Il-Kuxjenza fit-Truf

Joe Gatt

L-istorja li ssib fuq il-qoxra ta’ wara tar-rumanz La coscienza di Zeno hija magħrufa kważi iktar minn dik li hemm irrakkuntata ġewwa. Aron Hector Schmitz twieled Trieste fl-1861 meta l-belt kienet tagħmel parti mill-Imperu Awstro-Ungeriż. Sal-aħħar tas-seklu, Schmitz ħareġ żewġ rumanzi, it-tieni wieħed taħt il-psewdonimu Italo Svevo, isem li kien għażel wara li miet missieru biex jgħaqqad iż-żewġ identitajiet li kien iħoss li jappartjeni għalihom. Ma tantx għamlu ħoss dawn ir-rumanzi u, meta żżewweġ lil Livia Veneziani, daħal jaħdem fid-ditta tal-familja tagħha li kienet tipproduċi ż-żebgħa marittima. Baqa’ jikteb, imma bil-moħbi. Kien jivvjaġġa ta’ spiss fuq xogħol u qatta’ ħafna żmien l-Ingilterra u allura deherlu li għandu jitgħallem l-Ingliż sew. Fil-Berlitz School of Languages ta’ Trieste nzerta bħala għalliem lil James Joyce li, barra li għallmu l-Ingliż, ħeġġu biex jikteb rumanz ieħor. Svevo kiteb l-istorja ta’ Zeno Cosini, raġel borgeż, mhu tajjeb għal xejn għax imfissed bil-flus tal-familja, u ffissat li l-vizzju tiegħu tas-sigaretti huwa marda. Marda mhux partikolarment fis-sens li t-tipjip jagħmillu l-ħsara, imma fis-sens li huwa difett tal-karattru, nuqqas psikoloġiku profond. Cosini ffissat fin-nisa, għalkemm ma tantx jinqala’ magħhom. Għajjur għal kull raġel li jara, li mal-ewwel daqqa t’għajn jammirah imma fl-istess ħin jobogħdu; imbagħad meta jsir jafu xi ftit kważi jagħmlu alla tiegħu. Fin-negozju ma jifhimx, għax m’għandux bżonn ikun jifhem: id-ditta li ħallielu missieru jmexxiha Olivi, raġel kapaċi li jagħmillu kollox. Cosini ma jaħmlux għax jgħid li kieku ma kienx għalih kien ikun jinqala’ għan-negozju, imma Olivi ma jħallih jagħmel xejn.

Svevo ppubblika La coscienza di Zeno spejjeż tiegħu fl-1 ta’ Mejju 1923. Għal darba oħra, il-ktieb ma ġablu kważi ebda rikonoxximent għall-ewwel, imma Joyce u Svevo kienu baqgħu ħbieb u sentejn wara l-pubblikazzjoni Joyce rrakkomanda l-ktieb lil xi kritiċi f’Pariġi. Dak iż-żmien Joyce kien fl-eqqel tal-fama tiegħu, ftit snin biss wara li ħareġ Ulysses, u r-rakkomandazzjoni tiegħu kienet tfisser ħafna. Min-naħa Taljana, Eugenio Montale, li kellu interess kbir fl-użu tal-psikoanaliżi fir-rumanz, kien wieħed minn tal-ewwel li ħadu interess. Svevo ma damx wisq igawdi r-rikonoxximent li fl-aħħar kien beda jikseb għax tliet snin wara kien f’karozza mal-familja meta ħabtu. Għall-ewwel kien qisu ma ġralu xejn, imma l-għada miet.

Bħalma żgur skoprew ħafna qabli, meta tkun qed tittraduċi mit-Taljan, il-Malti li qed taħdem bih ma tħossux uniformi. Fih ħafna li hu lixx u duttili, imma fih ukoll l-għoqiedi u l-ingroppi. Fil-Malti hemm ħafna Taljan li jgħaddi mingħajr ma tagħti kasu; imbagħad hemm it-Taljan tal-avukati. Filli tiskrupla għax tħossok m’int qed tagħmel xejn ħlief tbiddel ftit l-ortografija — “jien navvanza t-tali ipoteżi biex nispjega d-debbolezza ġovanili tiegħi, imma mingħajr konvinzjoni deċiża” — filli ttik rasek għax tinduna li qed tinstema’ iktar Taljan mit-test oriġinali.

It-Taljan ta’ Svevo forsi mhux eżatt tal-avukati; imma waħda mir-raġunijiet li għalihom ma ntlaqax sew fl-Italja La coscienza di Zeno kienet li l-lingwa tiegħu ma kinitx dik li l-kritiċi kienu mdorrija jaqraw f’xogħlijiet letterarji. Montale kien ferm iktar ġeneruż u qal li kienet appuntu din il-lingwa “ordinarja” u tal-kummerċjanti li kienet tressaq lill-awtur qrib il-persunaġġi tiegħu.

Minkejja l-isem li kien għażel bħala psewdonimu, it-Taljan kien ilsien pjuttost barrani għal Ettore Schmitz. Id-dar kien jitħaddet bid-“djalett” Triestin, u bħala lingwa professjonali kien juża l-Ġermaniż. Għalkemm ħafna fi Trieste kienu jħarsu lejn l-Italja bħala d-dar kulturali tagħhom, Trieste kienet baqgħet f’idejn l-Imperu Awstro-Ungeriż waqt li l-bqija tal-Italja ngħaqdet taħt ir-Renju ta’ Savoia, proprju fl-istess sena li twieled Schmitz. Trieste kienet port importanti għall-Imperu, fejn razez u kulturi differenti kienu jgħixu relattivament fil-paċi. Kien post fejn in-nies setgħu jġibu ideat ġodda magħhom — bħal, ngħidu aħna, il-psikoanaliżi li jiddiletta biha Zeno Cosini — u jsibu ’l min jieħu interess. Għal Schmitz, il-ħerqa għall-kultura Taljana ma kinitx, bħalma kienet għal ħafna li nqabdu fid-dagħdigħa tar-Risorgimento, għajn ta’ inkwiet u lealtajiet imfarrdin imma ambizzjoni konxja u xenqa kważi sentimentali. Bejn l-1880 u l-1885 intefa’ l-Biblioteca Civica di Trieste jaqra l-kotba letterarji bit-Taljan. Kittieba oħra Triestini ta’ żmienu, bħal Scipio Slataper u Umberto Saba, kienu jmorru Firenze għal speċi ta’ apprendistat filoloġiku u letterarju fit-Taljan. Svevo, għalkemm kien ġej minn familja tat-tajjeb, kellu jaħdem biex jaqla’ x’jiekol u wara li missieru bagħtu jitgħallem il-Ġermaniż, sab impjieg f’bank fejn baqa’ sakemm iżżewweġ.

Ir-relazzjoni ta’ Svevo u l-persunaġġi tiegħu mat-Taljan ma kinitx wisq ’il bogħod minn dik li kienet ta’ Maltin tal-istess żmien, u tal-istess klassi borgeża. Malta, bħal Trieste, kienet iktar minn darba ġiet fil-mira tal-irredentisti Taljani: żewġ “gżejjer” miżmumin bil-ħakma tal-ikbar żewġ imperi ta’ dak iż-żmien milli jwettqu d-destin tagħhom u jingħaqdu ma’ ħuthom Taljani.

Fl-1880, Fortunato Mizzi waqqaf f’Malta l-Partito Anti-Reformista. Ir-riforma li Mizzi u sħabu kienu kontriha, f’dal-każ, kienet dik li Sir Patrick Keenan, l-espert fl-edukazzjoni tal-lingwi li kienu qabbdu l-Ingliżi, kien issuġġerixxa fir-rapport tiegħu — li fl-iskejjel għandhom jiġu mgħallmin biss il-Malti u l-Ingliż. Għal bosta snin wara l-ewwel tletin sena tagħhom f’Malta, l-Ingliżi kienu qatgħu qalbhom li jimponu l-lingwa tagħhom fuq il-livelli kollha tas-soċjetà, speċjalment fuq il-klassijiet professjonali, bħalma kienu ilhom li qatgħu qalbhom milli jevanġelizzaw il-Protestantiżmu Anglikan tagħhom. Din il-“Kwistjoni tal-Lingwa” kellha tibqa’ tkarkar sakemm it-Taljani tefgħu l-ewwel bomba fuq Malta sittin sena wara u l-biċċa nqatgħet f’salt, darba għal dejjem.

Fi żmien ir-rapport ta’ Keenan, l-Ingliż kien qisu sab spinta ġdida fil-proġett imperjalista. F’dawk l-istess snin, tfal tal-iskola f’Wales ma kellhomx jitħallew jitkellmu l-Welsh u Keenan innifsu kien għamel rapport simili dwar l-Ingliż u l-Gaelic fl-Irlanda. Hemmhekk kien qal li l-Irlandiżi, wara kollox, riedu huma stess jitgħallmu l-Ingliż għax jagħrfu li “l-ġid, barra l-ilbies fin, għandu wkoll il-lingwa partikolari tiegħu”. Fl-Indja, wara l-Irvell tal-1857, veru li l-Ingliżi ma baqgħux jevanġelizzaw l-Anglikaniżmu, imma, minflok, bdew jużaw il-lingwa nnifisha, u l-letteratura li tmur magħha. L-ilsien Ingliż kien sar ir-reliġjon ċiviku tal-Imperu.

Imma lingwi li barra minn pajjiżhom kienu jidhru bħal swar eterni, f’darhom stess kellhom huma wkoll jissieltu mal-fdalijiet tal-istorja u l-preġudizzji li ħallew warajhom renji u imperi terġa’ eqdem minn dawk li huma kienu jirrappreżentaw. Il-mod kif kienet tissejjaħ “il-Kwistjoni tal-Lingwa” f’Malta kien eku ta’ “La questione della lingua” li fl-Italja kienet bdiet fil-bidu nett tas-seklu tlettax meta Dante Alighieri kiteb De vulgari eloquentia — li fih ipprova jsib lingwa ordinarja li tiflaħ iġġorr tagħbija poetika — u damet sejra sa ma Alessandro Manzoni ħareġ it-tieni edizzjoni ta’ I Promessi Sposi fl-1842. Manzoni, li kien jitkellem sew il-Latin, il-Franċiż u d-djalett Milaniż, kien gerger li t-Taljan kien jeżisti biss bħala lingwa mejta, lingwa tal-poeżija li ħadd ma kien jitkellem ta’ kuljum. Fil-lingwa, għal Manzoni, jew kollox jew xejn. Lingwa jew tista’ tagħmel kollox biha, jew mhix vera lingwa. Wara li ħareġ l-ewwel edizzjoni tar-rumanz tiegħu bit-Toskan, qatta’ ħmistax-il sena jġannat flimkien Taljan ġdid magħmul prinċipalment mid-djalett iktar speċifiku u kolt ta’ Firenze. F’dan ix-xogħol Manzoni qagħad ħafna fuq li qaltlu l-governanti tat-tfal tiegħu, Emilia Luti, li għalih kienet saret qisha oraklu, kif kienu qalu wħud li ma kinux qablu ma’ ċerti deċiżjonijiet lingwistiċi li kien ħa. Fl-1861, meta l-Italja saret pajjiż wieħed, in-numru ta’ nies li kienu fil-fatt jitkellmu Taljan li seta’ jinftiehem fil-pajjiż kollu kien żgħir ħafna, forsi ftit iktar minn tnejn fil-mija.

F’dan l-istess żmien l-Ingliż, f’daru stess, kien għadu qed jissielet mal-Latin u l-Grieg biex jittieħed bis-serjetà bħala suġġett akkademiku. Kien hemm min jgħid, bla dubju b’nofs serjetà, li l-argument tkun tista’ tagħmlu aħjar jekk jirnexxilek tpinġi l-Ingliż bħala lingwa mejta. Sar suġġett Oxford biss fl-1880, l-istess sena li Svevo ntefa’ jaqra bit-Taljan u Fortunato Mizzi waqqaf il-partit tiegħu.

Bħal ħafna nies ta’ madwar il-ġenerazzjoni tiegħi, jien naf it-Taljan mhux partikolarment għax tgħallimtu l-iskola — għalkemm l-iskola tgħallimtu sew — imma għax meta kont tfal l-iktar li konna naraw kien televixin bit-Taljan. Kien hemm ħafna programmi Taljani stess, naturalment, imma kien hemm ukoll ħafna programmi Ingliżi, u speċjalment Amerikani u Ġappuniżi. Din kienet dinja fejn detectives ġo San Francisco, il-korpi tas-salvataġġ fuq ir-ramliet tal-Hawaii u robots twal għaxar sulari f’Tokyo tal-futur kollha kienu jitkellmu bid-djalett ċar u b’vokali miftuħin li s-Sinjorina Luti kien għoġobha tgħarraf lil Manzoni li kien aċċettabbli fis-salotti tan-nies puliti ta’ Firenze fil-bidu tas-seklu dsatax.

Għalkemm fuq it-televixin kulħadd kien donnu qed jitkellem bit-Taljan, kollha fil-fatt kellhom il-lingwa tagħhom. Kont tara ħalqhom jiċċaqlaq mod ieħor qisu jrid jgħid tiegħu. Bħalma Renzo u Lucia kellhom id-djalett ta’ Lecco, bħalma Zeno Cosini u martu u ħutha u Olivi kellhom it-Triestin, kollha kellhom ilsien ieħor li kienu jisimgħu huma biss, u fl-istess ħin kellhom dan it-Taljan standard — it-Toskan, kif isejjaħlu Cosini — imqiegħed fuq xufftejhom.

Zeno Cosini jagħmel kollox nofs qalb. Imur ix-xogħol nofs qalb, jiżżewweġ nofs qalb, jaqlibha lill-mara nofs qalb. L-uniku suġġett li verament jinteressah huwa hu stess, il-marda tiegħu. It-tabib li kellem qallu biex jikteb dak kollu li għandu xi jgħid; bħall-psikoanalisti ta’ żmienu kellu fidi kważi għamja fil-kliem. Din wara kollox kienet l-innovazzjoni l-kbira ta’ Sigmund Freud. Li jekk il-pazjent jitħalla jitkellem liberament, f’atmosfera ta’ rilassament, jiftaħ qalbu daqslikieku kien ipnotizzat.

Imma Cosini, jekk ma jaf xejn, jaf li l-affarijiet mhumiex daqshekk sempliċi. Jissuspetta li hu stess huwa narratur li mhux ta’ min joqgħod fuqu għax jaf li l-kliem mhuwiex xi ħaġa li tista’ taqbad u tieħdu kif inhu. It-tabib ma jifhimx, jgħid Cosini lejn l-aħħar tal-ktieb, “ma studjax ħlief mediċina u għalhekk jinjora xi jfisser li tikteb bit-Taljan għalina li nitkellmu, u ma nafux niktbu, id-djalett. Qrara bil-miktub dejjem gidba. B’kull kelma Toskana tagħna aħna nigdbu! Kieku kien jaf kemm nirrakkuntaw bil-qalb l-affarijiet kollha li għalihom għandna frażi lesta u kif nevitaw dawk li jġegħluna nirrikorru għad-dizzjunarju! Dan huwa eżattament kif nagħżlu minn ħajjitna l-episodji li niktbu dwarhom. Nafu li ħajjitna jkollha aspett kompletament differenti li kieku ngħiduha bid-djalett tagħna.

Għal Zeno Cosini, il-kwistjoni tal-lingwa żgur għadha ma nqatgħetx. Għat-tabib tiegħu, u għal Freud li ftit jiem qabel ħareġ ir-rumanz ta’ Svevo kien ħareġ Das Ich und Das Es, il-psike umana tinħeba qalb it-taqtigħa bejn il-partijiet differenti tal-persuna u l-istinti li jiġbdu lejhom. Imma Cosini jaf ukoll x’kapaċi jaħbi minnu nnifsu fit-tinjiet tal-lingwi tiegħu .

Maltese and Other Languages: A Linguistic History of Malta ta’ Joseph M. Brincat (Midsea Books, 2021) jagħti l-istorja tal-Malti mill-bidu nett. The Malta Language Question: A Case Study in Cultural Imperialism ta’ Geoffrey Hull (Said International, 1993) daqsxejn kaotiku imma dettaljat ħafna u anki Brincat jużah biex jgħid l-istorja tiegħu. Tullio de Mauro, fil-ktieb tiegħu Storia linguistica dell’Italia unita 2011 (Einaudi, 1963) kien qal li meta l-Italja ngħaqdet, 2.5% biss tan-nies fit-territorju issa Taljan kienu fil-fatt jitkellmu lingwa li tinftiehem lil hinn mir-reġjun tagħhom, u madwar 10% kienu jifhmuha. Anki min ma jaqbilx ma’ dawn il-figuri, jagħti figuri baxxi ħafna. La coscienza di Zeno huwa disponibbli f’ħafna edizzjonijiet. L-edizzjoni ta’ Einaudi (2019) fiha esej tajjeb ħafna tal-editur, Mario Lavagetto.

Dekorazzjoni art-nouveau