Morna lejn il-Marsa u hemmhekk beda l-inkwiet. Kellna l-pitrolju u ċ-ċraret qodma. Xi ħadd ġab miegħu serrieq tal-mastrudaxxa. Inżilna ċ-Ċimiterju tat-Torok, mhux ’il bogħod minn fejn kienu jgħixu xi tnejn jew tlieta minna. Konna nafu fejn kien hemm żewġ arbli tar-Rediffusion, kbar, tal-injam. Ridna naqtgħulhom il-wajers għax ma kinux riedu jxandru l-bulettini tal-union. Propaganda tal-Ingliżi biss riedu, il-ġurnata kollha. Għamilna toqba fl-arblu, xarrabna ċ-ċraret fil-pitrolju, u deffisniehom fit-toqba li konna taqqabna. Qabbadna ċ-ċraret b’sulfarina u rsaqna lura biex naraw l-arbli jinħarqu. Meta konna ċerti li kienu se jinħarqu sal-art, morna lura d-dar għax in-nisa kienu inkwetati u kienu qalulna biex ma nibqgħux barra tard, imma għall-inqas konna nafu li għamilna l-biċċa tagħna. Imbagħad waranofsinhar erġajna ħriġna. Konna xi mitt persuna, jew mitejn, tfajna l-ġebel fuq il-pulizija, u kissirna t-twieqi tal-karozzi li kienu fihom. Smajna li kienu sejrin lejn Blata l-Bajda, allura morn’hemm, ħdejn il-flats tal-Arċisqof, u xħin wasalna rajna li n-nies kienu qed jitfgħulhom il-ġebel lill-pulizija. Surġent ħareġ mill-karozza biex ineħħi l-ġebel li kien qed jimblokka t-triq u xi ħadd mir-Rerum Novarum Flats tefagħlu żewġt iqsari. Il-pulizija l-oħra kienu telgħin l-għolja biex jiċċirkundawna, allura qtajna qalbna u ħallejniehom jarrestawna. Tfajna landa petrol fuq il-gverta ta’ vapur imma ma ġara xejn.