Waħda mill-isbaħ sensazzjonijiet li nassoċja mal-perjodu ta’ meta ma nkunx għadni bdejt naħseb sew dwar kitba ġdida hija dik li tkun ġejja mill-fatt li, għal ċertu żmien, nista’ naqra li rrid. Dan għax ma jkolli l-ebda impenn li bilfors irrid niffoka fuq ktieb minflok ieħor, jew fuq suġġett partikolari. Is-sensazzjoni ta’ libertà marbuta ma’ dan in-nuqqas ta’ bżonn hija qawwija immens, kważi nħossha tisturdini. Tant li lanqas inkun naf minn fejn se nibda u prattikament naqra dak kollu li jiġi f’idejja: artikli, poeżiji, rumanzi, esejs, teorija, manifesti, programmi ta’ festivals taż-żfin jew tal-films. Kollox isir sors ta’ interess kbir għalija u l-fatt li ma jkolli l-ebda xkiel biex niffoka u napprofondixxi dwar xi tema jew suġġett partikolari, iħallini fil-libertà li nagħti importanza lil firxa wiesgħa ta’ ideat li donnhom m’għandhom xejn x’jaqsmu flimkien. F’dawn il-perjodi ta’ qari varjat ħafna, li ma tantx huma spissi u allura jassumu valur imprezzabbli, nibda ndur l-ixkafef tal-librerija tiegħi u nniżżel kotba li x’aktarx ikunu ilhom snin jistennew li jasal żmienhom. Ukoll, nibda mmur aktar ta’ spiss għand il-ħwienet tal-kotba second-hand tal-kwartier tiegħi u t-turruni ta’ kotba d-dar jibdew joktru ġmielhom. Fil-verità ma nkunx qed nagħżilhom totalment bl-addoċċ il-kotba li ndaħħalha f’rasi li rrid naqra. Iktar bħal donni nħalli ’l għajnejja u ’l idejja jmexxu huma biex juruni fejn għandi mmur bil-ħsieb.
Minn dal-qari nibda nislet idea, kelma, frażi, paragrafu u nieħu nota tagħhom. Jibdew bħala punti elenkati; ma jkunux punti sekwenzjali jew li jsegwu traġitt ta’ ħsieb wieħed; mal-ewwel daqqa t’għajn tista’ tara li ġejjin minn sorsi differenti. Iżda iktar ’il quddiem nibda nqiegħed punt ħdejn ieħor kważi mingħajr punteġġatura bejniethom, nibda ngħaqqadhom f’paragrafi, nittrattahom bħala aspetti differenti tal-istess ħsieb. Nitgħaxxaq nara ħsieb dieħel f’ieħor, narahom jixxaqilbu fuq xulxin u jibdlu t-tifsira ta’ kull wieħed minnhom. Nifraħ xħin nilmaħ ħjiel ta’ ħsieb ġdid.
Fuq Google Drive għandi file li jismu “Loranne — noti għal rumanz ġdid 2022” (is-sena hija ta’ meta ħloqt il-file u mhux ta’ meta se nlesti r-rumanz, ovvjament!) u mill-ewwel ftit punti li għandi mniżżlin fih — mill-qari tiegħi ta’ Nachdenken über Christa T. ta’ Christa Wolf, Diego Garcia ta’ Natasha Soobramanien u Luke Williams, Passagenwerk ta’ Walter Benjamin, u l-poeżiji dwar il-memorja ta’ Maria Stepanova — ħriġt dis-silta bħala eżerċizzju:
Id-djarju huwa karta mhux ħajja; il-ħajja bħal xibka, u x-xbieki metafora. Id-djarju bħal nisġa minsuġa bil-ħsieb li taqbad, iżda huwa ħafna dak li jirnexxilu jaħrab mill-ispazju bejn għoqda u oħra. Il-ħajja hija dak kollu li jaħrab; mela x’inhu dak li jibqa’ maqbud? X’inhu s-sens tal-kronoloġija? Il-fatti huma t-traċċi li jifdal fina minn dak li jseħħ. Naqrahom iżda nibqa’ bil-ġuħ. Il-ġuħ ukoll metafora. Irrid nagħti, ma rridx nieħu. Id-dejn ma rridux… Irrid nimxi, minn A sa B triq dritta imma xorta nista’ nieħu 350 paġna sa ma nasal. Se nżur kmamar li fihom qatt ma miet ħadd u hemmhekk se niltaqa’ ma’ dik li tirrakkonta l-istejjer dwar il-mewt u l-memorji. Tirrakkuntahom għax tiftakarhom. Ir-rakkuntar bħal għanqbuta, il-memorja li tibqa’ minn jeddha, u l-oħra li ġġegħelha inti ma tmutx. Proust iħaqqaqha mal-memorja pura ta’ Bergson. Bil-mixi tiftakar, aħseb fir-ritmu kajman tal-flaneur fl-ispazju miftuħ fejn barra jidħol ġewwa u jibqa’ ta’ kulħadd. Tgħidilna li n-nisa kollha telqu fuq mixjiet li qasmu bliet u żminijiet, kull mixja bħal ħrafa, mitoloġija. Bħal rakkont li jaf jaqleb mis-singular għall-plural, dejjem dwar nisa li jgħannu biex ma jinsewx, għanjiet mhux miktubin, jgħannu waqt li jħejju l-ikliet, waqt li jimxu, waqt li jiddeskrivu l-pajsaġġ madwarhom, l-emozzjonijiet, it-twelid, il-gwerra, il-mewt. Jgħannu biex bħallikieku jitimgħu r-ruħ u jtaffulha l-ġuħ…
Qed niflihom mill-ġdid dawn l-ewwel noti, u qed niftakar li fil-fatt ma kontx qed nibda minn paġna għalkollox vojta, għax il-bidu f’din il-fażi qatt ma jkun ix-xejn. Veru ma nafx nibda mix-xejn. Kultant nara filmati ta’ artisti li jibdew ipittru fuq karta jew tila għalkollox vojta u niskanta kif jirnexxilhom jagħtuha dik l-ewwel daqqa żebgħa li minnha jsegwi l-bqija. Niftakar li kien hemm spunt għal dawn in-noti li minnhom ħriġt dis-silta t’hawn fuq, forsi kienet l-ewwel nofs idea li ħsibt li nista’ nkompli niżviluppa, imma li minn dak iż-żmien ’l hawn ilħaqt insejt kemm kienet importanti għalija biex inkun nista’ nagħti bidu għal dil-fażi ġdida ta’ qari. Eżatt wara Marta Marta, il-kitba li kont qed naħseb fiha u li kelli f’rasi nibda naqra (iżda mbagħad bqajt ma qrajtx) kienet dik li tinsab fl-għexieren ta’ djarji li għandi f’wieħed mill-armarji tal-librerija li ilni nżomm minn mindu kelli għaxar snin u li sena wara l-oħra ngħid li xi waħda minn dawn imissni naqrahom kollha minn qoxra sa qoxra u forsi anki nużahom bħala punt tat-tluq għal kitba ġdida. Imma dak iż-żmien għadu ma wasalx għax dejjem nispiċċa nagħżel li naqra xi ħaġa oħra minflok. Bejn għax il-kitba f’dawn id-djarji hija fqira ħafna mill-aspett letterarju — ma nafx nikteb entrati ta’ djarju, dawk miktubin bil-pinna bl-idejn u mingħajr lok għal korrezzjoni, li jinkitbu bil-lest biex jinqraw bħala letteratura. U bejn għax qisni qed inħalli dan l-eżerċizzju għax-xjuħija meta fil-fatt inkun waqaft nikteb u nibda naqra ħajti b’lura minflok. Iżda l-idea taż-żamma tad-djarju dejjem thewden f’moħħi: għalfejn niktbu għal għada dak li ġara llum? X’qed inżommu ħaj verament? Għal min qed niktbu? Għalina stess bħala eżerċizzju ta’ kitba? Għalina stess bħala tħejjija għal eżerċizzju ta’ qari dwarna stess? Jew għal min jiġi warajna li lanqas biss jafna? Huwa minħabba dawn il-mistoqsijiet kollha li hemm tant referenzi għal djarji u ġurnali fil-kitbiet tiegħi. Mhux li qatt ma naqra mid-djarji tiegħi. Anzi, ta’ spiss naqbad wieħed u niftaħ paġna li tkun u naqraha biex nieħu lili nnifsi għall-jien ta’ dik il-ġurnata partikolari u nerġa’ nħoss l-istess emozzjonijiet ta’ dakinhar. Iżda dal-aħħar qed nibda nħokk rasi għax qed nintebaħ li l-persuni msemmija fi wħud minn dawn l-entrati m’għadnix niftakar min kienu, la kif jinstema’ leħinhom — ħaġa li s-soltu ma ninsa qatt — la kif jidhru u lanqas fejn kont sirt nafhom. Kultant inkun se naqbad ninkwieta għax ngħid, meta jasal dak iż-żmien li niddeċiedi naqrahom kollha dawn id-djarji, se nkun insejt lil kull min hemm imsemmi fihom. Imma, forsi għalhekk qed nittratieni, biex meta fl-aħħar naqrahom inkun qisni qed naqra xi ħaġa għalkollox maqtugħa minni, qisni qed naqra ħajjet ħaddieħor minflok.
Apparti din tad-djarji, wieħed mill-ewwel “suġġetti” li bdew jikluni mingħajr ebda sforz min-naħa tiegħi kien fil-fatt dak tax-xjuħija u tal-kura. Il-kura mentali u tal-ġisem u x-xjuħija tal-mara qishom it-temi li ġarrejt miegħi minn Marta Marta, forsi anki peress li ftit wara li ħareġ ir-rumanz għalaqt ħamsin sena u f’daqqa waħda ntbaħt li issa bħal donni qbiżt xi linja inviżibbli li però nħossha fl-għadam li beda jċaqċaq, fil-muskoli li saru juġgħuni, u li tidher mingħajr ebda ambigwità fir-riżultati tat-testijiet mediċi li kelli nagħmel dawn l-aħħar xhur u li bil-kontra tas-soltu, issa qed juru ċifri li mhux ta’ min jinjurahom! Qisu ġismi verament għaraf it-tifsira tan-numru 50! U allura, anki fil-kitba jkolli nibda niffaċċjaha dir-realtà li għadha tinħass ġdida. Fil-kitbiet ta’ Virginia Woolf bdejt insib serħan differenti minn dak li kont għadni qed insib ftit xhur qabel jien u naqraha għal Marta Marta. Kliemha ma kienx biss għall-mara iżda għall-mara li qed tikber fl-età.
Iżda li ġara hu li, minn ġimgħa għall-oħra, iktar ma bdejt naqra iktar donni bdejt nissaħħaħ u mingħajr ma ntbaħt l-attenzjoni tiegħi bdiet timraħ lil hinn mill-ħsieb dwar l-għeja, ix-xjuħija, il-mard, in-nuqqas ta’ saħħa, u l-kura tal-ġisem fit-tieni nofs ta’ ħajjitna. Sibt ruħi nhewden dwar il-ħelsien mill-jasar tax-xogħol, li fil-fatt mhuwiex suġġett għalkollox imbiegħed minn dak tal-kura tas-saħħa fiżika u mentali. Sirt inħossu ħafna iktar banali minn qatt qabel is-sens ta’ kburija li għandna ħabta nassoċjaw mal-fatt li rridu naħdmu. Il-ġustifikazzjoni li nagħtu lilna nfusna għall-fatt li jkollna mmorru għax-xogħol ta’ bilfors, is-sens ta’ validità li nagħtu lil ħajjitna sempliċiment għax naslu lura d-dar mifluġin wara ġurnata xogħol, m’għadhom ireġġu xejn għalija. Minn dejjem tinteressani l-kitba dwar tipi differenti ta’ oppressjoni u x’aktarx hija proprju din is-suġġett bażi tal-kitbiet kollha tiegħi: l-oppressjoni fis-suriet u l-forom kollha li kapaċi tieħu, u l-aktar dik li mingħalina tkun ġejja minn qawwa esterna meta fil-fatt inkunu internalizzajnieha tant li lanqas biss nintebħu kemm aħna mjassrin. U din l-aħħar sena, minkejja li ma rridx nitbiegħed wisq mill-impenn tiegħi lejn dak kollu li ktibt dwaru f’Marta Marta rigward l-oppressjoni relatat mal-ġeneri, l-oppressjoni li qed tbaqbaqni ħafna hija dik tax-xogħol. Mhux partikolarment għax nixtieq nigglorifika l-għażż — avolja jaffaxxinani ħafna d-diskors ta’ Paul Lafargue f’Le Droit à la Paresse, li d-divertiment, ir-rikreazzjoni, il-ħin liberu huma d-dritt ta’ kulħadd, id-dritt u l-privileġġ ta’ kull min hu verament ħieles, u li l-kontra tagħhom — l-obbligu tax-xogħol u l-valur mogħti lill-ħidma — huma dawk li jassruna. Jien persuna ħabrieka iżda nagħraf id-distinzjoni li teżisti bejn tip ta’ xogħol u ieħor. Hemm ix-xogħol li jkolli nagħmel bilfors għax inkella ma nkampax finanzjarjament, dak li jkolli nagħmlu minkejja li kontra qalbi, u li minħabba fih jonqosli l-ħin għal affarijiet tant prezzjużi bħal sigħat twal ta’ mixi mal-kosta jew nofstanharijiet ta’ qari fil-kampanja, ħin fejn nisma’ l-mużika, ħin twil quddiem pittura, ħin bla qies ta’ kontemplazzjoni, meditazzjoni, eżerċizzju fiżiku u spiritwali, attivitajiet li kollha jagħtuni saħħa ta’ barra minn hawn, iżda li jkolli nissagrifika biex nagħmel biċċa xogħol li ma tinteressanix għal ħaddieħor. Imbagħad hemm it-tip ta’ xogħol l-ieħor li lanqas biss inkun irrid insejjaħlu xogħol tant kemm nagħmlu bil-qalb, bil-ferħ, u nista’ nagħmel sigħat sħaħ ikkonċentrata fuqu mingħajr ma negħja jew niddejjaq. Għax m’iniex skjava tiegħu. Il-mistoqsija li dejjem nistaqsi lili nnifsi hi din: kemm l-inqas nista’ “naħdem ta’ bilfors” biex xorta jirnexxili mmantni lili nnifsi? U din tinkludi mistoqsija oħra: kif għandi noqgħod attenta li ma ninqabadx fi stil ta’ ħajja li donnu jagħti l-impressjoni li huwa mod ħieles kif ngħix iżda li fil-verità qed ixekkilni mod ieħor? Kif se nagħmel biex ma ninħakimx mill-eluf ta’ oġġetti inutli li kull sekonda nirċievi dwarhom notifika li għandi nixtrihom, biex ma jkollix għalfejn naħdem tmien sigħat kuljum, ħamest ijiem fil-ġimgħa, sena wara l-oħra? Niftakar meta, xi tnax jew ħmistax-il sena ilu, kelli konverżazzjoni ma’ persuna li kienet qed tgħidli li jekk issib xogħol b’paga tajba, u jekk taħdem ħafna ħafna, se jirnexxilha tagħmel ħafna ħafna flus, u jien kont weġibtha li l-vantaġġ ta’ paga tajba huwa bil-kontra — tista’ taħdem inqas u tirbaħ ħafna ħafna ħin. Niftakarha tberraqli għajnejha u tgħidli li mhux hekk jaħdmu l-affarijiet, li l-perspettiva tiegħi hija żbaljata, li qed nitkellem mill-warrani, eċċ. Dal-aħħar reġa’ kellna dil-konverżazzjoni u did-darba qaltli li forsi, wara kollox, kelli ftit raġun.
L-ewwel ġimagħtejn ta’ Settembru qattajthom nhewden dwar dawn il-ħsibijet kollha u sa fl-aħħar bdejt nikteb, did-darba mhux bħala eżerċizzju.
Xi mkien hemm muntanja ogħla mill-ogħla waħda li taf biha int. Kull mitt sena xi ħadd jagħtiha mesħa b’maktur tal-ifjen ħarir. Għad jasal dak il-waqt meta mesħa wara l-oħra l-muntanja tittiekel kollha u tgħib. Dakinhar inkun naf ngħidlek il-ħin bl-eżatt għax qaluli li meta mill-muntanja ma jkun fadal xejn tkun għaddiet kalpa. Tinħass eternità imma mhix. Twila tant li tisturdik int u taħseb dwar il-bidu u t-tmiem; l-ebda tarf minnha m’int se tilmaħ għax jinsabu qablek, warajk u fil-bogħod. Forsi l-ħin fiċ-ċokon aħjar biex taħseb fih. Ħu mill-ksana li, bil-kontra tal-kalpa, tinsab bejn taħbita u oħra tal-qalb, xi mkien bejn tektika u oħra tas-sekondiera tal-arloġġ. Farka waħda minn ħamsa u sebgħin oħra li flimkien jagħmlu sekonda. Jien u nieħu nifs ’il ġewwa naħli minnhom elf. Iċ-ċokon ukoll jaf jistordik. Illum, malli nqum, se nieqaf inkejjel il-ħin. Se nqum u nibda ngħix fil-ħin bla ħin. Ngħix bla ħin. Ngħix. Se ninsa li llum it-Tnejn u mhux se nistenna li nisma’ s-silta fuq pjanu twila għaxar sekondi, seba’ mija u ħamsin ksana biex ninqala’ mill-mawriet tal-lejl li mal-qawmien għandhom ħabta jgħibu fix-xejn u jħallu warajhom biss togħma riħa kulur. Bħall-Ħadd. Bħas-Sibt. F’dawn il-jumejn, bil-kontra tal-bqija tal-ġimgħa, l-ewwel nistenbaħ imbagħad nara x’ħin hu. Iżda llum, anzi mil-lum, se nistenbaħ u ma nfittixx li nara l-ħin. M’hemmx għaġla. M’hemmx bżonn. Lanqas se nfittex l-isem li bih is-soltu nsejħu dal-jum daqslikieku kull jum b’dan l-isem huwa l-istess. Mhuwiex, u b’hekk m’jien se nsejjaħlu bl-ebda isem. Biss, se nsellimlu bl-ewwel ħoss li joħroġ minn fommi malli niftaħ għajnejja. Il-ħsieb jisfidani u jagħti bidu minn jeddu għall-ewwel għaxar noti sostnuti fuq pjanu ’l bogħod. Mal-ħdax ifeġġ merżuq minn imkien, ħuġġieġa dehbija li traxxax ġmamar żeffiena fuq il-wiċċ illustrat ta’ rħama sewdiena. Nisma’ mhux b’widnejja, nara mhux b’għajnejja. Il-qniepen siekta llum. It-tpaqpiq għadu ma bediex. Fil-ħemda tal-għabex, mistħi, mistoħbi, jibda jgħanni bagħal tal-għollieq. Jisimgħu vjolin tal-faxx u ma jweġibx, f’munqaru ħanfusa għajjiena. Bekkafik iwieġeb bil-ħlewwa f’gerżumtu mis-siġra tan-naspli. Viċin fejn qed jistaħba l-bagħal tal-għollieq, tinżel sparata bufula sewda. Ilħaqt ilmaħt denbha tawwali, għalhekk naf li hi .