Kotba li rrid naqra sa tmiem l-2025:
The Prophet – Kahlil Gibran
Grief is the Thing with Feathers – Max Porter
Septology – Jon Fosse
A Flat Place – Noreen Masud
A Line Made by Walking – Sara Baume
Inadvertent – Karl Ove Knausgård
The End (My Struggle, book 6) – Karl Ove Knausgård
Intermezzo: A Novel – Sally Rooney
In America – Susan Sontag
xi ħaġa oħra ta’ Phillip Lopate
xi ħaġa ta’ Bob Cowser
Hija biss impressjoni tiegħi, kumbinazzjoni, jew verità, li n-nies, speċjalment dawk li għandhom bejn tletin u ħamsin sena, bdew imutu b’mod iktar frekwenti das-sajf? Inċidenti, imwiet bla spjegazzjoni, mard. Ħafna mard, minn dak terminali.
Ftit minuti ilu reġa’ spunta fija ħsieb li ġieni xi jiem ilu, u għalkemm dakinhar poġġejt miegħu u segwejtu, forsi ma elaborajtux biżżejjed f’moħħi. Le, anzi, elaborajtu, imma ma eżawrejtux għax għandu dejjem iktar qtar inixxi minnu. Kien ħsieb dwar l-idea li hemm fażijiet fil-ħajja — mhux biss fażijiet, imma mumenti, istanti — jiġuni iktar faċli li niftakarhom filwaqt li oħrajn jaħarbuli. Mhux jisparixxuli, imma bħallikieku dawk il-ġranet kont qed ngħixhom bla ma nirreġistrahom. Bħal qisu dawk il-ġranet ma kontx qed ngħixhom b’mod fond, ma kontx qed nistampahom sew fit-tessut tal-memorja. Tgħid dawn memorji li telquli għalkollox? Jew għad forsi jerġgħu jitilgħu fil-wiċċ, b’mod involontarju meta xi darba s-sensi jilħqu dak il-bir li hemm ġo fija? Kif spjegaha Proust. Erġajt qrajt l-aħħar paġni ta’ “Combray I” ftit jiem ilu; ħanina kif regħduni dawk il-paġni, kemm sfumaturi ta’ kulur jikxfu, kemm sens(i) iġorru fihom.
5 ta’ Settembru 2024
Kultant ngħid iġri nieqaf neżisti, għax inħossni li qed ngħix fl-agħar żmien, mhux individwalment imma b’mod kollettiv. Ma naqbilx mad-direzzjoni li fiha miexi l-uman, mal-katalgu ta’ valuri li qed imexxuh.
X’inhu l-punt li niktbu jekk mhux għall-amor proprju, li nfittxu li nivvalidaw irwieħna billi naraw parti minna fissa, kompluta, hemm barra, stampata, li nagħtu forma definita, imqar għal ftit, lill-kaos intern, bħall-imago u l-wegħda tal-mera?
Illum ħareġ l-esej ta’ Joe u bdejt naqrah. “Aħna, fil-fatt, mhux magna tal-kitba għandna bżonn — dak li verament għandna bżonn huwa magna tal-qari.” Imma kieku kif inkunu nafu li din il-magna tkun qratna? “Bħala kittieba nafu sew jekk inħossux li xi ħadd verament qrana.” Joe Gatt. Inlesti naqra l-esej tiegħu u niktiblu dwaru. Qalli b’kunċett veru tajjeb: ars longa vita brevis.
6 ta’ Settembru 2024
Qaluli, “saqsi lilek innifsek: min int, fl-aħħar mill-aħħar?”
Fraġilità u aġitazzjoni ta’ tifel ta’ sittax-il sena. Xamma li l-affarijiet jaf ikunu aħjar dalwaqt. Dalwaqt. Mhux issa. Differita. Mhux eżatt hekk.
Meta nkun sejjer niltaqa’ magħhom lejn Sa Maison, jien u miexi dejjem nara bosta ħamiem mejjet. Bħal qisha twissija. Jew metafora fiżika.
Wara li nkellimhom, jien u miexi lura, inħoss dardir ġo fija, rasi ħafifa, aptit li rrid inkompli nirremetti. Mhijiex sensazzjoni skomda, anzi, ittini sens li rrid inbattal u nkompli nitbattal.
Minn xiex qed naħrab? Jekk, wara kollox, verament qed naħrab minn xi ħaġa u mhux lejn xi ħaġa?
Kif nista’ naqbel magħhom meta jgħiduli li rrid nirreżisti l-impuls li nħalli lili nnifsi niġi magħġun minn barra, mill-interazzjonijiet li jmissuni? Forsi ħażin li r-riedni ma jkunux f’idejja imma teoretikament nemmen li s-suġġettività tinħema b’mod relazzjonali, mhux waħdi. M’iniex ta’ waħdi.
Nibża’ mis-sens ta’ plateau fil-ħajja, fejn l-art tillixxa u l-pass jistabbilizza. Dejjem ħrabt minnu dan l-iċċattjar, stmerrejtu, u minflok ixxennaqt għaż-żelu tat-tlajja’ u l-inżul. Għax anki jekk inħossni qed naqa’, almenu xorta nkun qed niċċaqlaq u nħoss. M’għandix kwiet f’ruħi, irrid inħossni qed niġri, irrid inħoss ir-riħ ma’ wiċċi jien u għaddej f’karozza tgħaġġel. Imma aktar ma t-tlajja’ jsiru weqfin, aktar se juġgħuni saqajja biex nitlagħhom. Jekk il-high tkun għolja, il-high ta’ warajha trid tkun ogħla. U magħhom jiżdiedu l-uġigħ u l-għeja.
Qaluli li rrid nemmen u nafda iżjed fir-ritmu naturali tal-ħajja.
Nipprova, filwaqt li parti minni tfakkarni li dejjem hekk kont.
Imma għala ġejt hekk? X’ġara, f’xi punt formattiv tat-tip li jibqa’ mnaqqax sew fil-memorja, biex ġejt hekk? Għala nsib ruħi nibqa’ ndur f’din l-orbita? X’ġara sabiex id-deżiderji ta’ ġo fija ġew iffissati b’dal-mod? Għalhekk nibqa’ nirritorna għal motivi, għal ċerti forom narrattivi rqaq li anki jekk il-karattri u ċ-ċirkostanzi jinbidlu, l-istruttura bażika tal-istorja tibqa’ tirritorna? X’kien dak li tefagħni f’din ir-rotta psikika? Għalhekk hemm memorji li jixegħlu u jixegħluni iktar minn oħrajn? Dan hu dak li jien? Għadni qed naħsad il-frott tal-biża’, tas-sens li m’iniex sħiħ, li jien imfarrak? Minn hemm bdiet tiġi ffurmata ruħi? Minn hemm twieldu dawn it-tendenzi? Nista’ ninqala’ minnhom? Irrid inkun mod ieħor, wara kollox?
Jekk nitwieldu maħlulin, f’xi punt nibdew nagħqdu. U għalkemm nistgħu niċċaqalqu xi ftit minn ġo dik il-forma, bħallikieku magħmula mill-ġelatina, taf tkun iebsa wkoll. Hemm limitu għal dak li nistgħu nkunu, minkejja t-twemmin tagħna f’idea tal-innifsi bħala dinamiku, imċaqlaq u dejjem miftuħ. Dil-forma żżommna, kultant ostaġġi u kultant tilqagħna fil-familjarità ta’ dak li aħna. Bħall-għeruq; diffiċli naqilgħu lilna nfusna mill-għeruq. Bidla radikali, mhix għalkollox possibbli.
Imbagħad niftakar: radicalis (mil-Latin) tfisser għeruq. Irrid nagħmlu dak it-tattwaġġ tal-għeruq.
8 ta’ Settembru 2024
Il-Vitorja. Għada jinħass qisu l-ewwel jum tal-iskola. Hemm maltempata mbassra. Irrid inqum kmieni.
F’dad-djarju qed nikteb ħafna iżjed mis-soltu. Kultant b’mod splussiv li lanqas inkun qed naħseb fuq x’qed nikteb, u lanqas niftakar xi nkun ktibt, imma l-aqwa li nkun ktibtu, imbagħad jiġri minnu li jrid.
Illum kienet waħda minn dawk il-ġranet fejn inħoss li ma nkunx nista’ nlaħħaq. Inħossni qisni għext jumejn f’ġurnata waħda.
9 ta’ Settembru 2024
“Other than the petrichor emanating from the rapidly drying grass, there was not a trace of evidence that it had rained at all.”
Il-Google kultant iridha tal-poeta. Mort infittex id-definizzjoni sewwa ta’ “petrichor” u bħala eżempju ta’ kif tuża l-kelma tani dik is-sentenza. Li kienet is-sensazzjoni li ħassejt malli ħriġt mid-dar dalgħodu u bdejt miexi biex naqbad tal-linja. Il-petrikor beda jfewwaħ l-ajru. Il-ħin: ftit minuti qabel id-disgħa imma jinħass aktar kmieni. Fuq tal-linja, il-106 għall-Università, hemm jien u persuna oħra biss, tfajla li donnha studenta tal-università. Il-laqgħat li kelli dalgħodu tħassru imma xorta kelli ninżel l-uffiċċju għax għandi bżonn nipprintja teżi u ktieb, u niġbor xi karti tal-eżami.
Id-9 ta’ Settembru naraha ġurnata sabiħa. Ma nafx għaliex imma hemm dati li ma nagħtix kashom filwaqt li oħrajn jogħġbuni. Raylene bagħtitli ritratt li kienet ħaditli bħal-lum ħames snin ilu. Niftakarni nħossni daħna dakinhar, imma mill-freskezza ta’ wiċċi li juri r-ritratt ma tobsorx. Ir-ritratti kultant jigdbu. Imma huwa eżerċizzju interessanti li toqgħod tara d-differenzi bejn dak li qed juri r-ritratt u kif tiftakru dak il-mument. Fid-diskrepanza bejn it-tnejn, hemm il-baħar tal-memorja. Inħares lejn ir-ritratt li bagħtitli u f’daqqa waħda nħoss ħames snin ta’ piż li taqqalli wiċċi u saqajja. Qaltli ara kemm għamilna xorti u ġrejna ’l hemm u ’l hawn minn dakinhar. Ridt ngħidilha li anki xi ħadd li qed jaqa’ għal isfel minn xi mkien iħossu qed jiġri, imma m’għedthilhiex.
Qabel irqadna lbieraħ, qaltli kemm iħobb joħloq forom ta’ skjavitù l-bniedem u li qisu ma jafx jagħmel mod ieħor. Imbagħad saqsietni kif jien, u fl-aħħar ħriġtha li beżgħan, li qed nibża’ mill-pressjoni li nħoss fuqi kultant, sikwit, kważi l-ħin kollu, li qed inħoss ċerti ideali jdubu. Tkellimna dwar x’tista’ tfisser li tiddirezzjona l-affett sabiex tkampa. Inħoss għafsa ġo fija. Nagħraf sew id-differenza bejn l-affetti li ġieli jaħkmuni. Hemm dak għaġġieli, anzjuż, li jġegħelni nħossni ħażin u bħal b’balla ġo sidri. Hemm ukoll dak kurjuż, li jaqbeż minn attività għall-oħra, kreattiv, li jibla’ t-testi, ftit manijaku kultant. Imbagħad hemm dak kwiet, meta l-menti jieqfu jagħtu u jtaqtqu, meta taqa’ fija sikta kalma, meta nibda nieħu gost b’nifsi u b’ġismi. L-aħħar wieħed hu l-iktar wieħed rari. Kelli ftit minnu lbieraħ filgħaxija meta bdejna nitkellmu, u rqadt bih. Faċli jaħrab imma. Ħa nara kemm se jdum fuqi dalgħodu .