Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt? #4

Rula

Karl Schembri

Rula, ħames snin. Maqtula f’darha f’Gaża fis-16 ta’ Mejju 2021 f’attakk mill-ajru mill-militar Iżraeljan.

Ir-ritratt li qassmu tiegħi
ħaduli missieri fl-aħħar birthday
biċ-ċoff pjuttost goff
fuq xagħri miġbur taħt il-bend
u l-ġakketta roża.
Mhuwiex ir-ritratt favorit,
biex inkun għedtilkom kollox,
ma nafx għaliex missieri għandu tant bokka bih.
Anki fuq il-mobile tefgħu, fil-home screen,
ta’ xejn għedtlu li għandna ritratti aħjar.
U mbagħad kellu dak il-video
tiegħi niżfen quddiem it-televixin
waqt li naraw Arabs Got Talent
bit-tieqa miftuħa u l-qattus imgerrex fir-rokna
mill-għajjat u d-daħq u l-ferħ
u missieri u ommi jidħqu
u l-kuġini kollha ikbar minni
jinġabru madwari u jċapċpu
“kompli, Rula, kompli”
u jien nidħaq magħhom
niżfen u naqbeż
u issa ftit Dabka
sakemm isir il-ħin għall-irqad
u l-kuġini jaqsmu t-triq
Triq Al Waħda
taħt id-dawl isfar tal-bozoz f’lejl imdawwal, maħnuqa mill-generators f’lejl mudlam
u mmorru kollha norqdu.
Anki dak il-video qassam, 
erħilha li liebsa ta’ ġewwa,
kif mort norqod l-aħħar lejl.

Kont nippreferi kieku qassmu r-ritratt tiegħi
ma’ Yara, Ħala u Mira
qed naqsam il-kejk 
nidħqu 
insejt għaliex
imma qed nidħqu
u Mira għandha tikka ġelu fuq imneħirha
li ċappastilha jien.
Imma Yara, Ħala u Mira
tawhom ir-ritratti tagħhom
waħedhom
Yara ħelwa ħafna bin-nuċċali u l-uniformi tal-iskola
imma kien ikun isbaħ ir-ritratt tagħna f’daqqa
tal-aħħar birthday
meta dħaqna ħafna.

Kont qed noħlom meta waqgħet dalma
kont qed noħlom dak il-ħolm li qalulna npinġu dwaru
dak il-ħolm li jġegħelni negħreq fis-sodda
dak il-ħolm li jġib l-imħadda għasra
u xagħri u rasi u kollni kemm jien
bejn sħana taħraq u kesħa xxoqq l-għadam
bejn negħreq u nirtogħod
bejn mewt u ħajja
bejn dlam u aktar dlam
ġiet dalma ikbar
u storbju li ma jinstemax
silenzju li jtarrax.

U naf li hekk intemm il-ħmar il-lejl
u issa m’hemmx iżjed għalfejn 
inpinġi 
il-mostri bi snien kbar jonfħu n-nar
is-swaba’ u s-saqajn żgħar 
imxerrdin 
maġenb ballun tal-futbol ħdejn il-baħar,
l-ajruplani jniffdu l-bjut,
bastimenti jisparaw lejn ix-xatt
kostellazzjoni ta’ fosfru nieżel fuqna.

U naf ukoll 
li d-dlam mhux dejjem ibeżżagħni,
mhux dejjem se nibki fid-dlam,
ara, ma, m’iniex nibki,
ara kemm jien brava,
illum m’jien inħoss xejn.

Aqra l-parti li jmiss:

Maħmud

Ma rridx ingerger, iz-ziju jieħu ħsiebi qisni kont ibnu u hawn m’hawnx ġlied, nixtieq li kont aħjar imma ma rridx neqred, hawnhekk aħjar, hawnhekk m’hawnx inkwiet, imma għajjien negħja malajr nixtieq li kont aħjar hawn kollox aħjar. L-isptar, hemm inqatta’ ħafna minn ħini. L-isptar — lura d-dar ma kienx mill-agħar, kellu d-demm u l-labar u s-sodod, il-madum abjad u l-ħadid bis-sadid, kienu jafuni u kont nafhom l-infermiera, it-tobba, l-ispeċjalista, dak li jiftaħ il-bieb, dak li jtini l-larinġ magħsur tal-pakkett, dik li tħossli l-polz u tfittixli l-vina dejjem tfettet f’idi waqt li b’idi l-oħra ħielsa nżomm il-ktieb tal-iskola jew il-pakkett tal-larinġ il-magħsur jew iċ-ċikkulata li tħallili ommi kull darba li niġi l-isptar fil-but tal-ġakketta u meta ninsieha ddub, u għalhekk dejjem noħroġha l-ewwel ħaġa malli dik li tħossli l-polz u tfittixli l-vina tiġi tfettet f’idi. Ma rridx ingerger, hawn ħadd ma jiġi jfittxek jara intix taħrab mil-lieva, hawn ħadd ma joqtlok ta’ xejn, hawn kollox aħjar. L-affarijiet inbidlu bil-mod. L-ewwel il-qtugħ tad-dawl minn tliet sigħat, sa sitta, sa tnax sa qtugħ totali. Il-generator dejjem iżid il-krib jitħarħar bħalna l-morda sakemm imut ukoll. Imbagħad l-ilma, l-infermiera spiċċaw jaħslu jdejhom f’barmil, imbagħad id-demm spiċċa wkoll, dawk il-martri kollha jnixxu d-demm fit-toroq spiċċajt nieħdu dirett minn missieri u minn zijuwi Khaled u mill-kuġin Abbas trasfużjoni diretta sakemm il-bombi qerdu l-isptar u l-oħrajn kollha ta’ madwarna u ma fadal imkien ieħor fejn stajt inkompli ngħix. Ġejt waħdi hawn għand iz-ziju, qsamt ix-xmara u ħallejt kollox warajja u minn dakinhar kuljum ngħid li hawn kollox aħjar, imma issa qed negħja u naħseb għandek id-dettalji kollha u l-ittra tat-tabib u ħadtu r-ritratt ma nixtieqx nitlaq minn hawn.

Dekorazzjoni art-nouveau