Ġilda

Kurt Borg

Hemm karru bil-ġwienaħ misjuq minn kuċċier miġbud minn żewġt iżwiemel. Żiemel minnhom abjad, b’għonqu wieqaf dritt, grazzjuż. L-ieħor iswed, magħmul ikrah u goff. Bil-frosta f’idu, il-kuċċier qed jittajjar lejn is-sħab u lil hinn minnu. Iż-żwiemel, speċjalment l-iswed, kultant jissaraw mal-kuċċier, jisfidawh, jisfrattaw, għoddhom jaqilbu l-karru. Il-kuċċier iqum bilwieqfa jwiddeb liż-żwiemel. B’idejh it-tnejn jiġbed b’kemm jiflaħ fuq ir-riedni marbutin mal-ilġiem ta’ ġo ħalqhom. Iż-żwiemel jogħtru taħt is-saħħa tal-kuċċier u, bla ma jridu, jobduh. Imma t-taqbida bejniethom tkompli. Żiemel minnhom jiġbed ’l hawn u l-ieħor jiġbed ’l hemm sa ma l-kuċċier jitlef il-kontroll, il-karru jinqasam u jegħleb mis-smewwiet għall-art.

Din l-allegorija jitgħallimha kull min jibda jistudja u jaqra ftit filosofija. Kitibha Platun fid-djalogu tiegħu, Fedru, biex jispjega dik li għalih kienet in-natura tar-ruħ. Bl-istorja tal-kuċċier u ż-żwiemel, Platun qed jaqbad kurrent ta’ ħsieb li kien komuni ħafna fi żmienu. Ispirat mill-immaġni tal-gwerrier jew il-ġellied, Platun għaraf li l-ħajja hi forma ta’ taqbida. Hekk tfisser il-kelma Griega agon, mnejn issa nġibu kliem bħal “antagoniżmu”. Għal Platun, il-bniedem jitqabad: miegħu nnifsu biex ma jaqax għal prijoritajiet foloz, u m’oħrajn biex ma jaqax fil-qerq taħt influwenzi ħżiena. It-taqbida kienet importanti għall-Griegi tal-qedem. Kienu huma, wara kollox, li tawna l-Olimpjadi, is-simbolu ta’ taqbida fejn l-atleta jitqabad miegħu nnifsu fit-taħriġ sabiex imbagħad joħroġ rebbieħ u jirrenja fuq il-kompetituri. Dil-loġika tal-kompetizzjoni kienet togħġbu lil Platun. Hu stess kien dilettant sew tal-lotta u jingħad li kien ġellied prim. L-isem li nafuh bih kien fil-fatt il-laqam tiegħu: “Platon”, li jfisser dak ta’ spallejh miftuħa. Fil-fatt jekk illum tmur Ateni, fil-fdalijiet tal-Akkademja ta’ Platun, waħda mill-ftit affarijiet li l-arkeologi stabbilixxew b’ċertezza hi l-post fejn kien il-ġinnasju tal-iskola tant kemm kien jokkupa post ċentrali f’din l-istituzzjoni.

It-taqbida tal-kuċċier maż-żwiemel hi storja li, f’xi forma jew oħra, jgħallmuna minn ċkunitna bħal qisha duttrina tal-ħajja. Ħu r-riedni f’idejk, tgħallem ikkontrolla lilek innifsek, titlifx il-boxxla, agħraf x’inhu tajjeb għalik.

Hija storja li faċli tinqara minn lenti Nisranija wkoll. Agħraf id-differenza bejn ir-ruħ u l-laħam, bejn Alla u s-serp, bejn il-verità u l-qerq. Jekk taqa’, se tiġġarraf. Iż-żewġ interpretazzjonijiet tal-istorja, kemm dik Platonika kif ukoll dik Nisranija, għandhom fiċ-ċentru tagħhom l-idea li l-bniedem hu taqbida interna. Il-Jien għandu taqbida fih innifsu; hu t-taqbida. Fl-interpretazzjoni Nisranija, din it-taqbida tkompli tikkumplika ruħha b’kunċetti bħat-tentazzjoni u l-konkupixxenza. Ix-xitan jaħdem b’modi fini, jgħidulna. Fil-ġnien tal-Eden, is-serp isefsef f’widnejn Eva biex jittantaha, biex iwaqqagħha. Jagħti n-nar lit-taqbida ta’ ġo fina. Minn ġo fik stess jaħdem ix-xitan u mhux minn barra. Idaħħallek id-dubju ġo fik, iqanqallek ħsibijiet li ma tindunax li ġejjin minn barra u taħsibhom tiegħek. Min jista’ jikkonvinċik aħjar milli tikkonvinċi lilek innifsek? B’hekk, għan-Nisrani, irridu nitqabdu sew magħna nfusna biex b’viġilanza nkejlu u niżnu kull ħsieb, kull kelma, kull xewqa li hemm ġo fina, ma jmurx fis-satra tal-lejl jidħol stranġier mill-bieb ta’ wara u jkompli jwaqqagħna. Għax, għan-Nisrani, il-bniedem mat-twelid diġà mwaqqa’, diġà inklinat lejn il-ħażen. Kważi kważi, it-twelid messu jitqies traġedja jew diżgrazzja. Għax la t-twelid hu bidu ta’ ċiklu ta’ ħażen, bidu ta’ sensiela ta’ tlajja’ u waqgħat, bidu ta’ falliment, bidu ta’ mewt, mela qajla għandu jiġi ċċelebrat. Almenu fuq din, ċerti fehmiet Buddisti li jagħrfu li mat-twelid jibda ċiklu ta’ sofferenza qed ikunu iktar konsistenti.

In-Nisrani maqbud bejn ir-rieda li jkun pur u l-fatt li jaf li hu diġà mittiefes. Bħal Santu Wistin meta mbikkem idur lejn Alla u jitolbu bil-ħniena biex jgħinu jissara mal-impulsi ta’ ġo fih. Dan kollu stqarru f’kitbietu. Apparti li ta qafas teoloġiku lir-reliġjon Kristjana, Wistin kiteb wieħed mill-ewwel awtobijografiji, L-Istqarrijiet. Iktar milli awtobijografija kif nafuha llum, dal-ktieb qisu rakkont ta’ twelid ta’ suġġett, ċjoè rakkont ta’ kif Wistin sar Wistin. Huwa rakkont indirizzat lejn Alla iktar milli lejn il-qarrej. Hu bejn talba ta’ tifħir lil Alla u karba għall-grazzja tiegħu. Wistin fehem sew xi tfisser li taqa’, li titlef it-taqbida. Kiteb ħafna fuq it-taqbid intern u dwar l-ispag imħabbel li minnu hi ffurmata qalb il-bniedem. Spag li jitqabad miegħu nnifsu, li lanqas fl-irqad ma jħallih jistrieħ. Anzi, id-dlam tal-lejl jittormentah iktar, speċjalment fil-ħolm, fejn bla ma ried Wistin kien ikollu jerħi ftit ir-riedni ta’ moħħu. Jikteb dwar kif fl-irqad ġieli kien jara stampi sesswali. Le, iktar minn stampi  —  moħħu kien jerġa’ jdaħħlu fl-atti nfushom, jerġa’ jfakkru x’ħass meta waqa’ għat-tentazzjonijiet. Wistin iqum filgħodu u jinduna li mhux fil-ħolm biss tqanqal bla ma ried. Ħati għax anki fl-irqad tiegħu waqa’.

Fi Platun insibu waqgħa wkoll. Għalkemm il-moral tal-istorja qiegħed fil-ħakma u fir-rettezza tal-kuċċier, il-bniedem jaqa’. Għal Platun, ċerti rwieħ idumu jitqabdu iktar qabel jaqgħu, imma xorta jaqgħu. Waqgħa li tiġri lil kull uman. Għax skont Platun l-allat biss ma jaqgħux. Perfett kemm hu perfett, il-bniedem dejjem se jaqa’. B’xi mod jew ieħor, it-taqbida tegħlbu lill-bniedem. Platun jagħtina bosta immaġni biex ifehemna x’inhi t-taqbida. Il-kuċċier jogħroq u jegħja, jagħma u jistinka, jissara u jiggwida, jitgerfex u jfalli, jordna u jisforza. Dil-konfużjoni, dat-taħwid, jissolva biss jekk il-pilota jibqa’ sid it-tmun. Il-kuċċier jirrappreżenta r-raġuni, u r-raġuni trid tmexxi u mhux titmexxa. Hemm logħba ta’ kontroll  —  min jikkontrolla u min jiġi kkontrollat  —  u għal Platun m’hemmx ambigwità dwar kif għandhom jitqassmu l-karigi. Iż-żwiemel jitmexxew u l-kuċċier imexxi. Ir-raġuni ssuq u l-passjonijiet jinsaqu. Jekk is-sid jitlef ħarstu, il-karru jiġġarraf u mill-għoli tas-smewwiet jaqa’ lura fid-dinja u jinstabat mal-art. Hekk jiġri fl-istorja, u b’hekk jinħoloq il-bniedem. Fl-art, il-bniedem jinħakem minn taqbida oħra. Għax għalkemm huwa l-waqgħa, il-bniedem hu wkoll ix-xewqa li jerġa’ jtir. Ladarba daq il-ħeffa tal-ġwienaħ, l-għeja tas-saqajn tkiddu, u b’hekk jibqa’ jfittex xi ħaġa li ttaffilu l-piż.

Iħobbha l-ħeffa l-kuċċier. Iħobbha r-reqqa. Iħobbha r-rotta dritta tipponta dejjem ’il fuq, lejn is-sħab, lejn il-benna. Għal Platun hi l-imħabba li timbotta l-kuċċier. Għandu f’moħħu hawn l-imħabba tal-għerf, li hi tema prinċipali ta’ dan id-djalogu. Hi din l-imħabba li titma’ lill-kuċċier biex joqrob lejn dak li jħobb, biex ħarstu ma tixxekkilx u moħħu jibqa’ fiss fuq fejn irid jasal. Hi din l-imħabba li tmexxi qalb min ifittex, jgħid Platun. Imma anki dak li jibqa’ miexi dritt mhuwiex għalkollox is-sid tiegħu nnifsu. L-imħabba li timbuttah hi ikbar minnu. Hi xi ħaġa li timbuttah, wara kollox. Tagħtih is-saħħa jżomm liż-żwiemel f’posthom. Timlieh b’ħeġġa biex ikompli jitqabad. Hu jitmexxa minnha daqskemm hu jmexxi l-karru. Dal-vjaġġ tar-ruħ ma jseħħx darba għal Platun. Jiġri u jerġa’ jiġri, jaqa’ u jerġa’ jaqa’ l-bniedem. Ma’ kull darba, jibqa’ jiftakar biċċa minn x’ra, minn x’ħass, minn x’kien hu u tiela’ lejn is-sħab. Jibqa’ jitmexxa minn dak li jiftakar.

Tant jixxennaq il-kuċċier li lest jitlaq kollox minn idu biex jerġa’ jirkeb il-karru. Tant jitqanqal bl-imħabba li hemm min jaħsbu miġnun. Bħal qisu maħkum minn għatx etern. L-ebda ħlejqa ma taqdilu dal-bżonn. Ta’ madwaru jarawh jilgħabha t’għasfur, iferfer idu, għonqu mgħawweġ waqt li jipponta ’l fuq, ’il fuq. Għajnejh miftuħa beraħ imma donnu mhux jara, qisu għandu ħliefa fuq l-ilma t’għajnejh. Iħares fiss lejn ix-xemx bla ma għajnu tuġgħu. Joħlom kemm joħlom li qed itir, jibqa’ msakkar ġo gaġġa. U meta jaqbad jemmen li wasal fejn kellu jasal, ma jsibx kliem xi jgħid. Ma jistax jagħraf u jifhem fejn qiegħed. Dak li jara s-soltu jinqabad fil-kliem, imma dan jirrikjedi xi ħaġa oħra. Qalbu titfawwarlu, timtela iktar minn kemm tesa’. Titmewwitlu x-xenqa u jaqa’ fih ċertu skiet. Fil-ħemda tal-irqad, jemmen li wasal.

X’jiġrilha din l-istorja jekk minflok il-ponn issikkat mal-frosta, inħarsu lejn l-id tiżloq minn fuq ir-riedni? Jekk minflok il-ħakma taż-żwiemel, il-qalba tar-rakkont tkun il-mument li l-kuċċier jinduna li l-karru se jaqa’?

Kemm hu stramb is-sens li tħossok qed taqa’ hux? Taqbeż mill-għoli fil-baħar u tintebaħ li m’għadx hemm art taħtek. Tiżloq u tinduna li saqajk m’għadhomx jankrawk. Meta taqa’, qisek qed issegwi skript. Tagħmel x’tagħmel, li għandu jiġri se jiġri. Tista’ tilqa’ b’idejk jew tipprova taqa’ l-aħjar li tista’, imma fil-mument tal-waqgħa r-riedni jkunu qishom tneħħew minn idejk. Il-waqgħa tisfida l-fakultà li tagħmel deċiżjoni. Ma tistax tiddeċiedi li taqa’. Ma tistax tiddeċiedi, lanqas, li twaqqaf waqgħa f’nofsha. Jekk tiddeċiedi li taqa’, mela tkun qed tagħżel li tagħmel l-azzjoni li s-soltu tiġri waħedha meta taqa’. Taqa’ meta proprju tkun qed tipprova jew taspira li ma taqax. Il-waqgħa tiġrilek, mhux tiddeċidiha.

Hawn min jgħidlek li jekk ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni, ħalli munita teħodha għalik. Jekk il-munita taqa’ wiċċha ’l fuq tagħmel mod, u wiċċha ’l isfel mod ieħor. Malli tgħolli l-munita, din tieħu ftit ħin iddur fl-arja, bħal donnu tikkonsulta mal-allat fejn għandha taqa’. Huwa f’dak il-mument li min għolla l-munita, jiddeċiedi. Ma jibqax f’punt fejn ma jimpurtahx fuq liem naħa taqa’ l-munita, u tqumlu t-tama li l-munita taqa’ banda minnhom. F’dak il-punt, m’għadx għandek bżonn il-munita, għax issa ddeċidejt. Tista’ taqbad il-munita u twaqqfilha l-konsultazzjoni tagħha mal-allat. Il-munita tfakkrek li l-affarijiet jistgħu jmorru vi jew va, u int hemm titbandal f’nofs din l-arena tal-probabbilità. Kull deċiżjoni għandha din l-istruttura  —  ċjoè tista’ tmur ’l hemm jew ’l hawn. Jekk mhuwiex hekk, mela ċ-ċirkostanza ma teħtieġx deċiżjoni għax hu ċar x’għandu jiġri. Deċiżjoni sseħħ meta l-affarijiet mhumiex ċari u ma jistgħux ikunu ċari.

L-uman hu dak li jrid jiddeċiedi, anki  —  jew, anzi, speċjalment  —  f’mumenti fejn ma jafx. L-allat ma jiddeċidux; l-allat jafu. L-allat ma ħaqqhomx prosit talli ma jaqgħux għax ma jafux aħjar. Ma jafuhiex it-taqbida. It-taqbida tagħmel sens biss għal min jista’ jaqa’, għax min ma jistax jaqa’, ma jafx taqbid. Il-bniedem jaqa’ appuntu għax mhuwiex alla. Il-bniedem mhux dejjem jaf, u meta ma jafx, irid jiddeċiedi. Skont ċerti testi, anki Alla kellu jsir bniedem biex ikun jaf x’jiġifieri li tkun ma tafx, li tħossok ma tafx, u tħoss it-toqol li trid tiddeċiedi meta, u appuntu, għax ma tafx. Alla kellu jsir bniedem biex ikun jaf x’jiġifieri li taqa’. Dak hu l-bniedem; parti alla, parti annimal li jaqa’.

Hawn min jiddejjaq jisma’ li l-bniedem annimal. Bħallikieku qed tinsultah. Il-bniedem hu annimal. Ċjoè animat. Meta xi ħaġa tkun animata, qiegħda fit-taqbida. Anki farfett jitqabad hu u ħiereġ mill-fosdqa. F’taqbida l-affarijiet jistgħu jmorru naħa jew oħra. F’taqbida l-affarijiet jistgħu jmorru ħażin. Farfett jaf jikser ġwinħajh hu u jissara biex joħroġ. Il-bniedem animat għax l-affarijiet jistgħu jmorrulu ħażin. Jistgħu jiġrulu affarijiet li ma jkunx irid. Alla ma jiġrilu xejn, ma jitħarrikx u xejn ma jċaqalqu. Il-bniedem hu bniedem għax jista’ jħoss. Jista’ jweġġa’. Jista’ jaqa’.

Xejn mhu garantit għall-bniedem. Dak li ġara seta’ ma ġarax, u dak li ma ġarax jista’ jiġri. Il-bniedem jitbandal fir-riskju. Riskju li hu stess seta’ qatt ma twieled. U issa li qiegħed hawn, hemm ir-riskju li kulma għandu jista’, ċjoè se, jitlaqlu. Il-bniedem bħal imħatra li, anki jekk tirbaħha, se titlifha xorta xi darba. Mhux xi darba. Dejjem.

Judith Butler bħal donnhom iwieġbu lil Platun fir-riflessjonijiet tagħhom dwar il-bniedem. Għal Butler, li tkun bniedem tfisser li titlef. Mhux bħal meta titlef xi logħba u allura tkun fi stat definit ta’ tellief. L-istat tellief tal-bniedem għadu ma ġiex definit, imma huwa ċert. Ma tafx x’se titlef, meta u kif, imma xi ħaġa se titlef żgur. Das-sens ta’ telf hu antiċipatorju, tista’ tobsru minn qabel. Jiddefinixxi l-bniedem bħala dak li hu dispost għat-telf.

Il-bniedem hu dak li jitlef. It-telf jagħmlu bniedem. Il-bniedem jista’ jitlef kollox. Jista’ jitlef lilu nnifsu u lil ħaddieħor. Jista’ jitlef ħajtu u saħħtu, kliemu u tamietu. Il-bniedem iħoss għax appuntu jista’ jitlef, u la jaf li jista’ jitlef, ma jistax ma jħossx. Jaf li dal-mument mhuwiex bħal ta’ qablu u lanqas bħal ta’ warajh. Jaf li dal-mument wasal għax tilef ta’ qablu. U l-mument ta’ wara ma jasalx sa ma jitlef dak ta’ issa. Il-bniedem taqbida bejn telfa u oħra.

Dik hi t-taqbida. Dak li int, u dak li qatt tista’ tkun, jiġri biss minn ġot-taqbida. Ma tista’ qatt toħroġ mit-taqbida, u taraha bħallikieku minn barra, maqtugħa minnek, tispezzjonaha bħallikieku oġġett li tista’ tistudja. Int u t-taqbida l-istess ħaġa, għax permezz tagħha int issejjaħ lilek innifsek Jien. Malli tgħid “jien”, int espost. Għall-uġigħ, għall-mewt, għall-biki. Għall-waqgħa.

Hawn min jiċħadha dil-kundizzjoni tat-telf. Tul l-istorja l-bniedem kien kreattiv sabiex isib modi kif jeħles, jew kif jikkonvinċi lilu nnifsu li ħeles, minn dan l-istat. Hawn min, pereżempju, jgħix daqslikieku qatt ma tilef jew li qatt mhu se jitlef. Jgħolli ħitan impermeabbli biex l-ebda arja, ilma jew demm ma jgħaddu. Xejn ma jidħol u lanqas joħroġ. Hawn min jinvesti tamietu f’ideali li jemmen li ma jiġġarrfux: in-nazzjon, ir-reliġjon, il-ħajja wara l-mewt. Forom varji li bihom wieħed jgħatti l-possibbiltà u l-prospett li se jitlef. Imma tgħattiha kemm tgħattiha, il-ferita hemm qiegħda. Bħalma hi ferita ż-żokra, li wkoll hi tfakkira ta’ telfa. Sinjal li int inqtajt, qalgħuk minn xi forma ta’ stabbiltà u serenità. Int issa ferut, int issa waqajt. Int diġà bdejt titlef, int vulnerabbli. U m’hemmx mod ieħor ta’ kif tkun.

Vulnerabbiltà. Minn vulnus bil-Latin, li tfisser ġerħa, daqqa, ferita. Il-bniedem isib ruħu mwieled, tal-laħam, u b’hekk jiġi ttimbrat bħala annimal vulnerabbli. Il-bniedem jitwieled; imxarrab, inixxi, idemmem. Ma jwellidx lilu nnifsu. Jiddependi fuq ġisem ieħor. Jitwieled dipendenti, u jdum hekk. Forsi qatt ma jieqaf ikun dipendenti wara kollox. Il-ġisem iġib miegħu bosta ħtiġijiet. Bħal pereżempju li tiġi mħaddan, li titgħatta mill-bard, li jwennsuk meta tweġġa’, li tingħata sostenn. Nitwieldu fraġli u għalhekk immutu. Il-ġisem imut u jmut għax ġisem. Ġisem jimmarkana bħala esposti. Jagħmilna vulnerabbli. Jiftaħna għall-possibbiltà li naqilgħu d-daqqiet, li ħaddieħor jaggredina u jabbuża minn ġisimna.

Anki fil-forma speċifika tiegħu, ġisem bniedem jurik il-vulnerabbiltà. Ħares lejn bniedem għarwien u ara x’tara. Tarahx għarwien b’dak il-mod. Arah mod ieħor. Forsi għall-ewwel tara bniedem robust, wieqaf dritt, b’saħħtu. Ħares iktar. Wara li ħarstek toqgħod, tara bniedem għeri. Forsi tara ras, wiċċ, ħaddejn, spallejn miftuħa, sider, saqajn. Kompli ħares. Forsi tara bniedem ħosbien, qiegħed jaħseb, qed taralu għajnejh għajjenin jew qishom jixtiequ jgħidulek xi ħaġa li m’intix tagħraf. Qed tarah hekk, imqiegħed f’did-dinja. Waħdu. Le, hemm int quddiemu. Qed tarah ġisem. Nara ġismu. Jirtogħod, jogħtor, jinklina, jaqa’. Oħroġ idejk ħa tmissu, ħa twennsu, ħa tilqgħu. Noħroġ idi ħa nilħqu. Idejk jitqarrbu lejn idejn l-ieħor. Subgħajk jaħbtu miegħu. Inħoss l-ieħor maġenbi. Tħosslu ġildtu, il-post tal-ewwel impatt, it-tarf li jifirdek mill-ieħor imma li permezz tiegħu tasal s’għandu. Qed tarah, qed tmissu, qed tħossu. Ninduna li int ukoll qed tarani, tista’ toqrob lejja, toħroġ idejk u tmissni.

Ġilda. Kull bniedem adult għandu mal-erba’ kilogrammi ġilda. Jekk issaqsi lil xi ħadd għal lista tal-organi li għandu l-bniedem, għid li dak li jkun se jinsa jsemmilek il-ġilda, li hija l-ikbar organu fil-bniedem. Il-ġilda tgħattina, tiksina, bħal burdura li żżomm kollox fil-konfini tagħha, fi ħdanha. Il-ġilda tipproteġina, mill-elementi u minn daqqiet li kieku ma kienx għaliha jaqilgħuhom organi iktar sensittivi. Però l-ġilda hi tfakkira li aħna mġissma. Ma tantx tintuża dil-kelma f’dan is-sens; forsi messha tintuża iżjed.

Qabel ma aħna dak jew l-ieħor, anzi, sabiex inkunu dak jew l-ieħor, l-ewwel jeħtieġ li nkunu mġissma. Issa dan mhuwiex xi esperiment konċettwali, voldieri mhux qed ngħid li biex tkun teżisti bilfors irid ikollok ġisem bħal tagħna. Imma ejja ngħidu li l-mod kif jien u int neżistu hu mod imġissem. Il-fatt li jien għandi l-ġisem li għandi, mhux għax hu tiegħi, imma l-fatt li għandi wieħed minn dat-tip t’iġsma mgħotti bil-ġilda jgħid ħafna dwar il-mod kif nirrelata mad-dinja. Fil-fatt, il-ġilda qisha bħal vettura, bħal karru li permezz tiegħu ninnaviga d-dinja. Wieħed mill-funzjonijiet tal-ġilda hu proprju li ttini sens tad-dinja, li tfehemni l-kesħa u s-sħana, li tgħarrafni xi ħaġa hix ħarxa jew ratba, u l-bqija.

Il-ġilda tgħattik filwaqt li tikxfek bħala kreatura vulnerabbli. Jekk ġildtek taħbat ma’ xi ħaġa, se tħossha. Iddemmem għax tkun inkisret, iddgħajfet, ittaqqbet, tniggżet. Bil-ġilda jiġu kkomunikati bosta affarijiet. Bħat-tbenġil, li jikxef jekk il-ġilda tkunx ġiet trattata sew jew le. It-turija ta’ ċerta ġilda tista’ tkun messaġġ mod ieħor, ta’ stedina jew ta’ theddida.

Il-ġilda tista’ ssir iżjed fraġli aktar ma l-ġisem jixjieħ. Tibda tinkiser weħidha, kien qalli l-bużnannu darba. “Nann, hemm x’għandek, qtajt idek?” Mesaħ idu malajr u għattieha biex jaħbiha. “Le, qalli. Qisu staħa li rajtu hekk, vulnerabbli, bil-ġilda rqaqitlu u tinkisirlu mix-xejn. Ftit xhur wara, kont erġajt rajtu, did-darba fil-kamra mortwarja tal-Ingieret. L-Ingieret. Fil-kruha tagħha togħġobni dik il-kelma. Ma ridux jibqgħu jsejħulu hekk dak il-post, għax dik il-kelma saret meqjusa qisha derogatorja. Bħall-kelma Frankuni, li kienet tirreferi għall-villa tal-Kavallier Franconi li l-Ingliżi dawru fi sptar tal-moħħ, u li meta dan mexa għal Ħ’Attard, ismu mexa miegħu. Dal-kliem  —  ħaduh l-Ingieret, tellgħuh Frankuni  —  sar mimli stigma maż-żmien, imma fih innifsu dal-kliem għandu konnotazzjonijiet storiċi. Il-kelma Ngieret, li hi relatata mal-kelma Nigret, kienet tirreferi għal għelieqi f’bosta partijiet tal-gżejjer Maltin, u għandha rabta mal-iswidija, forsi minħabba xi karatteristika tal-post, bħall-kulur tal-ħamrija jew ta’ tajr bħaċ-ċawl f’dawk l-inħawi. Ħadt pjaċir meta l-istejġ tal-linja f’Ħal Farruġ semmewh hekk, għax hekk kien isejjaħlu l-bużnannu. Meta dħalt narah qabel il-funeral, fil-kamra mortwarja, dħalt ngħaġġel qabel ommi u l-bqija. Fl-għajnejn tat-tifel li kont, din it-tfittxija għall-bużnannu kienet qisha avventura ċkejkna. Ma kontx naf lejn liem sodda ridt niġbed għax kollha kienu mgħottijin bejn dawk il-purtieri bojod tal-isptarijiet. Waqaft ħdejn sodda minnhom. “Dik mhux tagħna, għajtitli ommi, “ejja ’l hawn”. Qisni waqaft u f’daqqa waħda rraġunajt li f’dil-kamra kien hawn ħafna nies mejtin u li qisu mhux sew toqgħod tħares lejn katavri ta’ ħaddieħor. Ma kontx fhimt għala qaluli li dik mhux tagħna, bħallikieku ġejna niġbru xi oġġett. Waqaft f’salt, għollejt rasi mill-art, tajt nofs ħarsa bejn il-purtieri, indunajt li l-mara li hemm “tistrieħ fil-paċi” mhux tagħna, u ġrejt lura.

Dakinhar kienu laqtuni bosta affarijiet. Fosthom li hemm ċerti iġsma li huma mejtin, u li għalkemm mejtin, ftit ikunu differenti minn dawk ħajjin. Forsi din tinstema’ xi ħaġa trivjali, imma ċerti kunċetti, bħal dak tal-mewt, joperaw b’mod differenti f’moħħ tifel. Kienet laqtitni wkoll il-ġilda mejta tal-bużnannu. Kulurha kien daqsxejn differenti mis-soltu, qisu lejn is-safrani. Qatt qabel ma kont rajt jew missejt il-ġilda ta’ xi ħadd mejjet. Ma nafx għala, imma dak il-ħin deherli li ġilda ta’ mejjet qisha magħmula mil-lakstu, u li jekk tmissha tkun tinħass tiżloq. Fuq il-ġilda ta’ bużnannuwi kont rajt bosta tbajja’ vjola, suwed, ħomor. Tbenġil tax-xjuħ kont insejjaħlu. Meta kont immur narah l-Ingieret kont ninnota ħafna tbenġil hekk fuq il-ġilda tar-residenti. Il-ġilda tirqaq, titqarqaċ, titbaskat. Tieqaf tkun fina u, minflok, titbenġel. Kull daqqa tidher iktar, u ddum tidher. Bħal qisu fix-xjuħija, il-ġilda tibda turik u tfakkrek f’kull daqqa li tkun qalgħet tul iż-żmien. F’kull waqgħa li tkun ġarrbet. Il-ġilda tax-xjuħ fina, bħall-ġilda tat-trabi imma b’modi għalkollox differenti. Tax-xjuħ fina għax rat wisq; tat-trabi għax għadha ma rat xejn. Tax-xjuħ tinkiser għax tant qalgħet li m’għadhiex tiflaħ iżżomm magħluqa; tat-trabi għax tant mhux imdorrija tkun esposta li mal-inqas theddida tweġġa’.

Il-ġilda bħal barriera bejn barra u ġewwa, imma hija wkoll il-periferija. Tmiss kemm ma’ barra kif ukoll ma’ ġewwa. Iddaħħal materjal minn barra għal ġewwa, u tobżoq minn ġewwa għal barra. Il-ġilda hi mezz ta’ komunikazzjoni. Tavża lil barra dwar dak li hemm ġewwa u lil ġewwa dwar dak li hemm barra. Tgħarraf minn xiex intlaqat il-ġisem, u toffri bħal tieqa għal kulm’hemm ġo fina.

Il-Jien ġisem mgħotti b’ġilda. Il-ġisem hu iktar minn sempliċiment il-ġilda, imma l-ġilda hi l-fruntiera bejn ġewwa u barra. Inħossu permezz tal-ġilda. Hi x’inhi, il-ġilda hi l-kundizzjoni tagħna. Nimirħu fid-dinja permezz ta’ dal-ġisem, u d-dinja tħalli l-impatt tagħha fuqu. Kull interazzjoni, kull relazzjoni, kull ħolma sseħħ permezz tiegħu. F’dan l-istat imġissem nagħrfu u ningħarfu. F’dis-sura nħobbu u daqstant ieħor inweġġgħu, naqgħu u mmutu. Bil-ġisem immissu u jmissuna. Bil-ġilda nħossu l-pjaċir taż-żegħil, u fuqha jiġi rreġistrat it-tbenġil. Jekk toqrosni, taħseb li ma ndemmimx? Jekk tagħraxni, ma nidħaqx? Jekk tivvalenani, ma mmutx? Hu dal-ġisem li daqqa jarmi l-ħeffa u daqqa oħra jittaqqal bl-għeja. Il-ġisem hu t-taqbida. Jien jien permezz ta’ dal-ġisem miksi bil-ġilda. M’hemmx jien, imbagħad ġismi. Jien m’iniex qiegħed ġo ġismi. Jien ġismi. Ġildti jien. Il-ġisem jikxifna li r-riedni mhux f’idejna. Anzi, iktar ma l-kuċċier jiġbed ir-riedni, iktar iħallu l-marki tagħhom mal-ġilda t’idejh.

Il-vulnerabbiltà fiha diversi sensi. Hekk jiktbu Butler. Bħall-vulnerabbiltà li tidher fil-qagħda fraġli tal-ġisem. Bħal esperjenzi ta’ niket meta titlef lil xi ħadd għażiż għalik. Jew bħal meta tkun mimli xewqa għal xi ħadd. Dawn kollha jikxfu kemm fil-fatt m’għandniex il-kontroll assolut li nixtiequ li għandna jew li nippretenduna li jkollna. Jekk titnikket, sinjal li kont ċedejt biċċa minnek innifsek. Anzi, sinjal li xi ħaġa li għamlitek dak li int ingħatatlek permezz tal-persuna l-oħra. Li issa qed tħoss it-telfa juri li int qatt ma kont individwu iżda plural. Jekk jien stajt inkun jien proprju għax int kont int, u aħna konna aħna, issa kif nista’ nkompli nkun jien jekk int m’għadekx hawn? Forsi jien għadni hawn, imma la int m’għadekx hawn, tlift xi ħaġa li kienet tagħmilni jien, u xi ħaġa li kienet tagħmlek int. M’hemmx jien hawn, u int hemm, b’mod li jekk nitlaq jien, jew titlaq int, jien nibqa’ jien u int tibqa’ int. Parti minn dak li jien u dak li nista’ nkun sibtu fik. Meta tlift lilek, jien tlift biċċa minni nnifsi.

Bl-istess mod ix-xewqa għal xi ħadd. Id-desiderju. Li tkun imxennaq. Kelma li s-soltu ma tantx tintuża f’sensi pożittivi. Meta tixxennaq tinduna li m’għadx tista’ tkun dak li dejjem ħsibt li int. Issa ġrat xi ħaġa oħra li mingħajrha mhux ħa tkun tista’ tkompli. Tispiċċa tgħid affarijiet bħal: spiċċali kliemi, qalbi għamlet tikk, ma nistax nieqaf naħseb fik. M’għadnix dak li kont, issa żżarmajt. M’għadnix intatt, inħallejt, tlift surti. Bik quddiemi jew f’moħħi, ġo wiċċi, b’ħarstek, itteħduli minn idejja r-riedni, m’għadnix jien waħdi mmexxi, qed nitbandal bejn dak li jien u dak li hu barra minni. F’mumenti hekk tintebaħ li m’għandekx kontroll assolut fuqek innifsek. U li forsi ma tridx li jkollok dak it-tip ta’ kontroll. Tippreferi li tkun il-maħkum tax-xenqa, u mhux il-ħakkiem. Hemm ċerta sbuħija f’li tkun imwaqqa’ b’dal-mod. Mhijiex il-waqgħa tad-dnub din; hija waqgħa oħra.

Ġismi jikxifni bħala bniedem f’dinja ikbar minni. Mhux kollox f’idejja. B’ġismi nista’ nsawtek, imma bl-istess ġisem nista’ nissawwat. B’ġismi nara, u bl-istess ġisem jarawni. Ġismi tiegħi, imma mhux kulma jiġrilu jkun deċiż minni. Naturalment, hemm min li, għal raġunijiet storiċi, soċjali u politiċi, għandu iktar poter minn ħaddieħor meta jisħaq li jrid, jew ma jridx, xi ħaġa li tiġri fuq ġismu. Imma, b’mod ġenerali, il-ġisem hu tfakkira ta’ kif insibu ruħna mwielda. Ħadd ma jintalab permess biex jiġi mwieled. Li int imwieled mhuwiex riżultat ta’ xi deċiżjoni li għamilt. Insibu rwieħna mwielda mwaqqgħa f’dinja li ma għażilniex u li nibqgħu ma nagħżlux. Ħajjitna tagħna, imma hi maqbuda ġo kobba ikbar li fiha aħna nitqabdu. F’ġisimna, bħal f’ħajjitna u dinjitna, jibqa’ element aljen, stramb, barrani.

Ma nafx kollox, għax ir-riedni mhumiex f’idejja. Imbilli mhux f’idejja, ma jfissirx li għandi l-lussu nabdika mir-responsabbiltà ta’ x’jien u x’jiġri minni. Din bħal tal-munita; malli tgħolliha, hemmhekk tagħmel il-qabża u tagħżel. Imma kull meta tagħżel, qed tagħżel fl-għama. Is-sisien ta’ taħtek jirtogħdu u saqajk jogħtru. Jien ferut, imwieled minn ferita. U ġildti tibqa’ tfakkarni li qiegħed fit-taqbida. Taqbida fejn l-unika garanzija hi li xi ħaġa se tintilef. Ġismi se jibqa’ jitlef is-saħħa, moħħi se jkompli jegħja, ġildti se jiżdidilha t-tbenġil.

Idoqq l-iżveljarin, jew tqum waħdek, u tintebaħ li int għadek int. Kuljum tqum biex terġa’ tkun int. Sakemm ma terġax tqum. Innota kif malli tiftaħ għajnejk, moħħok u ġismek qatt ma jkunu friski. Dejjem għajjien tqum. L-ewwel mument tal-ġurnata hu wieħed vulnerabbli. Tgħid nagħmel l-isforz biex inqum mis-sodda llum? Niflaħ naffaċċja ġurnata oħra f’dal-Jien, f’dil-ħajja, f’did-dinja? Ħa jirnexxili nkampah dal-jum? Il-fakultà li tieħu d-deċiżjonijiet mhux dejjem tkun stabbli filgħodu. Min jaf kemm-il darba, f’moħħok qabel tqum mis-sodda, tgħid, “le, illum le, illum naqbiżha, illum ma niflaħx inkun jien”. Imbagħad, jgħaddu ħames minuti, u qed tilbes għax-xogħol jew fejn għandek tmur. Biex terġa’ tkun int.

Forsi mhux kulħadd iqum hekk. Hawn min mill-ewwel iqum frisk, lest biex jitkellem u jirraġuna. Hawn min iqum għajjien, mhux biss f’sens fiżiku, imma bħal qisu għadu ma rkuprax mill-kedda tal-lejl ta’ qabel. X’kedda? Ġieli tiġrilek li, qabel torqod, issib ruħek f’ċertu silenzju, ċerta ħemda li kultant turik affarijiet strambi, dwar min int u x’int u x’ma tridx tkun iżjed? Il-lejl iwiegħed ħafna ħwejjeġ kieku, li l-għodwa taħsadlek.

Innota kemm-il ħasda jkun fihom ċerti ljieli: meta tkun qed tmur għajnek bik u tħoss dak is-sens li se taqa’, pereżempju. Dik il-ħasda taf għalfejn tiġri? Hemm bosta teoriji, fosthom li moħħok jinterpreta l-muskoli rilassati int u torqod bħala waqgħa, allura jaħsdek biex iġiegħlek tiċċaqlaq. Jien għandi teorija oħra. Meta torqod, għajnejk iduru ’l fuq ġol-kpiepel t’għajnejk. Forsi dak is-sens ta’ waqgħa jiġi meta tkun qed tmur għajnek bik, u f’daqqa waħda tinduna b’din is-sensazzjoni stramba tal-għajnejn ħa jibdew iduru ’l fuq, iddawwar għajnejk ’l isfel f’daqqa u dak it-tidwir mgħaġġel t’għajnejk iqanqallek sens ta’ ħasda u waqgħa. Jew inkella forsi għax int u tintelaq fl-abbiss tal-irqad, parti minnek tkun qed tibża’ tintreħa. Għax malli l-ġisem jorqod, parti oħra mill-moħħ tqum. Parti li turik stampi konfużi, stejjer li ma jagħmlux sens, episodji b’narrattiva rqiqa ħafna. Sens li qed jiġri warajk xi ħadd u saqajk ma jtukx li tiġri; sens li qiegħed quddiem udjenza biex titkellem u lsienek jeħel; sens li appik se tiġri xi ħaġa kerha ħafna; sens qawwi ta’ niket u disprament bla ma taf għala. X’ma tinħasadx malli tinduna li qed titraqqad biex tittieħed fl-iswidija tal-irqad! Il-ħolm tfakkira tat-taqbid li hemm ġo fik li mhux dejjem tkun tiflaħ tagħmel sens minnu. Ifakkrek li l-affarijiet jistgħu jiżvijaw u jkunu mod ieħor. L-irqad u l-ħolm li jġib miegħu juru li int m’għandekx qabda tajba fuq ħajtek, m’għandekx ir-riedni għalkollox f’idejk.

Kultant niddejjaq norqod għax nibża’ minn kif se nqum l-għada. Kultant, meta ġismi jieqaf ikun skomdu u moħħi jikkwieta, inkun irrid li dak il-mument jibqa’, imqar għal ftit ieħor. Għax meta norqod, qisu dan l-arloġġ jerġa’ jibda u ma jkollix garanzija ta’ kif se nkun l-għada. Wara kollox, il-kundizzjoni umana hija n-nuqqas ta’ garanzija f’dak li int, f’dak li tista’ tkun, f’dak li m’għadx tista’ tkun. Il-ħajja fraġli, jgħidulek, imma f’wisq iktar sensi minn kemm kultant hu maħsub.

Innota kemm kollox hu fraġli. Meta wġigħ ta’ ras tħossu jidwi. Meta għajnejk jaħarquk bl-għeja, bil-biki, b’ngħas li lanqas iħallik iżżommhom miftuħin. Meta taqbad xagħrek bejn idejk jew bejn l-imħadda u tiġbdu bi żball. Meta tkun qed timxi f’telgħa u tħoss dak il-ġbid f’saqajk, jew tieqaf minn xi ġirja u tħoss saqajk jitriegħdu taħtek. Meta tmur tqandel xi ħaġa u tinduna li ma tiflaħhiex. Meta tistrapazza u f’daqqa waħda jtik ftit sturdament. Meta tqum mis-sodda b’għaġla, jew titbaxxa u tqum f’daqqa, u tħoss il-vista ddur. Meta titlef il-bilanċ u tħossok qed tegħleb. Meta togħdos u b’nifsek maqtugħ tibda tħoss paniku jagħfas f’sidrek. Meta taqa’, tinbarax u titbenġel. Meta tħoss bard li jweġġgħek.

Kollha ġo ġismek tħosshom dawn il-vulnerabbiltajiet. Mill-fruntiera tal-ġilda sal-qigħan tal-intern. Oħrajn tħosshom minn kif moħħok jitqabad ma’ ġismek. Meta tinħasad, tistħi jew jidħollok dubju. Malli tħoss li xi ħadd ma fehmekx. Jew li fehmek wisq malajr. “Nitolbok tifhimnix malajr wisq, qal André Gide. Tħoss xi ħaġa fik li tixtieq tgħidha imma toqgħod lura. Tkun trid tgħid lil xi ħadd li tixtieq li l-ħin jieqaf għal ftit biex tħoss sens t’eternità bejnietkom. Tqum u tkun tixtieq li m’hemmx twieqi, m’hemmx bieb, m’hemmx messaġġi, m’hemmx impenji. Tkun miexi u tolqtok xi ħaġa li tieħdok snin lura u tinħakem minn sens li issa dak il-mument tliftu, bħalma tlift min kont int dakinhar u tlift id-dinja ta’ dakinhar. Episodji li juruk li, mhux talli r-riedni qed jaħarbu, imma li l-Jien hu dejjem lil hinn minnu.

X’jifred dal-Jien minn ħaddieħor? Fejn nieqaf jien u fejn tibda int? Maurice Merleau-Ponty kiteb dwar dan u qal li l-ġisem hu oġġett u suġġett fl-istess ħin. Għax kultant il-ġisem hu s-sors t’azzjoni u drabi oħra jiġi trattat qisu oġġett. Anzi, daż-żewġ faċċati ġieli jiġru fl-istess mument. Il-ġisem jaġixxi waqt li hemm xi ħaġa oħra, jew hu stess, taġixxi fuqu. Merleau-Ponty iġib l-eżempju ta’ meta b’idi l-leminija naqbad idi x-xellugija. Waqt li l-id tal-lemin qed tmiss l-id tax-xellug, l-id tal-lemin qiegħda wkoll tintmess mill-id tax-xellug, anki jekk mhux dik hi l-intenzjoni. Waqt li jien immiss, qed inħoss lili nnifsi niġi mimsus. Jien attiv u passiv fl-istess ħin.

Għalhekk meta mmissek, int ukoll qed tmissni. Anki hawn l-affarijiet jieqfu jkunu ċari. Min qed imiss lil min? L-attività u l-passività jikkumplikaw irwieħhom. Ma jifdalx kuċċier imexxi, u żiemel jitmexxa; fil-fatt iż-żiemel qed jiġbed waqt li l-kuċċier qed jinġibed. Hemm taqbida oħra hemm. Jew żifna. Daqqa mmexxi jien u daqqa tmexxi int. Nitmexxew waqt li mmexxu.

Anki meta ngħannqek u nżommok b’dirgħajja, id-dirgħajn li qed jgħannqu qed jitgħannqu minnek waqt li qed tilqa’ t-tħaddina u għalhekk it-tgħanniqa sseħħ. Dirgħajja u spallejk, spallejja u dirgħajk. Jitgħannqu u jitwaħħdu, isiru tgħanniqa. M’għadx hemm jien u int, issa hemm tgħanniqa. U mhi faċli xejn tifred wieħed mill-ieħor bla ma tħalli ferita tnixxi.

Iqabbel dan mal-kjażmu Merleau-Ponty, kunċett li jintuża fir-retorika, fil-bijoloġija u f’tant oqsma oħra. Kjażmu qisu bħal X, bħall-ittra Griega χ (chi). Naraw l-istess struttura fil-kromożomi. Fir-retorika tintuża meta jkollok sentenza li qisha tinqaleb fuqha nnifisha. Bħal meta Kristu qal li tal-ewwel jiġu l-aħħar, u tal-aħħar jiġu l-ewwel; jew meta Byron kiteb li l-pjaċir huwa dnub, u xi drabi d-dnub huwa pjaċir. L-idea tal-kjażmu tista’ tispjega t-taqbida tal-Jien. M’hemmx jien maqtugħ mill-kumplament. Hemm jien, permezz tiegħek, tal-oħrajn, u tal-kumplament. Immissek waqt li tmissni, waqt li jmissuna, waqt li nintmessu.

Tant niġu viċin li għoddna nidħlu f’xulxin. Merleau-Ponty jikteb li jekk qed tkellimni waqt li nkun tant viċin tiegħek, nista’ nisma’ n-nifs għaddej minn ġo fik joħloq il-vuċi tiegħek. Mhux nisimgħek biss, imma anki nħossok titkellem. Tant noqrob lejk li nisma’ qalbek u nħoss nifsek, inħoss l-għeja tiegħek u nara l-vibrazzjonijiet li janimawk. Bħallikieku qed nesperjenza lilek innifsek minn ġo fik. Ma nkunx għadni jien hawn u int hemm, imma nkunu aħna. M’għadx hemm jien nitkellem u int tisma’, imma hemm aħna minsuġin f’xulxin. M’għadx fadal kuċċier f’din-nisġa mżiffna. M’hemmx qawwa, m’hemmx forza. Qegħdin, hekk, imwaqqgħin flimkien, ma’ xulxin, f’xulxin, permezz ta’ xulxin. Jien imwaqqa’ għal fuqek, inħoss ġildtek, filwaqt li int imwaqqa’ għal fuqi, tħoss ġildti. Ma naqgħux għalkollox mal-art, għax f’dil-waqgħa qed inserrħu ma’ xulxin.

Il-vulnerabbiltà tal-Jien hi bħall-elementi kollha.

Bħan-nar, il-Jien jaqbad, jarmi l-qawwa, jinħela, jaħraq. X’inhu n-nar, fejnha l-fjamma, fejn tibda, fejn tieqaf? In-nar jaqbad, iqabbad, joħloq l-irmied. Fjamma tibża’ minnha imma faċli tbatti, tmajna, tintefa. Il-fjamma ma tistax teżisti weħidha, teħtieġ xi tqabbad, trid l-arja.

Bħall-arja, il-Jien itajjar u jittajjar. Fejn hu r-riħ, kif taqbdu? Attent ma jmurx jieħdok ir-riħ, ngħidu. Jieħdok fejn? Lil hinn mill-Jien, titmexxa għal post ieħor mingħajr l-għażla tiegħek.

Bħall-art, il-Jien jankra. Imma l-art tinkiser, titfarrak. Minn ġebel għall-ħamrija li ssir trab, bħalma jsir il-Jien. Irmied.

Bħall-ilma, il-Jien jibdel il-forma. Jitkaxkar, mhux dejjem imexxi, sikwit jitmexxa. Kultant il-Jien jegħreq, kultant iżomm fil-wiċċ, kultant jogħdos, kultant jitfaċċa. Bħall-mewġ jitqawwa u jinkiser mal-blat, imexxi u jitmexxa b’kurrent. Fejn tibda mewġa u fejn tispiċċa?

Milqut mill-mewġ. Hekk jiddeskrivuh Butler lil xi ħadd milqut minn niket qawwi tant li jaqilgħu minnu nnifsu, iregħedlu s-sisien u jżerżaqlu idu minn mar-riedni.

Naħseb li jiġu mewġiet li jħabbtuna, u li nibdew il-ġurnata bi skop, bi proġett, bi pjan u nsibu lilna nfusna sfaxxati. Insibu li waqajna. Inkunu eżawriti mingħajr ma nafu għaliex. Hemm xi ħaġa li hi ikbar minn dak li nippjanaw, mill-proġett tagħna, minn dak li nafu u nagħżlu. Xi ħaġa taħkimna: mnejn ġejja din? X’sens tagħmel? X’inhu li jagħmilna tiegħu f’dawn il-mumenti, tant li ma nkunux sidien tagħna nfusna? Ma’ xiex aħna marbutin? X’inhu li jaħfinna?

Milqut, maħkum, minn mewġ ogħla minni, li jkaxkarni miegħu, li mhux dejjem nista’ nagħti s-salt biex naħkmu. Nitqabad miegħu, nissara, negħja. Kemm se jdum itellagħni u jniżżilni u jerġa’ jtellagħni? Għalxejn nippjana għax hu l-mewġ li jiddeċiedi ma’ liem naħa se naħbat. Nibda l-ġurnata bit-tama li llum se jkun differenti. U forsi jirnexxili, imqar għal ftit. Imma l-mewġ jeħodni miegħu u naqa’. Inħossni nċedi l-ħakma li ħsibt li kelli. X’inhu dan li jaħkimni, mnejn ġej, fejn se jeħodni? X’inhu dan li hu mqabbad miegħi, li miegħu qed nitqabad, li minnu rrid naħrab waqt li ninduna li hu parti minni u meta jiċċaqlaq hu, niċċaqlaq jien? Inċedi, nerħi, nitlef il-kontroll u nħalli lili nnifsi nitmexxa.

L-ilma jnaddaf u jagħti sens ta’ kalma. Imma l-ilma jista’ jkun tal-biża. Għax meta jibda ġej, ma tkunx taf meta u jekk hux se jieqaf. L-ilma, il-baħar, il-mewġ  —  mitraħ infinit. Xi tkun qed tara persuna bilqiegħda weħidha fuq il-blat, tħares lejn il-baħar? Forsi tkun qed tipprova tqabbel il-mewġ ma’ dak li hemm ġo fiha? Għaliex li tħares lejn il-baħar, forsi anki billejl, fih ċertu misteru, qisu l-ħoss tal-baħar ilissinlek is-sigrieti tiegħu? Jew tiegħek? Fil-baħar hemm il-ħajja u anki l-mewt, il-libertà u n-nuqqas tagħha, iċ-ċafċif u l-ħsejjes tal-biża’, l-ilma ċar u l-abbissi skuri. Il-baħar qiegħed ġo fik ukoll.

Imbagħad hemm l-etere, il-ħames element. Minn kollox intqal fuqu. Il-benniena li fuqha jistrieħ id-dawl, xi wħud ħasbu, is-sustanza li tifforma t-trejqiet inviżibbli tal-univers, l-element li jimla kull spazju vojt, l-arja li minnha jiġbdu l-allat, il-qafas li minnu magħmula l-ġenna. Il-kwintessenza, li fiha l-uman emmen inqas u inqas maż-żmien. Bħall-Jien.

Hemm taħlit ta’ qawwa u finezza f’kull element. U forsi b’hekk narawhom prezzjużi. Il-fjamma/in-nirien, in-nifs/l-irjiħat, it-traba/il-blat, il-qatra/l-ilmijiet, is-sustanza tas-smewwiet/l-eżistenza effimera tal-etere. Qawwa u fraġilità.

Il-fraġilità kultant meqjusa qisha xi difett. Qisu l-irtubija hi problema li għandek tegħleb. Bħaż-żiemel li ttih bil-frosta biex iġġiegħlu jimxi dritt. Żomm ir-riedni sew, tixxejjirx. Imma dik mhijiex l-istorja kollha. Hemm storja oħra li trid tingħad. M’hemmx biss l-istorja tal-kuċċier jipprova jrażżan iż-żwiemel. Hemm ukoll l-istorja ta’ xi jħoss il-kuċċier meta jsib ruħu waħdu wara l-waqgħa. Xi jħoss ġo fih? Is-sens ta’ telf wara l-vjaġġ, il-bżonn li jerġa’ jkun fi triqtu għal dak li jħobb. Qalb il-kuċċier trid. Imċaqilqa. Imxennqa. Imwaqqgħa.

Kif tista’ tifhem xi tfisser li tkun beżgħan, li tkun imbikkem bix-xewqa, li tkun inċert jekk ma nemmnux fil-vulnerabbilità, fit-telf, fil-waqgħa? Ninsab bejn ħaltejn, ngħidu. Je me sens déchiré; I feel torn. Ninsab imċarrat, maqsum, qatt sħiħ. Kif tista’ tifhimha din jekk mingħalina li l-kuċċier dejjem jirbaħ, li ġismu ma jegħjiex u jdejh qatt ma jirtogħdu? Kif tista’ tifhem lil xi ħadd li għandu dubju dwaru nnifsu anki meta jaf li jista’ jagħmel dak li għandu jagħmel? X’se tgħidlu? Biex iżomm iż-żiemel f’postu? Jgħidulek li m’hemmx ħin għall-eżitazzjoni. Imxi u mexxi. Imma jien nitmexxa wkoll. Jien niċċaqlaq, naqa’, nitkaxkar ma’ kurrenti li mhux ġejjin minn ġo fija u li jeħduni lil hinn minni nnifsi. Kif tista’ tħoss jekk taħseb li kull moviment joriġina minnek? Kif tista’ tintlaqat u tiġi affettwat jekk kulma qed tagħmel qed tagħmlu bi pjan fiss, rett, iebes? Kif ħa tifhem lil min jogħtor għax il-piż fuq dahru qed iħossu tqil wisq? Kif se tirreaġixxi jekk, bla ma taf għalfejn, tħoss demgħa f’għajnejk? Jew jekk bla ma trid issib ruħek f’mument fejn tħoss is-suf fuq ġildtek iqum f’taħlita ta’ biża’, nostalġija, ħasda, senswalità, sbuħija, bard? Meta l-qalb titqawwa u tibbies, ma tħoss xejn. Imma meta l-ħitan tagħha jirtabu, xi ħaġa fiha tinħall, tibda ġġelben u jaqa’ l-qtar. Ilmijiet li ma jħallukx tinsa li xi mkien ġo fik hemm il-mewġ għaddej .

L-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin huwa maqlub għall-Malti minn Val V. Barbara (Provinċja Agostinjana, 1989). Fil-ħarġa numru 20 ta’ L-Aċċent, Ivan Said jitkellem dwar Val V. Barbara, traduttur prolifiku mhux biss ta’ Santu Wistin, li tiegħu qaleb ukoll Il-Belt ta’ Alla, imma wkoll tal-evanġelji, ta’ Shakespeare, ta’ Goldoni, u oħrajn. Ivan Said huwa wkoll l-editur, flimkien ma’ Jonathan Farrugia, tal-pubblikazzjoni iktar riċenti tal-ewwel tliet kotba tal-Istqarrijiet, traduzzjoni ta’ P. Ugolin Gatt u Karmenu Vassallo. Judith Butler ħarġu Precarious Life: The Powers of Mourning and Violence (Verso, 2004) bħala risposta għall-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 fi New York u l-gwerer li ġew wara fl-Afganistan u l-Iraq. Id-dettalji dwar l-isem tal-Ingieret ġejjin minn Place-Names of the Maltese Islands ca. 1300-1800 (Publishers Enterprises Group Ltd, 2000) ta’ Godfrey Wettinger. The Visible and the Invisible ta’ Maurice Merleau-Ponty (ed. Claude Lefort, tr. Alphonso Lingis) huwa pubblikazzjoni ta’ Northwestern University Press, 1968.

Dekorazzjoni art-nouveau