Ġa tar terz t’Awwissu.
Jumejn ilu, ħriġt ma’ Matt qabel ma jsiefer għalkollox. Kienet lejla kif tkun is-soltu miegħu, qisu jrid jgħidli xi ħaġa imma joqgħod lura milli jgħidha. Miegħu, inħossni li nġib ruħi ftit ta’ tifel, nidħaq iżżejjed, ngħid affarijiet redikoli u hu qisu jiddieħaq ftit bija b’mod ċajtier. Ħarġet ukoll id-differenza fil-klassi soċjali bejnietna, li għalija dejjem kienet ostaklu kbir f’dak il-grupp. Maż-żmien, intbaħt kemm tbiegħdu minni, kemm forsi qatt ma kont fil-grupp daqskemm ħsibt, qisni dejjem kont fil-periferija. Tant li meta baqgħu jiltaqgħu — “meta xi ħadd minna vera jagħmel effort”, qalli — jien qatt ma kont mistieden, ħlief darba l-Mosta. Din ħassejtha ħarġet ħafna meta ltqajna fit-tiġijiet; anki li ngħid li aħna — aħna — iltqajna f’tieġ ta’ wieħed minna, niddarras. Ħassejtni li qisni jien iffriżajt ir-relazzjoni magħhom allura nistgħu nirrelataw biss fuq is-superfiċjali, u l-apparenzi u l-immaġni ta’ passat li telaq iservu ta’ medjaturi. Napprezza xorta li hu baqa’ jiltaqa’ miegħi xi darba jew darbtejn fis-sena avolja ma nafx eżatt għala, jew xi tfisser il-ħbiberija tagħna għalih. Xrobna f’bar Tas-Sliema, pejjipna flimkien, dħaqna, irrakkuntajna, imxejna biex hu jixtri ġelat u jien kebab. Il-mixja kienet twila, speċjalment wara; qisu riedni nitla’ fl-appartament tiegħu, imma għedtlu li ma kienx hemm għalfejn. Bqajna barra, quddiem il-bieb tiegħu f’silenzju li hu ma kienx jaf jimla, u ’qas jien; qbadt u għannaqtu, għedtlu biex jieħu ħsieb. Laqtitni l-grinta li għad għandu. Qisu skredita jew ma fehemx l-inċertezzi tiegħi; ma weġibnix meta ppruvajt inkun teneru miegħu; għedtlu li l-vjaġġ tiegħu lejn l-Awstralja xi għaxar snin ilu (iktar?) kien qisu stimolu li baqa’ jiġri warajh u li issa qed jerġa’ jtih widen. Bħal motif li jirritorna u li trid tisimgħu meta jibqa’ jsejjaħlek. Qalli li forsi xi mkien fl-inkonxju hekk hu, imma ma jtihx iżżejjed attenzjoni dal-ħsieb. Ma jżeggigx. Tlaqt minn ħdejh wara s-siegħa, intfajt fuq bank, ħakmitni għeja ħelwa mħallta ma’ sakra, għal ftit ħin imteddejt, b’sigarett iperper minn subgħajja. Tani li norqod hemm, hekk. Ħassejtni bħal meta konna iżgħar u nibqgħu nixorbu sakemm ma tkunx tista’ tibqa’ f’sura li hi soċjalment aċċettata. Qbadt taxi għad-dar u x-xufier staqsieni għal darba, darbtejn, tlieta, jekk ir-Rabat huwiex parti minn Ħ’Attard.
Qabel irqadt ġieni ħsieb, sentenza ta’ ftuħ jew tema għal esej. Ħsibt fl-ewwel ta’ Settembru, tibdil fl-ajru, imma iktar tibdil ġewwa fija. Ħsibt f’kif ġieli, dawk il-ġranet bikrin ta’ Settembru jġibuli magħhom ħajta dwejjaq. Qisu hemm xi swiċċ li jifred l-affett sajfi minn dak ħarifi. Skola, kapitli ġodda, lura għal rutina mill-anarkija sajfija. Imma mbagħad ħsibt f’kif dak l-arranġament emozzjonali m’għadux hekk. Il-kapitli differenti m’għadhomx jinfirdu minn xulxin b’mod daqshekk preċiż. Kollox bħal qed isir massa waħda. Inklużi l-emozzjonijiet. M’għadx hemm separazzjoni bejn punt u ieħor. M’għadx hemm it-tranżizzjoni evidenti bejn ferħ u diqa. Issa hemm livell wieħed, diqa perpetwa, u l-ferħ huwa sospensjoni temporanja minn dan l-istat li jħallik timraħ għal ftit lil hinn sa ma mbagħad terġa’ tirritorna għalih. Għad-dwejjaq stabbli.
Jien u nara l-posts u nisma’ l-podcasts ta’ Antoine, intbaħt kemm, bħala esejista, m’għandix materjal fuqiex nikteb. Ħajti nħossha griża u mhux repertorju għall-kitba. Inħoss li m’għandix dawk l-esperjenzi u l-inkontri li jagħtu għarfien u emozzjoni fuqiex nikteb. Taħt waħda mill-posts, beda jittanta lil Ryan biex jikteb dwar esperjenza tiegħu ta’ “xogħol taż-żobb”. Nista’ nikteb ktieb sħiħ, qallu Ryan. Kemm nixtieq li nħossni hekk dwar xi ħaġa f’ħajti jien. Din ħa tkun sfida minn hawn ’il quddiem jekk irrid inkompli nikteb. Indunajt bi żball li għamilt fil-kitba — striħajt wisq fuq l-abbiltà tiegħi li nispjega kunċetti u ideat, u inqas biex inżewwiġhom ma’ ħajti. Għamiltha ftit bil-parks u l-Ingieret. Imma, pereżempju, żgur li fl-esej dwar il-memorja kelli nistrieħ iktar fuq ċerti memorji u kif dawn inbidlu u majnaw, tilfu l-vivaċità tagħhom. Bħar-riflessjoni dwar l-ewwel memorja tiegħi tal-festin li għamluli l-iskola meta għalaqt tliet snin (jew sentejn?), dwar jekk hux veru niftakarha jew jekk ħloqthiex mir-ritratt li għandi tal-mument. U kieku stess, kemm se tkun relevanti idea hekk għal esej? X’qed toffri lil ħaddieħor? Ikun iktar eżerċizzju għalija milli għall-qarrej. U forsi jkun eżerċizzju konfessjonali biss li ma jgħaqqadx il-bios suġġettiv mal-kurrenti storiċi u soċjo-politiko-kulturali. Anki jekk forsi ma nilħaqx dak il-punt, xorta waħda m’hemmx għalfejn naspira li nikxef żokorti biss. Imma, wara kollox, l-esejist għandu xi obbligu li jkun leħħien ta’ żmienu, bħal xi Ernaux jew Eribon?
Hu x’inhu, irrid li nuża dan id-djarju għal ideat ta’ kitba. Mhux biss li nagħti rendikont tal-ġranet; avolja kitba hekk għandha l-funzjoni tagħha wkoll, li taqbad kif ħassejtni jien u ngħix esperjenzi fl-immedjatezza u biċ-ċarezza li ġieli anki sa ġimgħa wara tkun ħarbet. Imma għandi bżonn ideat għall-kitba. Għandi bżonn infittex, insib u nipproġetta b’mod iktar sod dak li jien. Għax għalhekk inħossni li m’jien ħadd. Għax ħafna inkontri ħrabt minnhom, sforz il-mistħija, fejn spiċċajt noħloq f’moħħi ideat dwari nnifsi bla ma ħaddieħor ikun qatt rahom, għax noqgħod lura. Bħal kull gig li mort fejn ħassejt emozzjoni ġo fija imma ma nkellimx nies, ħlief għal xi tislima sfurzata jew konverżazzjoni qasira li ma tkomplix u naħrab minnha. Għext wisq hekk għal tul ta’ żmien. Dil-ħaġa wasal iż-żmien li tinbidel biex forsi, għall-ewwel darba, jew b’mod ġdid, nagħti forma lil dak li jien.
15 ta’ Awwissu 2024
Djarju ġdid fuqiex nikteb. Jum Santa Marija. Ħedla. Qed inħosshom jgħaddu malajr wisq il-ġranet. M’iniex għalkollox ċert hux qed inlaħħaq nagħmel dak kollu li kont ippjanajt nagħmel das-sajf. Sikwit inħossni hekk. Qed nafda f’xi qawwa fija nnifsi li fis-siegħa tal-prova, il-qari, il-ħsibijiet u l-materjal kollu li akkumulajt ħa jieħdu l-forma li nixtieq, li kollox jeħel flimkien u jaqa’ f’postu. Dejjem hekk inkun nixtieq, kieku. Li l-kliem iġelben minni. Ħsieb xi ftit ottimist dan, għax fil-mument kollox ikun iktar ċatt mill-fervenza li tkun għaddejja minni jien u naqra, naħseb u nfassal. Għaldaqstant, ix-xewqa tiġi ffrustrata. Mhux fis-sens li jien inħossni ffrustrat, imma li niġi ttantat mid-diskrepanza li tifridli l-immaġinazzjoni mill-konkret.
L-idea li nżomm djarju tiskomodani. Kemm-il darba xtaqtha imma qgħadt lura. Mhux biss b’mistħija. Jew, anzi, mhux b’mistħija imma b’biża’ mill-idea li nkun obbligat li nikteb. Dik l-aspettattiva hija r-riċetta biex żgur ma niktibx. Avolja sikwit jiġrili li jekk ikolli deadline joqrob lejja, qisu l-kliem ikun imġiegħel joħroġ minni. Imma dik iktar tiġrili meta niġi biex nikteb xi xogħol akkademiku. Din kitba oħra; din ma nafx u ma rridx nisfurzaha.
F’dawn l-aħħar xhur qed nara d-djarji ta’ diversi kittieba jispuntaw; uħud minnhom jogħġbuni sew u naqrahom malli joħorġu entrati ġodda. Il-ħaġa hi li lanqas naf sewwasew x’nikteb fih djarju hekk kieku, kemm se nqerr fih jew kemm se jkun esperiment għal kitba ġdida. Żgur li din tal-aħħar hi r-rotta li għandi nieħu. Li ndur fuqi nnifsi, għalkemm importanti, jaf tkun tedjanti. Il-punt hu li niskopri toroq u sqaqien ta’ kitba ġdida.
Waqaft biex naqra l-entrati l-ġodda fid-djarju ta’ Davinia. Kull ħaġa hi skuża biex niġi interrott mill-kitba, avolja f’dal-każ kienet skuża tajba. Taffaxxinani Davinia. Nara f’kitbietha dik il-ħajta ansjetà “tal-akkademiku” ngħidilha jien (li nifhimha ħafna u żżejjed), dik il-mistħija li ġġiegħlek tiċċekkja kull virgoletta ta’ dak li tikteb. Imma nara fiha wkoll l-għerf li jiġi ma’ ċerta età: bla mistħija tfittex il-pjaċir u bil-mod li jogħġob lilek. Il-kitba tagħha talterna bejn l-intellettwaliżmu (li ma jdejjaqni xejn) — l-istoriċizzar, il-kuntestwalizzazzjoni, referenzi għal kotba u drammi; u l-interazzjonijiet u s-sensazzjonijiet ta’ kuljum — tagħmel sandwich, tħoss frustrazzjoni għax tixtieq tikteb iżjed (kemm nifhimha), “issa li għandi xi ngħid, m’għandix ċans ngħidu,” ħobż biż-żejt taż-żebbuġa skur u msaħħab, siġar kulur is-sess, sens ta’ vitalità minħabba x-xemx. Hemm nies li nkun irridhom jiktbu għalija; mhux li jiktbu xi ħaġa biex jagħtuha lili, imma biex jien naqraha u permezz tal-kitba tagħhom inħoss parti minni mifhuma, nara parti minni miktuba. Jew, inkella, nitgħallem ngħix ħajti b’mod ġdid.
Voldieri, ħa noqgħod nikteb dwar id-djarji ta’ ħaddieħor? Il-punt ta’ djarju hu li jien ikolli dawn il-ħsibijiet u mhux nilgħab bi ħsibijiet ħaddieħor. Imma jien hekk “magħmul”, għandi bżonn il-kitba tal-Ieħor sabiex insib xi ħaġa xi ngħid, xi ħaġa ma’ xiex naqbad, xi ħaġa fuqiex nistrieħ, xi ħaġa fuqiex nintelaq (Lean on Me, kif tgħid Lynne Segal). Qed naqbad lili nnifsi nirranġa xi sentenzi li nkun ktibt, jew inżidilhom xi referenza. Hekk suppost tagħmel meta tippubblika djarju? Inżomm djarju fiżiku, tal-karti, li fuqu nikteb b’linka blu, idealment li xxarrab u tnixxi anki jekk mhux la antika. Il-proċess ta’ kitba bil-biro għadu seduċenti, marbut ma’ xebgħa romantiċiżmu tal-kittieba li jien superħati tiegħu. Avolja nirrealizza kemm hu iktar konvenjenti li tikteb b’tastiera, l-editjar jiġi ħafna iktar naturali int u tikteb hekk, tkun tista’ tara test jinbena b’mod ħafna iktar ċar u ċerti żbalji tarahom iktar. Għalhekk ma nafx eżatt għala nibqa’ nżomm djarji miktubin li qatt m’jien se nittajpjahom, sakemm veru ma nispiċċax f’punt f’ħajti fejn ma jkolli xejn aħjar x’nagħmel. Dal-aħħar qrajt li Phillip Lopate kellu din it-tentazzjoni.
Dal-jiem ħsibt ftit iktar dwar x’kittieb nixtieq/nista’ nkun. Żgur li mhux ħa nikteb rumanzi u lanqas novelli. L-immaġinazzjoni tiegħi ma naħsibx li twassal s’hemm u lanqas għandi d-dixxiplina li norganizza u nsostni narrattiva f’dak it-tul. Anki dwar l-esej: m’iniex it-tip li ħa nikteb esejs dwar xi vjaġġi li għamilt f’postijiet remoti jew dwar xi xhur fejn spiċċajt ngħix ġo xi squat fis-Serbja, għax qatt m’għamilt hekk. U lanqas m’jien ħa nikteb dwar inkontri romantiċi, jew dwar kantunieri msaħħra fejn nestetiċizza kollox, għax dak mhuwiex il-mod ta’ kif nesperjenza d-dinja. Allura b’hekk inħoss ftit dubju dwar jekk għandix materjal għal iktar esejs, għax ħajti hi li hi. Imbagħad naħseb f’Karl Ove Knausgaard u niftakar li l-punt ewlieni forsi mhuwiex l-istorja nnifisha, jew it-teknikalitajiet narrattivi li jesploraw il-forma, imma l-verità li biha qed tirrakkonta. Li qed naspira għalih huwa kliem li jaqbad it-togħma, ix-xamma u l-għamla tal-eżistenza hekk kif tolqot lili. Dak biss nista’ ngħid. Dejjem ngħid li rrid nikteb biss dwar dak li naf (mingħalija hekk kont qrajt li darba qal Hemingway) u dak li nista’ nkun naf. Għax f’dak l-ispazju, il-pinna tmiss ma’ jdejja ma nibdiex inħossha stramba u tibqa’ miexja fuq il-karta.
Meta dil-ġimgħa konna r-Riviera nosservaw l-istilel u l-meteoriti sa ma ħakimni n-ngħas, bdew jiġuni ftit spunti ta’ temi tat-tip li nixtieq naqbad magħhom. Għall-kuntrarju tal-qrar li jankrani mal-art, irrid temi li jtiru. Baqgħet f’moħħi l-istorja ta’ Ro, l-inkontri l-Belt, il-mixjiet fix-xita, meta ltqajna Stoke, it-twemmin tagħha fil-maġija u kif tara s-seħer f’kollox, is-silenzju li sparixxiet fih ħabta u sabta, u li baqa’ jinkini għax bqajt qatt ma fhimtu għalkollox. Ħin minnhom dil-ġimgħa rġajt ħsibt fiha: Forsi mietet? Qatlet lilha nnifisha? Ma ħallejtx ’il moħħi jibqa’ jdur f’dal-ħsieb. Minflok ħsibt f’li kieku kelli naraha waqt li nkun miexi fit-triq, inkellimha? Għandi nkellimha? Kif se nirreaġixxi? U, iktar importanti minn hekk, kif tirreaġixxi hi? F’moħħi hija ċara li niftakarha, u jiġuni sensazzjonijiet teneri lejha, imma hi? Hemm ir-riskju li hi nesietni, mhux b’malizzja, imma tant jiġru xorti, tant il-moħħ jimtela b’piżijiet ġodda mas-snin li jibda jara mnejn se jbattal. Ħsibt dwarha din, li niltaqa’ ma’ xi ħadd li kien ifisser ħafna għalija imma li ilni ma nara snin twal, u lil dak li jkun inkellmu bl-istess intensità li nħoss lejn l-inkontri li kellna, imma l-persuna l-oħra ma tirreċiprokax, tara li dik l-intensità kienet prodott taż-żgħożija li minnha issa hi mxiet għal fażijiet oħra u ħalliet ħafna minn dak kollu warajha. U jien għadni mwaħħal mal-passat allura? Ma nafx jekk temi bħal dawn humiex wisq ovvji għal esej. Forsi s-sigriet hu li bil-mod li nirrakkontahom dawn l-affarijiet ma nibqax imwaħħal mal-ispeċifiċità tal-esperjenza tiegħi imma li s-sentenzi jaspiraw għal xi ħaġa usa’: mhux ambizzjoni universalizzanti (m’iniex moralista, u ma rridx inkun) imma almenu li hi ikbar minni biex fl-ispazju li niftaħ fl-esej, il-qarrej jagħraf u jkollu fejn iqiegħed biċċa minnu nnifsu.
16 ta’ Awwissu 2024
Mort mixja ma’ Omar dalgħodu. Qattajna għodwa flimkien. Ftehemna li niltaqgħu fis-sebgħa u nofs Baker Street. Idaħħaqni meta jgħidli b’dak il-post, kull darba naħsbu li qed jirreferi għal Triq il-Forn li qiegħda ħdejna. Sabiħ meta tkun taf villaġġ bl-ismijiet tat-toroq. Kien magħluq bix-shutdown ta’ Santa Marija, allura morna nieħdu kafè għand tal-pastizzi maġenbu. Tkellimna dwar il-kitba tagħna, iktar tkellem hu. Insomma, kif jaf jagħmel hu biss, għandu l-maġija li jġib il-ħajja f’kollox li jagħmel, u jagħmilha interessanti (u ħaġa li lkoll għandu jkollna interess fiha) proprju għax tinteressa lilu. Ngħid hekk mhux bi kritika, li speċi jaħseb li l-affarijiet interessanti għax jogħġbu lilu, imma verament inħoss li jien irrid il-konoxxenza tiegħi mimlija bl-affarijiet li jimlew lil tiegħu. Staqsieni kif jien — għedtlu tajjeb; staqsieni x’qed nikteb — ġieli mistoqsijiet hekk jaħsadni bihom u ma nħossx li nweġibhom kif nixtieq. Għedtlu li sens ta’ ħarifa mar għall-istampar u li qed nippjana t-tnedija tiegħu. Ħin minnhom, insejt eżatt f’liem kuntest, qalli li hemm kwalità tal-kitba tiegħi li hi tajba, jew li xi ħaġa nagħmilha b’mod tajjeb fil-kitba. Ma nistax niftakar eżatt x’kienet li qal, imma probabbli stħajt wisq u moħħi qisu ngħalaq dak il-ħin. Qisu ried jgħidli li dan ktieb sabiħ anki jekk forsi ma narahiex jien, peress li issa mxejt lil hinn minnu. Għax ftit qabel kont għedtlu li l-ktieb ilu ftit “mejjet” għalija, issa tlaqtu minn idi. Imxejna lejn naħa fejn hemm vilel veru lussużi, u għedtlu li, kif ktibt dwarhom, meta kont żgħir kont nistagħġeb meta nara drive-ins li huma ikbar mid-djar ta’ xi nies. Qalli li, iva, jiftakar jaqrani fuq hekk. Imxejna minn ġo triq dejqa bil-ħajt tas-sejjieħ sabiħ imma li jrid jiġi rtukkjat għax biċċiet minnu qed jaqgħu. Staqsejtu hux qed imur baħar, qalli insomma għax qed jaħdem imma llum sejjer fil-pool ta’ sieħbu. U allura llum ma kienx ħa jaħdem. Għedtlu li bħalissa qed naħdem fuq taħdita akkademika dwar l-esej. Qalli li hu l-esej ma studjahx u ma jħarisx lejh bħala xi teorija imma li jużah. Qisni stħajt ftit bir-reazzjoni tiegħu u kultant inħossni b’interessi mhux worldly, u astratti wisq b’mod uncool. Għedtlu li iktar milli nitteorizzah, li qed nagħmel hu li nagħżel il-konċezzjoni tal-esej li togħġobni u nipprijoritizza lilha. La għandi teorija tal-esej, la nixtieq ikolli waħda, u lanqas naħseb li hu possibbli li jkun hemm waħda. Għedtlu, għax tipo mod Montaigne u mod Orwell. Qalli, jaqq Orwell u l-esej tiegħu fuq il-lingwa Ingliża. Għalkemm naqbel miegħu, stħajt ftit għax dak l-esej ngħallmu. Semmieli esejista Taljana, li nsejt x’jisimha, u jien semmejtlu lil Ginzburg u wiċċu xegħel. Kemm inħobbha, qalli. Aħna u mexjin beda jippuntali wħud mid-djar. Dik Villa Debono u dik għex fiha Ganado u dik jgħix fiha dak. Staqsejtu għadux jinżel il-festi, qalli insomma għax qisu saru wisq dwar ix-xorb biss. Meta qatt kienu mod ieħor? għedt bejni u bejn ruħi. Qbadnieha fuq ix-xorb, u mbagħad fuq il-pjaċir tad-drogi, u qalli erba’ stejjer veru aperti. Mit-tip li toħroġ il-Ġimgħa filgħaxija u tidħol lura t-Tnejn. Għedtlu li xi esperjenzi bid-drogi għallmuni ħafna. Qalli iva, hu tgħallem minnhom dwar l-affett u l-ġisem, u kif id-drogi jeħilsu ’l-ġisem mill-ġisem, ineħħulu l-ebusija, u stagħġibna meta semmejna nies li kapaċi jilħqu dak l-istat bla ebda intossikazzjoni jew biż-żfin biss. Issorprendieni li qal hekk hu, għax din xi ħaġa li nħoss li tapplika għalija u mhux għalih, għax għalija hu simbolu ta’ xi ħadd li jabita d-dinja b’mod faċli u komdu. Forsi le, wara kollox. Darba hu stess qalli li fuq id-dancefloor jaqbad jiċċenilja d-drogi kollha li ħa, bil-memorja biss ukoll biżżejjed. Imxejna ftit ieħor u nfridna f’tarf it-triq. Ħadt pjaċir, avolja jekk xi ftit insikurezzi nħosshom miegħu. Nixtieq nintreħa iktar, li lsieni jiġri iktar u moħħi jgħaġġel u li nkun akkumulajt qari daqsu, u li ħsiebi jżid il-ħeffa, li jkun fin u sabiħ daqs tiegħu. Qalli li diskorsi jirrifletti l-ħsieb. Imma jien irrid inqas ħsieb u iktar ritmu .