Aċtu fl-Istonku

Loranne Vella

It-te aħdar itiegħem ħażin, forsi għax mhux tajjeb nixorbu filgħodu. Il-bżar mixwi jeħilli fil-gerżuma. Ma rridx nibla’. Imma hemm tliet uċuh iħarsu lejja jien u nipprova nomgħod, ma rridx naqla’ fil-platt quddiemhom. Irrid norqod. Għajjiena dal-aħħar. Bħal meta nitħeddel bis-sħana waranofsinhar. Imma għadna Frar, mit-tieqa nara l-borra nieżla ħafif ħafif, forsi missni ntbaħt dakinhar. Fis-sodda nħossni aħjar. M’iniex f’sikkti. Barxa? Virus? Aċtu fl-istonku? Kont dħaltli għal għarrieda u għamilt ġismi tiegħek, u jien lanqas biss intbaħt bik. Mhux virus. Imma jkolli nħallik taħkimni minn ġewwa, tibdilni għalkollox, irrid u ma rridx. Għal snin twal ma ridtx. Imbagħad meta ridt ma seħħ xejn. Ġejtli meta waqaft irrid u waqaft ma rridx, eżatt l-għada li ma baqax jimpurtani. Donnok kont taf li aħjar hekk, għalija u għalik. Qgħadt mistoħbi l-ġimgħat. Kelli nbul f’vażett tal-plastik bit-tapp aħmar tal-kamin biex insir naf bik. Lit-tabib merejtu, għedtlu li int aċtu fl-istonku, qalli le u feraħli. Jien u sejra lura d-dar battalt il-portmoni miż-żgħar fil-bott tat-tallab. Rari nieqaf intih xi ħaġa. Illum niggżitni l-kuxjenza. Tbissimtlu. Xi darba anki dan kien aċtu fl-istonku ta’ xi ħadd.

L-iskrin bħal meta nsuqu fid-dlam u l-wiper għaddej bil-mija jtajjar il-borra lejn naħa u oħra. Fin-nofs tal-iskrin, it-tabiba wrietni ballun tajjar, qaltli dik rasek, u biex tikkonvinċini semmgħatli t-taħbita mgħaġġla ta’ qalbek. Naħseb rajtek ixxejjirli, jew ittajjar ftit borra minn quddiem wiċċek. Mort lura d-dar bl-immaġni stampata tal-ewwel échographie, li għadha sal-lum tfakkarni fil-windscreen fil-borra fid-dlam. Malli dħalt fil-kċina laqgħetni riħa ta’ tewm moqli u qlajt.

Bdejt ngħid ’il  xi nies dwarek u f’ħarsiethom issa m’għadx hemm jien imma int. Jifirħuli għax inġorrok, jitbissmuli, iċeduli posthom fil-metrò. Li kieku kont naf li se nibda ngħib ma kont ngħidilhom xejn.

Fit-triq lejn il-pixxina tlift il-bilanċ u waqajt. Ġew jgħinuni tnejn inqum fuq saqajja. Mil-lum beda l-inkwiet li issa naf li ma kien se jitlaqni qatt. Ftakart fil-flieles li konna nixtru fil-primarja. Sal-għada kont insibhom dejjem mejtin. Beda żmien id-dmugħ. Għad m’għandix isem għalik u ġa tliftek? Fl-iskrin deher kollox sew. Għedtilhom li int ibni, qaluli għadu kmieni wisq, għedtilhom int ibni, tmerunix. Qaluli, żgur trid tkompli? Għadek fil-ħin li tieqaf. Ridt inkisser kull m’hemm. Difrejja bil-lest li jbiċċru lil kull min jazzarda jiddeffes bejnietna.

Qaluli li, iva, tifel se tkun. Did-darba, la tawni raġun, ma weġibthomx. F’moħħi smajt l-isem li sirt insejjaħlek bih. Sejjaħtlek u ħassejtek tagħti b’saqajk għall-ewwel darba. Wiċċi mfaqqa’, ħaddejja ħomor, għajnejja jitbissmu, sidri kbir u iebes. Dik bokka li diġà għandi bik! Li kieku stajt, kont inġorr standard bil-kelma OMM imberfla fuqu kull fejn immur. Omm. Jien omm. Bħal leħħa ġietni f’moħħi l-immaġni t’ommi ttini pupa u tgħidli nieħu ħsiebha bħal tarbija. Kelli tliet snin. Pupa wara l-oħra, sena wara l-oħra, għadni nista’ nisma’ t-ton ta’ dispjaċir f’leħinha kull meta kienet iċċanfarni għax kont ninsisti magħha li ma rridx tfal. Mietet mingħaliha li kelmti kont se nżommha sal-aħħar. Issa kont se nsir omm. Kont omm diġà. Ara ma, kuntenta issa? Tista’ tistrieħ.

Ħadtek miegħi Malta u għallimtek il-kelmiet “xemx”, “baħar”, “ramel”, “mistrieħ”. L-ilsien tiegħi se jkun ilsienek; b’ħalibi se nisqik. F’dirgħajja se nbennek u b’dirgħajja nipproteġik. B’subgħajja se mmellsek, b’leħni nwennsek. Did-dinja tant kbira madwarna, imma d-dinja tiegħek se tkun l-ewwel jien. Qed naħseb li qatt qabel ma kont ferħana hekk, ġimgħa wara l-oħra bla waqfien. Fejn marru t-tumbati fil-burdati? Inti l-mistrieħ, inti l-ferħ, inti kollox għalija bħalma jien kollox għalik.

M’għandekx kwiet. Qed titqal. Qed negħja. Indoqqlok il-mużika u mid-daqqiet ta’ saqajk nifhem liema diska togħġbok liema le.

Xkora ġebel. Se nixpakka. Dal-bidu bla tmiem. Oħroġ. Issa.

Vjola. Ġildtek kienet vjola. Wiċċek mgħaffeġ f’bikja sa ma serrħuk fuq sidri. M’jien se nitilqek qatt.

Fl-ewwel jiem sfaritlek il-ġilda, ħalibi ma ġbidtux. Sqejtek tant tajjeb għal xhur sħaħ; niekol jien, tiekol int. Naf li l-ħlewwa tħobbha daqsi imma l-ħwawar ma tridhomx, waqaft nikolhom ’ħabba fik. Ixrob, sabiħ tiegħi. La kafè u lanqas te m’għadni nieħu, għax naf x’burdata jkollok int jekk nixrobhom jien. Imm’issa, għax barra, bħal donnok ma tafnix, ma nafekx. Erda’, ħanini, erda’ ħa tgħix. Ridtek tixrob ħalibi għal sena, sentejn, għal tlieta, nieqfu biss meta jasal iż-zmien. Mhux issa, mhux wara biss tlett ijiem.

Hawn wisq nies bejnietna, jgħiduli x’għandi nagħmel bik. Irridna waħidna, irridek fuq sidri, inraqqdek miegħi, int ċkejken imma mhux se ngħaffġek. Irrid inkompli nipproteġik. X’għandi bżonnhom il-pariri? Jien ommok, suppost naf xi trid. Imma le, se jkolli nitgħallem kollox mill-ġdid.

Il-burdati ġew lura bit-tumbati b’kollox. Qalbi tingħafas ma’ kull bikja. Żmien il-qilla għadda. Issa żmien l-għeja u n-nuqqas ta’ rqad. Is-siegħa ta’ filgħodu. L-erbgħa ta’ filgħodu. Nixtieq norqod, ħanini. Nokroblok, orqod. Ħallini norqod, għandi wisq ngħas.

Nixtieq noħroġ mixja. Nixtieq immur inbul. Nixtieq immur ninħasel. Nixtieq niekol bil-kwiet. Nixtieq naqra, nixtieq nikteb. Nixtieq niżżagħbel mingħajr ħsieb. Nixtieq nagħmel xi ħaġa li hi biss għalija, xi ħaġa li ma tinkludikx. Ma nistax. Nixtieq il-ħeffa, kont mingħalija t-tqala kienet spiċċat. It-toqol issa f’moħħi. Irridni waħdi, għal ftit, għal ftit biss, nassigurak. Narak titbissem u qalbi tfur. Narak tolfoq inkun se mmut. Din ġostra, ladarba tibda qatt ma tieqaf iddur. Irrid ninżel, għal ftit, kemm nieħu nifs. Hemm ġranet fejn it-tidwir ikompli jżid.

Irridek kollok. Ma rridek xejn. Daċ-ċokon wasal biex fgani, irrid il-ftuħ, irridni ’l  bogħod. Għaliex ħadd qatt ma qalli dwar dan l-infern? Kultant jgħaddili l-ħsieb imniegħel, mhux li kontli biss ftit aċtu fl-istonku dakinhar.

Qed ngħib. Qed insir int. Għalik. Bħalma rajt ’l  ommi tgħib biex issir jien, għalija. Kienet tant kburija li kapaċi tispiċċa fix-xejn għal min tħobb. Mhux jien. Mhux jien. Ma rridx nispiċċa fix-xejn. Fejn jien? Kif se nġibni lura? Irrid inwebbes qalbi biex terġa’ tħabbatli mill-ġdid. Ħanini. Inħobbok. U l-ewwel int. Imma t-tieni u t-tielet u r-raba’ u l-bqija huma kollha jien. Minn kollox se nagħmel biex ma toħodhomlix. U la nerġa’ nsibni wieqfa fuq saqajja, se tara b’għajnejk x’saħħa għandi. Dis-saħħa għalija, imma wkoll għalik.

Ħaditli s-snin biex ġibt saħħti lura. Iva. Illum b’saħħti. Imma mhux kuljum, għax il-biżgħat baqgħu wkoll. Anzi, kibru bħalma kbirt int, u bħalek saru m’għol’hawn. Ara x’dell ikrah jitfgħu fuq il-ħitan. Hemm jiem li jfakkruni fil-qilla li kelli fix-xhur tat-tqala. Ta’ dawn inpatti qares meta l-ħitan jibdew jagħfsu fuqi. Nilheġ biex nerġa’ nibda nieħu n-nifs. Intiegħem l-aċtu fuq ilsieni malli jgħaddili l-ħsieb li f’kull mument nista’ nitilfek. Kemm ommijiet bkew it-telfa ta’ wliedhom? Kuljum imut wild. Kuljum. Kull ħin. Ħadd ma avżani li dan hu xi jfisser li tkun omm. Li kieku kont naf ma kontx nidħol għaliha dil-biċċa xogħol. Nitwaħħax li kieku jkolli nerġa’ nibda mill-ġdid. Niżżarma minn ġewwa jekk hemm bżonn. Ja belha, insieh l-istandard bit-tberfil, u mur tmiegħek fir-rokna b’denbek bejn saqajk. Dal-inkwiet se jsirli barxa fl-istonku, se jmarradni, se joqtolni qabel iż-żmien .

Dekorazzjoni art-nouveau