuq oħra, u pparagunar bejniethom li jfittex li waħda tiġi eżaltata akkost tal-oħra. Fl-orizzontalità sseħħ il-kollaborazzjoni, u l-bidla ma tfissirx telfien iżda gwadann, permezz tal-ħolqien tal-ġdid minn interazzjonijiet ġodda. Fil-passat, il-ħsieb dwar l-għeruq kien għoddu ġenninni. Kemm għax qatt ma sirt naf min hu l-missier bijoloġiku tiegħi u kemm għax daqt se nagħlaq għoxrin sena maqtugħa minn Malta, u dejjem spjegajt l-uġigħ marbut ma’ dawn iż-żewġ separazzjonijiet bħala “tqaċċit”. Proprju narahom kont l-għeruq, nismagħhom iwerżqu huma u jitqaċċtu. Fil-kitba tiegħi dat-thewdin u l-uġigħ naħseb li ħarġu sew kemm f’Rokit, fejn l-arblu tar-razza ta’ Petrel jieħu xejra ċirkolari minħabba qabża fiż-żmien li twassal biex hu jkun in-nannu tiegħu nnifsu mingħajr qatt ma jsir jaf, kif ukoll f’Marta Marta, bit-thewdin ta’ Damjan fuq il-fatt li qatt ma sar jaf min huma l-ġenituri bijoloġiċi tiegħu. Il-ktieb ta’ Bettini ġie f’idi fi żmien partikolari ħafna, ftit jiem biss wara li ktibt silta dwar iż-żrieragħ, l-għeruq, iz-zokk u l-friegħi. Il-ħsieb tiegħi kien li nibqa’ hemm fit-tul, iżda wara Contre les racines iddeċidejt li nitbiegħed u nfittex xmara minflok.
Siġra tibda minn żerriegħa mnixxfa mitlufa f’nagħsa ħelwa, ċkejkna daqs nitfa ’mma ġa toħlom bir-renju tal-ħlejjaq u l-ispirti maqbudin taħt l-art u tan-ninfi u l-allat jittajru ħielsa fil-għoli. Tistħajjel li bħas-siġra — forsi tal-ballut jew taż-żebbuġa, tal-aġġru jew tal-bajtar — li tinsab fil-qalba tad-dinja jew fil-quċċata tal-ogħla muntanja għad xi darba hi wkoll tiftaħ beraħ u tgħolli dirgħajha u terfa’ s-smewwiet; biex is-sema, l-art u r-renju ta’ taħtha, u kulm’hemm fihom, jingħaqdu f’ordni u armonija mingħajr ma hi qatt titħarrek minn fejn hi. Tilmaħ bejta ta’ ajkla mserrħa fuq l-ogħla friegħi u barbaġann ħosbien fuq fergħa għan-nofs. F’qiegħ iz-zokk hemm imkebbeb dragun, rieqed, u taħtu hemm serp qed jitkagħweġ qalb l-għeruq. Fit-tarf ta’ kull werqa jibbru l-kwiekeb mija mija. Dis-siġra l-għira tal-allat, tal-irġejjen: li kieku jistgħu, jaqilgħuha mill-għeruq u jħawluha fil-ġnien tal-palazz, jiklulha l-frott sa ma jixbgħu, ineżżgħuha mill-weraq tal-għerf, jagħsrulha ż-żjut biex jitfejqu, u jqattgħu minnha sa ma tispiċċa fix-xejn biex għudha jsawruh fi tron maestuż.
Hekk kif tistenbaħ min-nagħsa, iż-żerriegħa tfelles u tixħet ’l isfel ir-rimja tal-għerq biex tibda tfittex l-ilma u tankra lilha nnifisha fil-post. Imbagħad twaddab ’il fuq ir-rimja nebbieta biex tinbet u tittawwal ’il barra mill-ħamrija, tfittex id-dija sħuna tax-xemx u tibda tissaħħaħ u titwal. Dak l-ewwel għerq ċkejken fih ċelloli biex minnu jinbtu iktar għeruq, u oħrajn biex jieħdu ħsieb idewwu ’l-għeruq dgħajfin. Għax saħħet u suret is-siġra xogħol l-għeruq. Hemm għeruq ġodda li jikbru ’l isfel bħall-ewwel għerq, oħrajn jimirħu lejn il-ġnub. Hemm dawk li jimteddu u jinfirxu lejn naħa u oħra biex minnhom jikbru għeruq li jmorru ’l isfel minflok. Bħal gaġġa, jew bħal xibka, jew bħal kobba suf, li taqbad il-ħamrija fin-nisġa soda tal-għeruq u lis-siġra tkompli żżidilha l-piż. Iz-zokk, il-friegħi u l-faxxina jikbru ’l fuq lejn kull nofs riħ, bħalma jagħmlu l-għeruq u x-xniexel imma ’l isfel. U s-siġra kollha kemm hi titqal u tissaħħaħ biex tibqa’ f’postha. Kollox dwar l-għeruq maħsub bir-reqqa biex is-siġra ma titħarrikx. Ma taqax. Ma titgħawwiġx. Ma tinqasamx. Tibqa’ soda u b’saħħitha biex l-ebda buffura ma ttajjarha.
Imma jien siġra m’iniex. Inqum u ndur biex is-siġra nħalliha warajja. Jien u nibda nitbiegħed nifhem li jien se nitlaq iżda hi se tibqa’ hemm. Nitlaq forsi bi ftit diqa, it-tluq dejjem iħallili għafsa xi mkien, għadha marka dik li ħassejt ma’ koxxti, ma’ ġenbi, fl-istonku. Nitlaq, għax dik il-mara li wliedha għaxart ixmux qed tħejji biex tidħol traqqadhom. Nitlaq, imma nixtieq nibqa’ hawnhekk fejn jinġabru l-ispirti u l-iħirsa li tismagħhom igedwdu ’mma tibqa’ ma tarahomx. Ma nixtieqx nitlaq imma nitlaq. Nintebaħ li wasalt ħdejn xmara tlellex bi lwien jgħammxuk; nistħajjilha nġibdet b’saħħa barranija mis-smewwiet u tniżżlet fl-art quddiemi mill-ajkla, il-barbaġann, id-dragun u s-serp. Meddewha fi triqti waqt li kont mitlufa nhewden dwar l-ilma u l-għeruq. L-ilma tax-xmara dejjem sejjer ma jasal qatt. Maż-żerniq nixrob in-nida li tinġabar fil-werqa tal-ficus. Inħares lejn il-muntanja fuq ix-xellug, lejn il-muntanja fuq il-lemin. Nistagħġeb bil-kobor, bil-ġmiel iżda ħajra nitlagħhom m’għandix. Inħares lejn il-weraq madwari u nintebaħ li waqgħu għax staġun spiċċa u beda ieħor. Norbot, għalhekk, l-għeruq u l-fjuri li jirnexxili naqta’ u nagħmel bihom girlanda. Bil-weraq imnixxef tal-qastan tal-ilma nżejjen il-ħwejjeġ ta’ fuq, bil-fjuri nfewwaħ il-ħwejjeġ ta’ taħt. L-irwejjaħ tal-ħwawar u l-ħxejjex jinfduk sal-għadam. Nagħlaq għajnejja. Kwiet, hena, li ma jitħalltulix mal-irqad .