Hemm karru bil-ġwienaħ misjuq minn kuċċier miġbud minn żewġt iżwiemel. Żiemel minnhom abjad, b’għonqu wieqaf dritt, grazzjuż. L-ieħor iswed, magħmul ikrah u goff. Bil-frosta f’idu, il-kuċċier qed jittajjar lejn is-sħab u lil hinn minnu. Iż-żwiemel, speċjalment l-iswed, kultant jissaraw mal-kuċċier, jisfidawh, jisfrattaw, għoddhom jaqilbu l-karru. Il-kuċċier iqum bilwieqfa jwiddeb liż-żwiemel. B’idejh it-tnejn jiġbed b’kemm jiflaħ fuq ir-riedni marbutin mal-ilġiem ta’ ġo ħalqhom. Iż-żwiemel jogħtru taħt is-saħħa tal-kuċċier u, bla ma jridu, jobduh. Imma t-taqbida bejniethom tkompli. Żiemel minnhom jiġbed ’l hawn u l-ieħor jiġbed ’l hemm sa ma l-kuċċier jitlef il-kontroll, il-karru jinqasam u jegħleb mis-smewwiet għall-art.