Dalgħodu ma kelli xejn ippjanat imma bdejt inħoss fija obbligu li naħdem għax dal-weekend ħadtu off, b’taħlita ta’ ħruġ, tipjip u ġismi mtarrax bil-pjaċir. Qrajt ftit Flaubert, fittixt dwar Colette, rajt logħba futbol, morna BBQ u għamilna ieħor fuq il-bejt. Qrajt mid-djarju ta’ Sontag, mhux qed jogħġobni żżejjed, hija wisq ċerebrali. Ilbieraħ pejjipt u tkellimt ma’ Raylene. Ġieli naraha li tkun vera in the zone u tifhem sew il-paradigma li tkun high, taf tikkomunikaha u tiftakarha s-sensazzjoni. Bħall-abbiltà li tifhem il-mużika u kif tirrelata magħha. Skoprejt li artistikament jien m’iniex kreatur imma segwaċi. John kien jgħidli xi ndoqq meta konna ndoqqu flimkien, imbagħad jien kont immur id-dar nistudja r-ritmu f’moħħi. Anki biex naħseb/nikteb irid ikolli “krozza” fuqiex nistrieħ. Ħsibt fid-differenza bejn artisti li jmexxu ’l quddiem il-paradigma u dawk li jagħmlu b’mod tajjeb dak li jiġi żvelat lilhom mill-allat tal-arti. Jien ikolli bżonn lil xi ħadd ma’ min naħseb. Inħoss li wħud huma ppreġjati għax iħossu dan kollu bħala l-bażi minn fejn joperaw, mentri jiena għandi bżonn l-għajnuna biex xorta rarament nilħqu dak il-livell.
Ġieni ħsieb dwar li hemm karreġġati differenti fil-psike. Jew tkun “fiż-żona”, lejn il-likk, jew le. Jien naħli ħafna mill-ħin lil hinn mill-qagħda li rrid inkun fiha. It-tama li jista’ jkolli hija f’xi forma ta’ anamnesis, li nerġa’ niftakar xi nkun skoprejt meta nkun hemm fuq malli jkolli nerġa’ nirritorna fil-karreġġata li s-soltu nkun fiha, biex b’hekk jinħoloq element ta’ permeabbiltà bejn il-karreġġati li s-soltu ma jiltaqgħux. Tkellimna dwar kif il-lemin estrem mibni fuq insikurezzi u biżgħat — qishom tfal, ġaladarba daqu l-manna, mela se jibqgħu jixxennqu għaliha. Il-problema hi li, filwaqt li xi Žižek jista’ jagħmel argumenti psikoanalitiċi ta’ dat-tip, madwar il-mejda tad-dibattitu fl-isfera pubblika, prinċipji u ideat biss tista’ tinvoka fid-deliberazzjoni; la tista’ taqa’ fl-ad hominem u lanqas fl-ad psychologiam. Jien inqatta’ ħafna ħin hemm, nistudja d-deliberazzjoni u l-argumenti mentri nixtieq inkun qiegħed nikteb dwar it-taqbid psikiku, inkluża l-qabda psikika li hemm taħt id-deliberazzjonijiet. Din sikwit tiġrili. Sikwit inħossu das-sens li m’iniex qiegħed fil-post it-tajjeb, li nixtieq inkun xi mkien ieħor, u għalkemm ikolli xamma ta’ x’inhu dal-post l-ieħor, ma jkunx għalkollox ċar f’moħħi.
20 ta’ Awwissu 2024
Kultant inħoss li ma jirnexxilix nittrażmetti kulma nkun nixtieq. Forsi l-kitba hija għodda għalija, bħal punt bejn il-kwiet ta’ kliemi u l-ħeffa ta’ ħsiebi, bħal triq fin-nofs li għalkemm jirnexxilha taqlagħni mit-toqol li nħossu jibblukkani milli nikkomunika lili nnifsi, xorta tħallini nħossni li m’għedtx kollox u m’għedtux għalkollox bil-mod kif xtaqt. Forsi għalhekk indur lejn l-esej, biex inħoss il-pjaċir ta’ meta tħokk, serħan ta’ ftit sakemm il-qarsa terġa’ tħossha.
Hemm min jgħid li min iżomm djarju jaf ikollu teorija tad-djarju. Jien ma nafx jekk għandix teorija tad-djarju. Jew forsi għandi, għax l-element konfessjonali tad-djarju dejjem ġibidni, minn meta kont tifel. Imma issa qisni ma rridx nibqa’ mwaħħal ma’ dak l-impuls biss — li jħares lura u jeqred. Avolja dawn huma karatteristiċi ċari fija u f’kitbieti. Inżomm djarju biex niddokumenta l-ispirtu ta’ ruħi, it-togħmiet li kapaċi (u li m’iniex kapaċi) intiegħem ta’ kuljum, it-taqbida li nħoss mas-sensi tiegħi hekk kif inħossni inkapaċi ngħix il-letteratura bil-mod li nixtieq għalkollox. Dik il-ħajta ta’ dissodisfazzjon hija għajn għall-kitba tiegħi. Mhux biss nostalġija, imma wkoll kilba, għafsa, għatx, xenqa, xewqa għal konnessjoni — inħoss li dawn huma l-affetti tal-kitba tiegħi. Tenerezza u fraġilità. Ilmijiet li ffurmawni u li jibqgħu jiġru fija jien u nikteb. Jinfurmaw il-proċess ta’ min qed insir permezz tal-kitba u bis-saħħa tagħha. Nikteb biex niftakar min jien u biex insir min jien u dak li għadni m’iniex. Inżomm djarju biex nipprattika l-proċess ta’ kif naħdem l-esperjenza sabiex niktibha. Niddokumenta u b’hekk nikxef x’jien kapaċi nikteb, x’nista’ nikteb, x’niflaħ nikteb, x’jien lest li nikteb, u nara sa fejn itini l-kliem. Il-kitba bħala stil ta’ għajxien. Naħseb dan hu wieħed mill-impulsi li rrid nara fl-esej — nibża’ li hu ftit “moralista”, mhux b’mod puritan imma fil-mod kif il-kelma tintuża biex tirreferi għal xi kitbiet Franċiżi fis-sekli sbatax u tmintax, moralistes, tradizzjoni assoċjata ma’ Montaigne wkoll. Kitba dwar il-ħajja (jew kitba ħajja, jew kitba bħala ħajja, kitba-ħajja), mhux biex nagħti pariri ta’ kif wieħed għandu jgħix, imma ta’ kif jien qed nirrelata mal-proċess tal-ikkultivar tiegħi nnifsi.
Li kieku din l-entrata tkun se tiġi ppubblikata, timbuttani biex niċċara, ċjoè jkolli nfittex definizzjoni ta’ “moralista”. Din importanti: is-sens ta’ qarrej iġegħelni nikser l-immedjatezza ta’ dak li qed inħoss biex inżewqu ftit ieħor. Dan tradiment? Dan reċtar jiġi? Jagħmilni inawtentiku? Forsi xi ftit, imma wkoll forsi jtejjeb il-kitba, jagħmilha kitba minflok sempliċiment tħarbix ġerrej. Ħsiebi hekk jifforma: minn massa ta’ kliem kultant jgħum fir-riskju tal-banali; imbagħad nipprova nuża l-għarfien li ġbart biex nagħtih forma ftit iktar rikka. Nirreżisti li “neditja ħajti” żżejjed għax nibża’ li nkun qed nikkuraha iżjed milli nixtieq u milli titlob is-sinċerità tal-esej. Ikolli suspett kultant li xi kittieba oħra jaħbuhom dawn is-saffi ta’ editjar eżistenzjali. Uħud jagħtu l-impressjoni li l-esperjenzi tagħhom jiġuhom bl-isbuħija u l-profondità li l-esej editjat jagħti. Sikwit naqra xi ħaġa u ngħid, il-ostja! Hemm min jimxi ta’ kuljum, u l-kwotidjan jagħtih daqstant estetika f’ħajtu? Għalija huwa proċess li jkolli bżonn nagħġnu, ma jiġinix mill-ewwel hekk. Dil-vulnerabbiltà ma nistkerrahhiex għax dak li jiena. Ma niktibx biex nippretendi li jien differenti milli jien, ma narax il-punt li nkun rumanzier ta’ ħajti. Għalhekk jien nikteb esejs u mhux rumanzi. Mhux għax nemmen li hemm xi verżjoni pristina u pura ta’ min jien li rrid naqbad. Lanqas xejn. M’iniex Rousseau, imma lanqas ma jien Guibert, li donnu r-relazzjoni tiegħu mal-ħajja mgħixa kienet waħda estetika. Ma nafx u ma rridx nestetiċizza ħajti; għax għalkemm kultant il-kwotidjan jagħtini perli, fejn nagħraf l-orbi maġiċi ta’ mumenti sbieħ, din mhijiex l-attitudni primarja ta’ kif tiġini l-esperjenza. Meta nikteb, ma nkunx qed niktibni biss imma nkun ukoll qed naqrani. Fil-kitba hemm element ermenewtiku li ma nistax naħarbu, bħalma hemm fl-esperjenza wara kollox. Paradossalment, jien naqra sabiex nikteb (dejjem ngħid li primarjament jien qarrej), imma wkoll jien nikteb sabiex inkompli naqra; jew meta nikteb, inkun qed inkompli naqra. Il-kitba bħala qari. Qed nirrealizza li l-kwotazzjoni ta’ Sontag li użajt għall-epigrafu ta’ sens ta’ ħarifa kienet silta mill-artiklu tagħha “Writing as Reading”, avolja hemm Sontag m’esprimietx l-istess ħsieb li ktibt hawn. Għalhekk għedt li jien għandi bżonn lil xi ħadd ma’ min naħseb. Naħlef li assolutament ma kontx qed naħseb f’Sontag jien u nikteb dan kollu, avolja ma tinstemax kredibbli. Nitgħallem mill-kitba daqskemm mill-qari. Din hi t-teorija tiegħi tad-djarju?
21 ta’ Awwissu 2024
L-Erbgħa filgħodu. Illum qomt ftit iktar bil-mod. U kelli minn dik l-għeja li jkolli bżonn noqogħdilha fis-sodda għal ftit iktar ħin. Ilbieraħ ħdimt fuq it-taħdita li rrid nagħti x-xahar id-dieħel Liżbona dwar Foucault, Montaigne u l-esej; ktibt il-parti tal-konklużjoni dwar l-im/possibbiltà tal-attitudni esejistika fl-akkademja neoliberali kontemporanja. Bdejt nitħasseb dwar jekk l-argument li nagħmel fit-taħdita huwiex ftit ċirkolari — li jekk qed insegwi l-idea ta’ Foucault li l-filosofija qed nifhimha bħala askesis u stil ta’ għajxien, u jekk qed naqra lil Montaigne bħala esejista li wkoll iħaddan dik l-idea, mela mhux ta’ b’xejn qed nara relazzjoni bejn il-filosofija u l-esej. Imma forsi b’hekk inkun qed nispjega x’ried jgħid biha Foucault l-istqarrija li “l’«essai»… est le corps vivant de la philosophie.” “The ‘essay’… is the living substance of philosophy” jagħtiha Robert Hurley bl-Ingliż. Kont se nittraduċiha għall-Malti, “L-esej… hu l-ispirtu ħaj tal-filosofija” imma nħoss li hekk inkun qed infottiha billi “le corps”, il-ġisem, inġibu spirtu. Ma ninqalax għat-traduzzjoni. Forsi “L-esej… hu l-ħajja tal-filosofija”? “Il-ġisem ħaj”? Dik kienet l-istqarrija ta’ Foucault: li l’essai hija l-ħajja tal-filosofija mifhuma bħala stil ta’ għajxien u t-trasformazzjoni tal-innifsi. U allura fil-konklużjoni tat-taħdita xtaqt nargumenta li din l-attitudni lejn il-ħsieb, il-kitba, l-għajxien u t-trasformazzjoni (etika, politika u estetika) mhumiex milqugħa fl-istrutturi akkademiċi, sakemm ma nesplorawx u ma nsaħħux mezzi alternattivi ta’ kif nabitawhom.
Filgħaxija moħħi kien ftit mhewden fuq dan kollu. Ipprintjajt l-abbozz tat-taħdita u tlajt fuq il-bejt biex naqraha, inħares lejha u npejjep sigarett waqt li nibda nqassarha. Raylene kellha ġurnata ħidma tajba u kienet f’burdata tajba malli waqfet taħdem għal xi s-sitta. Telgħet ħdejja b’tazza nbid abjad. Kellha burdata sabiħa u bdiet titkellem ħafna b’mod liberu, f’dik il-burdata meta l-kliem jibda joħroġ. Iddispjaċieni ftit li jien kont daqsxejn kwiet minħabba ħsibijieti imma ppruvajt inkompli magħha. Għedtilha kemm hi sabiħa meta tkun f’dik il-burdata u kemm ħaqqha li tkun fiha ħafna iktar spiss. Wara, morna naraw Decameron u meta lestejnieh erġajt tlajt fuq il-bejt biex nagħmel sigarett naqra qawwi u pejjiptu kollu ħlief l-aħħar żewġ nifsijiet fejn inħallih bit-tabakk biss għax ġieli jkun jaħraq wisq id-duħħan allura ma niħdux sal-aħħar. Moħħi kien għadu ftit tqil tant li bdejt naħseb li m’iniex ħa nitla’ imma wara ftit ħakmitni d-dehxa tal-intossikazzjoni. Ħaddantha.
Ġieni ħsieb li forsi xi darba nikteb iktar dwari permezz tal-istorja tan-nannu. It-Tarzna, il-kumitati tal-partit fl-irħula, l-14-il miljun ta’ Mintoff, eċċ. Jirnexxili? Huwa dak l-istil tiegħi? Ma nafx. Ftakart li nhar il-Ħadd ippjanati li ninżlu l-festa ta’ Ħal Kirkop man-nannu. Forsi kif inkunu hemm imissni nsaqsih biex jgħidli ftit stejjer dwar fejn trabba, dwar tfulitu, dwar il-kumitati tal-każin li kien fihom. Irrid ngħidlu kemm tgħallimt mingħandu dwar l-istorja u l-politika, anki jekk ma naqblux. Ngħidlu li jien ma nistax inħobb il-partit bħalma ħabbu hu. U li nħobbok, Nann. Nixtieq li ngħidlu hekk avolja jaf ikun mument stramb. Nixtieq ngħidhielu għax nemminha, u għax jekk mhux issa qatt m’jien ħa nkun nista’ ngħidhielu. Meta jitlaq, ma rridx li jkolli d-dispjaċir li żammejtha fija. Irrid li jkollna mument weħidna, jien u hu, u li moħħu jirreġistraha u mhux ikun ftit mitluf u mgerfex. Tgħid il-Ħadd ħa jħossu f’akkwati li jaf sew avolja żgur li l-ambjent ħa jarah tant mibdul li forsi bilkemm jagħrfu?
Niftakar fi ħsieb li kien ġieni meta kont rajt lil Frank Turner idoqq fl-Alexandra Palace disa’ snin ilu. Li jien nista’ biss nagħmel l-aħjar xogħol li nista’ nagħmel billi ma nippruvax nagħmel dak li m’iniex, billi nsib x’inhi s-saħħa tiegħi u nilgħab biha. Lilha biss nista’ nwettaq b’ħila, u dak li jien. Jekk hemm sensazzjonijiet li ma jtinix li niktibhom, mela m’għandix nisfurzahom jew inħossni obbligat niktibhom. Ma jfissirx li nibqa’ nafferma biss dak li ġa jien bla ma nfittex li ninbidel, bħallikieku jien massa fissa, għax m’iniex, imma t-tibdil li hu possibbli li nagħmel għandu l-limiti — li hi l-għamla tiegħi. Kwalità pjuttost fissa fija hija ċerta passjoni. Tinstema’ banali, imma dan huwa impuls fija li jibqa’ janimani u rridu jibqa’ janimani avolja mas-snin il-passjoni tinħass itqal. Għax kemm tiflaħ tħoss iżjed? Kultant, f’nofs il-weġgħat li ġieli nħoss, nistaqsi jekk għandix nibqa’ nħalli lili nnifsi nħoss daqshekk. Imma dan l-impuls dejjem iggwidani, jew sibt ruħi nirritorna għalih f’xi waqtiet: li nintelaq emozzjonalment, inċedi għax inħoss għal dak li jkun, is-sensazzjoni iktar veritiera mill-kalkoli, iċ-Ċess Romantiku, il-miżien ma jgħoddx.
Ftakart fil-kunċett tal-idée fixe — forsi jmissni naqra iktar dwaru — biex nara jekk ifissirx xi tendenzi, narrattivi jew immaġni li jibqgħu midfuna f’ruħ dak li jkun, li jmexxuh lejn xi tendenzi f’ħajtu. B’hekk nibqgħu nirritornaw għal repertorju ta’ movimenti, ħsibijiet, ġrajjiet jew reazzjonijiet? Qisu hemm skript ġo fina li jibqa’ jreġġagħna f’punti simili? Forsi aħna iktar prevedibbli minn kemm kultant naħsbu? Mhux bi stmerrija qed ngħidha; anzi, din titlob ftit ħniena lejna nfusna, għax dak hu li aħna u li, minkejja kollox u kulma nippruvaw, dak hu li fil-maġġorparti tagħna nistgħu u nifilħu nkunu.
22 ta’ Awwissu 2024
Mir-Riviera, Għajn Tuffieħa. Deherli li kellna niġu hawn aktar tard, f’xi l-4pm, biex imbagħad nibqgħu naraw ix-xemx nieżla minn hawn. Ippakkjajna xi ikel u ġejna. Ftit imsaħħab, imma tal-baħar xorta waħda, u l-bajja mimlija. Ġibt ftira miegħi, għamiltha dalgħodu stess, dliktha bit-tadam, mhux bil-kunserva, ma nafx għala imma ttiegħem iktar naturali hekk, u tqanqalli memorja mċajpra tat-tfulija, avolja dak iż-żmien biż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol konna nidilkuh il-ħobż, mhux b’taż-żebbuġa. Din jaf tkun waħda minn dawk il-memorji li kieku ommi żgur tikkontestaha u tgħidli li qed nivvinta u li mhux qed niftakar sew. Ħdimt ftit filgħodu — qomt b’daqsxejn “biża’ u tregħid” fuqi, li mal-ħin għadda avolja moħħi mhux għalkollox frisk u ħafif. Ġieli nibqa’ maqbud ġo moħħi, anki meta nkun il-baħar, avolja l-estetika ta’ “ġurnata l-baħar” twiegħed li bħal tagħfas buttuna u kollox relax. Mhux dejjem inkun nista’, jew inħalli lili nnifsi, nidħol f’dik l-isfera. Bla ma ħsibt wisq, dalgħodu qbadt żewġ kotba li kont qatt ma missejt biex noqgħod inteftef fihom fuq il-bajja tul il-jum. Bħalissa, apparti affarijiet tax-xogħol u d-djarju ta’ Sontag li kultant naqra bil-mod, qiegħed “bejn ktieb u ieħor”. Qbadt Dubliners u Wuthering Heights, dan tal-aħħar biex forsi nifhem aħjar il-kanzunetta ta’ Kate Bush u l-profil intriganti li Woolf ħolqot ta’ Emily Brontë f’A Room of One’s Own, li niftakarni naqrah fuq l-istess bajja xi sajf jew tnejn ilu.
Ġieli nħossni mwaħħal.
Paraliżi. Tema ċentrali f’Dubliners din, qed naqra .