Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt? #5

Maħmud

Karl Schembri

Maħmud, 16-il sena, minn Al Ħasaka, is-Sirja. Ibati mit-Talassemija. Ħarab waħdu għall-Kurdistan, l-Iraq fl-2013, wara li l-isptarijiet spiċċatilhom il-provvista tad-demm. Ittra ffirmata minn tabib Iraqi tgħid li Maħmud jeħtieġ trattament speċjali barra l-pajjiż u trapjant tal-mudullun.

Ma rridx ingerger,
iz-ziju jieħu ħsiebi qisni kont ibnu
u hawn m’hawnx ġlied,
nixtieq li kont aħjar
imma ma rridx neqred,
hawnhekk aħjar,
hawnhekk m’hawnx inkwiet,
imma għajjien
negħja malajr
nixtieq li kont aħjar
hawn kollox aħjar.

L-isptar, hemm inqatta’ ħafna minn ħini.
L-isptar — lura d-dar
ma kienx mill-agħar,
kellu d-demm u l-labar u s-sodod,
il-madum abjad u l-ħadid bis-sadid,
kienu jafuni u kont nafhom
l-infermiera, it-tobba, l-ispeċjalista,
dak li jiftaħ il-bieb,
dak li jtini l-larinġ magħsur tal-pakkett,
dik li tħossli l-polz u tfittixli l-vina
dejjem tfettet f’idi
waqt li b’idi l-oħra ħielsa nżomm il-ktieb tal-iskola
jew il-pakkett tal-larinġ il-magħsur
jew iċ-ċikkulata li tħallili ommi kull darba li niġi l-isptar
fil-but tal-ġakketta
u meta ninsieha ddub,
u għalhekk dejjem noħroġha l-ewwel ħaġa
malli dik li tħossli l-polz u tfittixli l-vina
tiġi tfettet f’idi.

Ma rridx ingerger,
hawn ħadd ma jiġi jfittxek 
jara intix taħrab mil-lieva,
hawn ħadd ma joqtlok ta’ xejn,
hawn kollox aħjar.

L-affarijiet inbidlu bil-mod.
L-ewwel il-qtugħ tad-dawl 
minn tliet sigħat, sa sitta, sa tnax
sa qtugħ totali.
Il-generator dejjem iżid il-krib
jitħarħar bħalna l-morda
sakemm imut ukoll.
Imbagħad l-ilma,
l-infermiera spiċċaw jaħslu jdejhom f’barmil,
imbagħad id-demm
spiċċa wkoll,
dawk il-martri kollha jnixxu d-demm fit-toroq
spiċċajt nieħdu dirett minn missieri
u minn zijuwi Khaled
u mill-kuġin Abbas
trasfużjoni diretta
sakemm il-bombi qerdu l-isptar
u l-oħrajn kollha ta’ madwarna
u ma fadal imkien ieħor fejn stajt inkompli ngħix.

Ġejt waħdi hawn għand iz-ziju,
qsamt ix-xmara u ħallejt kollox warajja
u minn dakinhar kuljum ngħid
li hawn kollox aħjar,
imma issa qed negħja
u naħseb għandek id-dettalji kollha
u l-ittra tat-tabib
u ħadtu r-ritratt
ma nixtieqx nitlaq minn hawn.

Aqra l-parti li jmiss:

Ibraħim

Sitt ikmamar kellna hawn, kont ngħix m’ibni hemmhekk fejn konna ninħaslu, hemm kien hemm il-fniek, hawn kont inżomm in-nagħaġ. Ġew bil-ġarrafa qalulna din art tal-gvern ma tistax tgħix hawn. Kif trid tgħix hawn? Mhux artna din? Ġejna hawn meta keċċewna min-naħa l-oħra, hemmhekk kellna l-bjar u l-għerien u l-ilqugħ fis-sajf u fix-xitwa u konna ngħixu tajjeb. Ġejna hawn meta keċċewna, la kien hawn ilma la fejn tistkenn, imma ġejna fejn trid tmur? U bdejna, ħaffirna l-bjar u bnejna u żrajna s-siġar u stajna ngħixu nixorbu mill-bjar. Imbagħad ġew hawn, qallbulna d-dar, kull lejl ma tafx x’ġejjin ifittxu, iqallbu l-kamra t’ibni, iqallbu tiegħi, ifittxu qalb il-fniek, ineżżgħuni fix-xita, jarmu l-ħwejjeġ u l-lożor fit-tajn f’nofs ta’ lejl biex ifittxu. Imbagħad reġgħu ġew hawn bil-gafef u bl-armi u bl-ittri u bl-ordni ġarrfulna d-dar, ma ġara xejn, bqajna hawn, il-bhejjem kellhom l-ilma u aħna norqdu magħhom. Imbagħad reġgħu ġew hawn xahar wara jkissru l-bjar fuq ordni li ngħatat. U kissru l-bjar. Għedtilhom: “Il-bir jixrob minnu t-tajr u jixrob minnu l-kelb u n-naħal, kull ħaġa ħajja tixrob minn dal-bir, għaliex trid tkissru?” Qaluli: “Din l-ordni. Se nkissru l-bjar u l-art maġenbhom u kull filata li tellajtu. Ma tistax tgħix hawn. Anki l-ħamiem u l-fniek għaddew minn fuqhom bil-gafef u l-ġarrafa, ta’ xejn għedtilhom ħaram għalikom tgħaffġuhom hekk ħajjin. Anki l-ħamiem u l-fniek li kienu jixorbu minn dal-bir għaddew minn fuqhom. “Hawnhekk ma tistax tgħix, qaluli. Bħal donnu nsew li lanqas huma ma jistgħu jgħixu fejn hemm l-iħirsa jterrqu għarwenin fix-xita, fejn siġar qodma mqaċċta għadhom jitniffsu taħt it-trab, fejn krib il-ħlejjaq mgħaffġa jwerżaq f’nofs ta’ lejl kuljum u fejn il-bjar imkissra saru jġorru fihom demm ibaqbaq. Issa taraw.

Dekorazzjoni art-nouveau